Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1825

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1825/2000 tal-25 ta’ Awwissu 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga

    ĠU L 216, 26.8.2000, p. 8–12 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 23/03/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1825/oj

    32000R1825



    Official Journal L 216 , 26/08/2000 P. 0008 - 0012


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1825/2000

    tal-25 ta’ Awwissu 2000

    li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxil-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u ta' prodotti mill-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 [1], b'mod partikolari l-Artiklu 19 tiegħu.

    Billi:

    (1) Regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandhom jiġu stabbiliti, b’mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ bejn Stati Membri, sabiex is-sistema tat-tikkettjar ma twassalx għat-tfixkil tal-kummerċ taċ-ċanga u s-suq tal-vitella.

    (2) Sabiex tassigura t-traċċabilità, huwa neċessarju, fil-kuntest ta’ sistemi kemm obbligatorji kif ukoll volontari tat-tikkettjar taċ-ċanga, li l-operaturi u l-organizazzjonijiet iżommu sistema ta’ identifikazzjoni u sistema ta’ reġistrazzjoni komprensiva għaċ-ċanga, f’kull wieħed mid-diversi stadji tal-produzzjoni u l-bejgħ.

    (3) Sabiex tidentifika l-biċċeriji li għalihom ma jeżisti ebda numru ta’ approvazzjoni, huwa meħtieġ, għal perjodu transitorju, li jiġu stabbiliti metodi alternattivi għal dawn il-biċċeriji.

    (4) Huwa wkoll neċessarju li tiġi definita l-proċedura li trid tiġi stabbilita għat-tikkettjar ta’ laħam taċ-ċanga miksub mill-annimali, li l-informazzjoni sħiħa dwar it-twelid u l-ispustament tagħhom ma kinitx disponibbli minħabba li r-reġistrazzjoni ta’ dik l-informazzjoni saret meħtieġa biss wara l-1 ta’ Jannar ta’ l-1998 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali tal-fart u fir-rigward tat-tikketjar taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga( [2]), Dispożizzjoni simili hi meħtieġa għat-tikkettjar taċ-ċanga li ġejja minn annimali importati ħajjin fil-Komunità minn pajjiżi terzi.

    (5) Fil-kuntest ta’ indikazzjoni sħiħa ta’ l-oriġini, biex jevitaw repetizzjoni mhux neċessarja ta’ l-indikazzjoni fuq it-tikketta ta’ l-Istati Membri jew pajjiżi terzi fejn ikun sar it-tkabbir, huwa neċessarju li tiġi introdotta preżentazzjoni ssimplifikata ibbażata fuq il-ħin li matulu l-annimal li minnu ċ-ċanga kienet miksuba nżamm fl-Istat membru jew fil-pajjiż terz tat-twelid jew tal-qatla..

    (6) Huwa neċessarju li s-sitwazzjoni tiġi ċċarata fir-rigward ta’ l-informazzjoni supplimentarja li tista’ tiġi inkluża fuq tikketti taħt proċeduri ssimplifikati għall-kapuljat taċ-ċanga. Din l-informazzjoni supplementari tista’, taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, tiġi indikata sal-1 ta’ Settembru 2000. Ċerta informazzjoni tista’ tiġi indikata biss sal-1 ta’ Jannar 2002 jekk l-Istati Membri kkonċernati jkunu ħadu deċiżjoni biex tapplika sistema ta’ tikkettjar nazzjonali obbligatorja li tinkludi t-tali informazzjoni jekk l-operatur ikkonċernat jindika l-informazzjoni fuq bażi volontarja.

    (7) Fil-kuntest ta’ sistema ta’ tikkettjar taċ-ċanga volontarja, huwa neċessarju li tipprovdi għal proċedura aċċelerata jew issimplifikata għal ċertu qtugħ ta’ ċanga ittikkettjati fi Stat Membru skond speċifikazzjoni approvata u introdotta fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    (8) Bil-ħsieb li tiggarantixxi l-affidabbiltà ta’ l-ispeċifikazzjoni, huwa neċessarju għall-entità indipendenti u għall-awtorità kompetenti li jkollhom aċċess għar-rekords kollha miżmuma mill-operaturi u mill-organzzazzjonijiet u li jwettqu kontroll fuq il-post fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju.

