Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997R0956

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 956/97 tad-29 ta’ Mejju 1997 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar ta’ l-ispraġ

    ĠU L 139, 30.5.1997, p. 10–15 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/02/2009: This act has been changed. Current consolidated version: 28/07/1998

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/956/oj

    31997R0956



    Official Journal L 139 , 30/05/1997 P. 0010 - 0015


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 956/97

    tad-29 ta’ Mejju 1997

    li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar ta’ l-ispraġ

    Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti ta’ frott ipproċessat u ħxejjex [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

    Billi l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 jipprovdi miżuri speċifiċi biex jiġu promossi prodotti ta’ importanza fil-livell lokali jew reġjonali li jiffaċċaw kompetizzjoni qawwija internazzjonali; billi l-ispraġ abjad għall-ipproċessar jilħaq dawn il-kriterji; billi, b’żieda, fil-każ ta’ l-ispraġ għall-ipproċessar, l-Artikolu 10(3) jipprovdi għall-għajununa b’rata fissa għal kull ettaru biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi; billi regoli dettaljati għandhom għalhekk jiġu stipulati għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

    Billi, fl-interessi ta’ l-effiċjenza, miżuri għandhom jiġu implimentati biex itejbu l-kompetittività tas-settur permezz ta’ programmi li għandhom jiġu proposti u implimentati minn assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jkunu jikkonsistu minn organizzazzjoniiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet tal-proċessaturi, u l-kondizzjonijiet għar-rappreżentattività tagħhom għandhom jiġu definiti b’referenza kemm għar-reġjun ta’ produzzjoni u għall-produzzjoni tal-Komunità;

    Billi, minħabba l-ħtiġiet tas-settur, żewġ rati differenti ta’ iffinanzjar tal-Komunità għandhom jiġu ffissati, skond it-tip ta’ miżura li għandha tiġi ffinanzjata, kif ukoll żewġ limiti fuq l-iffinanzjar tal-Komunità, skond kemm l-assoċjazzjonijiet ikunu rappresentattivi; billi, abiex jiġi faċilitat il-kalkolu tal-limitu mill-assoċjazzjonijiet rapresentattivi, għandu jiġi stipulat li l-limitu jiġi kalkolat b’referenza għall-valur tal-produzzjoni ta’ l-assoċjazzjonijiet rappresentattivi matul il-perjodu ta’ tlett snin 1994 sa l-1996;

    Billi, fl-interessi ta’ l-amministrazzjoni soda, l-informazzjoni u l-impriżi li għandhom jiġu inkużi fil-programmi ta’ miżuri speċifiċi, il-miżuri li għanadhom jiġu esklużi, il-limitu ta’ żmien għall-approvazzjoni mill-Istati Membri u l-proċedura għal kull emenda fil-programmi għandhom jiġu definiti;

    Billi dispożizzjoni għandha ssir għal ħlas wieħed bil-quddiem suġġett għall-garanziji addattati u ta’ ħlasijiet kull sitt xhur ristretti għall-85 % ta’ l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja; billi għandu jiġi speċifikat li l-garanzija għandha tiġi rrilaxxata meta l-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja jitħallas; billi l-attivitajiet ta’ l-assoċjazzjonijiet għandhom jiġu sorveljati permezz ta’ rapporti perjodiċi;

    Billi, minħabba l-grad għoli ta’ responsabbiltà vestit fl-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, dispożizzjoni għandha ssir għal proċeduri stretti ta’ kontroll u penalitajiet ta’ deterrent fil-każ ta’ ksur tal-liġi;

    Billi, sabiex jiġi assigurat li r-rata fissa ta’ għajnuna għal kull ettaru tiġi diretta lejn iż-żoni li fil-preżent qegħdin jiffaċċaw kompetizzjoni qawwija internazzjonali, dik l-għajnuna għandha tiġi ristretta għal żoni li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni ta’ sparġ abjad għall-ipproċessar, miżrugħ mhux aktar tard mill-1996, li jkollhom produzzjoni minima u li huma koperti b’kuntratt ma’ proċessatur;

