This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31994R2100
Council Regulation (EC) No 2100/94 of 27 July 1994 on Community plant variety rights
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità
ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1–30
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/01/2008
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 31994R2100R(01) | ||||
Corrected by | 31994R2100R(02) | ||||
Corrected by | 31994R2100R(03) | ||||
Corrected by | 31994R2100R(04) | (FI,FR,NL) | |||
Corrected by | 31994R2100R(05) | (IT) | |||
Corrected by | 31994R2100R(06) | (LV) | |||
Implemented by | 31995R1238 | Implimentazzjoni | artikolu 113 | 01/06/1995 | |
Implemented by | 31995R1239 | 01/06/1995 | |||
Modified by | 31995R2506 | Emenda | artikolu 74 | 27/04/1995 | |
Modified by | 31995R2506 | Emenda | artikolu 67.3 | 27/04/1995 | |
Modified by | 31995R2506 | Sostituzzjoni | artikolu 73 | 27/04/1995 | |
Modified by | 32003R0807 | Sostituzzjoni | artikolu 115 | 05/06/2003 | |
Modified by | 32003R1650 | Emenda | artikolu 111 | 01/10/2003 | |
Modified by | 32003R1650 | Sostituzzjoni | artikolu 111.1 | 01/10/2003 | |
Modified by | 32003R1650 | Żieda | artikolu 33 BI | 01/10/2003 | |
Derogated in | 12003TN09/05/B2 | deroga parzjali | artikolu 14.3 | 31/12/2010 | |
Modified by | 32004R0873 | Sostituzzjoni | artikolu 29 | 20/05/2004 | |
Modified by | 32008R0015 | Emenda | artikolu 41.2 | 31/01/2008 | |
Modified by | 32008R0015 | Sostituzzjoni | artikolu 52.4 | 31/01/2008 | |
Modified by | 32008R0015 | Sostituzzjoni | artikolu 12 | 31/12/2008 |
Official Journal L 227 , 01/09/1994 P. 0001 - 0030
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 60 P. 0196
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 60 P. 0196
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi varjetajiet ta' pjanti qed joħolqu problemi speċifiċi fir-rigward tar-reġim ta' proprjetà industrijali li jista' jkun applikabbli; Billi l-varjetajiet ta' pjanti fir-reġimi ta' proprjetà industrijali ma ġewx armonizzati fil-livell tal-Komunità u għalhekk għadhom regolati bil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri, li l-kontenut tagħhom mhux uniformi; Billi f'dawn iċ-ċirkostanzi huwa xieraq li jkun stabbilit reġim tal-Komunità li, minkejja li jkun ko-eżistenti mar-reġimi nazzjonali, jippermetti għall-għotja ta' drittijiet ta' proprjetà industrijali li jkunu validi mal-Komunità kollha; Billi jkun xieraq li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn ir-reġimi tal-Komunità m'għandhomx isiru mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri iżda minn uffiċċju tal-Komunità b'personalità legali, "L-Uffiċċju tal-Komunità ta' Varjetajiet ta' Pjanti"; Billi s-sistema għandha tagħti każ ukoll għall-iżvilupp tat-teknika fit-tkabbir ta' pjanti inkluża l-bijoteknoloġija; billi sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u l-iżvilupp ta' varjetajiet ġodda, għandu jkun kemm protezzjoni aħjar imqabbla mas-sitwazzjoni preżenti għal dawk kollha li jkabbru l-pjanti mingħajr, iżda, ma jitħassar bla ebda ġustifikazzjoni l-aċċess għall-protezzjoni b'mod ġenerali jew fil-każi ta' ċerti metodi tat-tkabbir; Billi l-ġenera u speċi tal-varjetajiet botaniċi kollha għandhom ikollhom protezzjoni; Billi l-varjetajiet protettibbli għandhom ikunu konformi mal-ħtiġijiet magħrufa internazzjonalment, jiġifieri, distintività, uniformità, stabilità u novità, u wkoll ikunu magħżula minn denominazzjoni preskritta ta' varjetà; Billi huwa mportanti li tkun ipprovduta definizzjoni ta' varjetà ta' pjanti, sabiex jiġi assigurat it-tħaddim xieraq tas-sistema; Billi din id-definizzjoni mhix intiża biex tbiddel definizzjonijiet li jistgħu jkunu ġew stabbiliti fil-kamp tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-aktar fil-kamp tal-patenti, lanqas biex tfixkel jew teskludi mill-applikazzjoni liġijiet li jħarsu l-protettibilità tal-prodotti, inklużi pjanti u l-materjal tal-pjanti, jew proċessi skond xi drittijiet ta' proprjetà intellettwali oħra; Billi iżda huwa mixtieq ħafna li jkun hemm definizzjoni komuni fiż-żewġ kampijiet; billi għalhekk sforzi xierqa f'livell internazzjonali għandhom ikunu sostnuti biex tintlaħaq dik id-definizzjoni komuni; Billi għall-għoti ta' drittijiet tal-Komunità għall-varjetà ta' pjanti assessjar tal-karatteristiċi importanti dwar il-varjetà hi meħtieġa; billi, iżda, dawk il-karatteristiċi mhux bilfors ikollhom x' jaqsmu ma' l-importanza ekonomika tagħhom; Billi s-sistema għandha wkoll tiċċara ta' min hu d-dritt tal-protezzjoni tal-Komunità fil-varjetà tal-pjanti; billi f'xi każi jista' jkun ta' seba' persuni f'daqqa, u mhux biss ta' wieħed; billi d-dritt formali li jsiru applikazzjonijiet għandu jiġi regolat; Billi s-sistema għandha wkoll tiddefinixxi l-kelma "detentur" f'dan ir-Regolament; billi l-kelma "detentur" mingħajr aktar speċifikazzjoni tintuża f'dan ir-Regolament fl-Artikolu 29(5) tiegħu, hija ntiża li għandha tkun fit-tifsira ta' l-Artikolu 13(1) tiegħu; Billi, minħabba l-effett ta' dritt tal-Komunità ta' varjetà ta' pjanti għandu jkun uniformi fil-Komunità kollha, tranżazzjonijiet kummerċjali suġġetti għall-ftehim tad-detentur għandhom ikun preċiżament magħmula; billi l-iskop ta' protezzjoni għandu jiġi estiż, meta mqabbel mal-parti l-kbira tas-sistemi nazzjonali, għal ċerti materjali tal-varjetà biex jagħti kont ta' negozju minn pajjiżi barra l-Komunità mingħajr protezzjoni; billi, iżda, l-introduzzjoni tal-prinċipju ta' eżawriment tad-drittijiet għandu jassigura li l-protezzjoni ma tkunx eċċessiva; Billi sabiex jiġi mħajjar it-tkabbir tal-pjanti, is-sistema bażikament tikkonferma r-regola aċċettata internazzjonalment ta' aċċess liberu għall-varjetajiet protetti għall-iżvilupp minnhom, u l-esplojtazzjoni, ta' varjetajiet ġodda; Billi f'ċerti każi meta l-varjetà ġdida, għalkemm distinta, tkun essenzjalment imnissla mill-varjetà inizjali, xi forma ta' dipendenza mid-detentur ta' din ta' l-aħħar għandha tkun maħluqa; Billi, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fil-varjetà tal-pjanti għandu jkun suġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet adottati fl-interess pubbliku; Billi din tinkludi t-tħaris tal-produzzjoni agrikola, billi dak il-għan jeħtieġ awtorizzazzjoni għall-bdiewa biex jużaw il-prodott tal-ħsad għall-propagazzjoni taħt ċerti kondizzjonijiet; Billi għandu jkun assigurat li l-kondizzjonijiet ikunu stabbiliti fil-livell tal-Komunità; Billi liċenzjar obbligatorju għandu wkoll jiġi pprovdut f'ċerti ċirkostanzi fl-interess pubbliku li jista' jinkludi l-ħtieġa li jkun ipprovdut materjal li joffri karatteristiċi speċifiċi, jew li jżomm l-inċentiv għat-tkabbir kontinwu ta' varjetajiet imtejba; Billi l-użu tad-denominazzjonijiet ta' varjetà preskritta għandu jsir obbligatorju; Billi d-drittijiet tal-Komunità ta' varjetà ta' pjanti għandhom fil-prinċipju jkollhom ħajja ta' mill-anqas 25 sena u fil-każ ta' speċi ta' dwieli u siġar, għall-anqas 30 sena; billi raġunijiet oħra għat-terminazzjoni għandhom ikunu speċifikati; Billi d-drittijiet tal-Komunità ta' varjetà ta' pjanti huwa oġġett ta' proprjetà tad-detentur u r-rwol tiegħu f'relazzjoni mad-dispożizzjonijiet legali mhux armonizzati ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari tal-liġi ċivili, għandhom għalhekk jiġu ċċarati; billi dan japplika wkoll għall-iffinallizzar ta' kontravenzjonijiet u l-infurzar tad-drittijiet tal-Komunità ta' varjetajiet ta' pjanti; Billi huwa meħtieġ li tkun assigurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji tas-sistema tad-drittijiet tal-Komunità ta' varjetà ta' pjanti ma tiġix imfixkla bl-effett ta' sistemi oħrajn; billi għal dan il-għan ċerti regoli, li jkunu konformi ma' l-obbligazzjonijiet internazzjonali eżistenti ta' l-Istati Membri, huma meħtieġa dwar ir-relazzjoni ma' drittijiet ta' proprjetà industrijali oħra; Billi huwa indispensabbli li jiġi eżaminat jekk u sa liema limitu l-kondizzjonijiet għall-protezzjoni mogħtija f'sistemi oħra ta' proprjetà industrijali, bħal patenti, għandhom jiġu adottati jew b'mod ieħor modifikati għall-konsistenza mas-sistema tad-drittijiet tal-Komunità ta' varjetajiet ta' pjanti; billi din, fejn meħtieġ, għandha tkun ipprovduta b'regoli bilanċjati b'liġi addizzjonali tal-Komunità; Billi d-dmirijiet u s-setgħat ta' l-Uffiċċju tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti, inkluż il-Bord ta' l-Appell, li għandu x'jaqsam ma' l-għoti, it-terminazzjoni jew il-verifika tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti u l-pubblikazzjonijiet għandhom sa fejn ikun possibbli jkunu mudellati fuq ir-regoli żviluppati għal sistemi oħrajn, kif għandha tkun ukoll l-istruttura ta' l-Uffiċċju u r-Regoli ta' Proċedura, il-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri b'mod partikolari permezz ta' Kunsill Amministrattiv, l-involviment ta' l-Uffiċċji ta' l-Eżamijiet f'eżamijiet tekniċi u wkoll u l-miżuri meħtieġa għall-budget; Billi l-Uffiċċju għandu jingħata l-pariri u jkun sorveljat mill-imsemmi Kunsill Amministrattiv, magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni; Billi t-Trattat ma jipprovdix, għall-adozzjoni