    (9) L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet meta l-produzzjoni taċ-ċanga sseħħ, b’mod sħiħ jew in parti, f’pajjiż terz. Ikun approprjat jekk jiġu stabbiliti regoli ddettaljati implimentattivi għall-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ l-importazzjoni taċ-ċanga minn pajjiżi terzi.

    (10) Sabiex jiġi żgurat li l-arranġamenti tat-tikkettjar li għandhom x’jaqsmu ma’ ċanga importata ta’ affidabbiltà ekwivalenti għal dawk applikabbli għaċ-ċanga tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifiki li jaslu minn pajjiżi terzi. In-notifiki sħaħ għandhom jiġu trasmessi lill-Istati Membri meta l-Kummissoni tasal għall-konklużjoni li l-proċeduri u/jew l-kriterji applikati fil-pajjiż terz konċernat hi ekwivalenti għall-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    (11) Sabiex tiggarantixxi l-affidabbiltà tas-sistema tat-tikketjar fil-pajjiżi terzi l-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa fid-dawl ta’ l-informazzjoni li tasal bħala riżultat ta’ dawn it-talbiet.

    (12) Il-Kummissjoni tista’ twettaq kontrolli fil-pajjiżi terzi. Sabiex tkun tista’ twettaq kontrolli f’pajjiż terz, il-Kummissjoni teħtieġ il-kunsens tal-pajjiż terz in kwestjoni. Jekk it-tali kunsens ma jasalx, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa.

    (13) Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jwettqu kontrolli sabiex jiggarantixxu reqqa suffiċenti għat-tikketti użati volontarjament.

    (14) Għandu jiġi stabbilit qafas għas-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq l-operaturi. Dan il-qafas għandu jqis is-sitwazzjonijiet meta operatur ma jkunx ittikkettja ċ-ċanga b’mod konformi mar-regoli ta’ sistema ta’ tikkettjar obbligatorja jew meta operatur jittekkettja ċ-ċanga, fil-kuntest ta’ sistema ta’ tikkettjar volontarja, mingħajr ma jħares l-ispeċifikazzjonijiet jew fejn m’hemm l-ebda speċifikazzjoni approvata. Għal perjodu limitat, sa l-1 ta’ Jannar 2001, biex tagħmel tajjeb għad-diffikultajiet ta’ operaturi fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-iktar sanzjonijiet iebsin għandhom jittieħdu biss meta t-tikketta jkollha informazzjoni li tista’ tqarraq lill-konsumatur jew ma tikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjoni approvata.

    (15) Ir-Regolament (KE) Nru 820/97 jistabbilixxi li kull operatur jew organizzazzjoni li jixtiequ jagħmlu indikazzjoni volontarja fuq tikketta għandhom jissottomettu speċifikazzjoni għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru li fih iseħħu l-produzzjoni jew il-bejgħ taċ-ċanga in kwestjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2772/1999 tal-21 ta’ Diċembru 1999 li jistabbilixxi regoli ġenerali għal sistema obbligatorja ta’ tikkettjar taċ-ċanga ( [3]) ippermettiet lill-operaturi biex ikomplu jagħtu indikazzjonijiet volontarji fuq it-tikketti taċ-ċanga, bħala kumpliment għall-indikazzjonijiet obbligatorji, sal-31 ta’ Awwissu 2000.

    (16) Kemm-il darba ma tkun saret ebda bidla għall-ispeċifikazzjonijiet volontarji approvati u fuq kondizzjoni li huma konformi mar-regoli l-ġodda, huwa xieraq li t-tali speċifikazzjonijiet kif ukoll dawk approvati għall-pajjiżi terzi, għandhom ikomplu jkunu validi.

    (17) Ir-Regolament (KE) Nru 820/97 jistabbilixxi li, meta jkunu disponibbli dettalji suffiċenti fis-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali tal-fart, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, għal ċanga minn annimali mwielda, imkabbra u maqtula fl-istess Stat Membru, iridu jiġu indikati wkoll biċċiet supplimentari ta’ informazzjoni fuq it-tikketti. Ir-Regolament (KE) Nru 2772/1999 jippermetti lill-Istati Membri biex ikomplu jirrikorru għall-possibbiltà li jimponu sistema ta’ tikkettjar obbligatorja għaċ-ċanga minn annimali mwielda, imsemmna u maqtula fit-territorju tagħhom stess, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 820/97, fuq bażi proviżorja, sal-31 ta’ Awwissu 2000.

