Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2051

    Regolament tal-kunsill (KE) Nru 2051/2004 tal- 25 ta' Ottubru 2004 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 337/75 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali

    ĠU L 355, 1.12.2004, p. 1–3 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 194–196 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/02/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0128

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2051/oj

    7.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    194


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2051/2004

    tal-25 ta' Ottubru 2004

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 337/75 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 ta' l-10 ta' Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (3) jinkludi disposizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni taċ-Ċentru, u b'mod partikolari l-Bord ta' Tmexxija tiegħu. Dawk id-disposizzjonijiet ġew emendati diversi drabi wara kull adeżjoni ta' Stati Membri ġodda, meta membri ġodda kellhom jiġu miżjuda mal-Bord ta' Tmexxija.

    (2)

    Fl-2001 saret valutazzjoni esterna taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (minn issa 'l quddiem “iċ-Ċentru”). It-tweġiba tal-Kummissjoni u l-Pjan ta' Azzjoni stabbilit mill-Bord ta' Tmexxija abbażi ta' dik it-tweġiba jenfasizzaw il-bżonn li jiġu adattati d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 sabiex tinżamm l-effiċjenza u l-effettivita taċ-Ċentru u ta' l-istrutturi amministrattivi tiegħu.

    (3)

    Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-kompożizzjoni u l-metodi ta' ħidma tal-bordijiet ta' l-aġenziji u biex tissuġġerixxi proposti xierqa.

    (4)

    Ġiet preżentata Opinjoni Konġunta lill-Kummissjoni, dwar id-direzzjoni u l-funzjonament fil-ġejjieni tal-Bordijiet ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, taċ-Ċentru u tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, mill-Bordijiet ta' tmexxija jew amministrattivi rispettivi tagħhom.

    (5)

    Id-direzzjoni tripartitika ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, taċ-Ċentru u tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol minn rappreżentanti ta' gvernijiet, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, huwa fundamentali għas-suċċess ta' dawk il-korpi.

    (6)

    Il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fid-direzzjoni ta' dawk it-tliet korpi Komunitarji toħloq speċifiċità, li titlob minnhom li jiffunzjonaw skond regoli komuni.

    (7)

    Fil-Bord tripartitiku, irriżultat essenzjali l-eżistenza tat-tliet gruppi meħuda mill-gvern, minn fost dawk li jħaddmu u minn fost l-impjegati u l-ħatra ta' koordinatur tal-gruppi ta' min iħaddem u ta' l-impjegati. Dan l-arranġament għandu għalhekk jiġi formalizzat kif ukoll estiż għall-grupp tal-gvern.

    (8)

    Iż-żamma tar-rappreżentanza tripartitika minn kull Stat Membru tiżgura li dawk kollha li huma l-iżjed interessati jkunu involuti u li jittieħed kont tad-diversità tas-sistemi u ta' l-approċċi li jikkaratterizzaw kwistjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali.

    (9)

    Jeħtieġ li jiġu antiċipati l-konsegwenzi prattiċi għaċ-Ċentru tat-tkabbir ta' l-Unjoni fil-ġejjieni qrib. Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Bord tiegħu għandhom jiġu aġġustati biex jittieħed kont ta' l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda.

    (10)

    Jeħtieġ li jiġi msaħħaħ il-Bureau, previst fir-Regoli ta' Proċedura tal-Bord ta' Tmexxija, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-funzjonament taċ-Ċentru u l-effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Il-kompożizzjoni tal-Bureau għandha tkompli tirrifletti l-istruttura tripartitika tal-Bord.

    (11)

    Skond l-Artikolu 3 tat-Trattat, il-Komunità għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha. Huwa għalhekk xieraq li jsiru disposizzjonijiet biex tiġi mħeġġa rappreżentanza bilanċjata ta' nisa u rġiel fil-kompożizzjoni tal-Bord Governattiv u tal-Bureau.

    (12)

    Ir-Regolament (KEE) Nu 337/75 għandu, għalhekk, jiġi emendat skond dan.

    (13)

    It-Trattat ma jipprovdix għal setgħat, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, għajr dawk taħt l-Artikolu 308,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) 337/75 qiegħed hawn jiġi emendat kif ġej:

    1)

    Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    “2.   Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, iċ-Ċentru għandu jistabbilixxi kuntatti xierqa, b'mod partikolari ma' korpi speċjalizzati, kemm jekk pubbliċi jew privati, nazzjonali jew internazzjonali, ma' awtoritajiet pubbliċi u istituzzjonijiet edukattivi u ma' organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem. B'mod partikolari, iċ-Ċentru għandu jiżgura koperazzjoni xierqa mal-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ, mingħajr preġudizzju għall-għanijiet tiegħu stess.”;

    2)

    L-Artikolu 4 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

    “Artikolu 4

    1.   Iċ-Ċentru għandu jkun kompost minn:

    (a)

    Bord Governattiv;

    (b)

    Bureau;

    (ċ)

    Direttur.