ta' dan ir-regolament, setgħat oħrajn għajr dawk ta' l-Artikolu 235; Billi jittieħed akkont tal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti bħal ma huma l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (Konvenzjoni UPOV), il-Konvenzjoni ta' l-Għoti ta' Patenti Ewropej (Konvenzjoni Ewropea tal-Patenti) jew l-Akkordju dwar l-aspetti relatati man-negozju tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inkluż in-negozju f'oġġetti foloz; billi konsegwentement dan jimplimenta l-projbizzjoni fuq l-ippatentjar ta' varjetajiet ta' pjanti sal-limitu biss li l-Konvenzjoni tal-Patenti Ewropej hekk teħtieġ, jiġifieri għall-varjetajiet ta' pjanti bħala tali; Billi dan ir-Regolament għandu jkun eżaminat mill-ġdid sabiex ikun emendat kif meħtieġ fid-dawl ta' l-iżviluppi futuri ta' l-imsemmija Konvenzjoni, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-EWWEL PARTI DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 1 Drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti Sistema ta' drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti hija b'dan stabbilita bħala l-forma unika u esklussiva tal-Komunità tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali tal-varjetajiet ta' pjanti. Artikolu 2 Effett uniformi tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti Id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandhom ikollhom effett uniformi fit-territorju tal-Komunità u ma jistgħux jingħataw, jiġu trasferiti jew jiġu terminati fl-imsemmi territorju ħlief fuq bażi ta' uniformità Artikolu 3 Drittijiet nazzjonali ta' proprjetà għall-varjetajiet ta' pjanti Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jagħtu drittijiet nazzjonali ta' proprjetà għall-varjetajiet ta' pjanti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 92(1). Artikolu 4 Uffiċċju tal-Komunità Għall-għanijiet ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta' Pjanti, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "l-Uffiċċju", huwa b'dan stabbilit. IT-TIENI PARTI LIĠI SOSTANTIVA IL-KAPITOLU I KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-GĦOTI TA' DRITTIJIET TAL-KOMUNITÀ TAL-VARJETAJIET TA' PJANTI Artikolu 5 L-Iskop tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. Varjetajiet ta' ġeneru u speċi botaniku, inkluż, fost oħrajn, taħlit bejn ġenera u speċi, jistgħu jiffurmaw l-iskop tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. 2. Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, "varjetajiet" għandha tittieħed li tiftiehem grupp ta' pjanti fi ħdan klassifika botanika unika ta' l-aktar speċi baxxa magħrufa, liema grupp, irrispettivament jekk il-kondizzjonijiet għall-għoti ta' dritt tal-varjetajiet ta' pjanti jkunux milħuqa kollha kemm huma, jistgħu jkunu: - definiti bl-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip stabbilit jew taħlita ta' ġenotipi, - distinti minn gruppi oħra ta' pjanti bl-espressjoni ta' għall-anqas wieħed mill-imsemmija karatteristiċi, u - ikkunsidrati bħala waħda f'dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħha li tiġi propagata mingħajr tibdil. 3. Grupp ta' pjanti jkun jikkonsisti fi pjanti sħaħ jew parti ta' pjanti sakemm dawk il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ, it-tnejn li huma hawnhekk iżjed il-quddiem imsejħa "kostitwenti tal-varjetajiet". 4. L-espressjoni tal-karatteristiċi li għaliha jirreferi l-paragrafu 2, l-ewwel inċiż, tista tkun jew invarjabbli jew varjabbli bejn il-kostitwenti tal-varjetajiet ta' l-istess tip sakemm ukoll jirriżulta l-livell tal-varjazzjoni mill-ġenotip jew taħlit ta' ġenotipi. Artikolu 6 Varjetajiet protettibbli Id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandhom jingħataw għall-varjetajiet li huma: (a) distinti; (b) uniformi; (ċ) stabbli; u (d) ġodda. Barra minn hekk, il-varjetà għandha tkun imsemmija minn denominazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 63. Artikolu 7 Distintività 1. Varjetà tkun meqjusa li tkun distinta jekk tkun distingwibbli b'mod ċar b'referenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta' ġenotipi, minn kull varjetajiet oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data ta' l-applikazzjoni stabbilita bis-saħħa ta' l-Artikolu 51. 2. L-eżistenza ta' varjetajiet oħrajn għandhom b'mod partikolari ikunu meqjusa li jkunu fatt li jafu kulħadd jekk fid-data ta' l-applikazzjoni stabbilita bis-saħħa ta' l-Artikolu 51: (a) kienet il-għan ta' dritt tal-varjetajiet ta' pjanti jew imdaħħla f'reġistru uffiċjali ta' varjetajiet ta' pjanti, fil-Komunità jew xi Stat, jew f'xi organizzazzjoni intergovernattiva bil-kompetenza relevanti; (b) applikazzjoni għall-għoti ta' dritt ta' varjetajiet ta' pjanti jew dwar id-dħul tagħhom f'dak ir-reġistru uffiċjali kienet magħmula, sakemm dik l-applikazzjoni tkun wasslet għall-għoti jew id-dħul sadanittantant. Ir-Regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114 jistgħu jispeċifikaw aktar każi bħala eżempju li għandhom ikunu meqjusa bħala fatt li jafu kulħadd. Artikolu 8 Uniformità Varjetà tkun meqjusa li tkun uniformi jekk, bla ħsara għall-varjazzjoni li tista' tkun mistennija mill-karatteristiċi tal-propagazzjoni tagħha, tkun suffiċjentement uniformi fl-espressjoni ta' dawk il-karatteristiċi li huma nklużi fl-eżami għal distintività, kif ukoll xi oħrajn użati għad-deskrizzjoni tal-varjetajiet. Artikolu 9 Stabbilità Varjetà tkun meqjusa li tkun stabbli jekk l-espressjoni tal-karatteristiċi nklużi fl-eżami għad-distintività kif ukoll xi oħrajn użati għad-deskrizzjoni tal-varjetajiet, jibqgħu mhux mibdula wara propagazzjoni ripetuta jew, fil-każ ta' xi ċiklu partikolari ta' propagazzjoni, fi tmiem kull ċiklu. Artikolu 10 Oriġinalità 1. Varjetà tkun meqjusa li tkun ġdida jekk, fid-data ta' l-applikazzjoni stabbilta skond l-Artikolu 51, il-kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetajiet ma jkunux ġew mibjugħa jew b'mod ieħor mogħtija lil ħaddieħor, mill-, jew bil-kunsens ta', min irrabbihom skond it-tifsira ta' l-Artikolu 11, għal għanijiet ta' l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet: (a) aktar kmieni minn sena qabel 'il fuq imsemmija data, fit-territorju tal-Komunità; (b) aktar kieni minn erba' snin jew, fil-każ ta' siġar u dwieli, aktar kmieni minn sitt snin qabel l-imsemmija data, barra t-territorju tal-Komunità. 2. L-għoti ta' kostitwenti tal-varjetajiet lil xi korp uffiċjali għal għanijiet statutorji, jew lil xi ħadd ieħor fuq il-bażi ta' xi relazzjoni kuntrattwali jew legali oħra unikament għar-riproduzzjoni, riproduzzjoni, moltiplikazzjoni, kondizzjonar jew ħażna, ma għandux jitqies li jkun għotja lil ħaddieħor fit-tifsira tal-paragrafu 1, sakemm dak li jrabbi jirriserva d-dritt esklużiv għall-għoti ta' dawn u kostitwenti tal-varjetajiet oħra, u ma ssir l-ebda għotja oħra. Iżda, dik l-għotja tal-kostitwenti tal-varjetajiet għandha titqies li tkun għotja skond il-paragrafu 1 jekk dawn il-kostitwenti jkunu ripetutament użati fil-produzzjoni ta' varjetajiet mħallta u jekk ikun hemm għoti ta' kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetajiet mħallta. Bl-istess mod, l-għoti tal-kostitwenti tal-varjetajiet minn kumpanija jew ditta skond it-tifsira tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat lil dawk il-kumpaniji jew ditti ma għandux jitqies li tkun għotja lil ħaddieħor, jekk xi waħda minnhom tkun tappartjeni kollha kemm hi lill-oħra jew jekk it-tnejn ikunu jappartjenu kollha kemm huma lil xi tielet kumpanija jew ditta, sakemm ma ssir ebda għotja oħra. Din id-disposizzjoniji ma għandhiex tapplika għal soċjetajiet kooperattivi. 3. L-għoti tal-kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetajiet, li jkunu ġew prodotti minn pjanti mkabbra għall-għanijiet speċifikati fl-Artikoli 15(b) u(ċ) u li ma jkunux użati għal aktar riproduzzjoni jew moltiplikazzjoni, ma għandux jitqies li jkun esplojtazzjoni tal-varjetajiet, sakemm issir referenza għall-varjetajiet għall-għan ta' dik l-għotja. Bl-istess mod, ma għandu jittieħed l-ebda akkont ta' għoti lil ħaddieħor, jekk kienet dovuta imħabba, jew b'konsegwenza tal-fatt li dak li jrabbi kien wera l-varjetajiet f'esibizzjoni uffiċjali jew magħrufa uffiċjalment skond it-tifsira tal-Konvenzjoni dwar Esibizzjonijiet Internazzjonali, jew f'xi esibizzjoni f'xi Stat Membru li kien magħruf uffiċjalment bħala ekwivalenti f'dak l-Istat Membru. IL-KAPITOLU II PERSUNI INTITOLATI Artikolu 11 Jedd għal drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. Il-persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu, it-tnejn li huma – il-persuna u s-suċċessur tiegħu – hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "dak li jkabbar", ikunu ntitolati għad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. 2. Jekk żewġ persuni jew aktar ikunu kabbru, jew skoprew u żviluppaw il-varjetajiet flimkien, il-jedd ikun vestit solidalment fihom jew is-suċċessuri fit-titolu rispettivi tagħhom. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika għal żewġ persuni jew aktar fil-każi meta wieħed jew aktar minnhom ikunu skoprew il-varjetà u l-ieħor jew l-oħrajn ikunu żviluppawha. 