EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0008

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 fir-rigward ta’ l-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg (notifikata taħt dokument numru K(2002) 5236)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 5, 10.1.2003, p. 16–19 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32012D0733

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/8(1)/oj

32003D0008



Official Journal L 005 , 10/01/2003 P. 0016 - 0019


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta’ Diċembru 2002

li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 fir-rigward ta’ l-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg

(notifikata taħt dokument numru K(2002) 5236)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2003/8/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1998 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2434/92 [2], u b’mod partikolari Artikolu 44 tiegħu,

Billi:

(1) Sar ħafna progress minn meta ngħata bidu għan-network tas-Servizzi Europej tax-Xogħol (EURES) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/569/KEE [3], sabiex ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 jiġi implimentat.

(2) Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba mill-1993, u waqt li jingħata kont u jiġu konsolidati l-iżviluppi reċenti fl-ambjent EURES, in-network għandu jiġi msaħħaħ u integrat kollu kemm hu fl-attivitajiet tas-Servizzi tax-Xogħol ta’ l-Istati Membri. Id-diviżjoni kurrenti ta’ responsabbiltajiet u l-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandhom jiġu disinjati mill-ġdid.

(3) In vista tat-tkabbir li jmiss ta’ l-Unjoni Ewropea, kont sħiħ għandu jingħata ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-EURES fil-pajjiżi ta’ adeżjoni waqt li jiġi żgurat li s-sistema tibqa’ effiċjenti u maniġġabbli.

(4) L-opportunitajiet offruti mill-informazzjoni li toħroġ u l-għodda tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni biex jittejbu aktar u jiġu razzjonalizzati s-servizzi provduti għandu wkoll jingħata kont tagħhom.

(5) Għal dan il-għan, il-EURES għandha tiġi konsolidata u msaħħa bħala għodda prinċipali għall-immonitorjar tal-mobilità, għas-sostenn tal-moviment liberu ta’ ħaddiema u l-integrazzjoni tas-swieq Ewropej tax-xogħol, u biex iċ-ċittadini jkunu infurmati dwar il-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità.

(6) Hemm il-ħtieġa li tiġi sostnuta l-mobilità okkupazzjonali u ġeografika b’konformità ma’ l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjieg, fl-interessi ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal ħiliet u mobilità [4] u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2002 dwar l-istess kwistjoni [5].

(7) Għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa konsiljabbli li jiġi stabbilit mill-ġdid in-network tas-Servizzi Europej tax-Xogħol waqt li jiġu definiti b’mod aktar ċar il-kompożizzjoni, il-kostituzzjoni u l-funzjonijiet tiegħu. Din l-operazzjoni għandha tinvolvi s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni 93/569/KEE.

(8) Il-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku dwar il-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

In-network EURES

Il-Kummissjoni, is-Servizzi tax-Xogħol ta’ l-Istati Membri u kull imsieħba oħra nazzjonali li jista’ jkollhom, għandhom joħolqu network Ewropew ta’ servizzi, imsemmi EURES (EURopean Employment Services - Servizzi Europej tax-Xogħol) responsabbli biex jiżviluppaw l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni li għalih tipprovdi t-Taqsima II tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68.

Artikolu 2

Għanijiet

Il-EURES għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni koordinata tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68. Għandu jsostni l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-suq wieħed Ewropew.

B’mod partikolari, għall-benefiċċju ta’ dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, il-ħaddiema u min iħaddem, il-EURES għandu jfittex li jippromwovi:

(a) l-iżvilupp ta’ swieq Ewropej tax-xogħol miftuħa u aċċessibbli għal kulħadd;

(b) il-bdil transnazzjonali, inter-reġjonali u bejn il-fruntieri ta’ postijiet battala tax-xogħol u applikazzjonijiet għax-xogħol;

(ċ) transparenza u skambju ta’ informazzjoni dwar is-swieq Ewropej tax-xogħol, inkluż dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-għixien u dwar l-opportunitajiet għall-akkwist ta’ ħiliet;

(d) l-iżvilupp ta’ metodoloġiji u indikaturi għal dan il-għan.

Artikolu 3

Komposizzjoni

Il-EURES għandu jikkomprendi l-kategoriji li ġejjin:

(a) Il-membri tal-EURES, li għandhom ikunu l-ispeċjalisti tas-servizzi maħtura mill-Istati Membri skond Artikolu 13(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, u l-Uffiċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni, skond Artikoli 21, 22 u 23 ta’ dak ir-Regolament; u

(b) l-imsieħba tal-EURES, kif hemm provdut f’Artikolu 17(1) tar-Regolament (KEE) Nru:

(i) is-servizzi reġjonali għax-xogħol ta’ l-Istati Membri;

(ii) is-servizzi tax-xogħol responsabbli għar-reġjuni mal-fruntieri;

(iii) servizzi speċjalizzati dwar l-impieġi li jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni skond Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68.

Dawn il-kategoriji għandhom jinkludu it-trejd unions u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem nominati mill-membri EURES.

