Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R0843

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 843/2002 tal-21 ta’ Mejju 2002 li jippreskrivi l-istandard ta’ kwalità fil-bejgħ tal-frawli u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 899/87

    ĠU L 134, 22.5.2002, p. 24–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2009; Impliċitament imħassar minn 32008R1221

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/843/oj

    32002R0843



    Official Journal L 134 , 22/05/2002 P. 0024 - 0028


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 843/2002

    tal-21 ta’ Mejju 2002

    li jippreskrivi l-istandard ta’ kwalità fil-bejgħ tal-frawli u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 899/87

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 545/2002 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(3)(ċ) tiegħu,

    Billi:

    (1) Il-frawli huma fost il-prodotti li jidhru fl-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 li għalihom iridu jiġu adottati standards ta’ kwalità. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 899/87 tat-30 ta’ Marzu 1987 li jippreskrivi standards ta’ kwalità għaċ-ċirasa u l-frawli [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 888/97 [4], ġie emendat u ma jistax jiggarantixxi aktar kjarezza legali.

    (2) Għal skopijiet ta’ kjarezza, ir-regoli fuq il-frawli għandhom jiġu mifruda minn dawk ta’ prodotti oħra taħt ir-Regolament (KEE) Nru 899/87. F’din l-okkażjoni, bl-iskop li tiġi protetta t-trasparenza fis-suq dinji, għandu jiġi kkunsidrat l-istandard tal-kwalità fil-frawli rakkomandat mill-Grupp tax-Xogħol fuq l-Istandardizzazzjoni ta’ Prodotti li Jitħassu Malajr u l-Iżvilupp ta’ Kwalità tal-Kummissjoni Ekonomika tal-Ġnus Magħquda għall-Ewropa (UN/ECE). Ir-regoli li jikkonċernaw il-frawli għandhom għaldaqstant jiġu miktuba mill-ġdid u għal din ir-raġuni r-Regolament (KEE) Nru 899/87 għandu jiġi emendat.

    (3) Bl-applikazzjoni ta’ standards ġodda ta’ kwalità għandhom jitneħħew mis-suq prodotti li l-kwalità tagħhom mhix sodisfaċenti, il-produzzjoni ssir konformi mal-ħtiġijiet tal-konsumatur kif ukoll jiġi iffaċilitat il-kummerċ ibbażat fuq kompetizzjoni leali, u b’hekk jiġi megħjun titjib fil-profitti.

    (4) L-istandards ta’ kwalità huma applikabbli fil-fażijiet kollha tal-marketing. It-trasport fit-tul, il-ħżin tal-prodotti għal aktar minn ċertu perjodu u l-proċessi varji li minnhom jgħaddu l-prodotti, jistgħu jikkawżaw ċertu grad ta’ taħsir minħabba l-proċess bioloġiku tal-prodotti jew in-natura ta’ taħsir malajr tagħhom. Dan it-taħsir għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu applikati l-istandards ta’ kwalità fl-istadji tal-bejgħ wara li jkun sar id-dispaċċ. Peress illi prodotti tal-Klassi "Extra" iridu jiġu magħżula u ppakkjati b’attenzjoni partikolari, fil-każ tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati biss in-nuqqas ta’ freskezza u l-istat ta’ nefħa tagħhom.

    (5) Waħda mill-kondizzjonijiet minimi tal-frawli hija li għandhom ikunu mmaturaw biżżejjed. Id-data xjentifika u teknika eżistenti ma tippermittix li jiġu definiti kriterji ta’ min wieħed joqgħod fuqhom u oġġettivi biex tista’ tiġi assessjata din il-kondizzjoni.

    (6) Il-bejgħ ta’ frawli, mingħajr ir-rimja, ta’ ċerti varjetajiet li malajr iwaqqgħu r-rimja tagħhom fi żmien il-ħsad, huwa tradizzjonali fir-reġjun tal-produzzjoni ġewwa l-Finlandja u ġewwa d-Danimarka. Dawn iż-żewġ Stati Membri għamlu talba, skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96, biex il-frawli li jiġu prodotti u kkunsmati f’dawk ir-reġjuni m’għandhomx għalfejn jikkonformaw ma’ dawk l-istandards ta’ kwalità. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jinkludi deroga li taħseb għal dan.