3. Il-jedd għandu jkun vestit ukoll solidalment f'dak li jkabbar u f'xi persuna jew persuni oħra, jekk dak li jkabbar u dik il-persuna jew persuni oħra ikunu ftehmu għal jedd solidali permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub. 4. Jekk dak li jkabbar ikun impjegat, il-jedd għad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandu jiġi stabbilit skond il-liġi nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' mpieg li fil-kuntest tal-varjetà tkun ġiet imkabbra, jew skoperta jew żviluppata. 5. Meta l-jedd għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti ikun divestit solidalment f'żewġ persuni jew aktar bis-saħħa tal-paragrafi 2 sa 4, wieħed jew iżjed minnhom jistgħu jawtorizzaw lill-oħrajn permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub għal dan il-għan biex jitolbu l-jedd tagħha. Artikolu 12 Jedd biex tiġi rreġistrata applikazzjoni għal jedd tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. Applikazzjoni għal jedd tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti tista' ssir minn kull persuna naturali jew legali, jew xi ħadd bl-istess gradazzjoni ta' persuna legali skond il-liġi applikabbli għal dak il-korp, sakemm ikunu: (a) persuni ta' nazzjonalità ta' l-Istati Membri jew persuni ta' nazzjonalità ta' membru ta' l-Unjoni tal-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(xi) ta' l-Att ta' l-1991 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti, jew ikunu domiċiljati jew għandhom is-sede stabbilta f'dak l-Istat; (b) persuni ta' nazzjonalità ta' kull Stat ieħor li ma jkunux jilħqu l-ħtiġiet imsemmija f'(a) dwar domiċilju, sede jew stabbiliment, sakemm il-Kummissjoni, wara li tkun ottjeniet l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv li għalih jirreferi l-Artikolu 36, tkun hekk iddeċidiet. Dik id-deċizjoni tista' tkun dipendenti fuq l-Istat l-ieħor li jagħti protezzjoni għal varjetajiet ta' l-istess klassifikazzjoni botanika lill-persuni ta' nazzjonalità ta' l-Istati Membri kollha li tkun tikkorrispondi mal-protezzjoni mogħtija bis-saħħa ta' dan ir-Regolament; il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk din il-kondizzjoni tkunx intlaħqet. 2. Applikazzjoni tista' ssir solidalment minn żewġ persuni bħal dawk jew aktar. IL-KAPITOLU III EFFETTI TAD-DRITTIJIET TAL-KOMUNITÀ TAL-VARJETAJIET TA' PJANTI Artikolu 13 Drittijiet tad-detentur ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti u atti pprojbiti 1. Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "id-detentur", ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2. 2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-materjal", għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur: (a) produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni); (b) kondizzjonar għall-għan ta' propagazzjoni; (ċ) toffri għall-bejgħ; (d) bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq; (e) esportazzjoni mill-Komunità; (f) importazzjoni lejn il-Komunità; (g) ħażna għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fi (a) sa (f). Id-detentur jista' jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet. 3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw dwar materjal maħsud biss jekk dan kien akkwistat permezz ta' l-użu awtorizzat ta' kostitwenti tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur kellu opportunità raġonevoli li jeżerċita id-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti ta' varjetajiet. 4. Fir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114, jista' jiġi pprovdut li f'każi speċifiċi id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom ukoll japplikaw dwar prodotti akkwistati direttament minn materjal tal-varjetajiet protetti. Jistgħu japplikaw biss jekk dawk il-prodotti kienu akkwistati permezz ta' l-użu awtorizzat ta' materjal tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur kellu l-opportunità raġonevoli li jeżerċita d-dritt tiegħu b'relazzjoni ma' l-imsemmi materjal. Sal-limitu li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 japplikaw għal prodotti direttament miksuba, għandhom ukoll jiġu meqjusa li jkunu "materjal". 5. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 għandhom ukoll japplikaw b'relazzjoni ma: (a) varjetajiet li huma essenzjament imnissla mill-varjetà li dwarha d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jkun ingħata, meta din il-varjetà ma tkunx fiha nnifisha varjetà essenzjalment imnissla; (b) varjetajiet li m'humiex distinti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 mill-varjetajiet protetti; u (ċ) varjetajiet li l-produzzjoni tagħhom tenħtieġ l-użu ripetut tal-varjetà protetta. 6. Għall-għanijiet tal-paragrafu 5(a), varjetà tkun meqjusa li tkun essenzjalment imnissla minn varjetajiet oħrajn, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "il-varjetajiet iniżjali" meta: (a) tkun predominantement imnissla mill-varjetajiet inizjali, jew minn varjetà li fiha nnifisha tkun predominantement imnissla minn varjetajiet inizjali; (b) tkun distinta skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 mill-varjetajiet inizjali; u (ċ) ħlief għad-differenzi li jirriżultaw mill-att ta' derivazzjoni, tkun essenzjalment konformi mal-varjetajiet inizjali fl-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw mill-ġenotip jew taħlita ta' ġenotipi tal-varjetajiet iniżjali. 7. Ir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114 jistgħu jispeċifikaw atti possibbli ta' derivazzjoni li għall-anqas jiġu taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6. 8. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14 u 29, l-eżercizzju tad-drittijiet mogħtija bid-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti ma għandhomx jiksru xi dispożizzjonijiet adottati fuq bażi ta' moralità pubblika, strateġija pubblika jew sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, l-annimali jew tal-pjanti, il-protezzjoni ta' l-ambjent, il-protezzjoni ta' proprjetà industrijali jew kummerċjali, jew il-ħarsien tal-kompetizzjoni, tan-negozju jew ta' produzzjoni agrikola. Artikolu 14 Deroga mid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta' propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta' propagazzjoni ta' varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. 2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli biss għal speċi ta' pjanti agrikoli ta': (a) Pjanti ta' l-għalf: Cicer arietinum L. - ċiċri milkvetch Lupinus luteus L. – Lupini sofor Medicago sativa L. – Nifel Pisum sativum L. (partim) - ċiċri komuni Trifolium alexandrinum L. - Berseem/Silla Eġizzjana Trifolium resupinatum L. – Silla Persjana Vicia faba – Favetta Vicia sativa L. – ġilbiena komuni u, fil-każ tal-Portugall, Lolium multiflorum lam - Ħaxix tas-sikrana Taljana (b) ċereali: Avena sativa - Ħafur Hordeum vulgare L. – Xgħir Oryza sativa L. - Ross Phalaris canariensis L. - Milju Secale cereale L. - Sikrana X Triticosecale Wittm. - Tritikali Triticium aestivum L. emend. Fiori et Paol. -Qamħ Triticum durum Desf. -Qamħ Durum Triticum spelta L. – Qamħ Spelt (ċ) Patata: Solanum tuberosum – Patata (d) Pjanti taż-żejt u l-fibra: Brassica napus L. (partim) – Nevew Svediż Brassica rapa L. (partim) – Rapa tan-nevew Linum usitatissimum – kittien iżda eskluż il-qanneb. 3. Kondizzjonijiet biex jagħtu effett lid-deroga li għaliha jipprovdi l-paragrafu 1 u biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta' dak li jkabbar u tal-bidwi, għandhom ikunu stabbiliti, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, fl-implimentazzjoni tar-regoli bis-saħħa ta' l-Artikolu 114, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: - m'għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni kwantitattiva tal-livell ta' l-art tal-bidwi sal-limitu meħtieġ għall-ħtiġijiet ta' l-art, - il-prodott tal-ħsad jista' jiġi proċessat għaż-żergħa, jew mill-bidwi nnifsu jew permezz ta' servizzi mogħtija lilu, bla preġudizzju għal xi restrizzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu dwar l-organizzazzjoni ta' l-ipproċessar ta' l-imsemmi prodott tal-ħsad, b'mod partikolari sabiex tiġi assigurata l-identità tal-prodott imdaħħal għall-ipproċessar b'dak li jirriżulta mill-ipproċessar, - bdiewa zgħar ma jkunux meħtieġa li jagħmlu xi ħlas lid-detentur; ikunu konsidrati bħala bdiewa żgħar dawk li: - fil-każ ta' dawk l-ispeċi ta' pjanti li għalihom jirreferi l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u li għalihom japplka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 li jistabbilixxi sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċerti wċuh tar-raba [4], bdiewa li ma jkabbrux pjanti fuq qasam akbar mill-qasam li jkun meħtieġ biex jipproduċi 92 tunnellata ta' ċereali; għall-kalkolazzjoni tal-qasam għandu japplika l-Artikolu 8(2) ta' l-imsemmi Regolament, - fil-każ ta' speċi oħrajn ta' pjanti li għalihom jirreferi l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, bdiewa li jissodisfaw kriterji xierqa komparabbli, - bdiewa oħrajn ikunu meħtieġa li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur, li għandu jkun sensibilment aktar baxx mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta' materjal ta' propagazzjoni