Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0024

    Id-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2002 li għandha x'taqsam ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 124, 9.5.2002, p. 1–44 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0168

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/24/oj

    32002L0024



    Official Journal L 124 , 09/05/2002 P. 0001 - 0044


    Id-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tat-18 ta' Marzu 2002

    li għandha x'taqsam ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

    Billi:

    (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 li tirrelata għall-approvazzjoni tat-tip ta' għal vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta [4], stabbiliet proċedura għall-approvazzjoni tat-tip Komunitarja ta' għal vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta, ta' komponenti u ta' unitajiet tekniċi separati prodotti in konformità mal-ħtiġiet tekniċi stabbiliti f'direttivi separati.

    (2) Id-Direttivi separati kollha, previsti fil-lista kompleta ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li għandha tiġi rregolata f'livell Komunitarju, ġew adottati.

    (3) Il-bidu ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta [5] tippermetti li l-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip tiġi applikata b'mod komplet.

    (4) Huwa neċessarju b'mod ċar, sabiex is-sistema ta' l-approvazzjoni tat-tip tista' taħdem sewwa, li jiġu kjarifikati ċerti istruzzjonijiet amministrattivi u li jiġu supplimentati n-normi li jinstabu fl-annessi mad-Direttiva 92/61/KEE. B'dan l-iskop, huwa neċessarju li jiġu introdotti normi armonizzati li jikkonċernaw, b'mod partikolari, l-enumerar ta' ċertifikati ta' l-approvazzjoni tat-tip kif ukoll eżenzjonijiet għal vetturi ta' l-aħħar tas-serje u għal vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jinkorporaw teknoloġiji li għadhom mhumiex koperti b'arrangamenti Komunitarji, bil-mod tan-normi analogi tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [6].

    (5) B'kont meħud ta' teknoloġiji stabbiliti korrentement, l-eżami tal-komponenti u l-karatteristiċi tal-vetturi msemmija rriżulta fiż-żamma biss ta' dawk stabbiliti fl-Anness I ma' din id-Direttiva ladarba l-oħrajn kollha mhumiex adatti għal skopijiet regolatorji. Madankollu, in vista tal-progress u l-iżiviluppi fit-teknoloġija, jkun xieraq li jiġu eżaminati komponenti u karatteristiċi ulterjuri, b'mod partikolari dawk li jirrelataw għal sigurtà sekondarja, li għandhom jiżdiedu ma' dawk diġà elenkati fl-Anness I imsemmi.

    (6) Il-proċedura Komunitarja ta' approvazzjoni hija maħsuba sabiex kull Stat Membru jkun jista' jikkonferma li kull tip ta' vettura tkun għaddiet mill-kontrolli previsti fid-direttivi separati u ingħatalu ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip. Hija wkoll maħsuba sabiex manifatturi jkunu jistgħu jippreparaw ċertifikat ta' konformità għall-vetturi kollha li jikkonformaw mat-tip li ġie approvat. Meta vettura jkollha magħha dan iċ-ċertifikat tista' jitqiegħed fis-suq, tinbiegħ u tiġi rreġistrata għall-użu fil-Komunità kollha.

    (7) Ladarba l-miri biex jitjieb il-funzjonament tas-sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tal-vettura skond it-tip ma tistax tintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-impatt tal-miżuri proposti, jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħħqu dawk il-miri.

    (8) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7].

    (9) Għal raġunijiet ta' ċarezza huwa tajjeb li d-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Direttiva,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    IL-KAPITOLU I

    Il-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjonijiet

    Artikolu 1

    1. Din id-Direttiva tapplika għall-vetturi kollha vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta, kemm jekk rota doppja jew xort' oħra, maħsuba għall-ivvjaġġar fit-triq, u għall-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati ta' dawn il-vetturi.

    Din id-Direttiva ma tapplikax għall-vetturi li ġejjin:

    (a) vetturi b'veloċità massima ddisinjata li ma teċċedix 6 km/siegħa;

    (b) vetturi maħsuba għal kontroll minn operatur fuq l-art;

    (ċ) vetturi maħsuba għal użu minn dawk b'diżabilità fiżika;

    (d) vetturi maħsuba għal użu f'kompetizzjoni, fit-toroq jew f'kondizzjonijiet off-road;

    (e) vetturi diġà wżati qabel id-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/61/KEE;

    (f) tratturi u makkinarju, wżati għal skopijiet agrikoli jew simili;

    (g) vetturi maħsuba primarjament għal użu għal divertiment off road li għandhom ir-roti rranġati simmetrikament b'rota waħda lejn 'il quddiem tal-vettura u tnejn fuq wara;

    (h) roti b'assistenza tal-pedali li huma mgħammra b'mutur elettriku awżiljarju li għandu qawwa kontinwa massima stmata ta' 0,25 kW, li tiegħu il-produzzjoni hi progressivament imnaqqsa u fl-aħħar maqtugħa kif il-vettura tilħaq veloċità ta' 25 km fis-siegħa, jew iktar malajr, jekk iċ-ċiklist ma jibqax jippedala,

    lanqas għall-komponenti jew l-unitajiet tekniċi tagħhom sakemm ma jkunux maħsuba sabiex jiġu armati ma' vetturi koperti b'din id-Direttiva.