    Billi, minħabba li l-għajnuna tingħata għal tliet snin, dispożizzjoni għandha ssir biex tintbagħat applikazzjoni waħda għall-għajnuna, li għandha tiġi kkonfermata fis-snin ta’ wara b’dikjarazzjoni tal-produzzjoni; billi, sabiex ikun hemm konformità mar-restrizzjoni ta’ l-għajnuna f’żona ta’ 9000 ettari, dispożizzjoni għandha ssir biex il-Kummissjoni tiġi infurmata biż-żoni li dwarhom l-għajnuna tkun qed tintalab, u biex koeffiċjent ta’ tnaqqis jiġi ffisat jew din iż-żona massima tinqabeż;

    Billi, fl-interessi li jkun hemm rata ta’ għajnuna effiċjenti, dispożizzjoni għandha ssir għall-proċeduri ta’ kontroll li jinkludu l-proċessaturi u li jinvolvu penalitajiet ta’ deterrent fil-każ ta’ ksur tal-liġi;

    Billi l-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Frott u l-Ħxejjex ipproċessati ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien iffissat mill-president tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I Programmi ta’ miżuri speċifiċi

    Artikolu 1

    Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a) "assoċjazzjoni rappreżentattiva" tfisser kull assoċjazzjoni, ikun x’ikun l-istatus tagħha, li:

    - ġġib flimkien, min-naħa ’l waħda, organizzazzjonijiet ta’ produtturi kif imsemmija fl-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 [2] u/jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi kif imsemmija fl-Artikolu 16(3) ta’ dak ir-Regolament u/jew gruppi ta’ produtturi b’għarfien preliminari taħt l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament, u min-naħa ’l oħra, assoċjazzjonijiet ta’ proċessaturi li għandhom l-għarfien mill-Istat Membru,

    - jagħtu kont ta’ l-anqas ta’ terz tal-produzzjoni ta’ sparġ abjad maħsub għall-ipproċessar, u pproċessat, f’kull reġjun ta’ produzzjoni u ta’ l-anqas 15 % tal-produzzjoni tal-Komunità;

    (b) "programmi ta’ miżuri speċifiċi" tfisser programmi li jkollhom tul ta’ żmien ta’ bejn erba’ u sitt snin, li għandhom jiġu ppreżentati qabel it-30 ta’ Ġunju 1998 minn assoċjazzjonijiet rappreżentattivi fil-kuntest tal-miżuri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96;

    (ċ) "valur ta’ produzzjoni mqiegħda fis-suq" tfisser il-valur medju annwali ta’ sparġ abjad imwassal għall-ipproċessar matul l-1994, l-1995 u l-1996 minn produtturi li jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva.

    Artikolu 2

    Il-programmi ta’ miżuri speċifiċi implimentati skond ir-Regolament (KE) Nru 2201/96 u dan ir-Regolament għandhom jiġu ffinanzjati mill-Komunità sa 60 % tan-nefqa annwali magħmula taħt il-programm għall-miżuri kif imsemmija fl-Artikolu 10(1)(a), (b) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96, u 40 % għall-miżuri stipulati fil-punti (ċ) u (e) ta’ dak l-Artikolu.

    L-iffinanzjar totali għall-perjodu sħiħ ta’ applikazzjoni tal-programm m’għandux jeċċedi l-25 % tal-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq. Dan il-perċentwali għandu jiżdied għal 35 % għal assoċjazzjoni rappreżentattiva li tagħti kont ta’ aktar minn 50 % tal-produzzjoni tal-Komunità.

    Artikolu 3

    1. Il-programmi ta’ miżuri speċifiċi għandhom jikkonċernaw, b’mod partikolari, miżura waħda jew aktar minn dawk elenkati fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96. Il-programmi għandu jkun fihom l-elementi kollha rekwiżiti biex jiġi assigurat titjib fil-kompetittività tal-prodotta sa l-aħħar ta’ l-applikazzjoni tagħhom.

    2. Il-programmi ta’ miżuri speċifiċi għandu jkun fihom ta’ l-anqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a) l-isem u l-indirizz ta’ l-organizzazzjonijiet li jkunu assoċjaw għall-implimentazzjoni tal-programm; prova tar-rappreżentattività ta’ l-assoċjazzjoni skond il-punt (a) ta’ l-Artikolu 1 u rabta li jiġu notifikati l-bidliet kollha li jaffettwaw ir-rappreżentattività; ir-rapport l-aktar reċenti ta’ l-attività ta’ l-organizzazzjonijiet involuti u, fejn japplika, l-artikoli ta’ l-assoċjazzjoni jew ir-regoli interni ta’ l-assoċjazzjoni; il-kariga ta’ l-individwu responsabbli għall-preżentazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm;

