Vyberte pokusně zaváděné prvky, které byste chtěli vyzkoušet

Tento dokument je výňatkem z internetových stránek EUR-Lex

Dokument 32003R1228

    Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku(Test b'rilevanza għall-ŻEE)

    ĠU L 176, 15.7.2003, s. 1—10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
    Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Kapitolu 12 Volum 002 P. 175 - 184

    Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Právní stav dokumentu Již není platné, Datum konce platnosti: 02/03/2011; Imħassar b' 32009R0714

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1228/oj

    32003R1228



    Official Journal L 176 , 15/07/2003 P. 0001 - 0010


    Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-parlament ewropew u tal-kunsill

    tas-26 ta' Ġunju 2003

    dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku [1]

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [2],

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Waqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

    Billi:

    (1) Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku [5] ikkostitwiet pass importanti lejn il-kompetizzjoni tas-suq intern fl-elettriku.

    (2) Fil-laqgħa tiegħu f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew sejjaћ biex jibda xogħol mgħaġġel biex jinkiseb is-suq intern fis-setturi kemm ta' l-elettriku u tal-gass u biex titħaffef il-kisba tal-liberalizzazzjoni f'dawn is-setturi bil-għan li jibda jaћdem għal kollox is-suq intern f'dawn l-oqsma.

    (3) Il-ħolqien ta' suq intern veru fl-elettriku għandu jiġi inkoraġġit permezz ta' l-intensifikazzjoni tal-kummerċ fl-elettriku, li fil-preżent huwa komparattivament sottożviluppat meta mqabbel ma' setturi oħra ta' l-ekonomija.

    (4) Regoli gusti, trasparenti u direttament applikabbli, u li jirriflettu l-ispiża involuta, u li jieħdu in konsiderazzjoni kif jipparagunaw bejniethom operaturi efficjenti ta' networks minn oqsma strutturalment paragunabbli u li jissupplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 96/92/KE, għandhom jiddaħħlu fejn jirrelataw ma' l-istrutturazzjoni ta' tariffi applikabbli fuq il-fruntieri u l-allokazzjoni ta' facilitajiet disponibbli ta' konnessjoni, sabiex ikun assigurat l-access għas-sistemi ta' trasmissjoni għall-għanjiet ta' operazzjonijiet li jaqsmu l-fruntieri.

    (5) Fil-Konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill ta' l-Enerġija tat-30 ta' Mejju 2000 stieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet u l-amministrazzjonijiet regolaturi nazzjonali biex jassiguraw l-implimentazzjoni f'waqtha ta' miżuri li jiġġestixxu l-konġestjoni u, b'kordinazzjoni ma' l-Operaturi tas-Sistema Ewropea ta' Trasmissjoni (ETSO), id-dħul mħaffef ta' sistema qawwija ta' tariffi għal medda ta' żmien aktar fit-tul li tipprovdi għal sinjali xierqa ta' allokazzjoni tan-nefqa lil parteċipanti fis-suq.

    (6) Il-Parlament Ewropew, fir-Reżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2000 dwar it-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar il-liberalizzazzjoni tas-swieq enerġetiċi, esiġa kondizzjonijiet għall-użu ta' networks fl-Istati Membri li ma jfixklux il-kummerċ fl-elettriku li jaqsam il-fruntieri u talab lill-Kummissjoni tissottometti proposti speċifiċi maћsuba biex jissuperaw l-ostakoli eżistenti għall- kummerċ fi ћdan il-Komunità.

    (7) Huwa importanti li pajjiżi terzi li jifformaw parti mis-sistema Ewropea ta' l-elettriku jħarsu r-regoli li jkunu jinsabu f'dan ir-Regolament u l-linji li għandhom jiġu adottati taħt dan ir-Regolament sabiex jittejjeb il-funzjonament effettiv tas-suq intern.

    (8) Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar l-istruttura ta' tariffi u l-allokazzjoni ta' kapaċità, waqt li jipprovdi għal adozzjoni ta' linji ta' gwida li jelenkaw prinċipji u metodoloġiji oħrajn relevanti, sabiex ikunu jistgħu jsiru adattamenti mgħaġġla għal ċirkostanzi li jkunu nbiddlu.

    (9) F'suq miftuħ u kompetittiv, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom ikunu kompensati għall-ispejjeż imġarrba b'konsegwenza li jћallu jgħaddu fuq in-networks tagħhom fornituri ta' l-elettriku li jaqsamu l-fruntieri minn operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni li minn għandhom il-kurrent elettriku jaqsam il-fruntiera u s-sistemi fejn jasal il-kurrent.

    (10) Il-ħlasijiet li jkunu daħlu u ħarġu bħala rikompens bejn operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jitqiesu meta t-tariffi tan-networks nazzjonali jkunu qegħdin jiġu stabbiliti.

    (11) L-ammont paġabbli għal aċċess minn naħa l-oħra tal-fruntiera jista' jvarja konsiderevolment, skond l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni involut u minħabba differenzi fl-istruttura tat-tariffi applikati fl-Istati Membri. Ċertu element ta' armonizzazzjoni huwa għalhekk meħtieġ biex ikun evitat ix-xkiel fil-kummerċ.

    (12) Sistema adattata ta' sinjali ta' lokalità għal medda twila ta' żmien tkun meħtieġa, ibbażata fuq il-prinċipju ta' distinzjoni tal-piżijiet imposti għal ammisjoni fin-networks għandhom jirriflettu l-bilanċ bejn il-ġenerazzjoni u l-konsum tar-reġjun ikkonċernat, fuq il-bażi ta' distinzjoni tal-piżijiet għal aċċess għan-networks fuq il-prodotti u/jew il-konsumaturi.

    (13) Ma jkunx xieraq li jiġu applikati tariffi skond id-distanza, jew, sakemm sinjali ta' lokalità xierqa jkunu jitħaddmu, tariffa speċifika li titħallsa biss mill-esportaturi jew importaturi minbarra l-ispiża ġenerali għall-aċċess għan-network nazzjonali.