    Ma tapplikax għall-approvazzjoni ta' vetturi singoli ħlief li Stati Membri li jagħtu dawn l-approvazzjonijiet għandhom jaċċettaw kwalunkwe approvazzjoni tat-tip ta' komponenti u unitajiet tekniċi separati mogħtija taħt din id-Direttiva minflok taħt il-ħtiġiet nazzjonali rilevanti.

    2. Il-vetturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu suddiviżi f:

    (a) ċiklomuturi, jiġifieri vetturi b'żewġ roti (kategorija L1e) jew vetturi bi tlett roti (kategorija L2e) b'veloċità massima maħsuba ta' mhux iktar minn 45 km/siegħa u karatterizzati b':

    (i) fil-każ tat-tip b'żewġ roti, magna li:

    - l-kapaċità ċilindrika tagħha ma teċċedix 50 cm 3 fil-każ tat-tip b'kombustjoni interna, jew

    - l-qawwa stma kontinwa massima mhijiex iktar minn 4kW fil-każ ta' mutur elettriku;

    (ii) fil-każ tat-tip bi tlett roti, magna li:

    - l-kapaċità ċilindrika tagħha ma teċċedix 50 cm3 jekk tat-tip ta' ignition bl-ispark (pożittiva), jew

    - il-produzzjoni tal-qawwa massima netta ma teċċedix 4 kW fil-każ ta' magni oħra ta' kombustjoni interna, jew

    - il-qawwa stmata kontinwa massima ma teċċedix 4kW fil-każ ta' mutur elettriku;

    (b) muturi, jiġifieri vetturi b'żewġ roti mingħajr vagun fil-ġenb (kategorija L3e) jew b'vagun fil-ġenb (kategorija L4e), armati b'magna b'kapaċità ċilindrika ta' iktar minn 50 cm3 jekk tat-tip ta' kombustjoni interna u/jew li għandhom veloċità massima ddisinjata ta' iktar minn 45 km fis-siegħa,

    (ċ) triċikli bil-mutur, jiġifieri vetturi bi tlett roti rranġati b'mod simmetriku (kategorija L5e) armati b'magna ta' kapaċità ċilindrika ta' iktar minn 50 cm 3 jekk tat-tip ta' kombustjoni interna u/jew b'veloċità massima ddisinjata ta' iktar minn 45 km fis-siegħa.

    3. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal kwadriċikli, jiġifieri vetturi bil-mutur b'erba roti li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:

    (a) kwadriċikli ħfief b'massa meta mhux mgħobbija li mhijiex iktar minn 350 kg (kategorija L6e), mhux inkluża l-massa tal-batteriji fil-każ ta' vetturi elettriċi, li l-veloċità massima ddisinjata tagħhom mhijiex iktar minn 45 km fis-siegħa, u

    (i) li l-kapaċità ċilindrika tal-magna tagħhom ma teċċedix 50 cm 3 għal magni li jaqbdu bl-ispark (pożittiva), jew

    (ii) li l-produzzjoni massima netta tagħhom ma teċċedix 4 kW fil-każ ta' imagni oħra ta' kombustjoni interna, jew

    (iii) li l-qawwa stmata kontinwa massima tagħhom ma teċċedix 4 kW fil-każ ta' mutur ta' l-elettriku.

    Dawn il-vetturi għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet tekniċi applikabbli għal ċiklomuturi bi tliet roti tal-kategorija L2e sakemm mhux speċifikat b'mod differenti fi kwalunkwe waħda mid-direttivi separati;

    (b) kwadriċikli, barra minn dawk imsemmija f' (a), li l-massa mhux mgħobbija tagħhom mhijiex iktar minn 400 kg (kategorija L7e) (550 kg għal vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija), mhux inkluża l-massa ta' batteriji fil-każ ta' vetturi elettriċi, u li l-qawwa massima netta tal-magna tagħhom ma teċċedix 15 kW. Dawn il-vetturi għandhom jiġu kkunsidrati li huma triċikli bil-mutur u għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet tekniċi applikabbli għal triċikli bil-mutur tal-kategorija L5e sakemm mhux speċifikat b'mod differenti fi kwalunkwe mid-Direttivi separati.

    Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

    1. "tip ta' vettura" tfisser jew vettura jew grupp ta' vetturi (varjanti) li:

    (a) jappartjenu għal kategorija waħda (ċiklomutur b'żewġ roti L1e, ċiklomutur bi tlett roti L2e, eċċ., kif definit fl-Artikolu 1);

    (b) huma mibnija mill-istess manifattur;

    (ċ) għandhom l-istess chassis, qafas, subqafas, l-qiegħ jew struttura li magħha huma mqabbda l-komponenti maġġuri;

    (d) għandhom unità ta' enerġija bl-istess prinċipju ta' operazzjoni (kombustjoni interna, elettriku, ibridu, eċċ.);

    (e) għandhom l-istess deskrizzjoni tat-tip mogħtija mill-manifattur.

