Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996R0788

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/96 tat-22 ta'April 1996 dwar is-sottomissjoni ta' l-Istati Membri ta' statistiċi dwar il-produzzjoni ta' l-akwakultura

    ĠU L 108, 1.5.1996, p. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008; Imħassar b' 32008R0762

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/788/oj

    31996R0788



    Official Journal L 108 , 01/05/1996 P. 0001 - 0007


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/96

    tat-22 ta'April 1996

    dwar is-sottomissjoni ta' l-Istati Membri ta' statistiċi dwar il-produzzjoni ta' l-akwakultura

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Billi l-akwakultura huwa settur ta' l-industrija tas-sajd li qed jiżviluppa rapidament b'potenzjal li jissupplimenta l-proviżjonijiet limitati gejjin minn sajd tradizzjonali;

    Billi l-produzzjoni mill-akwakultura trid tigi sorveljata u, fejn meħtieg, ikkontrollata sabiex tiżgura kondizzjonijiet tas-suq sodisfaċenti;

    Billi l-impatt ta' l-akwakultura fuq l-iżvilupp reġjonali u ta' l-ambjent jirriżulta f'talba akbar għal statistiċi sabiex jissorveljaw l-iżvilupp ta' dan is-settur;

    Billi l-implimentazzjoni tal-politika strutturali tas-sajd tal-Komunità tirrikjedi wkoll statistiċi dwar il-produzzjoni fis-settur ta' l-akwakultura;

    Billi l-iskopijiet ta' l-azzjoni proposta jistgħu jinkisbu biss fuq il-bażi ta' att legali tal-Komunità li tippermetti lill-Kummissjoni tikkoordina l-armonizzazzjoni neċessarja ta' l-informazzjoni statistika fuq livell Komunitarju waqt li l-ġbir ta' l-istatistiċi dwar il-produzzjoni ta' l-akwakultura u l-infrastruttura neċessarja sabiex tkabbar u tissorvelja jekk dawn l-istatistiċi humiex ta' min joqgħod fuqhom hi l-ewwel u fuq kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri;

    Billi l-metodu speċifiku sabiex jinġabru l-istatistiċi rilevanti tal-Komunità dwar il-produzzjoni ta' l-akwakultura, żviluppat billi jintużaw statistiċi eżistenti nazzjonali miġbura sabiex jintlaħħqu obligi preżenti nazzjonali u internazzjonali, jeħtieġ kooperazzjoni mill-aktar qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'mod partikolari fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistiċi Agrikoli mwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni 72/279/KEE [2],

    ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Kull Stat Membru għandu jissottometti ta' kull sena lill-Kummissjoni statistiċi dwar il-produzzjoni ta' l-akwakultura fl-ibħra kollha ta' dak l-Istat Membru.

    L-Artikolu 2

    Sottomissjoni ta' data

    L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni d-data li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 1, fil-forma deskritta fl-Anness I fi żmien disa' xhur minn l-aħħar tas-sena kalendarja li għaliha jirreferu, flimkien ma' data li hi ddikjarata kunfidenzjali mill-Istati Membri skond liġi jew prattika domestika li tikkonċerna l-kunfidenzjalità ta' l-istatistiċi, skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Gunju 1990 dwar it-trasmissjoni tad-data soġġetta għal kunfidenzjalità lill-Uffiċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej [3].

    Id-data tista' tingħata b'mezz manjetiku jew f'xi forma oħra diversa minn dik deskritta fl-Anness I, il-format ta' dawn is-sottomissjonijiet jiġi miftiehem bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat).

    Bla ħsara għall-miżuri li huma neċessarji sabiex tiżgura l-kunfidenzjalità ta' l-istatistiċi, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tagħmel disponibbli għall-Istati Membri id-data mogħtija bis-saħħa ta' dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Id-definizzjonijiet li għandhom jintużaw sabiex tintbgħat id-data qegħdin fl-Anness II. Fejn l-użanzi nazzjonali jew il-proċeduri amministrattivi ma jħallux l-applikazzjoni stretta ta' dawn id-definizzjonijiet, l-Istat Membru konċernat għandu jinforma l-Kummissjoni (Eurostat) bid-definizzjonijiet li jintużaw.