    (b) it-tul ta’ żmien tagħhom;

    (ċ) deskrizzjoni tas-sitwazzjoni inizjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta’ produzzjoni u l-apparat;

    (d) l-għanijiet tal-programm, waqt li wieħed iżomm f’moħħu il-prospett tal-produzzjoni u swieq; referenza għall-kwantitajiet koperti b’dan il-programm;

    (e) l-operazzjonijiet li għandhom jitwettqu u l-mezzi li għandhom jitħaddmu biex jinkisbu dawk l-għanijiet;

    (f) aspetti finanzjarji: il-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq u l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità; estimi u programm ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri.

    3. Il-programmi tal-miżuri ma jistgħux jikkonċernaw:

    (a) nefqa amministrattiva jew ta’ operazzjoni, ħlief fejn marbuta ma’ l-implimentazzjoni tal-programm;

    (b) materja prima prodotta barra l-Komunità jew merkanzija lesta mhux prodotta mill-membri ta’ l-assoċjazzjoni rappreżentattiva;

    (ċ) supplimenti ta’ dħul jew prezzijiet;

    (d) operazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni f’attivitajiet oħra tan-negozju mwettqa mill-organizzazzjonijiet li jagħmlu sehem mill-assoċjazzjoni rappreżentattiva; operazzjonijiet jew miżuri li direttament jew indirettament ikunu ta’ benefiċċju għal attivitajiet oħra tan-negozju mwettqa minn dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu ffinanzjati fil-proporzjon ta’ l-użu tagħhom mis-settur ta’ l-ispraġ.

    4. Programmi ta’ miżuri speċifiċi għandhom ikunu ammissibbli biss jekk ikunu akkumpanjati bi:

    (a) dikjarazzjoni bil-miktub mill-assoċjazzjoni rappreżentattiva li tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u ma’ dan ir-Regolament, u li ma tirċevix direttament jew indirettament, iffinanzjar duplikat tal-Komunità jew nazzjonali għall-miżuri u/jew operazzjonijiet li jikkwalifikaw għall-iffinanzjar tal-Komunità taħt dan ir-Regolament;

    (b) xhieda tal-ftuħ ta’ kont bankarju ma’ istituzzjoni finanzjarja fl-Istat membru li fih l-assoċjazzjoni rappreżentattiva jkollha l-kwartieri tagħha, li għandu jintuża unikament għat-transazzjonijiet kollha konnessi ma’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ miżuri speċifiċi.

    Artikolu 4

    1. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-programmi ta’ miżuri speċifiċi ppreżentati fi żmien tliet xhur mid-data li fiha d-dokument sħiħ jiġi ppreżentat.

    2. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jivverifikaw:

    (a) bil-mezzi kollha addatti, inkluża spezzjoni fuq il-post, l-akkuratezza ta’ l-informazzjoni pprovduta taħt l-Artikolu 3(2)(a), (c) u (f);

    (b) il-konformità ma’ l-għanijiet tal-programmi ma’ l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96;

    (ċ) il-konsistenza ekonomika u l-kwalità teknika tal-programmi, l-eżattezza ta’ l-estimi u l-pjan ta’ finanzjament u l-ippjanar ta’ l-implimentazzjoni tagħhom.

    3. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fejn xieraq,

    (a) japprovaw programmi li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u dawk taħt dan il-Kapitolu;

    (b) jitolbu bidliet fil-programmi; programmi biss li jinkorporaw il-bidliet mitluba għandhom jiġu approvati;

    (ċ) jirrifjutaw il-programmi;

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi kkonċernati bid-deċiżjonijiet tagħhom. Għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sommarju tal-programmi approvati.

    Artikolu 5

    1. In-nefqa stipulata fil-programm approvat tista’ teċċedi sa 20 % għal kull miżura, sakemm l-ammont totali tan-nefqa ma jinqabiżx; il-programmi jistgħu jkomplu jiġu implimentati sakemm talba għall-bidliet tintbagħat skond il-paragrafu 2 jekk id-devjazzjoni tkun aktar minn 5 % tan-nefqa mbassra taħt il-programm.

    2. L-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jistgħu jitolbu bidliet fil-programmi għall-miżuri speċifiċi kull sena mhux aktar tard minn xahrejn qabel l-anniversarju tad-data ta’ l-approvazzjoni tagħhom.