    Tip ta' vettura tista' tinkludi varjanti u verżjonijiet;

    2. "varjanti" tfisser jew vettura jew grupp ta' vetturi (verżjonijiet) li jkunu ta' l-istess tip meta:

    (a) għandhom l-istess forma tal-karozzerija (karatteristiċi bażiċi);

    (b) fil-grupp ta' vetturi (verżjonijieet) id-differenza fil-massa f'kundizzjoni ta' sewqan bejn il-valur l-iktar baxx u l-ogħla valur ma teċċedix 20 % tal-valur l-iktar baxx;

    (ċ) fil-grupp ta' vetturi (verżjonijiet) id-differenza fil-massa massima permissibbli bejn il-valur l-iktar baxx u l-ogħla valur ma teċċedix 20 % tal-valur l-iktar baxx;

    (d) għandhom l-istess ċiklu ta' operazzjoni (b'żewġ stroke jew b'erba' strokes, ignition bl-ispark jew ignition bil-kompressjoni);

    (e) fil-grupp ta' vetturi (verżjonijiet) id-differenza fil-kapaċità taċ-ċilindru ta' l-unità tal-qawwa (fil-każ ta' unità ta' kombustjoni interna) bejn il-valur l-iktar baxx u l-ogħla valur ma jeċċedix 30 % tal-valur l-iktar baxx;

    (f) għandhom l-istess numru u arranġament ta' ċilindri;

    (g) fil-grupp ta' vetturi (verżjonijiet) id-differenza fil-produzzjoni ta' qawwa ta' l-unità ta' qawwa bejn il-valur l-iktar baxx u l-ogħla valur ma teċċedix 30 % tal-valur l-iktar baxx;

    (h) għandhom l-istess mod ta' operazzjoni (ta' muturi ta' l-elettriku);

    (i) għandhom l-istess tip ta' gearbox (manwali, awtomatiċi eċċ.);

    3. "verżjoni" tfisser vettura ta' l-istess tip u varjanti imma li tista' tinkorpora kwalunkwe mit-tagħmir, komponenti jew sistemi elenkati fid-dokument ta' informazzjoni fl-Anness II sakemm ikun hemm biss:

    (a) valur wieħed ikkwotat għal:

    (i) il-massa f'kundizzjoni ta' sewqan;

    (ii) il-massa massima permessibbli;

    (iii) il-produzzjoni ta' qawwa ta' l-unità ta' qawwa;

    (iv) il-kapaċità ċilindrika ta' l-unità ta' qawwa; u

    (b) sett wieħed ta' riżultati ta' test ikkwotat skond l-Anness VII;

    4. "sistema" tfisser kwalunkwe sistema ta' vettura bħall-brejkijiet, it-tagħmir għall-kontroll ta' emissjoni, eċċ. li hi soġġetta għall-ħtiġiet stabbiliti fi kwalunkwe mid-direttivi separati;

    5. "unità teknika separata" tfisser mezz, bħal silencer ta' sostituzzjoni tas-sistema ta' l-exhaust, soġġett għall-ħtiġiet ta' direttiva separata, maħsub li jkun parti minn vettura, li jista' jingħata l-approvazzjoni tat-tip separatament imma biss f'relazzjoni ma' tip wieħed jew iktar speċifikat ta' vetturi, meta d-direttiva separata tagħmel proviżjoni espressa biex dan isir;

    6. "komponent" ifisser mezz, bħal fanal, soġġett għall-ħtiġiet ta' direttiva separata, maħsub li jkun parti minn vettura, li jista' jingħata l-approvazzjoni tat-tip indipendentement minn vettura, meta d-direttiva separata tagħmel proviżjoni espressa biex dan isir;

    7. "approvazzjoni tat-tip" tfisser il-proċedura li permezz tagħha Stat Membru jiċċertifika li tip ta' vettura, sistema, unità teknika separata jew komponent jissodisfaw il-ħtiġiet tekniċi stabbiliti f'din id-Direttiva jew fid-direttivi separati u l-kontrolli dwar il-korrettezza tad-data tal-manifatturnt, kif previst fil-lista kompleta stabbilita fl-Anness I;

    8. "roti doppji" jfisser żewġ roti mmuntati fuq l-istess fus, bid-distanza bejn iċ-ċentri taż-żoni tagħhom ta' kuntatt ma' l-art tkun inqas minn 460 mm. Roti doppji għandhom jiġu kkunsidrati bħala rota waħda;

    9. "vetturi bi propulsjoni doppja" tfisser vetturi b'żewġ sistemi differenti ta' propulsjoni, per eżempju sistema elettrika u sistema termika;

    10. "manifattur" ifisser il-persuna jew il-korp responsabbli lejn l-awtorità ta' approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta' l-approvazzjoni tat-tip u għall-assigurazzjoni tal-konformità tal-produzzjoni. Mhuwiex essenzjali li l-persuna jew il-korp ikunu involuti b'mod dirett fl-istadji kollha ta' kostruzzjoni tal-vettura, komponent jew unità teknika separata koperti bil-proċess ta' approvazzjoni;

    11. "servizz tekniku" jfisser l-organizzazzjoni jew il-korp li jkunu nħatru bħala laboratorju ta' ttestjar sabiex iwettqu testijiet jew ispezzjonijiet għan-nom ta' l-awtorità ta' approvazzjoni ta' Stat Membru. Din il-funzjoni tista' wkoll titwettaq mill-awtorità ta' approvazzjoni nfisha.

    IL-KAPITOLU II

    Proċeduri biex tingħata l-approvazzjoni tat-tip

    Artikolu 3

    Applikazzjonijiet għal approvazzjoni tat-tip għandhom jiġu sottomessi mill-manifattur lill-awtorità ta' approvazzjoni ta' Stat Membru. Għandu jkun hemm magħhom dokument ta' informazzjoni, li mudell tiegħu, għal skopijiet ta' approvazzjoni tat-tip ta' vettura hu stabbilit fl-Anness II u, għal skopijiet ta' approvazzjoni tat-tip ta' sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti, jinstab f'anness jew appendiċi għad-direttiva ta' sistema, unità teknika separata jew komponent in kwistjoni, u wkoll mid-dokumenti l-oħra msemmija fid-dokument ta' informazzjoni. Applikazzjonijiet għal tip partikolari ta' vettura, sistema, unità teknika separata jew komponent jistgħu jiġu sottomessi lil Stat Membru wieħed biss.