    L-Artikolu 4

    Ġabra tad-data

    Stat Membru jista' juża kampjuni ta' stħarrig jew sorsi oħra rilevanti sabiex jipproduċi data dwar il-komponenti ewlenin tal-produzzjoni ta' l-akwakultura; il-komponenti li jibqgħu jistgħu jiġu stmati.

    Stat Membru li għandu produzzjoni totali annwali ta' anqas minn 1000 tunnellata metrika jista' jissottometti stima għall-produzzjoni totali.

    Stat Membru għandu individwalment jidentifika l-ispeċi mniżżla fl-Anness III. Iżda, il-produzzjoni ta' speċi li, individwalment, ma teċċedix 1000 tunnellata metrika u ma tirrappreżentax aktar minn 10 % tal-piż tal-produzzjoni totali tista' tigi stmata u aggregata.

    L-Artikolu 5

    Perjodu ta' transizzjoni u derogi

    1. Jekk Stat Membru ma jistax jilħaq ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tiffissa perjodu ta' transizzjoni għall-massimu ta' tliet snin mid-data li fiha jiġi fis-seħħ dan ir-Regolament, li tulu għandu jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament.

    Tul dan il-perjodu ta' transizzjoni, derogi temporanji li jeżentaw Stat Membru mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jistgħu jingħataw. Il-Kummissjoni għandha tinforma l-Istati Membri kollha bid-dettalji ta' dawn id-derogi.

    2. F'każijiet fejn l-inklużjoni ta' settur partikolari ta' l-industrija ta' l-akwakultura tikkawża diffikultajiet lill-awtoritajiet nazzjonali li jkunu sproporzjonati għall-importanza tas-settur fl-Istat Membru konċernat, tista' tingħata deroga, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 7, li tippermetti dak l-Istat Membru jeskludi data għal dak is-settur mid-data nazzjonali li jissottometti.

    3. Id-derogi mogħtija bis-saħħa tal-paragrafu 2 jistgħu ikunu għall-massimu ta' tliet snin; iżda, jistgħu jiġu estiżi b'perjodi ulterjuri ta' tliet snin. Meta jissottometti talba għal estensjoni, Stat Membru għandu jagħti lill-Kummissjoni r-riżultati ta' kampjun ta' stħarriġ li juri l-problemi li jiltaqa' magħhom fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. It-talba mbagħad għandha tiġi sottomessa għall-proċedura preskritta fl-Artikolu 7.

    L-Artikolu 6

    Kumitat

    L-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż l-emendi għall-format ta' trasmissjoni tad-data fl-Anness I, id-definizzjonijet fl-Anness II u l-lista ta' l-ispeċi fl-Anness III, jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistiċi Agrikoli skond il-proċedura indikata fl-Artikolu 7.

    L-Artikolu 7

    Proċedura

    1. Meta l-proċedura indikata f'dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-President għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistiċi Agrikoli, hawn taħt imsejjaħ "il-Kumitat" jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat kopja preliminari tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq dik il-kopja preliminari, fi żmien stipulat mill-President skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija mill-maġġoranza mniżżla fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat f'każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill għandu jaddotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom jiġu peżati bil-manjiera mfassla f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux vot.

    3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament. Iżda, jekk dawn il-miżuri mhumiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, għandhom jiġu mgħoddija mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'din l-eventwalità:

    - Il-Kummissjoni għandha tmexxi l-applikazzjoni tal-miżuri li hi ddeċidiet b'perjodu ta' xahrejn mid-data tal-komunika;

    - il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fiż-żmien stipulat li għalih hemm referenza fl-ewwel paragrafu.

    L-Artikolu 8

    Dispożizzjonijiet finali

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika b'effett mill-1 ta' Jannar 1996.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fil-intier tieghu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' April 1996.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. Luchetti

    [1] Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Marzu 1996 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [2] ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 1.

