Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996D0749

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta'Diċembru 1996 dwar l-osservazzjoni mill-qrib ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti adottati mill-Kunsill dwar l-imigrazzjoni illegali, l-ammissjoni mill-ġdid, l-impjieg kontra l-liġi ta' ċittadini ta' pajjiż terz u l-koperazzjoni fl-implimentazzjoni ta' l-ordnijiet ta' tkeċċija

ĠU L 342, 31.12.1996, p. 5–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/749/oj

31996D0749



Official Journal L 342 , 31/12/1996 P. 0005 - 0005


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-16 ta'Diċembru 1996

dwar l-osservazzjoni mill-qrib ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti adottati mill-Kunsill dwar l-imigrazzjoni illegali, l-ammissjoni mill-ġdid, l-impjieg kontra l-liġi ta' ċittadini ta' pajjiż terz u l-koperazzjoni fl-implimentazzjoni ta' l-ordnijiet ta' tkeċċija

(96/749/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu K.3 (2) (a) ta' l-istess,

Wara li kkunsidra l-programm ta' xogħol ta' priorita adottat mill-Kunsill fit-30 Novembru 1993 fi Brussel, li sejjaħ b'mod partikolari għall-preparazzjoni ta' rapport annwali dwar il-kisbiet fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill ta'l-14 Ottubru 1996, li tistipula l-prioritajiet għall-koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni għall-perjodu mill-1 Lulju 1996 sat-30 Ġunju 1998 [1].

Billi l-Artikolu K.1 (3) (ċ) tat-Trattat jistipula illi l-Istati Membri għandhom iqisu l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni mhux awtorizzata, r-residenza u x-xogħol minn ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq it-territorju ta' l-Istati Membri bħala kwistjoni ta' interess komuni;

Billi l-osservazzjoni mill-qrib ta' l-implimentazzjoni minn Stati Membri ta' l-istrumenti adottati mill-Kunsill f'dan il-qasam turi l-effett prattiku tax-xogħol tal-Kunsill f'din il-kwistjoni u tipprovdi lezzjonijiet importanti għall-ħidma futura tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni ta' kwestjonarju

Kull sena, l-Presidenza għandha tibgħat lill-Istati Membri kwestjonarju mfassal sabiex juri kif ikunu implimentaw l-istrumenti adottati mill-Kunsill dwar l-emigrazzjoni illegali, l-ammissjoni mill-ġdid, l-impjieg kontra l-liġi ta' ċittadini ta' pajjiż terz u l-koperazzjoni fl-implimentazzjoni ta' l-ordnijiet ta' tkeċċija.

Artikolu 2

Il-kontenut tal-kwestjonarju

Il-kwestjonarju għandu jirreferi għal-punti li ġejjin:

- id-dispożizzjonijiet adottati matul is-sena preċedenti mill-Istati Membri f'kull waħda mill-oqsma koperti bl-istrumenti li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 1,

- xi diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fl-adozzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet,

- il-probabilità li d-dispożizzjonijiet fl-oqsma li ssir riferenza għalihom fl-ewwel talba uffiċjali jiġu adottati fil-futur qrib,

- l-applikazzjoni prattika ta' l-istrumenti u dispożizzjonijiet imsemmija qabel.

Artikolu 3

L-evalwazzjoni tar-risposti

Għandu jiġi mħejji rapport mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar il-bażi tar-risposti rċevuti mill-Istati Membri u għandu jiġi sottomess lill-Kunsill.

Artikolu 4

L-implimentazzjoni għall-ewwel darba

L-ewwel kwestjonarju għandu jiġi mibgħut lill-Istati Membri mhux aktar tard mit-30 Ġunju 1997 u għandu jkopri l-perjodu mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

M. D. Higgins

[1] ĠU C 319, tas-26.10.1996, p. 1.

--------------------------------------------------

Top