    Artikolu 4

    1. Kull Stat Membru għandu jagħti approvazzjoni tat-tip lit-tipi kollha ta' vetturi, sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti jekk dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) it-tip ta' vettura tissodisfa l-ħtiġiet tekniċi tad-direttivi separati u hija deskritta mill-manifattur skond id-data prevista fil-lista kompleta stabbilita fl-Anness I;

    (b) is-sistema, l-unità teknika separata jew il-komponent jissodisfaw il-ħtiġiet tekniċi tad-direttiva separata rilevanti u hi kif deskritt mill-manifattur skond id-data prevista fil-lista kompleta stabbilita fl-Anness I

    2. Qabel ma jwettqu approvazzjoni tat-tip, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li jwettqu dawn l-operazzjonijiet għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jassiguraw, jekk neċessarju f'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn issir il-fabbrikazzjoni jew il-prodott jinġieb fil-Komunità, li hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VI sabiex il-vetturi, sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti ffabbrikati ġodda, mqiegħda fis-suq, offerti għall-bejgħ jew imdaħħla fis-servizz, jikkonformaw mat-tip approvat.

    3. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jassiguraw, jekk neċessarju f' kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn isseħħ il-fabbrikazzjoni jew jinġieb il-prodott fil-Komunità, li d-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VI jibqgħu jiġu osservati.

    4. Meta applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip ta' vettura jkollha magħha ċertifikat wieħed jew iktar ta' approvazzjoni tat-tip ta' sistema, unità teknika separata jew ta' komponent mahruġ minn Stat Membru wieħed jew iktar, l-Istat Membru li jikkonduċi l-approvazzjoni tat-tip għal tip ta' vettura għandu jkun obbligat jaċċetthom u m'għandux iwettaq, fir-rigward tas-sistemi, l-unitajiet tekniċi separati u/jew komponenti li jkunu ngħataw l-approvazzjoni tat-tip, il-kontrolli meħtieġa mill-paragrafu 1 (b).

    5. Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip ta' sistema, unità teknika separata jew komponent li jagħti. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li jagħtu approvazzjoni tat-tip għal tip ta' vettura għandhom jikkontrollaw il-konformità tal-produzzjoni, meta neċessarju f' kooperazzjoni ma' dawk l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra li jkunu ħarġu ċertifikati ta' approvazzjoni tat-tip għal sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti.

    6. Madankollu, jekk Stat Membru jsib li vettura, sistema, unità teknika separata jew komponent li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma madankollu riskju serju għas-sigurtà fit-triq, jista' jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip. Għandu minnufih jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan, b'dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom hi bbażata d-deċiżjoni.

    Artikolu 5

    1. L-awtorità kompetenti fi Stat Membru għandha timla l-formola ta' approvazzjoni tat-tip li tinstab fl-Anness III għat-tipi kollha ta' vettura li fir-rigward tagħhom tikkonduċi approvazzjoni tat-tip, u b'żieda ma' dan għandha tagħmel iskrizzjoni tar-riżultati tat-test taħt l-intestaturi rilevanti fuq il-formola annessa mal-formola ta' approvazzjoni tat-tip ta' vettura, li l-mudell tagħha jingħata fl-Anness VII.

    2. L-awtorità kompetenti fi Stat Membru għandha timla l-formola ta' approvazzjoni tat-tip li tinsab f' anness jew appendiċi għal kull Direttiva separata rilevanti, għal kull tip ta' sistema, unità teknika separata jew komponent li fir-rigward tiegħu tikkonduċi approvazzjoni tat-tip.

    3. Iċ-ċertifikati ta' approvazzjoni tat-tip ta' vettura, sistema, unità teknika separata jew komponent għandhom jiġu enumerati skond il-metodu deskritt fl-Anness V, il-parti A.

    Artikolu 6

    1. L-awtorità kompetenti f'kull Stat Membru għandha tgħaddi lil dawk ta' l-Istati Membri l-oħra fi żmien xahar, kopja taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip, flimkien ma' l-annessi għal kull tip ta' vettura li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip jew li jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip.

    2. L-awtorità kompetenti f'kull Stat Membru għandha tibgħat fix-xahar lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra, lista ta' approvazzjonijiet tat-tip ta' sistema, unità teknika separata jew komonent, li tkun tat jew irrifjutat li tagħti tul dak ix-xahar.

    Barra minn dan, fuq talba ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, għandha tibgħat minnufih kopja taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip flimkien ma' l-annessi għal kull tip ta' sistema, unità teknika separata jew komponent.

    Artikolu 7

    1. Ċertifikat ta' konformità, li mudell tiegħu jidher fl-Anness IV-A, għandu jimtela mill-manifattur għal kull vettura prodotta in konformità mat-tip li ġie approvat. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun ma' kull vettura. Madankollu, Stati Membri jistgħu jitolbu, wara li jagħtu notifika ta' mill-inqas tlett xhur lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra, għal raġunijiet ta' tassazzjoni tal-vettura jew sabiex jitfassal id-dokument ta' reġistrazzjoni tal-vettura, li ċ-ċertifikat ta' konformità jikkontjeni dettalji barra minn dawk imsemmija fl-Anness IV-A, sakemm dawk id-dettallji huma inklużi b'mod espliċitu fid-dokument ta' informazzjoni.