    (18) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 98/595/KE tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar l-applikazzjoni għal sistema ta’ tikkettjar taċ-ċanga obbligatorja fi Franza u l-Belġju [4] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/1/KE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998 dwar l-applikazzjoni għal sistema ta’ tikkettjar obbligatorja fil-Finlandja( [5]) tippermetti li dawk l-Istati Membri jimponu sistema ta’ tikkettjar obbligatorja għaċ-ċanga għall-annimali mwielda, imsemmna u maqtula fit-territorju tagħhom stess. Dawk id-deċiżjonijiet, kif ukoll kull deċiżjonijiet ulterjuri ta’ din ix-xorta, għandhom ikomplu jkunu applikabbli sa kemm l-indikazzjoni sħiħa ta’ l-oriġini fis-sistema Komunitarja tat-tikkettjar obbligatorja tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

    (19) Sabiex jissorveljaw l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tikkettjar volontarja, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-ispeċifikazzjonijiet approvati u jikkomunikaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar ir-regoli implimentattivi nazzjonali tagħhom u l-indikazzjonijiet volontarji approvati fit-territorju tagħhom. Huwa meħtieġ li din l-informazzjoni tinżamm regolarment aġġornata.

    (20) Huwa meħtieġ li jiġi abrogat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1141/97 tat-23 ta’ Ġunju 1997, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 fir-rigward tat-tikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga( [6]), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 824/98( [7]). Madanakollu, sabiex tiġi evitata kull konfużjoni matul il-perjodu tranżitorju qabel l-introduzzjoni tas-sistema obbligatorja, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, ir-Regolament (KE) Nru 1141/97 għandu jibqa’ jgħodd għal-laħam li ġej minn annimali maqtula qabel l-1 ta’ Settembru 2000.

    (21) Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Traċċabilità

    L-operaturi u l-organizazzjonijiet kollha, fit-tifsira tat-tielet daħla ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, għandhom, f’kull wieħed mid-diversi stadji tal-produzzjoni u l-bejgħ, ikollhom sistema ta’ identifikazzjoni u sistema ta’ reġistrazzjoni komprensiva.

    Din is-sistema għandha tiġi applikata b’tali mod li tassigura rabta bejn l-identifikazzjonijiet tal-laħam u l-animal jew annimali in kwestjoni kif stabbilit fl-Artikolu 13(1) u 16(2) tar-Regolament.

    Is-sistema tar-reġistrazzjoni għandha tirreġistra, b’mod partikolari, il-wasla u t-tluq tal-bhejjem, karkassi u/jew qtugħ biex tassigura li korrelazzjoni bejn il-wasliet u t-tluq tkun iggarantita.

    L-Artikolu 2

    It-tikkettjar meta l-informazzjoni ma tkunx disponibbli

    1. In-numru ta’ l-approvazzjoni, kif issir referenza għalih fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandu jkun:

    (a) jew in-numru ta’ approvazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE [8],

    (b) jew, meta ma jkun hemm l-ebda numru ta’ approvazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali.

    Meta l-ebda wieħed miż-żewġ numri ma jkun disponibbli, sa l-1 ta’ Jannar 2001, in-numru jista’ jiġi mibdul bl-isem u l-indirizz tal-biċċerija.

    2. Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 (5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000:

    (a) għal-laħam li ġej minn annimali mwielda fil-Komunità qabel l-1 ta’ Jannar 1998, meta l-informazzjoni dwar il-post tat-twelid u/jew il-post tat-trobbija, minbarra l-aħħar post tat-trobbija, ma tkunx disponibbli, l-indikazzjoni tal-post tat-twelid u/jew post tat-trobbija għandha tiġi mibdula bl-indikazzjoni "*(Imwielda qabel l-1 ta’ Jannar 1998)".