    Il-bidliet jistgħu jinkludu l-estensjoni tat-tul tal-programm b’sena.

    It-talbiet għall-bidliet għandhom ikunu akkumpanjati bid-dokumenti kollha ta’ sostenn.

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet fuq it-talbiet għall-bdil fil-programmi fi żmien xahrejn wara li jikkunsidraw id-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti u wara li jingħata kont debitu għall-kriterji ta’ l-Artikolu 4(2).

    Artikolu 6

    1. Mid-data ta’ l-approvazzjoni ta’ programm ta’ miżuri speċifiċi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jistgħu jibagħtu applikazzjoni waħda għall-ħlas bil-quddiem.

    L-avvanzi ma jistgħux jeċċedu t-30 % ta’ l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

    L-avvanzi għandhom ikunu suġġetti għat-tqegħid ta’ garanzija ekwivalenti għal 110 % ta’ l-avvanz.

    2. Il-garanzijiet għandhom isiru skond il-kondizzjonijiet preskritti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 [3].Il-garanziji għandhom jiġu rrilaxxati mal-ħlas tal-bilanċ imsemmi fl-Artikolu 7(2).

    Il-‘ħtieġa primarja’ skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għandha tkopri t-twettieq ta’ l-operazzjonijiet stipulati fil-programm ta’ miżuri speċifiċi bla ħsara għar-rabtiet stipulati fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament.

    Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-ħtieġa primarja jew ta’ nuqqas serju fit-tħaris ta’ l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 3(4), il-garanzija għandha tintilef mingħajr preġudizzju għall-penalitajiet oħra li għandhom jiġu applikati skond l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

    Artikolu 7

    1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programm għandha tikkonsisti fi ħlasijiet kull sitt xhur miżjuda b’bilanċ.

    Il-ħlasijiet kull sitt xhur għandhom isiru fuq il-bażi ta’ applikazzjoni akkumpanjata mid-dokumenti ta’ sostenn li juru n-nefqa attwali u rapport intermedju li juri l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-programm. Dawk il-ħlasijiet m’għandhomx jeċċedu l-85 % ta’ l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità tal-programm waqt li jingħata kont tal-limiti msemmija fl-Artikolu 2. L-ewwel applikazzjoni għall-ħlas ta’ sitt xhur għandha tintbagħat sitt xhur wara l-approvazzjoni tal-programm.

    2. L-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ għandha tintbagħat lill-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard mit-tmiem tar-raba’ xahar li jiġi wara d-data tat-tlestija tal-programm ta’ miżuri speċifiċi. Għandu jkun akkumpanjat b’dokumenti ta’ sostenn li juru:

    (a) in-nefqa attwali fuq il-programm u xhieda li l-kontribuzzjoni ta’ l-assoċjazzjoni stess kienet tħallset, kif ukoll dwar l-oriġini tagħha;

    (b) il-kisbiet tal-programm fil-forma ta’ rapport finali akkumpanjat minn stima ppreparata, fejn japplika, bl-assistenza ta’ uffiċju speċjalizzat ta’ konsulenza. Dawk l-istimi għandhom jivverifikaw il-ksib ta’ l-għanijiet imfittxija mill-programmi u, fejn xieraq, jissuġġerixxu miżuri ġodda jew atitudnijiet.

    3. L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tagħmel il-ħlas imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 fi żmien 30 jum minn mindu tirċievi l-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jew l-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ imsemmija fil-paragrafu 2. Iżda, tista’ tippostponi l-ħlas jekk tkun meħtieġa verifikazzjoni addizzjonali.

    Artikolu 8

    1. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-verifiki fuq l-organizzazzjonijiet li jagħmlu sehem mill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi biex jivverifikaw il-konformità mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

    2. Il-verifikazzjonijiet għandhom jirrelataw ma’ kampjun sinifikanti ta’ applikazzjonijiet għall-ħlas kull sena. Il-kampjun għandu jirrappreżenta ta’ l-anqas 10 % ta’ l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u 30 % tat-total ta’ l-assistenza tal-Komunità.

    Jekk il-verifiki jikxfu irregolaritajiet sinifikanti f’reġjun jew f’parti ta’ reġjun, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki addizzjonali matul is-sena in kwistjoni u għandhom iżidu l-perċentwali ta’ l-applikazzjonijiet li għandhom jiġu vverifikati is-sena ta’ wara għal dak ir-reġjun jew parti ta’ reġjun.

