Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0027

    Id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi

    ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51–55 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/12/2009; Imħassar b' 32009L0022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/27/oj

    31998L0027



    Official Journal L 166 , 11/06/1998 P. 0051 - 0055


    Id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tad-19 ta' Mejju 1998

    dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

    Wara li kunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Waqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 189b tat-trattat [3],

    (1) Billi ċerti Direttivi, elenkati fl-iskeda annessa ma' din id-Direttiva, jistipulaw regoli rigward il-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi;

    (2) Billi l-mekkaniżmi kurrenti disponibbli sew fil-livell nazzjonali u sew f'dak tal-Komunità li jintużaw biex jiżguraw il-konformità ma' dawk id-Direttivi mhux dejjem jippermettu li ksur ta' liġijiet li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi jitwaqqfu f'waqthom; billi l-interessi kollettivi ifissru interessi li ma jinkludux l-akkumulazzjoni ta' interessi ta' individwi li ġralhom xi ħsara minħabba ksur ta' liġi; billi din hija mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet individwali li jsiru minn individwi li ġralhom il-ħsara minħabba ksur ta' liġi;

    (3) Billi, safejn hu konċernat l-għan li jġib it-twaqqif ta' prattiċi li huma kontra l-liġi fid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, l-effettività ta' miżuri nazzjonali li jieħdu post id-Direttivi ta' hawn fuq li jinkludu miżuri protettivi li jmorru 'l hinn mill-livell meħtieġ minn dawk id-Direttivi, sakemm huma kompatibbli mat-Trattat u permessi minn dawk id-Direttivi, jistgħu ma jitħallewx isiru fejn dawk il-prattiċi jipproduċu effetti fi Stat Membru altru minn dak li oriġinaw fih;

    (4) Billi dawk id-diffikultajiet jistgħu jfixklu l-ħidma tajba tas-suq intern, il-konsekwenza tagħhom tkun li huwa biżżejjed li s-sors ta' prattika kontra l-liġi titressaq għal pajjiż ieħor sabiex titqiegħed 'il bogħod minn kull forma ta' inforzament; billi din tikkostitwixxi tfixkil ta' kompetizzjoni;

    (5) Billi dawk id-diffikultajiet x'aktarx inaqqsu l-fiduċja tal-konsumatur fis-suq intern u jistgħu jillimitaw l-iskop għall-azzjoni minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jew korpi pubbliċi indipendenti responsabbli biex jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, li jkunu affetwati ħażin mill-prattiċi li jiksru l-liġi tal-Komunità;

    (6) Billi dawk il-prattiċi ħafna drabi jestendu 'l hinn mill-fruntieri bejn l-Istati Membri; billi hemm bżonn urġenti għal ċertu grad ta' approssimazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ddisinjati sabiex jiġi ordnat it-twaqqif tal-prattiċi kontra l-liġi msemmijin hawn fuq irrispettivament mill-pajjiż li fih il-prattika kontra l-liġi produċiet l-effetti tagħha; billi rigward il-ġurisdizzjoni, din hija mingħajr preġudizzju lir-regoli tal-liġi privata internazzjonali u l-Konvenzjonijiet fis-seħħ bejn l-Istati Membri, filwaqt li jirrispettaw l-obbigi ġenerali ta' l-Istati Membri li joħorġu mit-Trattat, b'mod partikolari dawk relatati mal-ħidma tajba tas-suq intern;

    (7) Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni ppreveduta jistgħu jinkisbu biss mill-Komunità; billi huwa b'hekk id-dmir tal-Komunità li taġixxi;

    (8) Billi t-tielet paragrafu ta' l-Artiklu 3b tat-Trattat jqiegħed responsabbilita fuq il-Komunità li ma tmurx 'il hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat; billi, f'konformità ma' dak l-Artikolu, il-fatturi speċifiċi tas-sistemi legali nazzjonali għandhom jingħataw każ għal kull estent possibbli billi l-Istati Membri jitħallew ħielsa sabiex jagħżlu l-għażliet differenti li għandhom effett ekwivalenti; billi l-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti biex jirregolaw il-proċeduri li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva għandhom ikollhom id-dritt li jeżaminaw l-effetti tad-deċiżjonijiet li ttieħdu qabel;