    (b) għal laħam miksub minn annimali impurtati ħajjin fil-Komunità, meta l-informazzjoni dwar il-post tat-twelid u/jew il-post tat-trobbija, minbarra l-aħħar post tat-trobbija, ma tkunx disponibbli, l-indikazzjoni tal-post tat-twelid u/jew applikazzjoni tal-post tat-trobbija għandhom jiġu mibdula bl-indikazzjoni "*(Importazzjoni ħajja fil-KE)" jew "*(Importazzjoni ta’ annimali ħajjin minn (isem ta’ pajjiż terz) )".

    L-Artikolu 3

    Simplifikazzjoni ta’ l-indikazzjoni ta’ l-oriġini

    Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, għaċ-ċanga miksuba minn annimali li jkun ilhom jiġu mrobbija għal 30 jum jew inqas:

    - fl-Istat Membru jew pajjiż terz tat-twelid,

    - fl-Istat Membru jew pajjiż terz fejn saret il-qatla,

    l-indikazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri jew pajjiżi terzi, bħala l-Istat Membru jew pajjiż terz fejn saret it-trobbija, m’għandhiex tkun meħtieġa, kemm-il darba dawk l-annimali ġew imrobbija fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz għal perjodu itwal minn 30 jum.

    L-Artikolu 4

    Daqs tal-grupp

    1. Matul il-qtugħ tal-karkassi jew kwarti, id-daqs tal-grupp li għalih issir referenza fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandu jkun definit bin-numru tal-karkassi jew kwarti maqtugħa flimkien u li jikkostitwixxu lott wieħed għall-impjant tal-qtugħ konċernat. Dan id-daqs ma jista’ f’ebda każ jeċċedi l-produzzjoni ta’ ġurnata.

    2. Maqtul il-qtugħ jew l-ikkapuljar, grupp jista’ jiġi rrikostitwit mill-gruppi kollha li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 impoġġija fi qtugħ jew kapuljar fl-istess ġurnata.

    L-Artikolu 5

    Kapuljat taċ-ċanga

    1. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, laħam kapuljat huwa definit bħala laħam li ġie mqatta’ kapuljat fi frak jew mgħoddi minn magna bi skrun spirali.

    2. L-informazzjoni supplimentari li tista’ tkun inkluża fuq tikketti kif provdut fit-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandha tkun:

    (a) sa mill-1 ta’ Settembru 2000, l-indikazzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 13(2)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, kif ukoll id-data ta’ l-ikkapuljar;

    (b) sa mill-1 ta’ Settembru 2000 sa l-1 ta’ Jannar 2002, l-indikazzjonijiet li għalihom issir referenza fil-punti (a)(i) u (ii) u (b) ta’ l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun ħa deċiżjoni biex japplika sistema ta’ tikkettjar obbligatorja inkluża t-tali informazzjoni jew jekk l-operatur konċernat jindika l-informazzjoni, b’mod konformi mat-Taqsima II tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, fuq bażi volontarja,

    (c) sa mill-1 ta’ Jannar 2002, l-indikazzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 13(5)(a)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    L-Artikolu 6

    Proċeduri ta’ approvazzjoni

    1. Il-perjodu stabbilit fit-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, li matulu ma tkunx ingħatat jew ġiet miċħuda l-approvazzjoni u li matulu ma tkunx ġiet mitluba informazzjoni supplimentari mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li lilu tintbagħat iċ-ċanga, għandu jkun ta’ xahrejn mill-ġurnata wara d-data ta’ meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

    2. Skond l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar il-qtugħ ta’ ċanga fina f’pakketti individwali, ittikkettjati fi Stat Membru skond speċifikazzjoni approvata u introdott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, meta l-ebda informazzjoni ma tkun miżjuda mat-tikketta tal-bidu, il-perjodu pprovdut fit-tini subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandu jkun ta’ 14-il jum.

    3. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, ċanga f’pakketti żgħar ta’ l-imnut li ġew ittikketjati fi Stat Membru skond speċifikazzjoni approvata tista’ tiġi introdotta fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u mibjugħa hemmehekk mingħajr approvazzjoni minn qabel ta’ l-ispeċifikazzjoni tat-tikketjar minn dan l-Istat Membru, dejjem jekk:

    (a) il-pakketti in kwestjoni jibqgħu mhux mibdula;

    (b) l-ispeċifikazzjoni approvati mill-Istat Membru tal-pakkettjar jkopri wkoll l-bejgħ taċ-ċanga ppakjata fi Stati Membri oħrajn;

    (c) l-Istat Membru li japprova t-tali speċifikazzjoni jipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha bil-quddiem lill-Istati Membri l-oħrajn kollha, fejn, skond l-ispeċifikazzjoni approvata, iċ-ċanga ppakkjata għandha tinbiegħ.