ta' l-istess varjetajiet fl-istess qasam; il-livell attwali ta' dan il-ħlas xieraq jista' jkun suġġett għall-varjazzjoni matul iż-żmien, meta jittieħed akkont tal-limitu li jista' jsir użu mid-deroga pprovdutafil-paragrafu 1 dwar il-varjetajiet ikkonċernati, - is-sorveljar ta' l-aderenza mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jew mad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu ir-risponsabbiltà esklużiva tad-detenturi;florganizzazzjoni ta' dak is-sorveljar jistgħu ma jipprovdux għallgħajnuna minn korpi uffiċjali, - it-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta' l-ipproċessar; it-tagħrif relevanti jista' ugwalment jiġi pprovdut minn korpi uffiċjali involuti fis-sorveljar ta' produzzjoni agrikola, jekk dak it-tagħrif ikun ġie miksub bil-mezz tat-tagħmil orninarju ta' xogħolhom, mingħajr piżijiet jew spejjeż addizzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma bla preġudizzju, dwar id-dettalji personali, għall-legislazzjoni tal-Komunità u nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar u ċaqliq ħieles ta' dettalji personali. Artikolu 15 Limitazzjoni ta' l-effetti tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti Id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti m'għandhomx jestendu għal: (a) atti magħmula privatament għall-għanijiet mhux kummerċjali; (b) atti magħmula għall-għanijiet sperimentali; (ċ) atti magħmula għall-għanijiet ta' tkabbir, jew għall-iskoperta jew l-iżviluppar ta' varjetajiet oħrajn; (d) l-atti li għalihom jirreferu l-Artikoli 13(2) sa(4), dwar dawk il-varjetajiet l-oħra, ħlief meta japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(5), jew meta l-varjetajiet l-oħrajn jew il-materjal jaqa' taħt il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà li ma jkunx fih dispożizzjonijiet komparabbli; u (e) atti li l-projbizzjoni tagħhom tkun tikser id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13(8), 14 jew 29. Artikolu 16 Tmiem tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti Id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti m'għandhomx ikunu jestendu għall-atti li jikkonċernaw kull materjal tal-varjetajiet protetti, jew ta' varjetajiet koperti bid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(5), li jkun ġie mogħti lill-oħrajn mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, f'kull parti tal-Komunità, jew kull materjal meħud mill-imsemmi materjal, sakemm dawk l-atti: (a) jinvolvu aktar propagazzjoni tal-varjetajiet in kwistjoni, ħlief meta dik il-propagazzjoni kienet intiża meta l-materjal kien ġie mogħti; jew (b) jinvolvi l-esportazzjoni ta' kostitwenti tal-varjetajiet f'pajjiż terż li ma jipproteġix varjetajiet tal-ġeneru tal-pjanti jew ta' l-ispeċi li għalihom tkun tappartjeni l-varjetà, ħlief meta l-materjal esportat ikun għall-għanijiet ta' konsum finali. Artikolu 17 Użu tad-denominazzjonijiet tal-varjetajiet 1. Kull persuna li, fit-territorju tal-Komunità, toffri lil xi ħadd jew b' xi mod tiddisponi għall-għanijiet kummerċjali kostitwenti tal-varjetà ta' varjetajiet protetti, jew varjetajiet koperti bid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(5), għandu juża d-denominazzjoni tal-varjetà imsemmija bis-saħħa ta' l-Artikolu 63; meta jkun użat bil-miktub, id-denominazzjoni tal-varjetà għandu jkun faċilment jingħaraf u faċilment leġibbli. Jekk trade mark, isem tan-negozju jew indikazzjoni simili ikun assoċjat ma' denominazzjoni msemmija, din id-denominazzjoni għandha tkun faċilment tintgħaraf bħala tali. 2. Kull persuna li tagħmel dawn l-atti dwar xi materjal ieħor tal-varjetà, għandha tinforma b'dik id-denominazzjoni skond id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi jew jekk issir talba minn xi awtorità, mix-xerrej jew minn xi persuna oħra li jkollha interess leġittimu. 3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll wara t-tmiem tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. Artikolu 18 Limitazzjoni ta' l-użu tad-denominazzjonijiet tal-varjetajiet 1. Id-detentur jista' ma jużax xi dritt mogħti dwar xi desinjazzjoni li tkun identika mad-denominazzjoni tal-varjetajiet li tfixkel l-użu liberu ta' dik id-denominazzjoni b'konnessjoni mal-varjetajiet, ukoll wara t-temma tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. 2. Terza persuna tista' tuża dritt mogħti dwar desinjazzjoni li tkun identika mad-denominazzjoni tal-varjetajiet li tfixkel l-użu liberu ta' dik id-denominazzjoni biss jekk dak id-dritt kien mogħti qabel id-denominazzjoni tal-varjetajiet kienet imsemmija bis-saħħa ta'l-Artikolu 63. 3. Meta varjetà tkun protetta bi dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jew, fi Stat Membru jew f'Membru ta' Organizzazzjoni Internazzjonali għall-protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti bi dritt nazzjonali ta' proprjetà, la d-denominazzjoni msemmija tagħha jew xi desinjazzjoni li tista' titħawwad magħha ma tista' tintuża, fit-territorju tal-Komunità b'konnessjoni ma' xi varjetajiet oħra ta' l-istess speċi botaniku jew speċi li jkun meqjus bħala relatat bis-saħħa tal-publikazzjoni magħmula skond l-Artikolu 63(5), jew għall-materjal ta' dik il-varjetà. IL-KAPITOLU IV TUL TA' ŻMIEN U TEMMA TAD-DRITTIJIET TAL-KOMUNITÀ TAL-VARJETAJIET TA' PJANTI Artikolu 19 Tul ta' żmien tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. It-terminu tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jibqa' jgħodd sat-tmien tal-25 sena kalendarja jew, fil-każ ta' varjetajiet ta' speċi ta' dwieli u siġar, sat-tmien tat-30 sena kalendarja li tiġi wara s-sena ta' l-għoti. 2. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-proposta tal-Kummissjoni, jista' dwar ġeneri jew speċi speċifiċi, jipprovdi għal estensjoni ta' dawn it-termini b'ħames snin oħra. 3. Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandu jiskadi qabel jagħlqu t-termini msemmija fil-paragrafu 1 jew bis-saħħa tal-paragrafu 2, jekk id-detentur iċediha billi jibgħat dikjarazzjoni bil-miktub għal dan il-għan lill-Uffiċċju, u b'effett mill-jum li jiġi wara dak il-jum li fih id-dikjarazzjoni tasal fl-Uffiċċju. Artikolu 20 Annullament tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. L-Uffiċċju għandu jiddikjara d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti null u bla effett jekk jiġi stabbilit: (a) li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 jew 10 ma kienux imħarsa fiż-żmien tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti; jew (b) li meta d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti kien essenzjament ibbażat fuq tagħrif u dokumenti mibgħuta mill-applikant, il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 ma kienux ġew imħarsa fiż-żmien ta' l-għoti tad-dritt; jew (ċ) li d-dritt kien mogħti lil persuna li ma kienitx intitolata għalih, sakemm ma jkunx ġie trasferit lill-persuna li għandha dak id-dritt. 2. Meta d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti ikun ġie dikjarat null u bla effett, għandu jiġi meqjus li ma jkun qatt kellu, mill-bidu nett, l-effetti speċifikati f'dan ir-Regolament. Artikolu 21 Tħassir tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. L-Uffiċċju għandu jħassar id-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti b''effett fil-futur jekk jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 jew 9 ma jkunux aktar imħarsa. Jekk ikun stabbilit li dawn il-kondizzjonijiet kienu diġà mhux aktar imħarsa minn xi żmien qabel it-tħassir, it-tħassir jista' jsir effettiv minn dak iż-żmien. 2. L-Uffiċċju jista' jħassar dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti b'effett fil-futur jekk id-detentur, wara li jiġi mitlub biex jagħmel dan, u f'limitu ta' żmien speċifikat mill-Uffiċċju: (a) ma jkunx osserva l-obbligazzjonijiet skond l-Artikolu 64(3); jew (b) fil-każ li għalih jirreferi l-Artikolu 66, ma jipproponix denominazzjoni ta' varjetà xierqa oħra; jew (ċ) jonqos milli jħallas dawk it-tariffi li jistgħu jkollhom jitħallsu biex jinżamm fis-seħħ id-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti; jew (d) bħala d-detentur iniżjali jew bħala suċċessur fit-titolu bħala riżultat ta' xi trasferiment bis-saħħa ta' l-Artikolu 23, ma jissodisfax aktar il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 u 82. IL-KAPITOLU V DRITTIJIET TAL-KOMUNITÀ TAL-VARJETAJIET TA' PJANTI BĦALA OĠĠETTI TA' PROPRJETA Artikolu 22 Assimilazzjoni mal-liġijiet nazzjonali 1. Apparti milli kif ipprovdut xort'oħra fl-Artikoli 23 sa 29, id-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti bħala oġġetti ta' proprjetà għandu jkun ikkunsidrat fl-aspetti kollha, u għat-territorju kollu tal-Komunità, bħala dritt korrispondenti ta' proprjetà fl-Istat Membru li fih: (a) skond id-dħul fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, id-detentur kien domiċiljat jew kellu s-sede tiegħu jew xi stabbiliment fid-data relevanti; jew (b) jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafu (a) ma jkunux imwettqa, l-ewwel imsemmi rappreżentant proċedurali, kif indikat fl-imsemmi Reġistru, kien domiċiljat jew kellu s-sede jew stabbiliment fid-data tar-reġistrazzjoni. 2. Meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jkunux imwettqa, l-Istat Membru li għalih jirreferi l-paragrafu 1 għandu jkun l-Istat Membru li fih tkun tinsab is-sede ta' l-Uffiċċju. 3. Meta domiċilji, sedi jew stabbilimenti f'żewġ Stati Membri jew iżjed ikunu mdaħħla dwar id-detentur jew ir-rappreżentant proċedurali li għalih jirreferi l-paragrafu 1, l-ewwel imsemmi domiċilju jew sede għandu japplika għall-għanijiet tal-paragrafu 1. 4. Meta żewġ persuni jew iżjed ikunu mdaħħla fir-Reġistru li għalih jirreferi l-paragrafu 1 bħala detenturi flimkien, id-detentur relevanti għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 (a) għandu jkun l-ewwel detentur tas-sehem meħud skond l-ordni tad-dħul fir-Reġistru li jissodisfa l-kondizzjonijiet. Meta ebda wieħed mid-detenturi sħab ma jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), il-paragrafu 2 għandu japplika. Artikolu 23 Trasferiment 1. Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jista' jkun l-oġġett ta' trasferiment lil suċċessur fit-titolu wieħed jew iżjed. 2. It-trasferiment ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti b'ċessjoni jista' jsir biss lil suċċessuri li jimxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 u 82. Għandu jitniżżel bil-miktub u għandu jkun jenħtieġ il-firma tal-partijiet fil-kuntratt, apparti minn meta jkun b'riżultat ta' sentenza jew xi atti oħrajn fi tmiem proċeduri tal-qorti. Inkella jkun bla effett. 3. Ħlief kif ipprovdut xort' oħra fl-Artikolu 100, trasferimenti ma jkollhom l-ebda rabta' fuq id-drittijiet akkwistati minn partijiet terzi qabel id-data tat-trasferiment. 4. Trasferiment m'għandux ikollu effet għall-Uffiċċju u ma jistax jiġi ċitat fil-konfront ta' partijiet terzi sakemm evidenza dokumentata tagħhom kif jipprovdu r-regoli ta' l-implimentazzjoni tkun ipprovduta u sakemm ma jkunx ġie mdaħħal fir-Reġistru tad-Drittijiet tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti. Trasferiment li jkun għadu ma ġiex imdaħħal fir-Reġistru jista', b'dana kollu, jiġi ċitat fil-konfront ta' partijiet terzi li jkunu akkwistaw id-drittijiet wara d-data tat-trasferiment, iżda li kienu jafu bit-trasferiment fid-data li fiha jkunu akkwistaw dawk id-drittijiet. Artikolu 24 Imposta ta' l-esekuzzjoni Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jista' jiġi mpost fl-esekuzzjoni u jkun suġġett għal miżuri temporanji, inklużi dawk protettivi, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta' Sentenzi f'Materji ċivili u Kummerċjali, iffirmat f'Lugano fis-16 ta' Settembru 1988, hawnhekk iżjed il quddiem imsejjaħ "il-Konvenzjoni ta' Lugano". Artikolu 25 Falliment jew proċeduri simili Sa dak iż-żmien li regoli komuni għall-Istati Membri f'dan il-qasam jidħlu fis-seħħ, l-uniku Stat Membru li fih dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jista' jkun involut f'falliment jew proċeduri simili għandu jkun dak li fih dawk il-proċeduri jinġiebu l-ewwel skond it-tifsira tal-liġi nazzjonali jew ta' konvenzjonijiet applikabbli f'dan il-qasam. Artikolu 26 L-applikazzjoni ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti bħala oġġett ta' proprjetà L-Artikoli 22 sa 25 għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. Dwar dawk l-applikazzjonijiet, ir-referenzi magħmula f'dawk l-Artikoli fir-Reġistru tad-Drittijiet tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għar-Reġistru ta' l-Applikazzjoni tad-Drittijiet tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti. Artikolu 27 Drittijiet ta' l-esplojtazzjoni kontrattwali 1. Drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jistgħu jiffurmaw b'mod sħiħ jew in parti is-suġġett ta' drittijiet ta' l-esplojtazzjoni kontrattwalment mogħtija. Drittijiet ta' l-esplojtazzjoni jistgħu jkunu esklużivi jew mhux esklużivi. 2. Id-detentur jista' jinvoka d-drittijiet mogħtija bid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti kontra persuna li tkun tgawdi d-dritt ta' l-esplojtazzjoni li tikser xi waħda mill-kondizzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet marbutin mad-dritt tagħha ta' l-esplojtazzjoni bis-saħħa tal-paragrafu 1. Artikolu 28 Detenzjoni bi sħab L-Artikoli 22 sa 27 għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-każ ta' detenzjoni bi sħab ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti skond il-proporzjon ta' l-ishma rispettivi miżmuma, meta dawk l-ishma jkunu ġew stabbiliti. Artikolu 29 Dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja 1. Drittijiet ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja għandhom jingħataw lill-persuna waħda jew iżjed mill-Uffiċċju, fuq applikazzjoni minn dik il-persuna jew persuni, iżda biss fuq il-bażi ta' l-interess pubbliku u wara li jkun ġie konsultat il-Kunsill Ammistrattiv li għalih jirreferi l-Artikolu 36. 2. Fuq applikazzjoni minn Stat Membru, mill-Kummissjoni jew minn xi organizzazzjoni stabbilita f'livell tal-Komunità u reġistrata mill-Kummissjoni, id-dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja jista' jingħata, jew lill-kategorija ta' persuni li jissodisfaw il-ħtiġiet speċifiċi, jew lil xi ħadd fi Stat Membru wieħed jew iżjed jew fil-Komunità kollha. Jista' jingħata biss fuq il-bażi ta' l-interess pubbliku u bl-approvazzjoni tal-Kunsill Amministrattiv. 3. L-Uffiċċju għandu, meta jagħti dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja, jistipula t-tip ta' l-atti koperti u jispeċifika l-kondizzjonijiet raġonevoli tagħhom kif ukoll il-ħtiġijiet speċifiċi li għalihom jirreferi l-paragrafu 2. Il-kondizzjonijiet raġonevoli għandhom ikunu jagħtu kont ta' l-interessi ta' kull detentur tad-drittijiet tal-varjetajiet ta' pjanti li jistgħu jkunu affetwati bl-għotja tad-dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja. Il-kondizzjonijiet raġonevoli jistgħu jinkludu l-possibiltà ta' limitazzjoni ta' żmien, il-ħlas ta' dritt xieraq bħala remunerazzjoni xierqa lid-detentur, u jistgħu jimponu ċerti obbligazzjonijiet fuq id-detentur li t-twettiq tagħhom ikun meħtieġ biex isir użu mid-dritt ta' l-esplojtazzjoni obbigatorja. 4. Wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' sena wara l-għoti tad-dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja u fl-imsemmija limitazzjoni possibbli ta' żmien, kull wieħed mill-partijiet tal-proċeduri jista' jitlob li d-deċiżjoni dwar l-għotja tad-dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja tiġi kanċellata jew emendata. L-uniku bażi għal dik it-talba għandu jkun iċ-ċirkostanzi li jiddeterminaw id-deċiżjoni meħuda li tkun saddattant kellha tinbidel. 5. Fuq applikazzjoni, id-dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja għandu jingħata lid-detentur tal-varjetà essenzjalment imnissla jekk il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew osservati. Il-kondizzjonijiet raġonevoli li għalihom jirreferi l-paragrafu 3 għandhom jinkludu l-ħlas tad-dritt xieraq bħala remunerazzjoni xierqa lid-detentur tal-varjetà inizjali. 6. Ir-regoli ta' l-implimentazzjoni skond l-Artikolu 114 jistgħu jispeċifikaw ċerti każi bħala eżempji ta' l-interess pubbliku li għalih jirreferi l-paragrafu 1 u b'żieda jipprovdi dettalji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi ta' hawn fuq. 7. Drittijiet ta' l-esplojtazzjoni obbligatorji jistgħu ma jingħatawx minn Stati Membri dwar dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. PARTI TLIETA L-UFFIĊĊJU TAL-KOMUNITÀ TAL-VARJETAJIET TA' PJANTI IL-KAPITOLU I DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 30 Status legali, sub-uffiċċji 1. L-Uffiċċju għandu jkun korp tal-Komunità. Għandu jkollu personalità legali. 2. F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Uffiċċju għandu jgawdi l-aktar kapaċità estensiva mogħtija lill-persuni legali skond il-liġijiet tagħhom. Hu jista', b'mod partikolari, jakkwista u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jkun parti għal proċeduri legali. 3. L-Uffiċċju għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu. 4. Bil-kunsens tal-Kunsill Amministrattiv li għalih jirreferi l-Artikolu 36, l-Uffiċċju jista' jafda aġenziji nazzjonali b'eżercizzju ta' funzjonijiet amministrattivi speċifiċi ta' l-Uffiċċju jew jistabbilixxi uffiċċji tiegħu għal dak il-għan fl-Istati Membri, suġġett għall-kunsens tagħhom. Artikolu 31 Impjegati 1. Ir-Regolamenti ta' l-Impjegati ta' Uffiċċjali fil-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg u l-Impjegati l-oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati flimkien mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti ta' l-Impjegati u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg għandhom ikunu japplikaw għall-impjegati ta' l-Uffiċċju, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 47 għall-membri tal-Board ta' l-Appell. 2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 43, is-setgħat konferiti fuq l-awtorità li taħtar mir-Regolamenti ta' l-Impjegati, u mill-Kondizzjonijiet ta' l-impieg ta' Impjegati Oħrajn, għandhom ikunu eżerċitati mill-Uffiċċju dwar l-impjegati tiegħu. Artikolu 32 Privileġġi u immunitajiet Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Uffiċċju. Artikolu 33 Obbligazzjonijiet 1. L-obbligazzjonijiet kontrattwali ta' l-Uffiċċju għandhom ikunu regolati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni. 2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha ġurisdizzjoni li tagħti sentenzi bis-saħħa ta' xi klawsoli ta' arbitraġġ li jkunu jiffurmaw parti mill-kuntratt magħmul mill-Uffiċċju. 