Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0734

    2005/734/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjru ta' l-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni b'riskju partikolari (innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4163) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105–107 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 472–474 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/02/2017; Imħassar b' 32017D0263

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/734/oj

    12.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    472


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-19 ta’ Ottubru 2005

    li tistabbilixxi miżuri ta' bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjru ta' l-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta' ditezzjoni minn kmieni f'żoni b'riskju partikolari

    (innotifikata taħt dokument numru C(2005) 4163)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (2005/734/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-għan li jinkiseb is-suq intern (1), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-miżuri previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/40/KEE tad-19 ta’ Mejju 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur (2), għandhom jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali u għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur tat-tjur ta' l-irziezet.

    (2)

    Wara t-tifqigħat ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza, li bdew fix-Xlokk ta' l-Ażja f'Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat diversi Deċiżjonijiet għall-prevenzjoni ta' l-introduzzjoni ta' din il-marda fil-Komunità mill-pajjiżi terzi affettwati minnha. Dawk id-Deċiżjonijiet ipprevedew il-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet ta' tjur ta' l-irziezet, għasafar oħra ħajjin, laħam tat-tjur ta' l-irziezet u ċerti prodotti oħra ta' oriġini mit-tjur, laħam ta' tjur li jiġu kkaċċati, kemm selvaġġi, kif ukoll jekk imrobbija, u partijiet minn għasafar li ġew ikkaċċjati, bajd u prodotti tal-bajd lejn il-Komunità mill-pajjiżi kkonċernati, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet limitati.

    (3)

    Il-miżuri stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004 tas-16 ta' April 2004 li jistabbilixxi l-miżuri fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum personali (3), japplikaw biċ-ċar għal-laħam u prodotti tal-laħam ta' għasafar li jiġu kkaċċjati, kemm jekk selvaġġi, kif ukoll jekk imrobbija mill-bniedem.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004 jirrikjedi li l-Istati Membri kollha jiġbdu l-attenzjoni tal-passiġġieri kollha lejn dawn ir-regoli fil-punti ddeżinjati kollha tad-dħul fl-UE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni titwassal partikolarment għand dawk il-passiġġieri li jaslu minn pajjiżi affettwati mill-influwenza tat-tjur. L-informazzjoni għandha tintwera permezz ta' avviżi prominenti mqiegħda f'postijiet li jidhru faċilment. Operaturi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-passiġġieri kollha li jġorru lejn il-Komunità għall-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali għall-importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali.

    (5)

    Fir-rigward tar-riskju li s-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza jista' wkoll jinfirex minħabba għasafar selvaġġi, u b'mod partikolari għasafar migratorji, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjonijiet 2005/ /KE (4), 2005/ /KE (5), 2005/ /KE (6) li jipprevedu sorveljanza addizzjonali għall-influwenza tat-tjur fi tjur domestiċi u għasafar selvaġġi.

    (6)

    Rekwiżiti ġenerali għaż-żamma ta' livell għoli ta' tħejjija għall-mard u partikolarment għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' superviżjoni veterinarja u ta' bijosigurtà huma stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, notevolment id-Direttivi 90/425/KEE u 92/40/KEE.

    (7)

    Influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza dan l-aħħar ġiet ikkonfermata fit-Turkija. Xhieda ċirkostanzjali u dejta ta' epidemjoloġija molekolari jissuġġerixxi bis-saħħa li l-virus ta' l-influwenza tat-tjur infirex lejn dan il-pajjiż mill-Ażja permezz ta' għasafar migratorji.

    (8)

    L-influwenza tat-tjur ġiet ikkonfermata wkoll fir-Rumanija f'farm domestiku tat-tjur f'żona b'densità għolja ta' għasafar migratorji.

    (9)

    Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja li hu kkawżat mill-introduzzjoni tas-sottotip H5N1 tal-virus A ta' l-Influwenza fi stabbilimenti tat-tjur ta' l-irziezet u postijiet oħra fejn jinżammu maqbuda l-għasafar, minn għasafar selvaġġi, huwa xieraq li l-miżuri Komunitarji diġà fis-seħħ kontra dak ir-riskju jissaħħu.

    (10)

    Il-miżuri ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju, u m'għandhomx ikunu limitati għal azzjonijiet ta' terminu qasir bħalma huma dawk implimentati fi ħdan il-qafas tal-pjanijiet Nazzjonali ta' Kontinġenza kontra l-Influwenza tat-Tjur jew il-Marda ta' Newcastle, fil-każ li sseħħ tifqigħa.