    L-Artikolu 7

    Kontrolli

    1. L-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom il-ħin kollu jagħtu lill-esperti tal-Kummissjoni, lill-awtorità kompetenti u lill-entità ta’ kontroll indipendenti relevanti fit-tifsira tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, aċċess għall-kwartieri tagħhom u għar-rekords kollha li jippruvaw li l-informazzjoni fuq it-tikketti in kwestjoni hija tajba.

    2. L-awtorità kompetenti u, fil-każ li għalih issir referenza fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, l-entità ta’ kontroll indipendenti għandha twettaq kontrolli regolari fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju li għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, il-komplessità ta’ l-ispeċifikazzjoni kkonċernata. Għal kull kontroll għandu jsir rapport ta’ spezzjoni li jinkludi kwalunkwe nuqqas kif ukoll il-miżuri proposti biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u kwalunkwe limiti ta’ żmien u sanzjonijiet imposti.

    3. Meta l-għażla pprovduta fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 ma tiġix magħżula, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli b’tali mod li tagħti garanziji suffiċenti ta’ l-eżattezza fuq it-tikketti użati. Il-frekwenza tagħhom għandha tkun stabbilita, b’mod partikolari, b’referenza għall-kumplessità ta’ l-ispeċifikazzjoni kkonċernata.

    4. L-operaturi, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet ta’ kontroll independenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni relevanti kollha lill-awtorità kompetenti.

    L-Artikolu 8

    Approvazzjonijiet mogħtija minn pajjiżi terzi

    1. Il-Kummissjoni għandha tivverifika li n-notifikazzjonijiet huma kompluti kif stabbilit fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000. Mal-wasla ta’ notifikazzjoni li ma tkunx kompluta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż terz kkonċernat filwaqt li tindika l-informazzjoni li hija meħtieġa.

    In-notifikazzonijiet kompluti għandhom jiġu trażmessi mill-Istati Membri sa kemm il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-proċeduri u/jew l-kriterji applikati fil-pajjiż terz ikkonċernat humiex ekwivalenti għall-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 b’mod konformi mal-poteri tiegħu li jagħmel hekk skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 17(2) ta’ dak ir-Regolament.

    2. Jekk, f’kull ħin, il-Kummissjoni jidhrilha, fuq il-bażi tan-notifika stabbilita fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, li huwa approprjat li tivverifika li l-proċeduri u/jew kriterji notifikati f’pajjiż terz huma fl-istess ħin ekwivalenti ma’ l-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-pajjiż terz biex jipprovdi kull informazzjoni meħtieġa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-pajjiż terz biex jipprovdi kopji ta’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati mill-awtorità kompetenti nnominata. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll lill-pajjiż terz biex jawtorizza lil rappreżentanti tal-Kummissjoni biex iwettqu kontrolli f’pajjiż terz.

    3. Jekk xi informazzjoni jew awtorizzazzjoni skond il-paragrafu preċedenti ma tasalx fiż-żmien speċifikat mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-proċeduri u/jew kriterji applikati fil-pajjiż terz m’humiex ekwivalenti għall-istandards stabiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    4. Il-Kummisjoni tista’ f’kull ħin tibdel id-deċiżjoni inizjali tagħha fir-rigward ta’ l-ekwivalenza tal-proċeduri u/jew kriterji applikati fil-pajjiż terz konċernat skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikoli 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    L-Artikolu 9

    Sanzjonijiet

    1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet li għandha tkun applikabbli fil-każ ta’ ksur tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.

    2. Mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, meta ċ-ċanga tkun ġiet ittikkettjata:

    - mingħajr ma ġiet imħarsa s-sistema ta’ tikkettjar obbligatorja, jew

    - fil-każ ta’ applikazzjoni tas-sistema volontarja, mingħajr ma ġiet imħarsa l-ispeċifikazzjoni, jew meta ma jkun hemm ebda speċifikazzjoni approvata,

    L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li ċ-ċanga titneħħa minn fuq is-suq sakemm tiġi ittikkettjata mill-ġdid skond dan ir-Regolament.