3. Fil-każ ta' obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, l-Uffiċċju għandu skond il-prinċipji ġenerali komuni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull ħsara kaġunata mid-dipartimenti tiegħu jew mill-impjegati tiegħu fit-twettiq tad-doveri tagħhom. 4. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-ġurisdizzjoni f'tilwim relatat mal-kumpens tal-ħsara li għalija jirreferi l-paragrafu 3. 5. L-obbligazzjoni personali ta' l-impjegati tiegħu lejn l-Uffiċċju għandhom ikunu rregolati bid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta' l-Impjegati jew tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg applikabbli għalihom. Artikolu 34 Lingwi 1. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom ikunu wżati fil-Komunità Ekonomika Ewropea [5], għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-Uffiċċju. 2. Applikazzjonijiet lill-Uffiċċju, id-dokumenti meħtieġa biex jiġu pproċessati dawk l-applikazzjonijiet u kull karta oħra mibgħuta għandha tintbagħat f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 3. Il-partijiet fi proċeduri quddiem l-Uffiċċju kif speċifikat fir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114, għandhom ikunu ntitolati, li jmexxu proċeduri bil-miktub jew verbali f'kull waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej bit-traduzzjoni u, fil-każ ta' smiegħ, l-interpretazzjonijiet simultanji, ta' l-anqas f'xi lingwa uffiċjali oħra, tal-Komunitajiet Ewropej magħżula minn xi parti oħra fil-proċeduri. L-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet ma jimplikawx xi ħlasijiet speċifiċi għall-partijiet ta' dawk il-proċeduri. 4. Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għat-tħaddim ta' l-Uffiċċju huma bħala prinċipju ipprovduti miċ-ċentru tat-Traduzzjoni tal-Korpi ta' l-Unjoni. Artikolu 35 Deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju 1. Deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom, sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa li jsiru mill-Bord ta' l-Appell bis-saħħa ta' l-Artikolu 72, jittieħdu minn jew bl-awtorità tal-President ta' l-Uffiċċju. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 1, deċiżjonijiet bis-saħħa ta' l-Artikoli 20, 21, 29, 59, 61, 62, 63, 66 jew 100 (2) għandhom jittieħdu minn Kumitat ta' tliet membri mill-impjegati ta' l-Uffiċċju. Il-kwalifiki tal-membri ta' dak il-Kumitat, is-setgħat tal-membri ndividwali fil-fażi tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet, il-kondizzjonijiet tal-vot u r-rwol tal-President dwar dak il-Kumitat għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114. Inkella, il-membri ta' dak il-Kumitat, fit-teħid tad-deċiżjonijiet, ma għandhomx ikunu marbuta b'xi istruzzjonijiet oħrajn. 3. Deċiżjonijiet tal-President, apparti minn dawk speċifikati fil-paragrafu 2, jekk mhux meħuda mill-President, jistgħu jittieħdu minn membru impjegat ta' l-Uffiċċju li jkun ingħata s-setgħa li jagħmel dan b'delega bis-saħħa ta' l-Artikolu 42(2)(h). IL-KAPITOLU II IL-KUNSILL AMMINISTRATTIV Artikolu 36 Ħolqien u setgħat 1. Kunsill Amministrattiv qiegħed b'dan jiġi stabbilit, marbut ma' l-Uffiċċju. B'żieda mas-setgħat mogħtija lill-Kunsill Amministrattiv bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, jew bid-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu l-Artikoli 113 u 114, għandu jkollu s-setgħat b'relazzjoni ma' l-Uffiċċju imfissra hawn taħt: (a) Għandu jagħti pariri fuq materji li għalihom l-Uffiċċju huwa responsabbli, jew joħroġ gwidi ġenerali f'dan ir-rigward. (b) Għandu jeżamina r-rapport tat-tmexxija tal-President, u għandu b'żieda jissorvelja l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju, fuq il-bażi ta' dak l-eżami u kull tagħrif ieħor miksub. (ċ) Għandu, fuq proposta mill-Uffiċċju, jew jistabbilixxi n-numru ta' Kumitati li għalihom jirreferi l-Artikolu 35, ix-xogħol allokat u t-tul tal-funzjoni rispettiva tagħhom, jew joħroġ gwidi ġenerali f'dan ir-rigward. (d) Jista' jistabbilixxi regoli għall-metodi tat-tħaddim ta' l-Uffiċċju. (e) Jista' joħroġ gwidi ta' testijiet bis-saħħa ta' l-Artikolu 56(2). 2. Aktar minn hekk il-Kunsill Amministrattiv: - jista' jwassal opinjonijiet lill-, u jitlob tagħrif mill-Uffiċċju jew il-Kummissjoni, meta jidhirlu li dan ikun meħtieġ, - jista' jibgħat lill-Kummissjoni, b'emendi jew mingħajrhom, abbozzi mqiegħda quddiemu bis-saħħa ta' l-Artikolu 42(2)(g), jew abbozzi ta' l-emendi tiegħu għal dan ir-Regolament, għad-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu l-Artikoli 113 u 114 jew għal kull regoli oħra li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, - għandu jkun ikkonsultat skond l-Artikoli 113(4) u 114 (2), - għandu jesegwixxi l-funzjonijiet tiegħu li għandhom x'jaqsmu mal -budget tal-Uffiċċju bis-saħħa ta' l-Artikoli 109, 111 u 112. Artikolu 37 Komposizzjoni 1. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni u l-alternati tagħhom. 2. Il-membri tal-Kunsill Amministrattiv jistgħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-regoli tiegħu ta' proċedura, ikun megħjuna minn konsulenti u esperti. Artikolu 38 Presidenza 1. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jeleġġi President u deputat President mill-membri tiegħu. Id-Deputat President għandu ex officio iservi flok il-President fil-każ li dan ma jkunx jista' jattendi għad-doveri tiegħu. 2. It-termini ta' l-uffiċċju tal-President jew tad-Deputat President għandhom jintemmu meta s-sħubija tagħhom rispettiva fil-Kunsill Amministrattiv tispiċċa. Mingħajr preġudizzju għal din id-dispożizzjoni, it-tul tat-terminu ta' l-uffiċċju tal-President jew tad-Deputat President għandu jkun ta' tliet snin, sakemm President jew Deputat President ieħor ma jkunux ġew eletti qabel it-tmiem ta' dan il-perjodu. It-terminu ta' l-uffiċċju għandu jkun jista jiġġedded. Artikolu 39 Laqgħat 1. Il-laqgħat tal-Kunsill Amministrattiv għandhom jissejħu mill-President. 2. Il-President ta' l-Uffiċċju għandu jieħu parti fid-deliberazzjonijiet, kemm-il darba l-Kunsill Amministrattiv ma jiddeċiedix xort'oħra. M'għandux ikollu d-dritt li jivvota. 3. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jżomm laqgħa ordinarja darba fis-sena; b'żieda ma' dan għandu jitaqa' fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' terz mill-Istati Membri. 4. Għandu jadotta regoli ta' proċedura, u jista' jistabbilixxi, skond dawk ir-regoli, Kumitati mqiegħda taħt l-awtorità tiegħu. 5. Il-Kunsill Amministrattiv jista' jistieden osservaturi biex jattendu għall-laqgħat tiegħu. 6. Is-segretarjat għall-Kumsill Amministrattiv għandu jiġi provdut mill-Uffiċċju. Artikolu 40 Il-lokalità tal-laqgħat Il-Kunsill Amministrattiv għandu jiltaqa' fis-sede tal-Kummissjoni, jew fil-lokalità ta' l-Uffiċċju jew ta' l-Uffiċċju ta' l-Eżami. Id-dettalji għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura. Artikolu 41 Votazzjoni 1. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jasal għad-deċizjonijiet tiegħu, barra minn dawk li għalihom jirreferi l-paragrafu 2, b'maġġoranza sempliċi tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri. 2. Il-maġġoranza ta' tliet kwarti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet li l-Kunsill Amministrattiv għandu s-setgħta li jieħu skond l-Artikoli 12(1)(b), 29, 36 (1) (a), (b), (d) u (e), 43, 47, 109 (3) u 112. 3. Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed. 4. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Amministrattiv m'għandux ikollhom saħħa li jorbtu fit-tifsira ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat. IL-KAPITOLU III L-AMMINISTRAZZJONI TA' L-UFFIĊĊJU Artikolu 42 Il-funzjonijiet u s-setgħat tal-President 1. L-Uffiċċju għandu jkun amministrat mill-President. 2. Għal dan il-għan, il-President għandu jkollu, b'mod partikolari, il-funzjonijiet u s-setgħat li ġejjin: (a) Il-President għandu jieħu l-passi meħtieġa, inkluża l-adozzjoni ta' l-istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-publikazzjonijiet ta' avviżi, biex jassigura li l-funzjonament ta' l-Uffiċċju jkun skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, ma dawk imsemmijin fl-Artikoli 113 u 114, jew mar-regoli stabbiliti, jew gwidi maħruġa, mill-Kunsill Amministrattiv bis-saħħa ta' l-Artikolu 36(1). (b) Għandu jibgħat rapport tat-tmexxija lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Amministrattiv ta' kull sena. (ċ) Għandu jeżerċita dwar l-impjegati is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 31(2). (d) Għandu jibgħat proposti kif hemm imsemmi fl-Artikoli 36(1)(ċ) u 47 (2). (e) Għandu jħejji estimi tad-dħul u n-nefqa ta' l-Uffiċċju skond l-Artikolu 109(1), u għandu jimplimenta l -budget skond l-Artikolu 110. (f) Għandu jipprovdi t-tagħrif meħtieġ mill-Kunsill Amministrattiv permezz ta' l-Artikolu 36(2), l-ewwel inċiż. (g) Jista' jqiegħed quddiem il-Kunsill Amministrattiv abbozz ta' l-emendi għal dan ir-Regolament, għad-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu l-Artikoli 113 u 114 jew ta' xi regoli oħra li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. (h) Jista' jiddelega s-setgħat tiegħu lill-membri oħra impjegati ta' l-Uffiċċju, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu l-Artikoli 113 u 114. 