    Iċ-ċertifikat ta' konformità għandu jkun magħmul b'tali mod li jipprevjeni kull falsifikazzjoni. Għal dan l-iskop, l-istampar għandu jsir fuq karta protetta jew bi grafika kkulurita jew b'marka ta' l-ilma bil-marka ta' identifikazzjoni tal-manifattur tal-vettura.

    2. Ċertifikat ta' konformità, li mudell tiegħu jidher fl-Anness IV-B, għandu jimtela mill-manifattur għal kull unità teknika separata jew komponent mhux oriġinali fabbrikat in konformità mat-tip aprovat. Dak iċ-ċertifikat mhuwiex meħtieġ għal unitajiet tekniċi jew komponenti oriġinali separati.

    3. Meta l-unità teknika separata jew il-komponent li għandu jiġi mogħti l-apàprovazzjoni tat-tip iwettaq il-funzjoni tiegħu jew juri karatteristika speċifika biss flimkien ma' komponenti oħra tal-vettura u għal din ir-raġuni konformità ma' ħtieġa waħda jew iktar tista' tiġi verifikata biss meta l-unità teknika separata jew il-komponent li għandu jiġi approvat jiffunzjona flimkien ma' komponenti oħra tal-vettura kemm jekk reali jew simulati, l-iskop ta' approvazzjoni tat-tip ta' dik l-unità teknika separata jew tal-komponent għandu jkun ristrett b'mod appropjat. Iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip għal unità teknika separata jew komponent għandu mbagħad jistabilixxi kwalunkwe restrizzjonijiet dwar l-użu u kwalunkwe istruzzjonijiet biex jiġi armat. Konformità ma' dawn ir-restrizzjonijiet u l-ħtiġiet għandha tiġi verifikata meta l-vettura tingħata l-approvazzjoni tat-tip.

    4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, it-titolari ta' approvazzjoni tat-tip għal unità teknika separata jew komponent li tkun ingħatat taħt l-Artikolu 4 għandu jkun obbligat iwaħħal ma' kull unità teknika separata jew komponent ta' dan it-tip iffabbrikati in konformità mat-tip approvat, il-marka tal-fabbrika jew trade mark tiegħu, dikjarazzjoni tat-tip u, jekk id-direttiva separata teħtieġ hekk, il-marka ta' approvazzjoni tat-tip imsemmija fl-Artikolu 8. F'dan il-każ ta' l-aħħar, mhuwiex meħtieġ jimla ċ-ċertifikat previst fil-paragrafu 2.

    5. Kwalunke titolari ta' ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip għal unità teknika separata jew komponent li, taħt il-paragrafu 3, jikkontjeni restrizzjonijiet dwar l-użu, għandu iforni informazzjoni dettalljata dwar dawk ir-restrizzjonijiet u għandu jagħti istruzzjonijiet ta' armar, meta approprjat, ma' kull unità separata jew komponent iffabbrikat.

    6. Kwalunkwe titolari ta' ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip għal unità teknika separata ta' tagħmir mhux oriġinali, maħruġ in konnessjoni ma' tip wieħed jew iktar ta' vettura, għandu ma' kull unità ta' dan it-tip iforni informazzjoni dettalljata li tippermetti li dawk il-vetturi jiġu identifikati.

    Artikolu 8

    1. Kwalunkwe vettura prodotta in konformità mat-tip li jkun ingħata l-approvazzjoni tat-tip għandu jkollha marka ta' approvazzjoni tat-tip komposta skond is-Sezzjoni 1, is-Sezzjoni 3 u is-Sezzjoni 4 tan-numru ta' approvazzjoni tat-tip, stabbilit fl-Anness V, il-Parti A.

    2. Kwalunkwe unità teknika separata u kwalunkwe komponent prodott in konformità mat-tip li jkun ingħata l-approvazzjoni tat-tip għandha tinkludi, jekk id-direttiva rilaventi separata tipprovdi hekk, marka ta' l-approvazzjoni tat-tip li tissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness V, il-Parti B. In-numru ta' l-approvazzjoni tat-tip elenkat fl-Anness V, il-Parti B, il-paragrafu 1.2. għandu jkun kompost skond is-Sezzjoni 4 tan-numru ta' l-approvazzjoni tat-tip stabbilit fl-Anness V, il-Parti A.

    L-informazzjoni li tinsab fil-marka ta' l-approvazzjoni tat-tip tista' tiġi ssupplimentata b'iktar informazzjoni li tippermetti ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għall-unità teknika separata jew għall-komponent in kwistjoni li jiġi identifikat. Dik l-informazzjoni ulterjuri għandha, meta approprjat, tiġi speċifikata fid-direttivi separati dwar dawk l-unitajiet tekniċi separati jew il-komponenti.

    Artikolu 9

    1. Il-manifattur għandu jkun responsabbli għall-fabbrikazzjoni ta' kull vettura jew għall-produzzjoni ta' kull sistema, unità teknika separata jew komponent in konformità mat-tip approvat. Il-waqfien finali tal- produzzjoni jew kwalunkwe bidliet għall-informazzjoni li tinsab fid-dokument ta' informazzjoni għandha tiġi notifikata mit-titolari ta' l-approvazzjoni tat-tip lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li ħareġ l-approvazzjoni tat-tip.