    (14) Il-prekondizzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern hija li jkun hemm piżijiet trasparenti u mhux diskriminatorji għal użu ta' networks, fosthom il-linji li jikkonnettjaw is-sistema ta' trasmissjoni. Il-kapaċitajiet disponibbli ta' dawn il-linji għandhom ikunu stabbiliti fl-ogħla livelli li jippermettu standards ta' sigurtà tat-tħaddim tan-network bla periklu.

    (15) Huwa importanti li jkun evitat ix-xkiel fil-kompetizzjoni li tirriżulta minn standards differenti ta' sigurtà, pjan operazzjonali u ta' ippjanar użati minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni fl-Istati Membri. Barra dan, għandu jkun hemm trasparenza għall-parteċipanti fis-suq dwar il-kapaċitajiet disponibbli għat-trasferiment u l-i standards ta' sigurtà, ta' l-ippjanar u operazzjonali, li jaffettwaw il-kapaċitajiet disponibbli biex jgħaddu l-enerġija.

    (16) Għandu jkun hemm regoli dwar l-użu ta' l-introjti li jidħlu permezz tal-proċeduri għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni, kemm-il darba n-natura speċifika ta' l-impjant li jipprovdi l-interkonnessjoni tiġġustifika eżenzjoni minn dawn ir-regoli.

    (17) Għandu jkun possibbli li wieħed jegħleb problemi ta' konġestjoni b'modi differenti sakemm il-metodi użati jipprovdu sinjali ekonomiċi korretti lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u parteċipanti fis-suq u jkunu bbażati fuq mekkaniżmi tas-suq.

    (18) Biex jiġi assigurat il-funzjonament xieraq tas-suq, għandhom jitlestew disposizzjonijiet għal proċeduri li jippermettu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet u linji ta' gwida ta' kif għandhom isiru, fost affarijiet oħra, ir-regoli ta' kif isiru t-tariffi u l-allokazzjonijiet ta' kapaċità mill-Kummissjoni waqt li jkun assigurat l-involviment ta' l-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri f'dan il-proċess, fejn f'waqtu, permezz ta' l-assoċjazzjoni tagħhom Ewropea. Awtoritajiet Regolatorji, flimkien ma' awtoritajiet oħrajn fl-Istati Membri, għandhom rwol importanti biex jgħinu biex ikun hemm funzjonament xieraq tas-suq intern fl-elettriku.

    (19) L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu mistennija jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Din l-informazzjoni għandha tkun ittrattata konfidenzjalment mill-Kummissjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha jkollha opportunità titlob biex tingħata informazzjoni rilevanti direttament mill-impriża kkonċernata, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu mgħarrfa.

    (20) L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw il-konformità mar-regoli li jkunu jinsabu f'dan ir-Regolament u l-linji ta' gwida adottati fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament.

    (21) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penalitajiet applikabbli fi ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jassiguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (22) Minħabba li l-għan ta' l-azzjonijiet proposti, jiġifieri d-disposizzjonijiet ta' struttura armonizzata għal skambji ta' l-elettriku li jaqsmu l-fruntieri, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effett ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan.

    (23) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri ta' kif għandhom ikunu eserċitati s-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6],

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-għan

    Dan ir-Regolament jipprova jistabbilixxi regoli imparzjali għall-iskambji ta' l-elettriku lil hinn mill-fruntieri, u b'hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern ta' l-elettriku, waqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq nazzjonali u reġjonali. Din tkun tinvolvi t-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' kumpens għal fornitura ta' l-elettriku li taqsam il-fruntieri u t-twaqqif ta' prinċipji armonizzati fuq il-piżijiet fuq it-trasmissjoni li taqsam il-fruntieri u l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet disponibbli ta' konnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1. Għall-għan ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li jkunu jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku u li jirrevoka d-Direttiva 96/92/KE [7] għandhom jgħoddu bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni ta' "interkonnettur" li għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

    "interkonnettur" tfisser linja ta' trasmissjoni li taqsam jew tilħaq it-tul kollu tal-fruntiera bejn Stati Membri u li tgħaqqad is-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni ta' l-Istati Membri;.

    2. Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    "awtoritajiet regolatorji" tfisser l-awtoritajiet regolatorji li kien hemm referenza għalihom fl-Artikolu 23(1) tad-Diretiva 2003/54/KE;

    "fluss li jaqsam il-fruntiera" tfisser trasmissjoni fiżika ta' l-elettriku fuq networks ta' trasmissjoni ta' Stat Membru li tirriżulta mill-impatt ta' attività ta' prodotti jew konsumaturi barra minn dak l-Istat Membru fuq in-networks tiegħu ta' trasmissjoni. Jekk networks ta' trasmissjoni ta' żewġ Stati Membri jew iżjed jifformaw parti, sħaħ jew biċċa minn blokk ta' kontroll uniku, għall-iskop tal-mekkaniżmu ta' kumpens ta' l-operatur ta' inter-trasmissjoni (TSO) li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3, il-blokk ta' kontroll sħiħ għandu jkun ikkunsidrat li jifforma parti min-network ta' trasmissjoni ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, sabiex jiġu evitati fornituri fil-blokki milli jkunu kkunsidrati bħala fornituri li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri u li jagħtu lok għall-għoti ta' ħlas ta' kumpens taħt l-Artikolu 3. L-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu liema wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu jkun dak li tiegħu l-blokk kollu ta' kontroll għandu jkun ikkunsidrat li jappartjeni għalih;

    "konġestjoni" tfisser sitwazzjoni fejn networks nazzjonali ta' trasmissjoni li jkunu mqabbda ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-kurrent kollu li jirriżulta minn kummerċ internazzjonali mitlub minn parteċipanti fis-suq, minħabba nuqqas fil-kapaċità ta' l-interkonnetturi u/jew tas-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni kkonċernati;