    [3] ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    Il-Kwanitità ta' ħut, krustaċej, molluski u alka tal-baħar prodotti minn l-akwakultura

    +++++ TIFF +++++

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    Definizzjonijiet

    Għall-iskop ta' dan ir-Regolament:

    - "Akwakultura" tfisser it-tkabbir ta' organiżmi akwatici nklużi ħut, molluski, krostaċeji u pjanti akwatiċi. Tkabbir jimplika xi forma ta' intervent fil-proċess ta' tkabbir sabiex jgħin fil-produzzjoni, bħal ħażniet regolari, għalf, u protezzjoni mill-predaturi. Tkabbir jimplika wkoll proprjetà individwali jew proprjetà ta' korp kostitwit, jew drittijiet li jirriżultaw minn arrangamenti kuntrattwali tal-ħażniet li jiġu kkultivati. Għall-iskopijiet statistiċi, organiżmi akwatici li huma miġbura minn individwu jew korp kostitwit li jkunu l-proprjetà tiegħu tul il-perjodu ta' tkabbir jikkontribwixxu għall-akwakultura, waqt li organiżmi akwatici li huma sfruttati mill-pubbliku bħala riżors komuni ta' proprjetà, bil-liċenzji approprjati, jew mingħajrhom huma l-ġbir tas-sajdiet.

    - "Ilma ħelu" jfisser l-ilmijiet ta' xmajjar, xmajjar żgħar, għadajjar, tankijiet u postijiet magħluqa oħra fejn l-ilma għandu salinità kostanti negliġibbli.

    - "Ilmijiet oħra" tfisser ilmijiet fejn l-imluħa mhijiex negliġibbli tul is-sena. L-imluħa tista' tkun għolja kontinwament (per eżempju, ilma tal-baħar) jew tista' tkun soġġetta għal varjazzjoni perjodika (per eżempju, minħabba influwenzi staġjonali).

    - "Ilma tal-baħar" jfisser ilma fejn l-imluħa hi għolja u mhux soġġetta għal varjazzjoni mdaqqsa.

    - "Ilma salmastru" jfisser ilma fejn l-imluħa hija apprezzabli iżda mhux f'livell kostanti għoli. L-imluħa tista' tkun soġġetta għal varjazzjoni konsiderevoli minħabba l-influss ta' ilma ħelu jew ta' ilma tal-baħar.

    - "Produzzjoni ta' l-akwakultura" tfisser il-ħrug għal konsum finali, li tinvolvi tekniċi kulturali estensivi jew intensivi, u tinkludi l-produzzjoni ta' pjanti akwatiċi għal skopijiet industrijali. Prodotti li għadhom kemm faqsu jew prodotti li se jkomplu jkunu soġġetti għal prattiċi akwakulturali huma esklużi. Il-produzzjoni għandha tigi reġistrata f'tunnellati metriċi ta' piż ħaj ekwivalenti għall-prodotti ta' l-annimali u f'piż imxarrab għal pjanti akwatici.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS III

    Prodotti ta' l-akwakultura li għalihom għandhom jiġu kkomunikati statistiċi

    n.c.a. = non compris ailleurs

    m.i.m.i. = mhux indikat imkien ieħor

    Isem bl-Ingliż | Isem bil-Franciż | Isem xjentifiku | Kodiċi alfa -3 |

    ĦUT

    Karpjun erbivoru | Carpe herbivore | Crenopharyngodon idella | FCG |

    Karpjun komuni | Carpe commune | Cyprinus carpio | FCP |

    Lizz tan-Nord | Grand brochet | Esox lucius | FPI |

    Karpjun ta' rasu kbira | Carpe à grosse tête | Hypophtalmichthyes nobilis | BIC |

    Karpjun arġentat | Carpe argentée | Hypophthalmichthys molitrix | SVC |

    Ħut ta' l-ilma ħelu m.i.m.i. | Poissons d'eau douce | Osteichthyes | FRF |

    Roaches | Gardons | Rutilus spp. | FRX |

    Tinka | Tanche | Tinca tinca | FTE |

    Tilapias m.i.m.i. | Tilapias | Oreochromis spp. | TLP |

    Catfish ta' l-Afrika ta' Fuq | Poissons-chats d'Afrique | Clarius gariepinus | CLZ |