    2. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jikkunsidraw li bidla ta' dan it-tip ma tinvolvi ebda bidla għaċ-ċertifikat eżistenti ta' l-approvazzjoni tat-tip, jew għat-tfassil ta' ċertifikat ġdid ta' l-approvazzjoni tat-tip, għandhom jinfurmaw lill-manifattur kif suppost.

    3. Jekk l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jikkonfermaw li bidla fl-informazzjoni stabbilita fid-dokument ta' l-informazzjoni tiġgustifika kontrolli ġodda jew testijiet ġodda, għandhom jinfurmaw lill-manifattur kif suppost u għandhom iwettqu dawk it-testijiet. Jekk il-kontrolli jew testijiet jinvolvu emendi għaċ-ċertifikat eżistenti ta' approvazzjoni tat-tip jew għat-tfassil ta' ċertifikat ġdid, l-awtoritajiet għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra skond l-Artikolu 6.

    4. Meta d-dettallji li jidhru fid-dokument ta' informazzjoni għal approvazzjoni ta' vettura jkunu nbidlu, il-manifattur għandu joħroġ paġni riveduti lill-awtorità ta' approvazzjoni li juru b'mod ċar in-natura tal-bidla u d-data ta' ħruġ mill-ġdid. Biss meta l-bidliet magħmula lid-dokument ta' informazzjoni jinneċessitaw l-emenda ta' iskrizzjoni waħda jew iktar mogħtija fiċ-ċertifikat ta' konformità fl-Anness IV (ħlief il-partiti 19.1 u 45 sa 51 inklużi), għandu jinbidel in-numru ta' referenza fuq id-dokument ta' informazzjoni.

    5. Meta ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip jieqaf milli jkollu effett bħala riżultat ta' waqfien finali ta' produzzjoni tat-tip ta' vettura li ġiet approvata jew tas-sistema jew ta' l-unità teknika separata jew tal-komponent li jkun ingħta l-approvazzjoni tat-tip, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li wettqu dik l-approvazzjoni tat-tip għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra fi żmien xahar.

    Artikolu 10

    1. Jekk l-Istat Membru li jkun ikkonduċa l-approvazzjoni tat-tip isib li vetturi, sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti ma jikkonformawx mat-tip approvat, għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jassigura li l-produzzjoni ta' kwalunkwe oġġett li jkun ingħata l-approvazzjoni iat-tip huwa għal darb' oħra in konformità. L-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat Membru għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru l-ieħor bil-miżuri meħuda li jistgħu, meta neċessarju, jestendu għall-irtirar ta' l-approvazzjoni tat-tip.

    2. Jekk Stat Membru jsib li vetturi, sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti ma jikkonformawx mat-tip approvat, jista' jitlob lill-Istat Membru li jkun ikkonduċa l-approvazzjoni tat-tip sabiex jivverifika l-irregolaritajiet misjuba. Kwalunkwe Stat Membru li jkun ikkonduċa approvazzjoni tat-tip għandu jikkonduċi l-kontroll neċessarju fi żmien sitt xhur wara d-data ta' irċevuta ta' dik it-talba. Fil-każ li jiġi stabbilit nuqqas ta' konformità, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li jkun ikkonduċa l-approvazzjoni tat-tip għandhom jieħdu l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1.

    3. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat I Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin, fi żmien xahar, bl-irtirar ta' kwalunkwe approvazzjoni tat-tip mogħtija u bir-raġunijiet għal din il-miżura.

    4. Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip jikkontesta n-nuqqas ta' konformità notifikat lilu, l-Istati Membri involuti għandhom jippruvaw jirrisolvu l-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata u, meta neċessarju, għandu jkollha konsultazzjonijiet approprjati sabiex tilħaq ftehim.

    Artikolu 11

    Waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista' jirrikonoxxi ekwivalenza bejn il-kondizzjonijiet jew id-dispożizzjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi sistemi, unitajiet tekniċi separati u komponenti stabbiliti b'din id-Direttiva flimkien mad-direttivi separati, u l-proċeduri stabbiliti minn regolamenti internazzjonali jew regolamenti ta' pajjiżi terzi fil-kwadru ta' ftehim multilaterali jew ftehim bilaterali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

    Artikolu 12

    Jekk Stat Membru jsib li vetturi, sistemi, unitajiet tekniċi separati jew komponenti jikkostitwixxu perikolu għas-sigurtà fit-toroq, għalkemm huma ta' tip approvat, jista', għal perjodu massimu ta' sitt xhur, jipprojbixxi fit-territorju tiegħu il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew l-użu tagħhom. Għandu minnufih jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, u jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

    Artikolu 13

    Kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna r-rifjut jew l-irtirar ta' l-approvazzjoni tat-tip, projbizzjoni fuq il-bejgħ jew l-użu ta' vettura, unità teknika separata jew komponent meħuda skond id-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiddikjara fid-detall ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Għandha tiġi notifikata lill-parti kkonċernata, li għandha, fl-istess ħin, tkun infurmata bir-rimedji disponibbli taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri u bil-limiti taż-żmien permessi għall-eżerċizzju ta' dawn ir-rimedji.