    (9) Billi għażla waħda għandha tikkonsisti fil-ħtieġa li korp pubbliku indipendenti jew aktar, responsabbli speċifikament għall-protezzjoni ta' l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, sabiex jeżerċita d-drittijiet ta' azzjonijiet ippreżentati f'din id-Direttiva; billi għażla oħra għandha tipprovdi għall-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet minn organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumatur; f'konformità mal-kriterji stipulati mil-liġi nazzjonali;

    (10) Billi l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu bejn jew jikkombinaw dawn iż-żewġ għażliet meta jinnominaw il-korpi u/jew organizzazzjonjijiet ikkwalifikati għall-għanijiet ta' din id-Direttiva fil-livell nazzjonali;

    (11) Billi għall-għanijiet ta' ksur ta' liġi fil-Komunità tal-prinċipju ta' għarfien mutwali għandhom japplikaw lill-dawk il-kopri u/jew organizzazzjonijiet; billi l-Istati Membri għandhom, fuq talba ta' l-entitajiet nazzjonali tagħhom, jibgħatu lill-Kummissjoni l-isem u għan ta' l-entitajiet nazzjonali tagħhom li huma kwalifikati li jieħdu azzjoni f'pajjiżhom stess skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva;

    (12) Billi hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura l-pubblikazzjoni ta' lista ta' dawn l-entitajiet kwalifikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewopej, billi, sakemm tkun ippublikata stqarrija għall-kuntrarju, entità kwlifikata tkun preżunta li għandha kapaċità legali jekk isimha tidher f'dik il-lista;

    (13) Billi l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li ssir konsultazzjoni minn qabel mill-parti li għandha l-ħsieb li tieħu azzjoni għal inġunzjoni, sabiex jagħtu lill-akkużat opportunità li jwaqqaf il-ksur tal-liġi kontestata; billi l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li din il-konsultazzjoni minn qabel issir flimkien ma' korp pubbliku indipendenti maħtur minn dawk l-Istati Membri;

    (14) Billi, meta l-Istati Membri jkunu stabbilew li għandu jkun hemm konsultazzjoni minn qabel, għandu jiġi stabbilit perjodu ta' żmien ta' ġimgħatejn wara li tkun riċevuta t-talba għall-konsultazzjoni li, jekk ma jinkisibx it-twaqqif tal-ksur tal-liġi, l-applikant għandu jkun intitolat li jġib azzjoni quddiem il-qorti jew awtorità amminstrattiva kompetenti mingħajr ebda dewmien żejjed;

    (15) Billi huwa xieraq li r-rapport tal-Kummissjoni fuq il-ħidma ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari dwar l-iskop u l-ħidma tal-konsultazzjoni minn qabel tagħha;

    (16) Billi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    1. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri relatati ma' azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għaliha fl-Artikolu 2 immirata lejn il-protezzjoni ta' l-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.

    2. Għall-iskop ta' din id-Direttiva, ksur għandu jfisser kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness li jinbidlu bl-ordni legali interna ta' l-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 1.