    3. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu liema assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jivverifikaw fuq il-bażi b’mod partikolari ta’ analiżi tar-riskju, li għandu jagħti kont ta’:

    (a) l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità;

    (b) ix-xejra tal-programmi b’relazzjoni mas-sena ta’ qabel;

    (ċ) is-sejbiet tal-verifiki fis-snin ta’ qabel;

    (d) parametri oħra li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 9

    1. Dak li jirċievi għandu jkun meħtieġ li jirrifondi lura d-doppju ta’ l-ammont imħallas debitament, miżjud bl-imgħax ikkalkolat fuq il-perjodu li jgħaddi bejn il-ħlas u r-rifużjoni minn dak li jirċievi, fejn il-verifiki mwettqa skond l-Artikolu 8 juru li:

    (a) in-nefqa attwali tkun anqas mill-ammont indikat fl-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ,

    (b) il-kontribuzzjoni ta’ l-assoċjazzjoni rappreżentattiva ma tkunx tħallset, jew

    (ċ) il-programm ta’ miżuri speċifiċi jkun ġie implimentat b’mod li ma jkunx jikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni tiegħu mill-Istat Membru kkonċernat, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5.

    Ir-rata ta’ imgħax għandha tkun dik applikata mill-Istitut Monetarju Ewropew għal transazzjonijiet f’ecus ippublikata fis-serje "C" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fis-seħħ fid-data li fiha jsir il-ħlas indebitu, miżjuda bi tliet punti ta’ perċentwali.

    2. Fejn id-differenza bejn il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità attwalment imħallsa u dik dovuta tkun akbar minn 20 % tal-kontribuzzjoni dovuta, dak li jirċievi għandu jkun meħtieġ li jħallas lura il-kontribuzzjoni kollha mħallsa, miżjuda bl-imgħax imsemmi fil-paragrafu 1.

    3. Is-somom irkuparti bl-imgħax akkumulat, għandhom jitħallsu lill-aġenzija responsabbli tal-ħlas u mnaqqsa min-nefqa finanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija.

    4. Fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza magħmula deliberatament jew bħala riżultat ta’ negliġenza serja, l-assoċjazzjoni rappreżentattiva kkonċernata għandha tkun skwalifikata milli tirċievi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

    5. Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-penalitajiet oħra li għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

    KAPITOLU II Għajnuna b’rata fissa

    Artikolu 10

    L-għajnuna b’rata fissa msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-regolament (KE) Nru 2201/96 għandha tingħata matul l-1997, 1998 u l-1999 għaż-żoni kollha miżrugħa bi spraġ abjad għall-ipproċessar fi prodotti li jaqgħu fil-kodiċi NM ex20056000, b’dan illi:

    (a) kien inżergħa mhux aktar tard mill-1996 jew, fil-każ ta’ pjantazzjonijiet ġodda, jissostitwixxu pjantazzjonijiet li jkunu eżistew fuq l-istess azjenda matul it-tliet snin ta’ qabel;

    (b) ikollhom produzzjoni ta’ l-anqas ta’ 2500 kg/ha, ħlief dawk miżrugħa għal anqas minn sena;

    (ċ) ikunu suġġetti għal kuntratt ta’ twassil ma’ proċessatur li jirrelata ta’ l-anqas mal-kwantità imsemmija fil-punt (d) u li jkopri l-perjodu ta’ tliet snin imsemmija hawn fuq u li jeħtieġ rabta mill-proċessatur li jissottometti għall-verifiki meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna b’rata fissa;

    (d) ta’ l-anqas 90 % tal-kwantità ta’ spraġ abjad prodott jitwassal għand il-proċessatur u jiġi pproċessat.

    Artikolu 11

    1. Il-proċessatur għandu jibgħat applikazzjoni waħda għall-għajnuna b’rata fissa li tkopri l-perjodu sħiħ ta’ tliet snin ma’ l-awtorità kompetenti nnominata mill-Istat Membru għat-territorju li fih iż-żoni jkunu jinsabu, mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 1997.

    L-applikazzjoni għandu jkun fiha ta’ l-anqas dan li ġej:

    (a) iż-żoni koperti bl-applikazzjoni għall-għajnuna b’rata fissa, b’referenzi katastali;

    (b) il-kwantitajiet maħsuda fl-1997;

    (ċ) prova li l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 jkunu ġew imħarsa.

