Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005H0108

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l- 4 ta' Frar 2005 dwar investigazzjoni iktar fil-fond dwar il-livelli ta' l-idrokarboni poliċikliċi aromatiċi f'ċertu ikel (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 256) Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 34, 8.2.2005, p. 43–45 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 69–71 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2005/108/oj

    18.10.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    69


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' l-4 ta' Frar 2005

    dwar investigazzjoni iktar fil-fond dwar il-livelli ta' l-idrokarboni poliċikliċi aromatiċi f'ċertu ikel

    (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 256)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (2005/108/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 211 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru […] 2004 jistabbilixxi il-livelli massimi għall-idrokarboni poliċikliċi aromatiċi (PAH), speċifikament il-benzo(a)pyrene, f'ċertu ikel. Minħabba li baqgħu xi inċertezzi dwar il-livelli ta' l-idrokarboni poliċikliċi aromatiċi PAH fl-ikel ir-Regolament jipprevedi reviżjoni tal-miżuri sal-1 ta' April 2007. Huwa meħtieġ tagħrif biex tiġi infurmata dik ir-reviżjoni.

    (2)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, fl-opinjoni tiegħu ta' l-4 ta' Diċembru 2002 ikkonkluda li hemm numru ta' idrokarboni poliċikliċi aromatiċi (PAH), li huma karċinoġeni ġenotossiċi. Minħabba l-effetti non-threshold tas-sustanzi ġenotossiċi, il-livelli tal-PAH fl-ikel għandhom jitnaqqsu għall-iktar livell baxx li jista' jinkiseb. Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, ikkonkluda li l-benzo(a)pyrene jista' jintuża bħala indikatur għall-inċidenza u l-effett tal-PAH karċinoġeniċi fl-ikel, kif elenkat fl-Anness. Analiżi iktar fil-fond, tal-proporzjonijiet relattivi ta' dawn il-PAH fl-ikel huma meħtieġa biex jipprovdu tagħrif għal xi reviżjoni fil-ġejjieni dwar jekk huwiex tajjeb li jinżamm il-benzo(a)pyrene bħala indikatur. Hemm disponibbli metodi biex jiġu ttestjati il-PAH multipli.

    (3)

    Il-PAH jistgħu jiġu ffurmati fl-ikel waqt il-proċessi tas-sħana, tat-tnixxif u ta' l-iffumikar li jħallu li l-prodotti ta' kombustjoni jiġu f'kuntatt dirett ma' l-affarijiet ta' l-ikel. Fejn jiġu identifikati livelli għolja tal-PAH fl-ikel, għandhom jiġu investigati il-metodi tal-produzzjoni u ta' l-ipproċessar. Per eżempju, proċessi ta' tnixxif bin-nar u tas-sħana diretti li jintużaw waqt il-produzzjoni taż-żejt ta' l-ikel, bħal per eżempju l-aħħar għasra taż-żejt taż-żebbuġa, jista' jirriżulta fl-livelli għolja ta' PAH. Il-karbonju attiv jista' jintuża biex ineħħi l-benzo(a)pyrene waqt ir-raffinar taż-żjut, iżda mhux ċar kemm il-proċessi ta' raffinar huma effettivi fit-tneħħija tal-PAH kollha. Għandhom jintużaw dawk il-metodi ta' produzzjoni u ipproċessar li ma jħallux li ssir il-kontaminazzjoni inizjali taż-żjut mhux raffinati mal-PAH.

    B'DAN TIRRAKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

    1.

    Jinvestigaw il-livelli rispettivi tal-benzo(a)pyrene u idrokarboni poliċikliċi aromatiċi (PAH), oħra b'mod partikolari, dawk li sar emfasi fuqhom li huma karċinoġeniċi mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, kif elenkati fl-Anness (1). Jivvalutaw il-proporzjonijiet relattivi ta' dawn il-PAH fl-ikel elenkati fir-Regolament (KE) Nru 208/2004. Jinvestigaw ukoll il-livelli tal-PAH f'ikel ieħor li jista' jkollu livelli għolja ta' PAH, bħall-frott niexef u is-supplimenti ta'l-ikel. Il-livell ta' kull PAH karċinoġeniku mkejjel f'kampjuni individwali ta' ikel speċifiku għandu jiġi rrapportat. Per eżempju, għandhom jingħataw il-livelli tal-PAH rispettivi mkejla f'kull wieħed mill-kampjuni ta' l-aħħar għasra taż-żejt taż-żebbuġa jew taż-żejt tal-ġirasol jew tal-ħut affumikat (bl-isem ta' l-ispeċi) jew tal-perżut affumikat eċċ. Id-data mhux ipproċessata għandha tiġi miġbura u ppreżentata mill-Kummissjoni. Jikkomunikaw ir-riżultati ta' l-investigazzjonijiet lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2006, biex tingħata informazzjoni għar-reviżjoni tal-livelli massimi u ta' kemm hu xieraq li l-benzo(a)pyrene jibqa' jinżamm bħala indikatur, sa' l-1 ta' April 2007.