    "esportazzjoni ddikjarata" ta' l-elettriku tfisser it-trasmissjoni ta' l-elettriku fi Stat Membru fuq il-bażi ta' arranġament kuntrattwali ta' appalti li jesiġi li l-konsum simultanju ("importazzjoni ddikjarata") ta' l-elettriku ser issir fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz;

    "transitu ddikjarat" ta' l-elettriku jfisser ċirkustanza fejn "esportazzjoni ddikjarata" ta' l-elettriku ssir u fejn il-linja proposta għall-operazzjoni tinvolvi xi pajjiż li fih la t-tramissjoni minn fejn titlaq u lanqas it-twassil simultanju korrispondenti ta' l-elettriku ma jseħħu;

    "importazzjoni ddikjarata" ta' l-elettriku tfisser it-teħid ta' l-elettriku fi Stat Membru jew pajjiż terz flimkien mat-trasmissjoni ta' l-elettriku ("esportazzjoni ddikjarata") fi Stat Membru ieħor;

    "interkonnettur ġdid" ifisser xi interkonnettur li ma jkunx tlesta sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' inter-trasmissjoni

    1. Operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jirċevu kumpens għall-ispejjeż li jkun ġarbu minħabba li jkunu tħallew jgħaddu minn-networks tagħhom fornituri ta' l-elettriku li jaqsmu l-fruntiera.

    2. Il-kumpens li jirreferi għalih il-paragrafu 1 għandu jitħallas mill-operaturi tas-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni li minnu joriġinaw il-flussi li jaqsmu l-fruntiera u tas-sistemi fejn jispiċċaw l-flussi.

    3. Ħlasijiet ta' kumpens għandhom isiru fuq bażi regolari ta' perjodu regolari għaż-żmien li jkun għadda. Aġġustamenti ta' kumpens mħallas li jsiru wara għandhom isiru fejn jeħtieġ biex jikkorrispondu ma' spejjeż attwalment mġarrba.

    L-ewwel perjodu ta' żmien li għalih ħlasijiet ta' kumpens għandhom isiru għandhom ikunu determinati fil-linji ta' gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 8.

    4. Waqt li taġixxi skond il-proċedura li issir referenza għaliha fl-Artikolu 13(2), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammonti ta' kumpens li għandhom jitħallsu.

    5. Id-dimensjoni ta' flussi li jaqsmu l-fruntieri milqugħa u d-dimensjoni ta' flussi li jaqsmu l-fruntiera u determinati li jkunu joriġinaw u/jew jaslu f'sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-flussi attwalment meqjusa f'perjodu partikolari ta' żmien.

    6. L-ispejjeż minfuqa fuq iż-żamma tal-flussi li jaqsmu l-fruntiera għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi ta' l-ispejjeż mistennijin li jiżdiedu għal tul ta' żmien li ġej, meta wieħed jikkunsidra t-telf, l-investiment f'infrastruttura ġdida, u l-proporzjon xieraq tan-nefqa fuq l-infrastruttura eżistenti, sa fejn l-infrastruttura tkun użata għat-trasmissjoni ta' fluss li jaqsam il-fruntieri, partikolarment billi tkun ikkunsidrata l-ħtieġa li tkun iggarantita s-sigurtà tal-provvista. Meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti l-ispejjeż minfuqa, metodoloġiji rikonoxxuti ta' kif wieħed jistima l-ispejjeż għandhom jintużaw. Benefiċċji li network igawdi meta jżomm flussi li jaqsmu l-fruntieri għandhom ikunu kkunsidrati biex jitnaqqas il-kumpens li wieħed għandu jirċevi.

    Artikolu 4

    Piżijiet għal aċċess man-networks

    1. Piżijiet applikati minn operaturi tan-networks għal aċċess għan-networks għandhom ikunu trasparenti, waqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà tan-network u jirriflettu spejjeż attwalment minfuqa meta jistgħu jitqabblu ma' dawk ta' operatur ta' network effiċjenti u strutturalment paragunabbli u applikati b'mod mhux diskriminatorju. Dawk il-piżijiet ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza.

    2. Jista' jiġi impost piż għal produtturi u l-konsumaturi għall-aċċess man-networks. Il-proporzjon ta' l-ammont totali tal-piżijiet tan-networks mħallsa mill-produtturi għandhom, bla ħsara għall-ħtieġa li jkunu pprovduti sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, ikun aktar baxx mill-proporzjon mħallas mill-konsumaturi. Fejn jixraq, il-livell ta' tariffi applikati lill-produtturi u/jew lill-konsumaturi għandu jipprovdi sinjali tal-lokalità f'livell Ewropew, u jqis l-ammont ta' telf tan-networks u l-konġestjoni kkawżata, u kemm jiswew l-investimenti fl-infrastruttura. Din ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jipprovdu sinjali tal-lokalità fit-territorju tagħhom jew milli japplikaw mekkaniżmi biex jassiguraw illi l-piżijiet għall-aċċess għan-networks li jkunu imposti fuq il-konsumaturi jkunu uniformi fit-territorju kollu tagħhom.

    3. Meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti l-piżijiet għal aċċess għan-networks dawn li ġejjin għandhom jitqiesu:

    - ħlas u dħul li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta' kumpens tas-sistema ta' trasmissjoni bejn in-networks;

    - ħlasijiet li attwalment ħarġu jew daħlu kif ukoll ħlasijiet mistennija għal perjodi fil-ġejjieni, stmati fuq il-bażi ta' perjodi passati.

    4. Bil-kondizzjoni li sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità jkunu jitħaddmu, skond il-paragrafu 2, piżijiet għal aċċess għan-networks li japplikaw għal produtturi u konsumaturi għandhom ikunu applikati mingħajr distinzjoni bejn il-pajjiżi destinatarji jew ta' oriġini, rispettivament ta' l-elettriku, kif speċifikat fl-arranġament kummerċjali li huwa bażi ta' dan. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal piżijiet fuq esportazzjoni ddikjarata u importazzjoni ddikjarata li jirriżultaw mill-immaniġġjar tal-konġestjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 6.