    2. Għall-1998 u l-1999, l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tiġi aġġornata permezz ta’ dikjarazzjoni tal-ħsad li għandha tintbagħat mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju.

    Artikolu 12

    L-Istati membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni ż-żona li għaliha tkun saret applikazzjoni għall-għajnuna b’rata fissa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 1997.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-istati Membri biż-żona kollha koperta bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna mal-Komunità kollha u, fejn iż-żona massima msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 tinqabeż, għandha tiffissa koeffiċjent ta’ tnaqqis għaż-żoni li dwarhom għandha tingħata l-għajnuna taħt kull applikazzjoni sabiex iż-żona kollha eliġibbli għall-għajnuna tinżamm fil-livell massimu msemmi hawn fuq.

    Għall-1997, l-Istati Membri għandhom iħallsu l-għajnuna fi żmien xahar mid-data li fiha tingħata din l-informazzjoni jew, skond il-każ, id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-koeffiċjent imsemmi fit-tieni subparagrafu. Il-ħlasijiet għall-1998 u l-1999 għandhom isiru qabel it-30 ta’ Settembru.

    Artikolu 13

    L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki fuq kampjun sinifikanti ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew, fejn japplika, id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad ippreżentati, stabbiliti b’kont debitu taż-żona medja ta’ l-azjenda, iż-żoni taħt spraġ abjad għall-ipproċessar, u d-distribuzzjoni ġeografika ta’ dawk iż-żoni.

    Il-kampjun għandu jirrappreżenta ta’ l-anqas 10 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew, fejn japplika, id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad, u 30 % ta’ l-għajnuna totali b’rata fissa. Dawn il-perċentwali għandhom jiżdiedu għal 15 % u 40 % rispettivament mis-sena kurrenti jekk numru sinifikanti ta’ rregolaritajiet jinstabu.

    Fejn applikazzjoni għall-għajnuna jew, fejn japplika, dikjarazzjoni tal-ħsad tkun intgħażlet għall-verifikazzjoni, dik il-verifikazzjoni għandha tinkludi mhux biss verifika dokumentarja iżda wkoll verifikazzjoni fuq l-azjenda, inkluż fejn meħtieġ il-kejl taż-żoni kkonċernati, u l-verifikazzjoni fuq il-post tal-proċessatur, partikolarment tad-dokumentazzjoni tal-ħażniet.

    Fejn azjendi jkollhom żoni wkoll taħt spraġ maħsub għall-bejgħ bħala prodotti friski, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-Artikolu 10(d) ikun tħares.

    Artikolu 14

    1. Dak li jirċievi għandu jkun meħtieġ li jirrifondi l-ammont imħallas żejjed miżjud b’imgħax ikkalkolat fuq il-bażi tal-perjodu li jgħaddi bejn il-ħlas u r-rifużjoni minn dak li jirċievi, fejn verifiki mwettqa skond l-Artikolu 13 juru li l-applikazzjoni jew, fejn japplika, id-dikjarazzjoni tal-ħsad u d-dokumenti ta’ sostenn li jakkumpanjaw ikunu frodulenti. Il-produttur u l-proċessatur involuti għandhom ikunu skwalifikati mill-jirċievu finanzjament tal-Komunità taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

    Ir-rata ta’ imgħax għandha tkun dik applikata mill-Istitut Monetarju Ewropew għal transazzjonijiet f’ecus ippubblikati fis-serje "C" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fis-seħħ fid-data li fiha jsir il-ħlas żejjed, miżjuda bi tliet punti ta’ perċentwali.

    2. Fejn id-differenza ta’ għajnuna b’rata fissa attwalment imħallsa u l-għajnuna dovuta tkun ta’ aktar minn 20 % ta’ l-għajnuna dovuta, dak li jirċievi għandu jkun meħtieġ li jħallas lura l-għajnuna kollha mħallsa, miżjuda bl-imgħax imsemmi fil-paragrafu 1.

    3. Is-somom irkuparti bl-imgħax akkumulat, għandhom jitħallsu lill-aġenzija responsabbli tal-ħlas u mnaqqsa min-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija.

    4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal penalitajiet oħra li għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

    KAPITOLU III Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 15

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Mejju 1997.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 29.

    [2] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

    [3] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

    --------------------------------------------------

    Top