    Artikolu 14

    1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-ismijiet u l-indirizzi ta':

    (a) l-awtoritajiet ta' l-approvazzjoni tat-tip u, jekk applikabbli, id-dixxiplini li għalihom l-awtoritajiet huma responsabbli;

    (b) is-servizzi tekniċi li huma approvaw, filwaqt li u jispeċifikaw għal liema proċeduri tat-test kull wieħed minn dawn is-servizzi ġie approvat. Is-servizzi notifikati għandhom jissodisfaw l-i standards armonizzati dwar l-operazzjoni ta' laboratorji ta' ttestjar (EN 45001) bla ħsara għall-provisos li ġejjin:

    (i) manifattur ma jistax jiġi approvat bhala servizz tekniku ħlief meta d-Direttiva separata tagħmel dispożizzjonijiet espressi biex dan isir;

    (ii) għall-iskop ta' din id-Direttiva mhuwiex ikkunsidrat eċċezzjonali għal servizz tekniku li juża tagħmir minn sorsi fuq barra, soġgett għall-ftehim ta' l-awtorità ta' approvazzjoni.

    2. Servizz notifikat għandu jiġi presunt li jissodisfa l-istandard armonizzat imma, meta approprjat, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stati Membri sabiex jipprovdu evidenza ta' sostenn.

    Servizzi ta' pajjiż terz ma jistgħux jiġu notifikati bħla servizzi tekniċi approvati ħlief fil-kwadru ta' ftehim bilaterali jew ftehim multilaterali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

    IL-KAPITOLU III

    Kondizzjonijiet marbuta ma' moviment liberu, arranġamenti provviżorji, eżenzjonijiet u proċeduri alternattivi.

    Artikolu 15

    1. Stati Membri m'għandhomx jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta' vetturi ġodda li jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Biss vetturi li jikkonformaw ma' din id-Direttiva jistgħu jiġu ppreżentati għal reġistrazzjoni inizjali.

    2. Stati Membri m'għandhomx jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ jew l-użu ta' unitajiet tekniċi separati jew komponenti ġodda li jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Biss unitajiet tekniċi separati u komponenti li jikkonformaw ma' din id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jinbiegħu għall-ewwel darba għal użu fl-Istati Membri.

    3. B'deroga mill-paragrafi 1 u 2:

    (a) Stati Membri jistgħu jeżentaw vetturi, sistemi, unitajiet tekniċi separati u komponenti maħsuba:

    (i) jew għall-produzzjoni f'serje żgħira sa massimu ta' 200 unità fis-sena għal kull tip ta' vettura, għal kull sistema, għal kull komponent jew għal kull unità teknika separata;

    (ii) jew għall-forzi armati, aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi, servizzi għad-difiża ċivili, il-korpi għat-tifi tan-narjew il-korpi għax-xogħolijiet pubbliċi,

    minn konformità ma' kwalunkwe mill-ħtiġiet tad-direttivi separati.

    L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu nfurmati b'dawn l-eżenzjonijiet fi żmien xahar minn meta jingħataw. Fi żmien tlett xhur dawn l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jaċċettawx l-approvazzjoni tat-tip għal vetturi li għandhom jiġ rreġistrati fit-territorju tagħhom. Iċ-ċertifikat ta' din l-approvazzjoni tat-tip ma jistax ikollu l-intestatura "ċertifikat ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE";

    (b) ċertifikati ta' l-approvazzjoni tat-tip maħruġa f'livell nazzjonali qabel is-17 ta' Ġunju 1999 għandhom jibqgħu validi fl-Istati Membri li joħorġuhom għal perjodu ta' erba' snin mid-data li fiha liġjiet nazzjonali huma meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-direttivi rilevanti.

    L-istess perjodu huwa wkoll estiż għal tipi ta' vetturi, sistemi, komponenti jew entitajiet tekniċi li jikkonformaw mal-ħtiġiet nazzjonali ta' Stati Membri li japplikaw sistemi leġislattivi oħra minn dawk ta' approvazzjoni tat-tip fis-seħħ qabel l-implimentazzjoni tad-direttivi rilevanti.

    Vetturi koperti b'din l-eżenzjoni ta' l-aħħar jistgħu jitqiegħdu fis-suq, jinbiegħu u jiddaħħlu fis-servizz tul dan il-perjodu b'ebda limitu ta' żmien fuq l-użu tagħhom.

    It-tqegħid fis-suq, il-bejgħ u l-użu ta' sistemi, unitajiet tekniċi separati u komponenti għal dawn il-vetturi ma għandu jkollhom ebda limitu ta' żmien.

    4. Din id-Direttiva m'għandhiex teffettwa d-dritt ta' l-Istati Membri li jistabilixxu — skond it-Trattat- il-ħtiġiet li huma jikkunsidraw neċessarji sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni ta' l-utenti waqt l-użu tal-vetturi in kwistjoni, sakemm dan ma jinvolvix modifika lil dawn il-vetturi.

    Artikolu 16

    1. B'deroga mill-Artikolu 15(1) u (2), u fil-limiti stabbiliti fl-Anness VIII, Stati Membri jistgħu, għal perjodu limitat, jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda li jikkonformaw ma' tip ta' vettura li l-approvazzjoni tat-tip tagħha m'għadhiex valida. Din l-għażla għandha tkun limitata għal perjodu ta' 12-il xahar mid-data li fiha l-approvazzjoni tat-tip tilfet il-validità tagħha.