    Madanakollu, jekk il-laħam ikkonċernat jkun konformi mar-regoli kollha eżistenti veterinarji jew ta’ iġene, l-Istati Membri jistgħu, minbarra s-sanzjonijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1, jawtorizzaw li t-tali ċanga tintbagħat direttament għall-ipproċessar fi prodotti, minbarra dawk indikati fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    3. Sa l-1 ta’ Jannar 2001, it-tneħħija tal-laħam taċ-ċanga mis-suq għandha ssir biss meta t-tikketta jkollha informazzjoni li tista’ tqarraq lill-konsumatur b’ċertu grad sostanzjali jew jekk ma tkunx tikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjoni approvata.

    L-Artikolu 10

    Rekords

    L-awtorità kompetenti għandha tagħmel rekord ta’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati u, b’mod partikolari, ta’ kull operatur u organizzazzjoni responsabbli għat-tikkettjar taċ-ċanga u l-entità independenti responsabbli għall-kontrolli.

    L-Artikolu 11

    Komunikazzjonijiet

    L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni:

    (a) l-ismijiet ta’ l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ tikkettjar skond ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 kif ukoll ir-regoli ddettaljati l-oħrajn u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kontrolli relevanti li għandhom jitwettqu u s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati;

    (b) sat-30 ta’ Settembru 2000, lista ta’ l-indikazzjonijiet volontarji kollha approvati fit-territorju tagħhom;

    (c) kull tliet xhur, aġġornatment tal-lista li għaliha ssir referenza fil-punt (b).

    L-Artikolu 12

    Dispożizzjonijiet transitorji

    Fuq il-kondizzjoni li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u ma’ dan ir-Regolament,

    (a) l-ispeċifikazzjonijiet volontarji approvati taħt l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 820/97 għandhom ikomplu jkunu validi;

    (b) is-sistemi nazzjonali obbligatorji tat-tikkettjar taċ-ċanga, approvati taħt l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 820/97, għandhom ikomplu jkunu validi sa l-1 ta’ Jannar 2002, kif ukoll kull deċiżjonijiet oħra ta’ din ix-xorta.

    L-Artikolu 13

    Abrogazzjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 1141/97 huwa hawnhekk abrogat.

    Madanakollu, għandu jibqa’ applikabbli għall-laħam li ġej minn annimali maqtula qabel l-1 ta’ Settembru 2000.

    Ir-referenzi għar-Regolament abbrogat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b'mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.

    L-Artikolu 14

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan għandu japplika għaċ-ċanga miksuba minn animali maqtula mill-1 ta’ Settembru 2000.

    Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, il-25 ta’ Awwissu 2000.

    Għall-Kummissjoni

    Philippe Busquin

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 204, tal-11.08.2000, p. 1.

    [2] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1.

    [3] ĠU L 334, tat-28.12.1999, p. 1.

    [4] ĠU L 286, tat-23.10.1998, p. 55.

    [5] ĠU L 1, tal-5.1.1999, p. 3.

    [6] ĠU L 165, ta' l-24.06.1997, p. 7.

    [7] ĠU L 117, tal-21.04.1998, p. 4.

    [8] ĠU 121, tad-29.7.1964, p. 2012/64.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    Tabella tal-Korrelazzjoni

    (Regolament (KE) Nru 1141/97) | Dan ir-Regolament |

    L-Artikolu 2 | L-Artikolu 1 |

    — | L-Artikolu 2 |

    — | L-Artikolu 3 |

    — | L-Artikolu 4 |

    — | L-Artikolu 5 |

    L-Artikolu 1 | L-Artikolu 6 |

    L-Artikolu 3 | L-Artikolu 7 |

    L-Artikolu 4a | L-Artikolu 8 |

    L-Artikolu 4 | L-Artikolu 9 |

    L-Artikolu 5(1) | L-Artikolu 10 |

    L-Artikolu 5(2) | L-Artikolu 11 |

    — | L-Artikolu 12 |

    — | L-Artikolu 13 |

    L-Artikolu 6 | L-Artikolu 14 |

    --------------------------------------------------

    Top