3. Il-President għandu jkun megħjun minn Viċi-President wieħed jew iżjed. Jekk il-President ikun assenti jew indispost, il-Viċi-President jew xi wieħed mill-Viċi-Presidenti għandu jieħu postu skond il-proċedura kif elenkati fir-regoli stabbiliti, jew fil-linji ta' gwida maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv bis-saħħa ta' l-Artikolu 36(1). Artikolu 43 Ħatra ta' uffiċċjali anzjani 1. Il-President ta' l-Uffiċċju għandu jkun maħtur mill-Kunsill minn lista ta' kandidati li jkunu proposti mill-Kummissjoni wara li tkun akkwistat l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv. Is-setgħa li jitkeċċa President għandha tkun tal-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni wara li jkun akkwista l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv. 2. It-terminu tal-uffiċċju tal-President m'għandux jeċċedu l-ħames snin. Dawn it-termini tal-uffiċċju jkunu jistgħu jiġġeddu. 3. Il-Viċi-President jew il-Viċi-Presidenti ta' l-Uffiċċji għandhom ikunu maħtura jew imkeċċija skond il-paragrafi 1 u 2, wara konsultazzjoni mal-President. 4. Il-Kunsill għandu jeżerċita l-awtorità dixxiplinarja fuq l-uffiċċjali msemmijin fil-paragrafi 1 u 3. Artikolu 44 Kontroll tal-legalità 1. Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-legalità ta' dawk l-atti tal-President li dwarhom il-liġi tal-Komunità ma tipprovdix għall-kontroll fuq il-legalità minn xi korp ieħor, u ta' dawk l-atti tal-Kunsill Amministrattiv li għandhom x'jaqsmu mal-budget ta' l-Uffiċċju. 2. Il-Kummissjoni għandha tiħtieġ li kull att illegali imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi mibdul jew imħassar. 3. L-Istati Membri, kwalunkwe membru tal-Kunsill Amministrattiv jew kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta tista' tirreferi lill-Kummissjoni kull att imsemmi fil-paragrafu 1, sew jekk espress u anki jekk implikat, biex teżamina l-legalità ta' dak l-att. Ir-referenza għandha ssir lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-parti kkonċernata tkun indunat bl-att f'dak il-każ. Il-Kummissjoni għandha tieħu u tikkomunika d-deċiżjoni fi żmien xahrejn. IL-KAPITOLU IV IL-BORDIJIET TA' L-APPELL Artikolu 45 Stabbiliment u poteri 1. Għandu jiġi stabbilit fi ħdan l-Uffiċċju, Bord wieħed jew aktar ta' l-Appell. 2. Il-Bord jew Bordijiet ta' l-Appell għandhom ikunu responsabbli sabiex jiddeċiedu appelli minn deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 67. 3. Il-Bord jew Bordijiet ta' l-Appell għandhom jiltaqgħu skond ma jkun meħtieġ. In-numru ta' Bordijiet ta' l-Appell u t-tqassim tax-xogħol għandu jkun stabbilit fir-regoli ta' l-implimentazzjoni skond l-Artikolu 114. Artikolu 46 Kompożizzjoni tal-Bordijiet ta' l-Appell 1. Bord ta' l-Appell għandu jkun kompost minn President u żewġ membri oħra. 2. Il-President għandu jagħżel għal kull każ il-membri l-oħra u s-sostituti rispettivi tagħhom minn lista ta' membri li jikkwalifikaw kif stabbilit bis-saħħa ta' l-Artikolu 47(2). 3. Meta l-Bord ta' Appell jikkonsidra li n-natura ta' l-appell tkun hekk teħtieġ, jista' jsejjaħ sa' żewġ membri oħra mill-imsemmija lista għal dak il-każ. 4. Il-kwalifiki meħtieġa għall-membri ta' kull Bord ta' l-Appell, is-setgħat tal-membri ndividwali fil-fażi tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet u l-kondizzjonijiet tal-votazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta' l-implimentazzjoni skond l-Artikolu 114. Artikolu 47 Indipendenza tal-membri tal-Bordijiet ta' l-Appell 1. Il-Presidenti tal-Bordijiet ta' l-Appell u s-sostituti rispettivi tagħhom għandhom jinħatru mill-Kunsill minn lista ta' kandidati għal kull President u s-sostitut tiegħu li għandha tkun proposta mill-Kummissjoni wara li tkun akkwistat l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv. It-terminu tal-uffiċċju għandu jkun għal ħames snin. Għandu jkun jista' jiġġedded. 2. Il-membri l-oħra tal-Bordijiet ta' l-Appell għandhom ikunu dawk magħżula skond l-Artikolu 46(2), minn lista ta' membri kwalifikati li hija stabbilita fuq proposta mill-Uffiċċju, għal terminu ta' ħames snin, mill Kunsill Amministrattiv. Il-lista għandha tkun stabbilta għal terminu ta' ħames snin. Din għandha tista' tkun imġedda kollha kemm hi jew parti minnha. 3. Il-membri tal-Bord ta' l-Appell għandhom ikunu ndipendenti. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet m'għandhomx ikunu marbuta b'xi istruzzjonijiet. 4. Il-membri tal-Bordijiet ta' l-Appell ma jistgħux ikunu membri tal-Kumitati msemmijin fl-Artikolu 35 jew jadqu xi dmirijiet oħra fl-Uffiċċju. Il-funzjoni tal-membri tal-Bordijiet ta' l-Appell tista tkun funzjoni part-time. 5. Il-membri tal-Bordijiet ta' l-Appell ma jistgħux jitneħħew mill-uffiċċju lanqas mill-listi rispettivi, matul it-terminu rispettiv, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji għal dik it-tneħħija u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fuq applikazzjoni mill-Kummissjoni wara li tikseb l-opinjoni tal-Kunsill Amministrattiv tieħu deċizjoni f'dan ir-rigward. Artikolu 48 Esklużjoni u oġġezzjoni 1. Il-membri tal-Bordijiet ta' l-Appelli ma jistgħux jieħdu sehem f'xi proċeduri ta' l-appell jekk ikollhom xi interess personali fih, jew jekk ikunu ġew involuti qabel bħala rappreżentanti ta' xi wieħed mill-partijiet f'dawk il-proċeduri, jew jekk ikunu ħadu sehem fid-deċiżjoni taħt l-appell. 2. Jekk, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew għal xi raġuni oħra, membru ta' Bord ta' Appell jidhirlu li m'għandux jieħu sehem f'xi proċeduri ta' l-appell, hu għandi jgħarraf lill-Bord ta' l-Appell b'dan. 3. Tista' ssir oġġezzjoni minn kull parti fi proċeduri ta' l-appell għall-membri tal-Bordijiet ta' l-Appell għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew jekk ikun hemm xi suspett ta' parzjalità. Oġġezzjoni ma tkunx ammissibbli jekk, waqt li jkun jaf bir-raġuni ta' l-oġġezzjoni, il-parti tal-proċeduri ta' l-appell tkun ħadet pass proċedurali. Ebda oġġezzjoni ma tista' tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri. 4. Il-Bord ta' l-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każi speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-għanijiet tat-teħid tad-deċiżjoni, il-membru li jirtira jew li dwaru tkun saret l-oġġezzjoni għandu jkun mibdul fil-Bord ta' l-Appell mis-sostitut tiegħu. IR-RABA' PARTI PROĊEDURI QUDDIEM L-UFFIĊĊJU IL-KAPITOLU I APPLIKAZZJONIJIET Artikolu 49 Reġistrazzjoni ta' l-applikazzjonijiet 1. Applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandha tkun ippreżentata fuq l-għażla ta' l-applikant: (a) direttament fl-Uffiċċju; jew (b) f'xi wieħed mis-sub-uffiċċji jew l-aġenziji nazzjonali, stabbiliti jew fdati, skond l-Artikolu 30(4), bla ħsara li l-applikant għandu jibgħat tagħrif dwar dan direttament lill-Uffiċċju fi żmien ġimgħatejn wara li jkun ippreżentaha. Dettalji dwar il-mod li bih l-informazzjoni msemmija fi' (b) ta' hawn fuq għandha titwassal, jistgħu jsiru fir-regoli ta' l-implimentazzjoni skond l-Artikolu 114. In-nuqqas li jitwassal it-tagħrif dwar l-applikazzjoni fl-Uffiċċju skond (b) hawn fuq, ma jaffettwax il-validità ta' l-applikazzjoni jekk l-applikazzjoni tkun wasslet fl-Uffiċċju fi żmien xahar wara r-reġistrazzjoni fis-sub-uffiċċju jew l-aġenżija nazzjonali. 2. Meta l-applikazzjoni tkun irreġistrata f'xi waħda mill-aġenziji nazzjonali li għaliha jirreferi l-paragrafu 1 (b), l-aġenzija nazzjonali għandha tieħu l-passi kollha biex tibgħat l-applikazzjoni lill-Uffiċċju fi żmien ġimgħatejn wara r-reġistrazzjoni. Aġenziji nazzjonali jistgħu jitolbu ħlas ta' miżata li m'għandux jeċċedi l-ispejjeż amministrattivi tar-reġistrazzjoni u t-twassil ta' l-applikazzjoni. Artikolu 50 Kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjonijiet 1. Applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetà ta' pjanti għandu jkun fiha ta' l-anqas dan li ġej: (a) talba għall-għotja ta' dritt tal-Komunità tal-varjetà ta' pjanti; (b) l-identifikazzjoni tat-tassonomija botanika; (ċ) tagħrif li jidentifika l-applikant jew, meta applikabbli, l-applikanti bi sħab; (d) l-isem tal-kabbar u l-assigurazzjoni li, sa fejn jaf l-applikant, ma kienx hemm persuni aktar involuti f'dak it-tkabbir, jew skoperta u żvilupp, tal-varjetajiet; jekk l-applikant ma jkunx dak li kabbarha, jew mhux l-uniku wieħed, għandu jipprovdi ix-xhieda dokumentata meħtieġa ta' kif il-jedd tad-dritt tal-Komunità tal-varjetà ta' pjanti ikun ġie fil-pussess tiegħu; (e) deskrizzjoni proviżorja tal-varjetà; (f) deskrizzjoni teknika tal-varjetà; (g) l-oriġini ġeografika tal-varjetà; (h) il-kredenzjali ta' xi rappreżentanza proċedurali; (i) dettalji ta' xi kummerċjalizzazzjoni preċedenti tal-varjetà; (j) dettalji ta' xi applikazzjoni oħra dwar il-varjetà. 2. Dettalji tal-kondizzjonijiet li għalihom jirreferi l-paragrafu 1, inklużi dispożizzjonijiet għal aktar tagħrif, jistgħu ikunu stabbiliti fir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114. 