    Bullhead sewda | Poissons chat d'Amérique | Ictalurus melas | ITM |

    Catfish wels | Silure glane | Siluris glanis | SOM |

    Storjun m.i.m.i. | Esturgeons n.c.a. | Acipenseridae | STU |

    Sallura Ewropea | Anguille d'Europe | Anguilla anguilla | ELE |

    Ħut abjad ta' l-ilma ħelu m.i.m.i. | Corégons | Coregonus m.i.m.i. | WHF |

    Salamun coho | Saumon coho | Oncorhynchus kisutch | COH |

    Trota qawsalla | Truite arc-en-ciel | Oncorhynchus mykiss | TRR |

    Salamun tal-Paċifiku m.i.m.i. | Saumons du Pacifique n.c.a. | Oncorhynchus spp. | ORC |

    Salamun ta' l-Atalantiku | Saumon de l-Atlantique | Salmo salar | SAL |

    Troti m.i.m.i. | Truites n.c.a. | Salmo spp. | TRO |

    Trota tal-Baħar | Truite de mer | Salmo trutta | TRS |

    Trota żgħira ta' l-Artiku | Omble chevalier | Salvelinus alpinus | ACH |

    Trota tan-nixxiegħa | Omble de fontaine | Salvelinus fontinalis | SVF |

    Troti żgħar | Ombles n.c.a. | Salvelinus spp. | CHR |

    Il-Barbun imperjali | Turbot commun | Psetta maxima | TUR |

    Il-lingwata komuni | Sole commun | Solea vilgaris | SOL |

    Il-merluzz Atlantiku | Cabillaud | Gadus morhua | COD |

    L-ispinotta | Bar | Dicentrarchus labrax | BSS |

    Bħall-ispinott, l-abramidi m.i.m.i. | Dorades n.c.a. | Sparidae | SCX |

    L-abramidi indurati | Dorade royale | Sparus auratus | SBG |

    Mulett kaplat | Mulet cabot | Mugil cephalus | MUF |

    Il-Muletti | Muges | Mugilidae | MUL |

    L-aċċola | Sériole | Seriola dumerili | AMB |

    It-tonn l-aħmar | Thon rouge | Thunnus thynnus | BFT |

    KRUSTAĊEJ

    Gambli ta' l-ilma ħelu | Ecrivisses | Astacus spp., Cambarus spp | AYS |

    Gamblu ġgant | Crevette géante | Macrobrachium rosenbergii | PRF |

    Gamblu kuruma | Crevette kuruma | Penaeus japonicus | KUP |

    Gamblu ta' l-ilmijiet ħomor | Écrivisse rouge des marais | Procambarus clarkii | RCW |

    Granċ brimba | Araignée de mer | Maja squinado | SCR |

    Awwisti m.i.m.i. | Langoustes n.c.a. | Palinurus spp. | CRW |

    Gamblu komuni | Bouquet commun | Palemon serratus | CPR |

    Gamblu ġgant tigra | Crevette géante tigrée | Penaeus monodon | GIT |

    Signal crayfish | … | Pacifastacus leninsculus | PCL |

    MOLLUSKI

    Gajdra tal-Paċifiku | Huître creuse japonaise | Crasosstrea gigas | OYG |

    Gajdra | Huîtres creuses | Crassostrea spp. | OYC |

    Gajdra Ewropea ċatta | Huître plat | Ostrea edulis | OYF |

    Mussel blu | Moule commune | Mytilus edulis | MUS |

    Mussel Mediterranju | Moule méditerranéenne | Mytilus galloprovincialis | MSM |

    Imrewħa | Vanneau | Chlamys opercularis | QSC |

    Pellegrina | Coquille Saint-Jacques | Pecten maximus | SCE |

    Arzella | Coque | Cardium edule | COC |

    Gandoffla | Palourde | Ruditapes decussates | CTG |

    Gandoffla Ġappuniża | Palourde japonaise | Ruditapes philippinarum | CLJ |

    Arzell m.i.m.i. | Clovisses n.c.a. | Tapes spp. | TPS |

    Venus clams | Praires | Veneridae | CLV |

    Siċċ komuni | Seiche | Sepia officinalis | CTC |

    Gandoffla iebsa | Praire | Mercenaria mercenaria | CLH |

    ALKA TAL-BAĦAR

    Wakame m.i.m.i. | Wakame n.c.a. | Undaria spp. | UDS |

    --------------------------------------------------

    Top