    (7) Il-miżuri li hemm maħsuba f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni dwar il-Frott Frisk u l-Ħxejjex,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    L-istandard ta’ kwalità għall-frawli li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 08101000 għandu jkun kif hemm iddikjarat fl-Anness.

    L-istandard ta’ kwalità għandu japplika fil-fażijiet kollha tal-marketing taħt il-kondizzjonijiet preskritti fir-Regolament (KE) Nru 2200/96.

    Madankollu, fil-fażijiet ta’ wara dak tad-dispaċċ, il-prodotti jistgħu juru b’relazzjoni mal-kondizzjonijiet ta’ l-istandard tal-kwalità:

    (a) nuqqas żgħir ta’ freskezza u ta’ stat ta’ nefħa;

    (b) fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex klassifikati taħt il-Klassi "Extra", taħsir żgħir ħafna minħabba l-proċess ta’ żvilupp tagħhom u t-tendenza li jkollhom li jitħassru.

    L-Artikolu 2

    1. Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-frawli ta’ dawk il-varjetajiet li malajr iwaqqgħu r-rimja tagħhom fi żmien il-ħsad jistgħu jinbiegħu mingħajr rimja fir-reġjun tal-produzzjoni ġewwa l-Finlandja u ġewwa d-Danimarka.

    2. Għall-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, kull pakkett jew lott għandu jkollu muri fuqu, minbarra l-indikazzjoni l-oħra meħtieġa, l-indikazzjoni li ġejja:

    - bil-Finlandiż:"myydään ainoastaan… (reġjun tal-produzzjoni),",

    - bid-Daniż:"må kun sælges i… (reġjun tal-produzzjoni),",

    - bl-Isvediż:"får endast säljas i… (reġjun tal-produzzjoni).".

    L-Artikolu 3

    Ir-Regolament (KEE) Nru 899/87 huwa emendat kif ġej:

    (a) It-titolu qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej: "Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 899/87 tat-30 ta’ Marzu 1987 li jippreskrivi standards ta’ kwalità għaċ-ċirasa".

    (b) L-Artikolu 1(1) qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "1. L-istandards ta’ kwalità għaċ-ċirasa, li taqa’ taħt il-kodiċi NM 08092095, għandhom ikunu kif imniżżla fl-Anness.";

    (ċ) L-Anness II huwa mħassar.

    (d) Fl-Anness I, il-kliem "L-Anness I" qegħdin jiġu sostitwiti bil-kelma li ġejja: "L-Anness".

    L-Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika mill-ewwel ġurnata tat-tielet xahar wara li jkun daħal fis-seħħ.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fil-21 ta’ Mejju 2002.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

    [2] ĠU L 84, tat-28.3.2002, p. 1.

    [3] ĠU L 88, tal-31.3.1987, p. 17.

    [4] ĠU L 126, tas-17.5.1997, p. 11.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    STANDARD TA’ KWALITÀ GĦALL-FRAWLI

    I. DEFINIZZJONI TAL-PRODOTT

    Dan l-istandard ta’ kwalità japplika għall-frawli ta’ varjetajiet (imnissla bil-koltivazzjoni) mkabbra mill-ġenus Fragaria L. li jitwasslu friski għand il-konsumatur, filwaqt li jiġu esklużi frawli għall-ipproċessar industrijali.

    II. DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-KWALITÀ

    L-Iskop ta’ l-istandard ta’ kwalità huwa li jiġu definiti l-kondizzonijiet meħtieġa tal-frawli wara l-proċess tal-preparazzjoni u l-imballaġġ.