    2.

    Jinvestigaw il-metodi tal-produzzjoni u ta' l-ipproċessar wżati għaż-żjut u x-xaħmijiet ta' l-ikel. Meta jiġu prodotti iż-żjut u x-xaħmijiet ta' l-ikel b'metodi li jistgħu jikkawżaw livelli għolja ta' kontaminazzjoni tal-PAH fiż-żejt mhux raffinat jew fix-xaħam, bħal proċessi ta' tnixxif bin-nar u tas-sħana diretti, jinvestigaw mal-produtturi metodi oħra jew l-aħjar metodi li jnaqqsu dawn il-livelli. Jirrapportaw lil Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2006 dwar ir-riżultati u l-progress dwar kif jiġi evitat l-użu tal-metodu li jistgħu jikkawżaw kontaminazzjoni.

    3.

    Jinvestigaw il-metodi tal-produzzjoni u ta' l-ipproċessar użati meta l-ikel jiġi ffumikat jew imnixxef. Fejn il-metodi użati jistgħu jikkawżaw livelli għolja ta' kontaminazzjoni tal-PAH, jinvestigaw mal-produtturi metodi oħra jew l-aħjar metodi li jnaqqsu dawn il-livelli. Jirrapportaw lil Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2006 ir-riżultati u l-progress dwar kif jiġi evitat l-użu tal-metodu li jistgħu jikkawżaw kontaminazzjoni.

    4.

    Jinvestigaw il-preżenza u l-prevenzjoni tal-PAH fil-butir tal-kakaw u jirapportaw ir-riżultati lill-Kummissjoni sal-31 ta'Ottubru 2006. Tinħtieġ informazzjoni dwar il-livelli tal-benzo(a)pyrene u ta' PAH oħra fil-butir tal-kakaw, dwar l-egħjun ta' din il-kontaminazzjoni possibbli u dwar kif inhu possibbli li titnaqqas din il-kontaminazzjoni. Din l-informazzjoni se tiġi użata biex tagħti tagħrif għal reviżjoni tad-deroga għall-butir tal-kakaw bħalissa elenkata fir-Regolament (KE) Nru. 208/2004.

    5.

    Tipprovdi informazzjoni minn xi investigazzjonijiet oħra dwar l-egħjun ambjentali tal-kontaminazzjoni tal-PAH fl-ikel.

    Magħmula fi Brussell, fl-4 ta' Frar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Informazzjoni ġdida dwar il-PAH minbarra dawk li għamlu enfasi fuqhom il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tkun milqugħa wkoll fejn din hija disponibbli u jekk hija implikata s-saħħa pubblika.


    ANNESS

    L-idrokarboni poliċikliċi aromatiċi (PAH), b'mod partikolari, dawk li sar emfasi fuqhom minħabba li huma karċinoġeniċi mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, (1), li jeħtieġu investigazzjoni iktar fil-fond dwar il-livelli relattivi f'ċertu ikel:

     

    benz(a)anthracene

     

    benzo(b)fluoranthene

     

    benzo(j)fluoranthene

     

    benzo(k)fluoranthene

     

    benzo(g,h,i)perylene

     

    benzo(a)pyrene

     

    chrysene

     

    cyclopenta(c,d)pyrene

     

    dibenz(a,h)anthracene

     

    dibenzo(a,e)pyrene

     

    dibenzo(a,h)pyrene

     

    dibenzo(a,i)pyrene

     

    dibenzo(a,l)pyrene

     

    indeno(1,2,3-cd)pyrene

     

    5-methylchrysene


    Top