    Artikolu 2

    Azzjonijiet għal inġunzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti li jirregolaw l-proċeduri li jinbdew minn entitajiet kwalifikati fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 3 li jfittex:

    (a) ordni bl-għaġġla kollha xierqa, fejn xieraq b'mod ta' proċedura sommarja, li teħtieġ il-waqfien jew projbizzjoni ta' kull ksur;

    (b) fejn xieraq, miżuri bħalma huma l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, kollha kemm hi jew parti minnha, fit-tali forma li tinftiehem li hi adekwata u/jew il-pubblikazzjoni ta' stqarrija korrettiva bil-għan li jiġu eleminati l-effetti kontinwi tal-ksur;

    (ċ) safejn tippermetti din is-sistema legali ta' l-Istat Membru konċernat, ordni kontra l-akkużat tellifi għall-ħlasijiet għal ġewwa l-erarju pubbliku jew għal kull benefikant nominat fil- jew skond il-leġislazzjoni nazzjonali, fl-eventwalità ta' nuqqas li jikkonforma mad-deċiżjoni f'limitu ta' żmien speċifikat mill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi, ta' ammont fiss għal kull ġurnata ta' dewmien jew kull ammont ieħor li hemm provdut għalih fil-leġislazzjoni nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-konformità mad-deċiżjonijiet.

    2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi privata internazzjonali, b'rispett għall-liġi applikabbli, b'hekk normalment twassal għall-applikazzjoni jew tal-liġi ta' l-Istat Membru fejn oriġina l-ksur jew il-liġi ta' l-Istat Membru fejn il-ksur ikun ħalla l-effetti tiegħu.

    Artikolu 3

    Entitajiet kwalifikati sabiex jieħdu azzjoni

    Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, "entità kwalifikata" tfisser kull korp jew organizzazzjoni li, filwaqt li huwa kostitwit sew skond il-liġi ta' Stat Membru, għandu interess leġittimu li jiżgura li d-dispożizzjonijiet li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1 ikunu f'konformità, b'mod partikolari:

    (a) korp jew aktar indipendenti, speċifikament responsabbli biex jipproteġġi l-interessi li saret riferenza għalhom fl-Artikou 1, fl-Istati Membri fejn jeżistu dawn il-korpi u/jew

    (b) organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jipproteġu l-interessi li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1, b'konformità mal-kriterji stipulati mill-liġi nazzjonali tagħhom.

    Artikolu 4

    Ksur intra-Komunitarju

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li, fl-eventwalità ta' ksur li joriġina f'dak l-Istat Membru, kull entità kwalifikata minn Stat Membru ieħor fejn l-interessi protetti minn dik l-entità kwalifikata huma effettwati mill-ksur, jista' jġib quddiem l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li saret riferenza għaliha fl-Artikolu 2, bi presentazzjoni tal-lista li hemm provdut għaliha fil-paragrafu 3. Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi għandhom jaċċettaw din il-lista bħala prova tal-kapaċità legali ta' l-entità kwalifikata mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jeżaminaw jekk l-għan ta' l-entità kwalifikata jiġġustifikax il-fatt li qed tieħu azzjoni f'każ speċifiku.

    2. Għall-għanijiet tal-ksur ta' liġi intra-Komunitarja, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija lill-entitajiet oħra fil-leġislazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom, fuq talba ta' l-entitajiet kwalifikati tagħhom, jikkommunikaw mal-Kummissjoni li dawk l-entitajiet huma kwalifikati li jieħdu azzjoni skond l-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-isem u l-għan ta' dawn l-entitajiet kwalifikati.

    3. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista ta' l-entitajiet kwalifikati li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 2, bl-ispeċifikazzjoni ta' l-għan tagħhom. Din il-lista għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; tibdiliet lil din il-lista għandhom ikunu pubblikati mingħajr dewmien, u l-lista aġġornata għandha tkun ippubblikata kull sitt xhur.

    Artikolu 5

    Konsultazzjoni minn qabel.

    1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet li bihom il-parti li tixtieq tfittex inġunzjoni tista' tibda din il-proċedura biss wara li tkun ipprovat tikseb il-waqfien tal-ksur f'konsultazzjoni jew ma' l-akkużat jew sew ma' l-akkużat u ma' entità kwalifikata skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(a) ta' l-Istat Membru li fih hija mfittxija l-inġunzjoni. Għandu jitħalla għall-Istati Membri li jiddeċidu jekk il-parti li qiegħdha tfittex l-inġunzjoni għandhiex tikkonsulta l-entità kwalifikata. Jekk il-waqfien tal-ksur ma jinkisibx fi żmien ġimgħatejn wara li tkun riċevuta t-talba għall-konsultazzjoni, il-parti konċernata tista' ġġib azzjoni għall-inġunzjoni mingħajr ebda dewmien aktar.