    (11)

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sal-5 ta' Novembru 2005 bil-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba ta' din id-Deċiżjoni. Dawk il-miżuri u, jekk ikun jixraq, din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti fil-Kumitat Pemanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali fil-laqgħa tiegħu skedata għall-10 u l-11 ta' Novembru 2005.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Miżuri ta' bijosigurtà

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u prattikabbli sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mill-virus A ta' l-influwenza, sottotip H5N1 (minn issa 'l quddiem “l-influwenza tat-tjur”) minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn imrobbija mill-bniedem, filwaqt li jqisu l-kriterji u l-fatturi ta' riskju stipulati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

    2.   Skond is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, il-miżuri tal-paragrafu 1 għandhom ikunu diretti partikolarment lejn:

    a)

    il-prevenzjoni ta' kuntatt dirett u indirett bejn għasafar selvaġġi li jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom, u partikolarment tjur ta' l-ilma, minn naħa, u tjur ta' l-irziezet, u għasafar oħra, partikolarment papri u wiżż min-naħa l-oħra,

    b)

    l-assigurazzjoni li papri u wiżż domestiċi jiġu separati minn tjur oħra ta' l-irziezet.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jsiru kontrolli fuq stabbilimenti tat-tjur ta' l-irziezet fir-rigward tas-saħħa ta' l-annimali, dawn għandhom jitwettqu b'tali mod li tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Sistemi ta' ditezzjoni minn kmieni

    1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistemi ta' ditezzjoni minn kmieni fiż-żoni tat-territorju tagħhom li identifikaw bħala ta' riskju partikolari għall-introduzzjoni ta' l-influwenza tat-tjur, filwaqt li jitqiesu l-kriterji stipulati fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

    2.   Is-sistemi ta' ditezzjoni minn kmieni għandhom ikunu mmirati lejn ir-rappurtar malajr ta' kull sinjal ta' influwenza tat-tjur fit-tjur ta' l-irziezet u għasafar miżmuma mill-bniedem mis-sidien jew min irabbihom lill-awtorità veterinarja kompetenti.

    3.   F'dan il-kuntest partikolarment, il-kriterji stabbiliti fl-Anness II għandhom jitqiesu.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex tinġieb f'konformità ma’ din id-Deċiżjoni u għandhom minnufih javżaw pubblikament u b'mod xieraq il-miżuri adottati. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Jannar 2006.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, nhar id-19 ta’ Otturbu 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

    (2)  ĠU L 167, 22.6.1992, p. 1. Direttiva kif ġiet emendata l-aħħar bl-Att ta’ l-Adeżjoni 2003.

    (3)  ĠU L 122, 26.4.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 93.

    (5)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 95.

    (6)  ĠU L 273, 19.10.2005, p. 21.


    ANNESS I

    Kriteji u fatturi ta' riskju li għandhom jitqiesu fl-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti FL-Artikolu 1 fuq stabbilimenti individwali tat-tjur ta' l-irziezet

    PARTI 1

    Fatturi ta' riskju għall-introduzzjoni tal-virus fit-tjur ta' l-irziezet

    Jekk l-istabbiliment jinsab fuq ir-rotot migratorji ta' l-għasafar, partikolarment jekk dawn jipproċedu mill-Ażja ċentrali jew tal-lvant, iż-żoni tal-Baħar Kaspju jew tal-Baħar l-Iswed;

    Id-distanza ta' l-istabbiliment minn artijiet mistagħdra, għadajjar, paludi, lagi jew xmajjar fejn jistgħu jinġabru t-tjur migratorji ta' l-ilma;

    Jekk l-istabbilimenti tat-tjur ta' l-irziezet jinsabu f'żoni b'densità għolja ta' għasafar migratorji, partikolarment tjur ta' l-ilma;

    Tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħra mrobbija li jinżammu fi stabbilimenti mikxufa, jew f'kull post ieħor fejn huwa impossibbli li ma jitħallewx jagħmlu kuntatt ma' għasafar selvaġġi, tjur ta' l-irziezet, jew għasafar imrobbija oħra;

    PARTI II

    Fatturi ta' riskju addizzjonali għall-frix tal-virus fl-istabbiliment innifsu jew minn stabbiliment għall-ieħor

    Jekk l-istabbiliment tat-tjur ta' l-irziezet jinsab f'żoni b'densità għolja ta' stabbilimenti tat-tjur ta' l-irziezet;

    L-intensità ta' movimenti ta' tjur ta' l-irziezet u għasafar oħra mrobbija, vetturi u persuni, ġewwa u minn stabbilimenti u ta' kuntatti diretti jew indiretti oħra bejn stabbiliment u ieħor.


    ANNESS II

    Kriterji li għandhom jitqiesu għall-stabbilimenti kummerċjali tat-tjur ta' l-irziezet fl-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 2

    Tnaqqis fil-konsum ta’ l-ikel u l-ilma ogħla minn 20 %,

    Tnaqqis fil-produzzjoni tal-bajd li hi ogħla minn 5 % għal aktar minn jumejn,

    Rata ta' mwiet ta' aktar minn 3 % fil-ġimgħa,

    Kwalunkwe sinjal kliniku jew leżjoni post-mortem li tissuġġerixxi l-influwenza tat-tjur.


    Top