    5. Ma għandu jkun hemm l-ebda piż speċifiku fuq operazzjonijiet individwali għal transitu ddikjarat ta' l-elettriku.

    Artikolu 5

    Disposizzjoni ta' informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta' interkonnessjoni

    1. Operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' kordinazzjoni u informazzjoni biex jassiguraw is-sigurtà tan-networks ta' l-Istat fil-kuntest ta' l-immaniġġjar tal-konġestjoni.

    2. L-i standards ta' sigurtà, ta' operazzjoni u ppjanar użati mill-operaturi tas-sistema pubblika ta' trasmissjoni għandhom ikunu ppubblikati. L-informazzjoni ppublikata għandha tinkludi skema ġenerali għall-kalkolazzjoni tal-kapaċità totali ta' trasferiment u l-marġni tal-kredibilità tat-trasmissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi elettriċi u fiżiċi tan-networks. Tali skemi għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet regulaturi.

    3. Operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw stimi tal-kapaċità disponibbli ta' trasmissjoni għal kull jum, waqt li tkun indikata kull kapaċità ta' trasmissjoni diġà riservata. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom isiru bi frekwenza speċifikata qabel il-jum tat-trasport u għandhom jinkludu, f'kull każ, stimi tal-ġimgħa li jmiss u x-xahar li jmiss, kif ukoll indikazzjoni kwantitattiva ta' l-affidabbiltà tal-kapaċità disponibbli.

    Artikolu 6

    Prinċipji ġenerali ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni

    1. Problemi dwar il-konġestjoni tan-networks għandhom ikunu ttrattati b'soluzzjonijiet mhux diskriminatorji mqiegħda fis-suq li jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti fis-suq u lill-operaturi involuti ta' sistemi ta' trasmissjoni. Problemi dwar il-konġestjoni tan-networks għandhom preferibbilment ikunu solvuti b'metodi mhux ibbażati fuq negozju jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla bejn kuntratti ta' parteċipanti individwali fis-suq.

    2. Proċeduri li jillimitaw il-proċeduri għandhom jintużaw biss f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fejn l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni huwa obbligat li jaġixxi bil-ħeffa u wieħed ma' jistax jerġa' jibgħat jew ipartat. Kull proċedura bħal din għandha tkun applikata b'mod mhux diskriminatorju.

    Ħlief f'każi ta' forża maġġuri, parteċipanti fis-suq li jkunu allokati kapaċità għandhom ikunu kkumpensati għal kull tnaqqis.

    3. Il-kapaċità massima ta' l-interkonnessjonijiet u/jew tan-networks ta' trasmissjoni li jaffettwaw flussi li jaqsmu l-fruntieri għandhom ikunu magħmula għall-parteċipanti fis-suq, u jikkonformaw ma' l-i standards ta' sigurtà ta' operaturi ta' networks bla periklu.

    4. Parteċipanti fis-suq għandhom jinformaw lill-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni kkonċernati fi żmien ragonevoli qabel il-perjodu tal-pjan operazzjonali rilevanti jekk humiex bil-ħsieb li jużaw il-kapaċità allokata. Kull kapaċità li ma tkunx ser tintuża għandha titqassam mod ieħor fis-suq, f'mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.

    5. Operatur ta' sistema ta' trasmissjoni għandu, sa fejn ikun teknikament possibbli, jinnettja l-ħtiġijiet ta' kapaċità ta' trasmissjoni ta' enerġija fiż-żewġ direzzjonijiet fuq il-linja ta' inter-konnessjoni li jkollha konġestjoni sabiex juża din il-linja sal-kapaċità massima tagħha. Waqt li tingħata importanza sħiħa lis-sigurtà tan-networks, operazzjonijiet li jtaffu l-konġestjoni ma għandhom qatt ikunu miċħuda.

    6. Kull introjtu li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' inter-konnessjoni għandu jkun użat għal wieħed jew iżjed mill-għanjiet li ġejjin:

    (a) biex jiġġarantixxi d-disponibbiltà attwali tal-kapaċità allokata;

    (b) il-manteniment ta' investimenti fin-networks u t-tkabbir ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni;

    (ċ) bħala dħul li għandu jkun ikkalkulat mill-awtoritajiet regolaturi meta jkunu qegħdin japprovaw il-metodoloġija biex jiġu kkalkulati t-tariffi tan-networks, u/jew meta jkunu qegħdin jiġġudikaw jekk it-tariffi għandhomx ikunu modifikati.

    Artikolu 7

    Interkonnetturi ġodda

    1. Interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett jistgħu, fuq talba, ikunu eżentati mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(6) ta' dan ir-Regolament u l-Artikoli 20 u 23(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2003/54/KE taħt il-kondizzjoniet li ġejjin:

    (a) l-investiment għandu jkabbar il-kompetizzjoni fil-provvista ta' l-elettriku;

    (b) il-livell ta' riskju assoċjat ma' l-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

    (ċ) l-interkonnettur għandu jkun propjetà ta' persuna naturali jew legali li hija separata għallinqas fil-forma legali tagħha mill-operaturi tas-sistema li fiha l-interkonnetturi jkunu ser jinbnew;

    (d) piżijiet huma imposti fuq utenti ta' dak l-interkonnettur;

    (e) minħabba il-ftuħ partzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE, l-ebda parti mill-ispejjeż kapitali jew operazzjonali ta' l-interkonnettur ma kienu rkuprati minn xi komponent ta' piżijiet imposti għall-użu ta' sistemi ta' trasmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati ma' l-interkonnettur;

    (f) l-eżenzjoni m'hijiex għad-detriment tal-kompetizzjoni jew il-funzjonament effettiv tas-suq intern ta' l-elettriku, jew il-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

    2. Il-paragrafu 1 għandu jgħodd ukoll, f'każi eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta' kurrent li jalterna, sakemm l-ispejjeż u r-riskji ta' l-investiment partikolari huma partikolarment għoljin meta mqabbla ma' l-ispejjeż u riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu mqabbda żewġ sistemi nazzjonali ġara ta' trasmissjoni minn interkonnettur ta' kurrent li jalterna.