    A. Kondizzjonijet minimi meħtieġa

    Fil-klassijiet kollha, soġġett għad-disposizzjonijiet speċjali għal kull klassi u t-tolleranzi permissibbli, il-frawli għandhom ikunu:

    - intatti,

    - tajbin; prodotti li jkunu affettwati mit-taħsir u d-deterjorazzjoni li jagħmilhom mhux tajbin għall-konsum tan-nies huma esklużi,

    - nodfa, prattikament li jkunu ħielsa minn kull materja barranija li tkun tidher,

    - jidhru friski, imma mhux maħsula,

    - prattikament ħielsa minn insetti,

    - prattikament ħielsa minn ħsara ikkaġunata minn insetti,

    - bir-rimja (ħlief fil-każ ta’ frawli selvaġġ); ir-rimja u z-zokk (jekk ikun hemm) iridu jkunu friski u ħodor,

    - ħielsa minn umdità esterna anormali,

    - ħielsa minn riħa u/jew togħma barranija.

    Il-frawli għandhom ikunu ġew maqtugħa bl-attenzjoni.

    Iridu jkunu kibru biżżejjed u jkunu juru kondizzjoni sodisfaċenti ta’ maturità. Il-kobor u l-kondizzjoni tagħhom iridu jkunu tax-xorta li tippermettilhom:

    - li jifilħu għat-trasport u t-tqandil, u

    - li jaslu f’kondizzjoni sodisfaċenti fil-post tad-destinazzjoni.

    B. Klassifikazzjoni

    Il-frawli jiġi klassifikat fi tliet klassijiet kif definiti hawn taħt:

    (i) Klassi "Extra"

    Il-frawli f’din il-klassi għandu jkun ta’ kwalità superjuri. Irid ikun karatteristiku tal-varjetà partikolari.

    Irid ikun ileqq fl-apparenza, filwaqt illi jaħseb għall-karatteristiċi tal-varjetà.

    Irid ikun ħieles mill-ħamrija.

    Irid ikun ħieles minn difetti bl-eċċezzjoni ta’ difetti superfiċjali żgħar ħafna bil-kondizzjoni li dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni fil-pakkett.

    (ii) Klassi I

    Il-frawli f’din il-klassi jrid ikun ta’ kwalità tajba. Fejn jidħol il-kulur u l-forma, irid ikun karatteristiku tal-varjetà partikolari.

    Id-difetti żgħar li ġejjin, madankollu, huma permissibbli bil-kondizzjoni li dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni fil-pakkett:

    - difett żgħir fil-forma,

    - roqgħa bajda, li ma teċċedix wieħed minn għaxra ta’ l-erja tal-wiċċ tal-frotta,

    - marki żgħar ta’ tagħfis fil-wiċċ.

    Għandhom ikunu prattikament ħielsa mill-ħamrija.

    (iii) Klassi II

    Din il-klassi tinkludi frawli li ma jikkwalifikawx biex jiġu inklużi fil-klassijiet aktar għolja, imma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet minimi meħtieġa speċifikati hawn fuq.

    Id-difetti li ġejjin jistgħu jkunu permissibbli bil-kondizzjoni li l-frawli jibqgħu jżommu l-karatteristiċi essenzjali tagħhom fejn jirrigwarda l-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni:

    - difetti fil-forma,

    - roqgħa bajda li ma tkunx akbar minn wieħed minn ħamsa ta’ l-erja tal-wiċċ tal-frotta,

    - tbenġil ħafif li jkun xott u mhux probabbli li jinxtered,

    - traċċi żgħar ta’ ħamrija.

    III. DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW ID-DAQS

    Id-daqs jiġi determinat bid-dijametru massimu tas-sezzjoni ekwatorjali.

    Il-frawli għandu jkun tad-daqsijiet minimi li ġejjin:

    - Klassi "Extra": 25 mm,

    - Klassi I u II: 18 mm.

    M’hemmx daqs minimu għall-frawli selvaġġi.

    IV. DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IT-TOLLERANZI

    Tolleranzi fir-rigward ta’ kwalità u daqs għandhom jiġu permessi f’kull pakkett għall-prodott li ma jissodisfax il-kondizzjonijet tal-klassi indikata.

    A. Tolleranzi tal-kwalità

    (i) Klassi "Extra"

    5 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tal-klassi imma li jossodisfaw dawk ta’ Klassi I jew, b’mod eċċezzjonali, fil-limiti tat-tolleranzi ta’ dik il-klassi. Minn dawn il-5 % mhux aktar minn total ta’ 2 % jista’ jikkonsisti minn frott imħassar.