    L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal vetturi li kienu fit-territorju tal-Komunità u kienu akkumpanjati minn ċertifikat validu ta' konformità li kien inħareġ meta l-approvazzjoni tat-tip tal-vettura in kwistjoni kienet għadha valida, imma li ma kienux irreġistrati jew imdaħħla fis-servizz qabel ma l-approvazzjoni tat-tip imsemmija tilfet il-validità tagħha.

    2. Qabel ma l-paragrafu 1 jista' jiġi applikat għal tip wieħed jew iktar ta' kategorija partikolari, il-manifattur għandu jissottometti talba lill-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat bid-dħul fis-servizz ta' dawn it-tipi ta' vettura. It-talba għandha tispeċifika ir-raġunijiet tekniċi u/jew ekonomiċi li jiġġustifikawha.

    Fi żmien tlett xhur dawn l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk, u għal kemm unitajiet, jaċċettaw it-tip ta' vettura kkonċernata għar-reġistrazzjoni fit-territorju tagħhom. Kull Stat Membru kkonċernat bid-dħul fis-servizz ta' dawn it-tipi ta' vettura għandu jkun responsabbli biex jassigura li l-manifattur jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VIII. Stati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull sena lista ta' eżenzjonijiet mogħtija.

    3. Fir-rigward ta' vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jinkorporaw teknoloġiji jew kunċetti li ma jistgħux, minħabba n-natura speċifika tagħhom jikkonformaw ma' ħtieġa waħda jew iktar ta' waħda jew iktar mid-Direttivi separati, il-punt (ċ) ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 70/156/KEE għandu japplika.

    IL-KAPITOLU IV

    Proċedura għall-adattament għall-progress tekniku

    Artikolu 17

    Kwalunkwe emendi meħtieġa għall-iskopijiet ta' adattament għall-progress tekniku ta' l-Annessi ma' din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet tad-direttivi separati msemmija fl-Anness I għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2).

    Artikolu 18

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat għall-Adattament għall-Progress Tekniku, stabbilit bl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE (hawnhekk iżjed 'il quddiem magħruf bħala "l-Kumitat").

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'qies għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE hu stabbilit għal tlett xhur.

    3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

    IL-KAPITOLU V

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 19

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE għandha titħassar b'effett mid-9 ta' Novembru 2003. Referenzi magħmula għad-Direttiva 92/61/KEE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u jinqraw skond it-tabella ta' korrispondenza fl-Anness IX.

    Artikolu 20

    1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ qabel id-9 ta' Mejju 2003 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

    Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, mid-9 ta' Novembru 2003. Madankollu, fuq it-talba tal-manifattur il-mudell preċedenti taċ-ċertifikat ta' konformità jista' xorta jintuża għat-12-il xahar ta' wara.

    3. Mid-9 ta' Mejju 2003 l-Istati Mebri m'għandhomx jipprojbixxu l-ewwel dħul fis-servizz ta' vetturi li jikkonformaw ma' din id-Direttiva.

    4. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 21

    Din id-Direttiva m'għandhiex tinvalida kwalunkwe approvazzjonijiet mogħtija qabel id-9 ta' Novembru 2003, lanqas tipprevjeni l-estensjoni ta' dawn l-approvazzjonijiet skond it-termini tad-Direttiva li taħtha kienu oriġinarjament mogħtija. Madankollu, mid-9 ta' Novembru 2003 ċertifikati ta' konformità maħruġa mill-manifattur għandhom jikkonformaw mal-mudell speċifikat fl-Anness IV.

    Artikolu 22

    Fl-istennija ta' l-armonizzazzjoni ta' sistemi ta' reġistrazzjoni u tassazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward ta' vetturi koperti b'din id-Direttiva, Stati Membri jistgħu jużaw sistemi nazzjonali ta' kodiċi sabiex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni u t-tassazzjoni fit-territorju tagħhom. Stati Membri jistgħu ukoll jitolbu li ċ-ċertifikat ta' konformità jiġi ssupplimentat bin-numru ta' kodiċi nazzjonali.

    Artikolu 23

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 24

    Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-18 ta' Marzu 2002.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Arias Cañete

    [1] ĠU C 307 E, tas-26.10.1999, p. 1.

    [2] ĠU C 368, ta' l-20.12.1999, p. 1.

    [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 1999 (ĠU C 154, tal-5.6.2000, p. 50), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 72. id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 106, tat-3.5.2000, p. 1).

    [5] ĠU L 226, tat-18.8.1997, p. 1.

    [6] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Parlament Ewropew u bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/40/KE (ĠU L 203, ta' l-10.8.2000, p. 9).

    [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    --------------------------------------------------

    LISTA TA' L-ANNESSI

    L-Anness I: | Lista ta' ħtiġiet għall-iskop ta' approvazzjoni tat-tip ta' vettura |

    L-Anness II: | Dokument ta' informazzjoni |

    L-Anness III: | Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE |

    L-Anness IV: | Ċertifikati ta' konformità |

    L-Anness V: | L-Enumerar u l-immarkar |

    L-Anness VI: | Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontroll ta' konformità ta' produzzjoni |

    L-Anness VII: | Riżultati tat-test |

    L-Anness VIII: | Vetturi ta' l-aħħar tas-serje |

    L-Anness IX: | Tabella ta' korrelazzjoni |

    --------------------------------------------------

    Top