Artikolu 4

Ir-rwol ta’ l-Uffiċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni

Id-Direttorat Ġenerali tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ l-Uffiċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni.

L-Uffiċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni (hawnhekk iżjed’ il quddiem imsejjaħ l-Uffiċju EURES ta’ Koordinazzjoni) għandu jissorvelja l-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u għandu jassisti n-network fit-twettieq ta’ l-attivitajiet tiegħu.

Huwa għandu, b’mod partikolari, jwettaq:

(a) l-analiżi tal-mobilità ġeografika u tax-xogħol u l-iżvilupp ta’ attitudni ġenerali għall-mobilità skond l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol;

(b) il-formulazzjoni ta’ attitudni kollox ma’ kollox koerenti u ta’ l-arranġamenti adattati għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;

(ċ) il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni totali ta’ l-attività EURES, u azzjoni biex jiġi verifikat li dan qed jitwettaq skond ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-logo EURES

L-akronim EURES għandu jintuża esklussivament għal attivitajiet fi ħdan il-EURES. Għandu jintwera permezz ta’ logo standard, definit bi skema ta’ disinn grafiku.

Il-logo għandu jiġi reġistrat bħala marka tal-Kummerċ tal-Komunità fl-Uffiċju dwar l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (OHIM). Jista’ jintuża mill-membri tal-EURES u l-imsieħba.

Artikolu 6

Grupp ta’ Strateġija ta’ Livell Għoli

B’dan qiegħed jinħoloq Grupp ta’ Strateġija ta’ Livell Għoli, kompost mill-Kapijiet tal-membri tal-EURES u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Huwa għandu jgħin lill-Kummissjoni fil-promozzjoni u s-sorveljanza ta’ l-iżvilupp tal-EURES.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Grupp ta’ Strateġija ta’ Livell Għoli dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ippjanar strateġiku, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-immonitorjar u l-evalwazzjoni tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija f’din id-Deċiżjoni, inkluż:

(a) Il-Karta EURES, skond Artikolu 8(2);

(b) il-linji gwida EURES, skond Artikolu 9(1);

(ċ) l-abbozz tar-rapport annwali tal-Kummissjoni li għalih jipprovdi Artikolu 19(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68;

(d) ir-rapport ta’ kull sentejn tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali meħtieġ b’Artikolu 19(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68.

Il-Kapijiet ta’ l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ l-imsieħba soċjali għandhom jiġu mistiedna biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp.

Il-Grupp għandu jistabbilixxi l-metodi tiegħu tax-xogħol u r-regoli ta’ proċedura. Bħala regola ġenerali, għandu jitlaqqa’ darbtejn fis-sena mill-president. Huwa għandu jagħti l-opinjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi.

L-Uffiċju EURES ta’ Koordinazzjoni għandu jipprovdi sostenn permezz tas-segretarjat.

Artikolu 7

Grupp tax-xogħol

Sabiex jassisti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-immonitorjar ta’ l-attivitajiet tal-EURES, l-Uffiċju EURES ta’ Koordinazzjoni għandu jistitwixxi Grupp tax-Xogħol kompost minn amministraturi, b’kull wieħed jirrappreżenta membru tal-EURES. L-Uffiċju EURES ta’ Koordinazzjoni għandu jistieden lir-rappreżentanti ta’ l-imsieħba soċjali Ewropej u, fejn xieraq, ir-rappreżentanti ta’ imsieħba oħra Ewropej u esperti, biex jattendu għall-laqgħat tal-Grupp tax-Xogħol.

Artikolu 8

Karta EURES

1. L-Uffiċju EURES ta’ Koordinazzjoni għandu jadotta l-Karta EURES skond il-proċeduri preskritti f’Artikolu 14(2), Artikolu 14(3), Artikolu 22(1)(a), (b) u (ċ), u Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Strateġija ta’ Livell Għoli tal-EURES stabbilit b’Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

2. Fuq il-bażi tal-prinċipju li l-postijiet battala tax-xogħol kollha u l-applikazzjonijiet għall-impjieg li jintgħamlu pubbliċi minn xi wieħed mill-membri u imsieħba tal-EURES għandhom ikunu aċċessibbli mal-Komunità kollha, il-Karta EURES għandha, b’mod partikolari, tistabbilixxi:

(a) deskrizzjonijiet ta’ l-attivitajiet li l-membri u l-imsieħba tal-EURES għandhom iwettqu, inkluż:

(i) is-servizzi ta’ tqabbil ta’ impjiegi, inkluż l-għoti personalizzat ta’ konsulenza u pariri lill-klijenti, sew jekk ikunu persuni jfittxu x-xogħol, ħaddiema jew min iħaddem;

(ii) l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u bejn il-fruntieri, inklużi servizzi ta’ impjiegi u dawk soċjali, l-imsieħba sosċjali u istituzzjonijiet oħra konċernati, bil-ħsieb li jittejjeb l-iffunzjonar tas-swieq tax-xogħol, l-integrazzjoni tagħhom u mobilità imtejjba;