    2.   Il-Bord Governattiv għandu jkun jikkonsisti minn:

    (a)

    membru wieħed li jirrappreżenta l-Gvern minn kull Stat Membru;

    (b)

    membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem minn kull Stat Membru;

    (ċ)

    membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta' l-impjegati minn kull Stat Membru;

    (d)

    tliet membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni.

    Il-membri msemmija fil-punti (a), (b) u (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill abbażi ta' listi ta' kandidati preżentati mill-Istati Membri, mill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u mill-organizzazzjonijiet ta' l-impjegati.

    Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri li għandhom jirrappreżentawha.

    Il-lista ta' membri tal-Bord Governattiv għandha tiġi pubblikata mill-Kunsill fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u fuq is-sit ta' l-Internet taċ-Ċentru.

    3.   Il-mandat tal-membri għandu jkun ta' tliet snin. Għandu jkun jista' jiġi mġedded. Meta jiskadi l-mandat tagħhom jew fl-eventwalità tar-riżenja tagħhom il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-ħatriet tagħhom jiġu mġedda jew sakemm jiġu mibdula.

    4.   Il-Bord Governattiv għandu jaħtar il-president tiegħu u tliet viċi presidenti, minn fost it-tliet gruppi msemmija fil-paragrafu 5 u l-Kummissjoni, biex iservu għal perijodu ta' sentejn li jistgħu jiġu mġedda.

    5.   Fil-Bord Governattiv, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-impjegati u ta' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem għandhom jiffurmaw grupp kull wieħed. Kull grupp għandu jaħtar koordinatur. Il-koordinaturi tal-gruppi ta' l-impjegati u ta' min iħaddem għandhom ikunu rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-livell Ewropew u jattendu l-laqgħat tal-Bord mingħajr id-dritt tal-vot.

    6.   Il-president għandu jsejjaħ il-Bord Governattiv darba fis-sena. Il-president għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq it-talba ta' mill-inqas terz tal-membri tal-Bord Governattiv.

    7.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv għandhom jittieħdu b'maġġoranza assoluta tal- membri tiegħu.

    8.   Il-Bord Governattiv għandu jistabbilixxi Bureau. Il-Bureau għandu jkun magħmul mill-president u t-tliet viċi presidenti tal-Bord Governattiv, koordinatur wieħed għal kull grupp imsemmi fil-paragrafu 5 u rappreżentant wieħed ieħor tas-servizzi tal-Kummissjoni.

    9.   L-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Bord Governattiv għandhom jippruvaw, kull wieħed skond is-setgħat tiegħu, li jiżguraw rappreżentazzjoni bilanċjata ta' nisa u rġiel fil-kandidaturi u fil-ħatriet imsemmija fil-paragrafu 2, fl-elezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 u fil-ħatriet imsemmija fil-paragrafu 8.

    10.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8, il-Bureau għandu, kif delegat mill-Bord Governattiv, jissorvelja l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-amministrazzjoni taċ-Ċentru bejn il-laqgħat tal-Bord Governattiv, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 11(1).

    11.   L-iskeda annwali ta' laqgħat tal-Bureau għandha tiġi deċiża mill-Bord Governattiv. Il-president għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali tal-Bureau fuq talba tal-membri tiegħu.

    12.   Id-deċiżjonijiet tal-Bureau għandhom jittieħdu b'kunsens. Jekk ma jista' jintlaħaq l-ebda kunsens, il-Bureau għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Bord Governattiv għal deċiżjoni”;

    3)

    Fl-Artikolu 7, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

    “1.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni taċ-Ċentru u għandu jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv u tal-Bureau. Hu għandu jkun ir-rappreżentant legali taċ-Ċentru.

    2.   Hu għandu jipprepara u jorganizza x-xogħol tal-Bord Governattiv u tal-Bureau u jipprovdi s-segretarjat għal-laqgħat tagħhom.”;

    4)

    Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b' dan li ġej:

    “1.   Abbażi ta' abbozz preżentat mid-direttur, il-Bord Governattiv għandu jadotta l-prijoritajiet tal-perijodu medju u l-programm annwali ta' ħidma bi ftehim mas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-programm għandu jieħu kont tal-ħtiġijiet ta' prijorità indikati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.”;

    5)

    Kull darba li t-terminu “Bord ta' Tmexxija” jidher fl-artikoli, jiġi mibdul minn “Bord Governattiv”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, nhar il-25 ta' Ottubru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. VERDONK


    (1)  Opinjoni mogħtija fil-31.3.2004.

    (2)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 53.

    (3)  ĠU L 39 tat-13.02.1975, p. 1 Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1655/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 41).


    Top