    2. Ir-regoli li jirregolaw konsultazzjoni minn qabel adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu innotifikati lill-Kummissjoni u għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 6

    Rapporti

    1. Kull tlett snin u għall-ewwel darba mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    2. Fl-ewwel rapport tagħha l-Kummissjoni għandha teżamina b'mod partikolari:

    - l-iskop ta' din id-Direttiva f'relazzjoni mal-protezzjoni ta' l-interessi kollettivi ta' persuni li jeżerċitaw attività kummerċjali, industriali, sengħa jew professjonali;

    - l-iskop ta' din id-Direttiva kif inhu determinat mid-Direttivi elenkati fl-Anness;

    - jekk il-konsultazzjoni minn qabel fl-Artikolu 5 ikkontribwixxiet għall-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi.

    Fejn xieraq, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti bil-għan li tkun emendata din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Dispożizzjoni għal azzjoni aktar wiesgħa

    Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iddisinjati li jagħtu lill-entitajiet kwalifikati jew kull persuna oħra konċernata aktar drittijiet estensivi biex iġibu l-azzjoni f'livell nazzjonali.

    Artikolu 8

    Implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar mard minn 30 xahar wara li tidħol fis-seħħ. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

    Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 10

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Mejju 1998.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. M. Gil-robles

    F'isem il-Kunsill

    Il-President

    G. Brown

    [1] ĠU C 107, tat-13.4.1996, p. 3 u ĠU C 80, tat-13.3.1997, p. 10.

    [2] ĠU C 30, tat-30.1.1997, p. 112.

    [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 1996 (ĠU C 362, tat-2.12.1996, p. 236). Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-30 ta' Ottubru 1997 (ĠU C 389, tat-22.12.1997, p.51) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 1998 (ĠU C 104, tas-6.4.1998). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' April 1998.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    LISTA TAD-DIRETTIVI KOPERTI MILL-ARTIKOLU 1 [1]

    1. Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta' l-10 ta' Settembru 1984 relatata ma’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw ir-riklamar qarrieqi (ĠU L 250, tad-19.9.1984, p.17).

    2. Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU L 372, tal-31.12.1985, p.31).

    3. Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kreditu tal-konsumatur (ĠU L 42, tat-12.2.1987, p.48), emendat l-aħħar bid-Direttiva 98/7/KE (ĠU L 101, ta' l-1.4.1998, p.17).

    4. Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinament ta' ċerti dispożizzjonijiet stipulati mill-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jikkonċernaw l-insegwiment ta' attivitajiet ta' xandir televiżiv: L-Artikoli 10 sa 21 (ĠU L 298, tas-17.10.1989, p.23 emendat mid-Direttiva 97/36/KE (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60)).

    5. Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar pakketti ta' vjaġġar, pakketti ta' vakanzi u pakketti ta' ġiti (ĠU l 158, tat- 23.6.1990, p.59).

    6. Direttiva tal-Kunsill 92/28/KEE tal-31 ta' Marzu 199 dwar ir-riklamar ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 113, tat-30.4.1992, p.13).

    7. Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar termini inġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi (ĠU L 95, tal-21.4.1993, p.29).

    8. Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'rispett ta' ċerti aspetti ta' kuntratti relatati max-xiri tad-dritt li jintużaw proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare (ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83).

    9. Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi f'rispett għal kuntratti mill-bogħod (ĠU L 144, ta' l-4.6.1997, p. 19).

    [1] Direttivi Nri 1, 6, 7 u 9 jikkontjentu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar azzjonijiet inġuntivi.

    --------------------------------------------------

    Top