    3. Il-paragrafu 1 għandu jgħodd ukoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta' interkonnetturi eżistenti.

    4. (a) L-awtorità regolatorja tista', fuq bażi ta' każ b'każ, tiddeċiedi fuq l-eżenzjoni li hemm referenzi għaliha fil-paragrafi 1 u 2. Iżda, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet regolatorji għandhom jissottomettu, għal deċiżjoni formali, lill-korp rilevanti fl-Istat Membru l-opinjoni tagħhom dwar it-talba għal eżenzjoni. Din l-opinjoni għandha tkun ippubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

    (b) (i) L-eżenzjoni tista' tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha ta' l-interkonnettur il-ġdid, jew l-interkonnettur eżistenti b'kapaċità miżjuda b'mod sinifikanti.

    (ii) Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni biex tingħata eżenzjoni, għandha tiġi kkonsidrata, fuq bażi ta' każ b'każ, il-ħtieġa li jkunu imposti kondizzjonijiet dwar kemm għandhom idumu l-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur.

    (iii) Meta jkunu qegħdin jiġu deċiżi l-kondizzjonijiet f'(i) u (ii) għandha titqies, partikolarment, il-kapaċità addizzjonali li għandha tinbena, iż-żmien mistenni li għandu jieħu l-proġett u ċ-ċirkustanzi nazzjonali.

    (ċ) Meta tkun qiegħda tagħti eżenzjoni, l-awtorità rilevanti tista' tapprova jew tiffissa r-regoli u/jew il-mekkaniżmi dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità.

    (d) Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, inklużi xi kondizzjonijiet li hemm referenza għalihom f'(b), għandhom ikunu raġonati kif xieraq u ppubblikati.

    (e) Kull deċiżjoni dwar eżenzjoni għandha tittieħed wara konsultazzjoni ma' Stati Membri oħra jew awtoritajiet regolatorji kkonċernati.

    5. Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni għandha tkun innotifikata mingħajr telf ta' żmien mill-awtorità lokali kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien ma' l-informazzjoni kollha rilevanti għad-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista' tkun mogħtija lill-Kummissjoni f'forma globali, b'mod li tgħin lill-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni mibnija fuq sisien sodi.

    Partikolarment, l-informazzjoni għandha jkollha:

    - ir-raġunijiet dettaljati li fuq il-bażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, ikunu taw l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

    - l-analiżi miksuba fuq l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-iffunzjonar effettiv tas-suq intern fl-elettriku li jirriżulta mill-għotja ta' l-eżenzjoni;

    - ir-raġuni għall-perjodu ta' żmien u l-proporzjon tal-kapaċità totali ta' l-interkonnettur partikolari li għalih l-eżenzjoni tingħata;

    - ir-riżultat tal-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati;

    Fi żmien xahrejn li tkun rċeviet notifika, il-Kummissjoni tista' titlob li l-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru kkonċernat jemenda jew jirtira d-deċiżjoni biex tingħata eżenzjoni. Il-perjodu ta' xahrejn jista' jittawwal b'xahar ieħor meta informazzjoni addizzjonali hija mitluba mill-Kummissjoni.

    Jekk l-awtorità regolatorja jew l-Istat Membru kkonċernat ma jilqgħax it-talba f'perjodu ta' erba' ġimgħat, għanda tittieħed deċiżjoni finali skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 13(3).

    Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-konfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

    Artikolu 8

    Linji ta' gwida

    1. Meta xieraq, il-Kummissjoni għandha, waqt li taġixxi skond il-proċedura li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 13(2), tadotta u tamenda linji ta' gwida dwar il-materja mdaħħla fil-lista taħt il-paragrafi 2 u 3 u li għandhom x'jaqsmu mal-mekkaniżmu ta' kumpens lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, skond il-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 3 u 4. Meta tkun qiegħda tadotta dawn il-linji ta' gwida għall-ewwel darba l-Kummissjoni għandha tassiġura li huma jkopru f'abbozz ta' miżura waħdanija għallinqas il-materja li jkun hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2(a) u (d), u l-paragrafu 3.

    2. Il-linji ta' gwida għandhom jispeċifikaw:

    (a) dettalji tal-proċedura biex tistabbilixxi liema operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni huma soġġetti għal ħlas ta' kumpens għal fornimenti li jaqsmu l-fruntieri fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw flussi li jaqsmu l-fruntieri u s-sistemi fejn il-flussi jaslu, skond l-Artikolu 3(2);

    (b) dettalji tal-proċedura ta' ħlas li għandhom ikunu obduti, inkluża d-determinazzjoni ta' l-ewwel perjodu ta' żmien li għalih jkollu jitħallas kumpens skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(3);

    (ċ) dettalji ta' metodoloġiji biex jistabbilixxu l-flussi li jaqsmu l-fruntieri miżmuma li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 3, f'termini kemm ta' kwantità u ta' tipi ta' flussi, u d-deskrizzjoni tal-kobor ta' dawn il-flussi kif joriġinaw u/jew jaslu sa sistemi ta' trasmissjoni ta' Stati Membri individwali, skond l-Artikolu 3(5);

    (d) dettalji tal-metodoloġija biex tistabbilixxi l-ispejjeż u l-benefiċċji għax ikunu miżmuma flussi li jaqsmu l-fruntieri, skond l-Artikolu 3(6);

    (e) dettalji tat-trattament fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kumpens ta' l-inter-TSO għal flussi ta' l-elettriku li joriġinaw jew jaslu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea;

    (f) il-parteċipazzjoni ta' sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta' linji ta' kurrent dirett, skond l-Artikolu 3.