(iii) il-promozzjoni ta’ immonitorjar koordinat u stima ta’ ostakoli għall-mobilità, ħiliet biż-żejjed jew bin-nieqes u l-andament ta’ l-emigrazzjoni;

(b) l-għanijiet ta’ operazzjoni tas-sistema EURES, l-istandards ta’ kwalità li għandhom jiġu applikati kif ukoll l-obbligazzjonijiet tal-membri u l-imsieħba EURES, li jinkludu:

(i) l-integrazzjoni tad-databases relevanti tal-membri dwar postijiet battala tax-xogħol, mal-mekkaniżmu EURES ta’ bdil ta’ postijiet battala tax-xogħol, sa limitu ta’ żmien li għandu jiġi speċifikat;

(ii) it-tip ta’ informazzjoni, bħal informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien u tax-xogħol, informazzjoni dwar offerti u talbiet għax-xogħol, u ostakoli għall-mobilità, li għandhom jipprovdu lill-membri tagħhom u lill-bqija tan-network;

(iii) it-taħriġ u l-kwalifikazzjonijiet meħtieġa għall-persunal tal-EURES u l- kondizzjonijiet u l-proċeduti għall-organizzazzjoni ta’ żjarat u assenjamenti għall-uffiċjali;

(iv) it-tħejjija, sottomissjoni lill-Uffiċju EURES ta’ koordinazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ pjani ta’ attività, inklużi regoli speċifiċi għall-attivitajiet EURES bejn il-fruntieri;

(v) il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-logo EURES mill-membri u l-imsieħba;

(vi) il-prinċipji għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet EURES;

(ċ) il-proċeduri għall-istabbiliment ta’ sistema uniformi u mudelli komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol u dik relatata mal-mobilità, fi ħdan in-network EURES, kif hemm provdut f’Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, inkluża informazzjoni dwar ix-xogħol u dwar opportunitajiet tat-tagħlim fl-Unjoni Ewropea, li għandha tiġi nkorporata f’website integrata ta’ informazzjoni dwar il-mobilità tax-xogħol.

Artikolu 9

Linji gwida u Pjani ta’ Attività

1. B’konformità mal-Karta EURES kif hemm provdut f’Artikolu 8, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Strateġija ta’ Livell Għoli tal-EURES kif hemm provdut f’Artikolu 6, l-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni tal-EURES għandu jistabbilixxi linji gwida għall-attivitajiet tal-EURES li jkopru perjodu ta’ tlett snin.

Il-linji gwaida għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet għal kull assistenza finanzjarja li l-Kummissjoni tista’ tipprovdi skond il-paragrafu 4.

2. Fuq il-bażi tal-linji gwida, l-membri tal-EURES għandhom jippreżentaw il-pjani ta’ attività rispettivi tagħhom għall-perjodu kopert bil-linji gwida ta’ l-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni tal-EURES. Il-pjan ta’ attività għandu jispeċifika:

(a) l-attivitajiet prinċipali li għandhom jitwettqu mill-membru EURES fi ħdan il-qafas tan-network, inklużi l-attivitajiet transnazzjonali, bejn il-fruntieri u settorjali kif hemm provdut f’Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68;

(b) ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati għall-implimentazzjoni tat-Taqsima II tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68;

(ċ) l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet ippjanati, inkluża l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Il-pjani ta’ attività għandhom ukoll jipprovdu stima ta’ l-attivitajiet u l-progress miksub matul il-perjodu ta’ qabel.

3. L-Uffiċju ta’ Koordinazzjoni EURES għandu jeżamina l-pjani ta’ attività u l-informazzjoni mibgħuta dwar l-implimentazzjoni tagħhom bil-ħsieb li jagħmel stima tal-konsistenza tagħhom mal-linji gwida u d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68. Ir-riżultati ta’ din l-istima għandhom jiġu analizzati konġuntement mal-membri tal-EURES fuq bażi annwali, skond Artikolu 19(1) ta’ dak ir-Regolament, u għandhom jiġu nklużi fir-rapport ta’ kull sentejn tal-Kommissoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali meħtieġ b’Artikolu 19(3) ta’ dak ir-Regolament.

4. Il-Kummissjoni tista’ tagħti assistenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-pjani ta’ attività suġġetta għar-regoli li jirregolaw ir-riżorsi relevanti ta’ l-estimi.

Artikolu 10

Tħassir

Id-Deċiżjoni 93/569/KEE hija b’dan imħassra. Iżda, għandha tibqa’ tapplika għal operazzjonijiet li fir-rigward tagħhom applikazzjoni kienet mibgħuta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Data ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2003.

Artikolu 12

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Diċembru 2003.

Għall-Kummissjoni

Anna Diamantopoulou

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[2] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[3] ĠU L 274, tat-22.10.1993, p. 32.

[4] COM(2002) 72 finali ta’ tat- 13.2.2002

[5] ĠU Ċ 162, tas- 6.7.2002, p. 1.

--------------------------------------------------

Top