    (ii) Klassi I

    10 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tal-klassi imma li jissodisfaw dawk ta’ Klassi II jew, b’mod eċċezzjonali, fil-limiti tat-tolleranzi ta’ dik il-klassi. Minn dawn l-10 %, mhux aktar minn total ta’ 2 % jista’ jikkonsisti minn frott imħassar.

    (iii) Klassi II

    10 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jossodisfawx la l-kondizzjonijiet tal-klassi u lanqas il-kondizzjonijet minimi meħtieġa, bl-eċċezzjoni ta’ prodott affettwat bit-taħsir, tbenġil aħrax jew kull deterjorament ieħor li jagħmilhom mhux tajba biex jittieklu mill-bniedem. Minn dawn l-10 %, mhux aktar minn total ta’ 2 % jista’ jikkonsisti minn frott imħassar.

    B. Tolleranzi tad-daqs

    Għall-klassijiet kollha: 10 % bin-numru jew bil-piż tal-frawli li ma jikkonformawx mad-daqs minimu.

    V. DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-PREŻENTAZZJONI

    A. Uniformità

    Il-kontenut ta’ kull pakkett għandu jkun uniformi u jkun fih biss frawli ta’ l-istess oriġini, varjetà u kwalità.

    Fil-każ tal-klassi "Extra", il-frawli, bl-eċċezzjoni tal-frawli tal-bosk, irid ikun b’mod partikolari uniformi u regolari fir-rigward tal-grad ta’ maturità, kulur u daqs. Fi Klassi I, il-frawli jistgħu jkunu anqas uniformi fid-daqs.

    Il-parti li tidher tal-kontenut tal-pakkett trid tkun rappreżentattiva tal-kontenut kollu.

    B. Imballaġġ

    Il-frawli għandhom jiġu ppakkjati b’mod li l-prodott ikun protett kif suppost.

    Il-materjal li jintuża għal ġewwa l-pakkett irid ikun ġdid, nadif u ta’ kwalità li tiġi evitata kull ħsara minn barra jew minn ġewwa għall-prodott. L-użu ta’ materjali, partikolarment karta jew timbri li jkun fihom speċifikazzjonijiet tan-negozju huwa permess bil-kondizzjoni li l-istampar u t-tqegħid tat-tikketti jkun sar bl-użu ta’ linka li mhix tossika jew kolla.

    Il-frott ta’ Klassi "Extra" għandu jkun ippreżentat b’mod l-aktar tajjeb.

    Il-pakketti jridu jkunu ħielsa minn kull ħaġa barranija.

    VI. DISPOSIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-IMMARKAR

    Kull pakkett irid ikollu fuqu l-partikolaritajiet li ġejjin, f’ittri miġbura flimkien fuq l-istess naħa, immarkati b’mod li jinqara sew u li ma jitħassrux, u li jidhru min-naħa ta’ barra:

    A. Identifikazzjoni

    Pakkjatur u/jew min jibgħat: isem u indirizz jew marka tal-kodiċi maħruġa jew aċċettata uffiċjalment. Madankollu, fil-każ fejn tinħareġ marka tal-kodiċi, ir-referenza "Pakkjatur u/jew min jibgħat (jew abbrevjazzjonijiet ekwivalenti)" għandha tiġi indikata kemm jista’ jkun viċin tal-marka tal-kodiċi.

    B. Natura tal-prodott

    - "Frawli", jekk il-kontenut tal-pakkett ma jkunx jidher min-naħa ta’ barra.

    - Isem tal-varjetà (mhux obbligatorju).

    Ċ. Oriġini tal-prodott

    - L-isem tal-pajjiż ta’ l-oriġini u, mhux obbligatorju, id-distrett fejn sar it-tkabbir jew l-isem nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-post.

    D. Speċifikazzjonijiet Kummerċjali

    - Klassi.

    E. Marka uffiċjali tal-kontroll (mhux obbligatorja)

    --------------------------------------------------

    Top