    3. Il-linji ta' gwida għandhom jistabbilixxu wkoll regoli xierqa li jwasslu għall-armonizzazzjoni progressiva tal-prinċipji li huma l-bażi li fuqhom jiġu stabbiliti piżijiet addizjonali applikati għall-produtturi u l-konsumaturi taħt is-sistemi ta' tariffi nazzjonali, inkluż ir-riflessjoni tal-mekkaniżmu ta' kumpens inter-TSO f'piżijiet ta'networks nazzjonali u d-disposizzjonijiet għal sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, skond il-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 4.

    Il-linji ta' gwida għandhom jipprovdu għal sinjali tal-lokalità armonizzati xierqa u effiċjenti f'livell Ewropew.

    Kull armonizzazzjoni f'dan is-sens ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw mekkaniżmi biex jassiguraw li piżijiet għal aċċess għan-networks fuq il-konsumaturi jkunu mqabbla fit-territorju kollu tagħhom.

    4. Meta xieraq, il-Kummissjoni għandha, waqt li taġixxi skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 13(2), temenda l-linji ta' gwida dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità disponibbli ta' flussi ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali mniżżla fl-Anness, skond il-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 5 u 6, partikolarment b'mod li tinkludi linji ta' gwida dettaljati dwar il-metodoloġiji kollha ta' allokazzjoni ta' kapaċità applikati fil-prattika u biex jassiguraw li l-mekkaniżmi ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni jevolvu f'manjiera paragunabbli ma' l-għanijiet tas-suq intern. Meta xieraq, waqt li jkunu qegħdin jiġu emendati għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni dwar is-sigurtà minima u standards operazzjonali għall-użu u t-tħaddim tan-networks, li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2).

    Meta tkun qiegħda tadotta jew temenda linji ta' gwida, il-Kummissjoni għandha tassigura li huma jipprovdu lanqas grad ta' armonizzazzjoni meħtieġa biex jinkisbu l-għanjiet ta' dan ir-Regolament u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan.

    Meta tkun qiegħda tadotta jew temenda linji ta' gwida, il-Kummissjoni għandha tindika x'azzjonijiet tkun ħadet dwar il-konformità ta' regoli f'pajjiżi terzi, li jifformaw parti mis-sistema Ewropea ta' l-elettriku, mal-linji ta' gwida in kwestjoni.

    Artikolu 9

    Awtoritajiet regolatorji

    L-Awtoritajiet regolatorji, meta kunu qegħdin jesegwixxi dmirijiethom, għandhom jassiguraw konformità ma' dan ir-Regolament u l-linji ta' gwida skond l-Artikolu 8. Meta xieraq, biex iwettqu l-għanjiet ta' dan ir-Regolament huma għandhom jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni.

    Artikolu 10

    Disposizzjonijiet ta' informazzjoni u konfidenzjalità

    1. L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-għanjiet ta' l-Artikoli 3(4) u 8.

    Partikolarment, għall-għanjiet ta' l-Artikoli 3(4) u 3(6), l-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu fuq bażi regolari informazzjoni dwar spejjeż attwalment minfuqa minn operaturi ta' sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni, kif ukoll data u l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-flussi f'networks ta' operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni u n-nefqa tan-network.

    Il-Kummissjoni għandha tiffissa żmien raġonevoli sa meta l-informazzjoni għandha tkun provduta, meta tkun tqieset il-komplessità ta' l-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li bih l-informazzjoni tkun meħtieġa.

    2. Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità regolatorja kkonċernata ma tipprovdix din l-informazzjoni fiż-żmien mogħti skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-għan ta' l-Artikoli 3(4) u 8 direttament mill-impriża kkonċernata.

    Meta tkun qiegħda tibgħat talba għal informazzjoni lil xi impriża, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja lill-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istat Membru li fih tkun qiegħda s-sede ta' l-impriża.

    3. Fit-talba tagħha għall-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tat-talba, iż-żmien li fih l-informazzjoni għandha tkun provduta, l-għan tat-talba, u wkoll il-penalitajiet previsti fl-Artikolu 12(2) għal informazzjoni pprovduta inkorretta, mhux kompleta jew qarrieqa. Il-Kummissjoni għandha tiffissa terminu ta' żmien raġonevoli meta titqies il-komplessità ta' l-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li biha l-informazzjoni tkun meħtieġa.

    4. Il-propjetarji ta' l-impriża jew ir-rappreżentanti tagħhom, fil-każ ta' persuni legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom legalment jew bl-istrument ta' inkorporazzjoni, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Avukati, debitament awtorizzati biex jaġixxu, jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom, f'liema każ il-klijent għandu jibqa' totalment risponsabbli jekk l-informazzjoni pprovduta tkun inkorretta, mhux kompleta, jew qarrieqa.

    5. Fejn impriża ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien iffissat mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompleta, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tesiġi li l-informazzjoni tkun ipprovduta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika x'informazzjoni hija meħtieġa u tiffissa żmien xieraq li matulu għandha tkun ipprovduta. Għandha tindika l-penalitajiet previsti fl-Artikolu 12(2). Għandha wkoll tindika d-dritt li jkolla d-deċiżjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

    Il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istat Membru fejn tkun stabbilita r-residenza tal-persuna jew is-sede ta' l-impriża.

    6. Informazzjoni miġbura skond dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għanjiet ta' l-Artikoli 3(4) u 8.

    Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela informazzjoni miksuba skond dan ir-Regolament ta' tip kopert bl-obbligazzjoni ta' segretezza professjonali.

    Artikolu 11

    Dritt ta' l-Istati Membri li jipprovdu għal miżuri aktar dettaljati

    Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri li jkun fihom disposizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f'dan ir-Regolament u l-linji ta' gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 8.

    Artikolu 12

    Penalitajiet

    1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penalitajiet applikabbli għal ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li jkunu implimentati. Il-penalitajiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2004 u għandhom jinnotifikawha mingħajr telf ta' żmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom.

    2. Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq impriżi multi li ma jaqbżux 1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b'negliġenza, huma jfornu informazzjoni inkorretta, mhux kompleta jew qarrieqa fi tweġiba għal talba magħmula skond l-Artikolu 10(3) jew jonqsu milli jfornu informazzjoni fiż-żmien iffissat minn deċiżjoni adottata skond l-ewwel subparagrafu għall-Artikolu 10(5).

    Waqt li jkun qiegħed jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, irid jingħata każ tal-gravità tan-nuqqas ta' ħarsien tad-disposizzjonijiet ta' l-ewwel sub-paragrafu.

    3. Penalitajiet previsti skond il-paragrafu 1 u deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi kriminali.

    Artikolu 13

    Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

    2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

    Il-perjodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    3. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

    4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċeduri.

    Artikolu 14

    Rapport tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament rapport dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tiegħu. Partikolarment ir-rapport għandu jeżamina kemm irnexxielu r-Regolament jassigura kondizzjoniet ta' aċċess għan-networks li ma jkunx diskriminatorju u li jirrifletti l-ispejjeż għal bdil ta' l-elettriku li jaqsmu l-fruntieri sabiex jikkontribbwixxu għal għażla f'suq intern li jiffunzjona sew u għal sigurtà jew provvista fil-futur imbiegħed, kif ukoll kemm is-sinjali ta' lokalità jkunu jitħaddmu. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkollu mehmuż miegħu proposti u/jew rakkomandazzjonijiet xierqa.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu jgħodd mill-1 ta' Lulju 2004.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, fis-26 ta' Ġunju 2003.

    Għall-Parlament Ewrope

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. Tsochatzopoulos

    [1] (Test b'relevanza għall-ŻEE)

    [2] ĠU C 240 E, tat-28.8.2001, pġ. 72, u ĠU C 227 E, ta' l-24.9.2002, pġ. 440.

    [3] ĠU C 36, tat-8.2.2002, pġ. 10.

    [4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta'Marzu 2002 (ĠU C 47 E, tas-27.2.2003, pġ. 379), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Frar 2003 (ĠU C 50 E, ta' l-4.3.2003, pġ. 1) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Ġunju 2003 (s'issa mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [5] ĠU L 27, tat-30.1.1997, pġ. 20.

    [6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, pġ. 23.

    [7] Ara pġ. 37 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    Linji ta' gwida dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' trasferiment disponibbli ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali

    Ġenerali

    1. Metodu/metodi ta' amministrazzjoni implimentat mill-Istati Membri għandhom jitrattaw konġestjoni li tkun ta' żmien qasir b'mod ekonomikament effiċjenti u bbażat fis-suq, waqt li fl-istess ħin jipprovdi sinjali jew inċentivi għal networks effiċjenti u investiment fil-ġenerazzjoni fil-lokalità it-tajba.

    2. It-TSOs, jew, meta xieraq, l-Istati Membri, għandhom jipprovdu standards trasparenti u mhux diskriminatorji, li jiddeskrivu liema metodi ta' immaniġġar tal-konġestjoni japplikaw taħt liema ċirkustanzi. Dawn l-istandards, flimkien ma' standards ta' sigurtà, għandhom ikunu kollha deskritti f'dokumenti li jkunu għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

    3. Trattamenti differenti tat-tipi differenti ta' operazzjonijiet li jaqsmu l-fruntiera, kemm jekk huma kuntratti fiżiċi bilaterali jew offerti fi swieq organizzati fl-esteru, għandhom ikunu miżmuma għall-inqas kemm jista' jkun meta jkunu mfassla r-regoli ta' metodi speċifiċi għall-immaniġġar tal-konġestjoni. Il-metodu biex tiġi allokata l-kapaċità skarsa ta' trasmissjoni għandu jkun trasparenti. Kull differenzi fil-mod kif ikunu ttrattati l-operazzjonijiet għandhom ikunu juru fiċ-ċar li ma jxekklux u l-anqas ifixklu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni.

    4. Indikazzjonijiet fil-prezzijiet li jirriżultaw minn sistemi ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni għandhom juru d-direzzjoni.

    5. It-TSOs għandhom joffru lis-suq kapaċità ta' trasmissjoni li tkun soda kemm jista' jkun. Proporzjon raġonevoli tal-kapaċità tista' tkun offerta lis-suq f'kondizzjonijiet ta' fermezza mnaqqsa, imma l-kondizzjonijiet eżatti għal-ġarr fuq linji li jaqsmu l-fruntieri għandhom dejjem ikunu avżati lill-parteċipanti fis-suq.

    6. Meta wieħed jikkonsidra li n-networks kontinentali Ewropew jikkostitwixxu network minsuġ b'mod sfiq u l-użu ta' linji ta' interkonnessjoni għandu effett fuq ċirkolazzjoni ta' eneġija fuq għallinqas żewġ naħat ta' fruntiera nazzjonali, Regolaturi nazzjonali għandhom jassiguraw li ebda proċedura ta' l-immaniġġar ta' konġestjoni b'effetti importanti fuq iċ-ċirkolazzjoni ta' enerġija f'networks oħrajn, ma tkun ippjanata unilateralment.

    Posizzjoni ta' kuntratti għal żmien fit-tul

    1. Drittijiet ta' prijorità ta' aċċess għal kapaċità ta' interkonnessjoni ma għandhomx ikunu assenjati lil dawk il-kuntratti li jiksru l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE.

    2. Appalti eżistenti ta' natura ta' żmien twil ma għandu jkollom ebda drittijiet ta' prelazzjoni meta dawn jiġu biex jiġġeddu.

    Għoti ta' informazzjoni

    1. It-TSOs għandhom jimplimentaw mekkaniżmi xierqa ta' kordinazzjoni u informazzjoni biex jiġġarantixxu sigurtà tan-network.

    2. It-TSOs għandhom jippubblikaw id-data kollha rilevanti dwar il-kapaċitajiet fit-trasferimenti totali lil hinn mill-fruntieri. Minbarra l-valuri ta' l-ATĊ għas-sajf u għax-xitwa, stimi tal-kapaċità għat-trasferiment għal kull jum għandu jkun ippubblikat mit-TSOs għal ħafna drabi kull tant żmien qabel il-jum tat-trasport. Għallinqas, stimi eżatti għal ġimgħa bil-quddiem għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni tas-suq u t-TSOs għandhom jippruvaw ukoll jipprovdu informazzjoni għal xahar bil-quddiem. Deskrizzjoni tal-fermezza tad-data għandha tkun inkluża.

    3. It-TSOs għandhom jippubblikaw skema ġenerali biex tkun ikkalkulata l-kapaċità totali għat-trasferiment u l-marġni ta' kredibilità tat-trasmissjoni bbażata fuq ir-realtajiet elettriċi u fiżiċi tan-networks. Din l-iskema għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tar-regolaturi ta' l-Istati Membri kkonċernati. L-istandards ta' sigurtà u l-istandards operazzjonali u ta' ippjanar għandhom jifformaw parti integrali mill-informazzjoni li t-TSOs għandhom jippubblikaw f'dokumenti disponibbli għall-pubbliku.

    Prinċipji li jirregolaw il-metodi għall-immaniġġar tal-konġestjoni

    1. Problemi tal-konġestjoni għan-networks għandhom preferibbilment ikunu solvuti b'metodi mhux ibbażati fuq it-transazzjoni, jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla bejn l-appalti ta' parteċipanti individwali fis-suq.

    2. "Spedizzjoni mill-ġdid" u tpartit li jaqsam il-fruntieri jista' jintuża konġuntement mit-TSOs ikkonċernati. L-ispejjes li t-TSOs iġarrbu fit-tpartit u l-ispedizzjoni mill-ġdid għandu, madankollu, jkun f'livell effiċjenti.

    3. Il-merti li jista' jkun hemm ta' mekkaniżmi ta' taqgħid u taqsim tas-suq, biex isolvu konġestjoni "permanenti" u tpartit biex isolvu konġestjoni temporanja għandhom ikunu immedjatament eżaminati bħala approċċ aktar dejjiemi għall-immaniġġar tal-konġestjoni.

    Linji ta' gwida għall-irkantijiet espliċiti

    1. Is-sistema ta' irkant għandha tkun mfassla b'tali mod li l-kapaċità disponibbli kollha tkun qiegħda offerta fis-suq. Dan jista' jsir billi jiġi organizzat irkant imżewwaq li fih il-kapaċitajiet ikunu irkantati għal perjodi differenti u b'karatteristiċi differenti (per eżempju, dwar il-kredibilità mistennija tal-kapaċità disponibbli in kwestjoni).

    2. Il-kapaċità totali ta' interkonnessjoni għandha tkun offerta f'serje ta' irkantijiet, li, per eżempju, jistgħu jinżammu fuq bażi ta' kull sena, kull xahar, kull ġimgħa, kuljum jew aktar minn darba kuljum, skond il-ħtiġiet tas-swieq involuti. Kull wieħed minn dawn l-irkantijiet għandu jalloka porzjon preskritt tal-kapaċità ta' trasferiment flimkien ma' kull kapaċità li tibqa' li ma tkunx ġiet allokata f'irkantijiet ta' qabel.

    3. Il-proċeduri espliċiti ta' l-irkant għandhom jitlestew f'kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtorità regolatorja nazzjonali u t-TSO kkonċernat u mfassla b'mod li jħalli l-oblaturi jipparteċipaw ukoll fis-sessjonijiet ta' kuljum ta' kwalunkwe suq organizzat (per eżempju, suq ta' l-enerġija) fil-pajjiżi involuti.

    4. It-trasmissjoni ta' enerġija fiż-żewġ direzzjonijiet fuq linji ta' kollegament mgħobbija ż-żejjed għandhom bi prinċipju jkunu nnettjati sabiex jimmassimizzaw il-kapaċità ta' trasmissjoni fid-direzzjoni tal-konġestjoni. Madankollu, il-proċedura biex jiġu nnettjati t-twassil ta' enerġija għandha tikkonforma mas-sigurtà ta' l-operazzjoni tas-sistema ta' enerġija.

    5. Sabiex tkun offruta lis-suq l-akbar kapaċità possibbli, ir-riskji finanzjarji marbuta ma' l-innettjar tat-trasmissjoni għandhom ikunu attribwiti lil dawk il-partijiet li jikkawżaw li dawk ir-riskji jimmaterjalizzaw.

    6. Kull proċedura ta' l-irkant adottata għandha tkun kapaċi tibgħat lil parteċipanti fis-suq sinjali li juru f'liema direzzjoni qegħdin jersqu l-prezzijiet. Trasmissjoni f'direzzjoni kontra d-direzzjoni dominanti ta' l-enerġija sserraħ il-konġestjoni u b'hekk jwassal għal kapaċità miżjuda fuq il-linja ta' kollegament mgħobbija.

    7. Sabiex wieħed ma jirriskjax li joħloq jew jaggrava problemi marbuta ma' xi posizzjoni dominanti ta' parteċipant(i) fis-suq, għandha tkun serjament ikkonsidrata limitazzjoni ta' l-ammont ta' kapaċità li tista' tinxtara/tkun ipposseduta/użata minn parteċipant wieħed fis-suq f'irkant mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti fit-tifsila ta' mekkaniżmi ta' l-irkant.

    8. Biex jippromwovu l-ħolqien ta' swieq likwidi ta' l-elettriku, għandha tkun liberament negozjata kapaċità mixtrija f'irkant sakemm it-TSO ikun innotifikat li l-kapaċità mixtrija ser tintuża.

    --------------------------------------------------

    Nahoru