3. L-applikazzjoni għandha tipproponi denominazzjoni tal-varjetà li tista' takkumpanja l-applikazzjoni. Artikolu 51 Data ta' l-applikazzjoni Id-data ta' l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandha tkun id-data li fiha l-applikazzjoni valida tkun waslet l-Uffiċċju skond l-Artikolu 49(1)(a) jew fis-sub-uffiċċju jew l-aġenzija nazzjonali skond l-Artikolu 49(1)(b), basta li tkun konformi ma' l-Artikolu 50(1) u bla ħsara għall-ħlas tat-tariffi dovuti bis-saħħa tal-Artikolu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-Uffiċċju. Artikolu 52 Id-dritt għal prijorità 1. Id-dritt ta' prijorità ta' l-applikazzjoni għandu jiġi stabbilit skond id-data li fiha tkun waslet l-applikazzjoni. Meta l-applikazzjonijiet ikun fihom l-istess data ta' l-applikazzjoni, il-prijoritajiet tagħhom jiġu stabbiliti skond l-ordni li fih ikunu waslu, jekk dan ikun jista' jiġi stabbilit. Altrimentri għandhom ikollhom l-istess prijorità. 2. Jekk l-applikant jew il-predeċessur tiegħu fit-titolu kien diġà applika għal dritt ta' proprjetà għall-varjetajiet fi Stat Membru jew f'Membru tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti, u d-data ta' l-applikazzjoni tkun fi żmien tnax-il xahar tar-reġistrazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' qabel, l-applikant għandu jgawdi dritt ta' prijorità għall-applikazzjoni ta' qabel f'dak li jirrigwarda d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, sakemm dik l-applikazzjoni ta' qabel tkun għada teżisti fiż-żmien ta' l-applikazzjoni. 3. Id-dritt ta' prijorità għandu jkollu l-effett li d-data li fiha tkun saret l-applikazzjoni ta' qabel tkun tgħodd bħala d-data ta' l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għall-għanijiet ta' l-Artikolu 7, 10 u 11. 4. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll dwar applikazzjonijiet ta' qabel li jkunu saru fi Stat Membru ieħor, sakemm il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(b), it-tieni sentenza, jiġu sodisfatti fir-rigward ta' dan l-Istat fid-data ta' l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. 5. Kull talba għal dritt ta' prijorità aktar kmieni minn dik li għaliha jipprovdi l-paragrafu 2 għandha tjiskadi jekk l-applikant ma jibgħatx lill-Uffiċċju fi żmien tliet xhur mid-data ta' l-applikazzjoni kopji ta' l-applikazzjoni preċedenti li jkun ġew iċċertifikati mill-awtoritajiet responsabbli għal dik l-applikazzjoni. Jekk l-applikazzjoni preċedenti ma tkunx saret f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Uffiċċju jista jeħtieġ, b'żieda, traduzzjoni ta' l-applikazzjoni preċedenti f'waħda minn dawn il-lingwi. IL-KAPITOLU II EŻAMI Artikolu 53 Eżami formali ta' l-applikazzjoni 1. L-Uffiċċju għandu jeżamina jekk: (a) l-applikazzjoni kienetx effettivament irreġistrata skond l-Artikolu 49; (b) l-applikazzjoni tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50 u l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta' l-implimentazzjoni skond dak l-Artikolu; (ċ) meta xieraq, talba għall-prijorità li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(2), (4) u (5); u (d) it-tariffi dovuti skond l-Artikolu 83 jkunu tħallsu fil-limitu ta' żmien speċifikat mill-Uffiċċju. 2. Jekk l-applikazzjoni, għalkemm tkun konformi mal-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 51, ma tkunx konformi mal-kondizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 50, l-Uffiċċju għandu jagħti lill-applikant l-opportunità sabiex jikkoreġi xi nuq qasijiet li jistgħu jiġu identifikati. 3. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx konformi mal-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 51, l-Uffiċċju għandu jgħarraf lill-applikant b'dan, jew, meta dan ma jkunx possibbli, jippubblika it-tagħrif skond l-Artikolu 89. Artikolu 54 Eżami sostantiv 1. L-Uffiċċju għandu jeżamina jekk il-varjetà tistax tkun l-oġġett ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti skond l-Artikolu 5, jekk il-varjetà hix ġdida skond l-Artikolu 10, jekk l-applikant hux intitolat li jagħmel applikazzjoni skond l-Artikolu 12 u jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 82 humiex imħarsa. L-Uffiċċju għandu jeżamina wkoll jekk id-denominazzjoni tal-varjetà proposta hix xierqa skond l-Artikolu 63. Għal dan il-għan, jista juża s-servizzi ta' korpi oħrajn. 2. L-ewwel applikant jitqies li jkun intitolat għad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti skond l-Artikolu 11. Dan m'għandux japplika jekk, qabel tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, l-Uffiċċju jkun jaf, jew jiġi ppruvat permezz ta' sentenza finali mogħtija dwar talba għal dritt skond l-Artikolu 98(4), dak id-dritt m'huwiex jew m'huwiex unikament vestit fl-ewwel applikant. Meta l-identifikazzjoni ta' l-unika persuna jew persuna oħra ntitolata tkun ġiet stabbilita, il-persuna jew il-persuni jistgħu jidħlu fil-proċeduri bħala l-applikant jew l-applikanti. Artikolu 55 Eżami tekniku 1. Meta l-Uffiċċju ma jkunx skopra xi impediment għall-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti fuq il-bażi ta' l-eżami skond l-Artikoli 53 u 54, għandu jieħu ħsieb għall-eżami tekniku li jirrelata mal-konformità tal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 sabiex isiru mill-uffiċċju jew l-uffiċċji kompetenti f'ta' mill-anqas wieħed mill-Istati Membri fdati bir-reponsabbiltà ta' l-eżami tekniku tal-varjetajiet tal-ispeċi kkonċernati mill-Kunsill Amministrattiv hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmi "L-Uffiċċju jew l-Uffiċċji ta' l-Eżami". 2. Meta l-ebda Uffiċċju ta' l-Eżami ma jkun disponibbli, l-Uffiċċju jista', bil-kunsens tal-Kunsill Amministrattiv, jafda aġenziji xierqa oħra b'dik ir-reponsabbiltà jew jistabbilixxi sub-uffiċċji tiegħu għall-istess għanijiet. Għall-għanijiet tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, dawk l-aġenziji jew sub-uffiċċji għandhom ikunu meqjusa bħala Uffiċċji ta' l-Eżami. Jistgħu wkoll jużaw il-faċilitajiet magħmula disponibbli mill-applikant. 3. L-Uffiċċju għandu jibgħat lill-Uffiċċji ta' l-Eżami kopja ta' l-applikazzjoni kif meħtieġ skond ir-regoli ta' l-implimentazzjoni magħmula bis-saħħa ta' l-Artikolu 114. 4. L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi, permezz ta' regoli ġenerali jew permezz ta' talbiet f'każi ndividwali, meta, fejn u f'liema kwantitajiet u kwalitajiet il-materjal għall-eżami tekniku u r-referenza ta' kampjuni għandhom jinbagħtu. 5. Meta l-applikant jagħmel talba għall-prijorità skond l-Artikolu 52(2) jew (4), għandu jibgħat il-materjal meħtieġ u xi dokumenti oħra meħtieġa fi żmien sentejn mid-data ta' l-applikazzjoni skond l-Artikolu 51. Jekk l-applikazzjoni preċedenti tiġi rtirata jew miċħuda qabel ma jgħaddu s-sentejn, l-Uffiċċju jista' jeħtieġ lill-applikant li jibgħat il-materjal jew xi dokumenti oħrajn f'limitu ta' żmien speċifikat. Artikolu 56 Kif jitwettqu l-eżamijiet tekniċi 1. Sakemm mod differenti għall-eżami tekniku dwar il-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 9 ikun sar, l-Uffiċċju ta' l-Eżami għandu, għall-għanijiet ta' l-eżami tekniku, ikabbar il-varjetajiet jew jagħmel kull investigazzjonijiet oħra meħtieġa. 2. It-twettiq ta' xi eżamijiet tekniċi għandu jkun skond il-linji ta' gwida ta' prova maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv u kull struzzjonijiet oħra mogħtija mill-Uffiċċju. 3. Għall-għanijiet ta' l-eżami tekniku, l-Uffiċċju ta' l-eżami jista', bl-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju, juża s-servizzi ta' korpi oħrajn teknikament kwalifikati u jagħti kont tas-sejbiet magħmula minn dawk il-korpi. 4. Kull Uffiċċju ta' l-Eżami għandu jibda l-eżami tekniku, jekk l-Uffiċċju ma jkunx ipprovda xort'oħra, mhux aktar tard mid-data li fiha kien ikun inbeda l-eżami tekniku fuq il-bażi ta' l-applikazzjoni ta' dritt nazzjonali ta' propjetà rreġistrat fid-data li fiha l-applikazzjoni mibgħuta mill-Uffiċċju kienet waslet mill-Uffiċċju ta' l-Eżami. 5. Fil-każ ta' l-Artikolu 55(5), kull Uffiċċju ta' l-Eżami għandu jibda l-eżami tekniku, sakemm l-Uffiċċju ma jkunx ipprovda xort'oħra, mhux aktar tard mid-data li fiha l-eżami kien ikun inbeda fuq il-bażi ta' l-applikazzjoni għal dritt nazzjonali ta' proprjetà, sakemm il-materjal meħtieġ u xi dokumenti oħra meħtieġa kienu ntbagħtu sa dik id-data. 6. Il-Kunsill Amministrattiv jista' jistabbilixxi li l-eżami tekniku għall-varjetajiet ta' speċi ta' dwieli u siġar jista' jibda f'data aktar tard. Artikolu 57 Rapporti dwar l-eżami 1. L-Uffiċċju ta' l-Eżami għandu, fuq talba ta' l-Uffiċċju jew jekk jitqies li r-riżultati ta' l-eżami tekniku ikun adekwat biex jevalwa l-varjetà, jibgħat lill-Uffiċċju rapport ta' l-eżami, u, meta jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 9 ikunu konformi, id-deskrizzjoni tal-varjetajiet. 2. L-Uffiċċju għandu jikkomunika r-riżultat ta' l-eżamijiet tekniċi u d-deskrizzjoni tal-varjetajiet lill-applikant u għandu jagħtih l-opportunità li jikkummenta dwar dan. 3. Meta l-Uffiċċju ma jikkonsidrax ir-rapport ta' l-eżami li jkollu bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, jista' jipprovdi minn jeddu, wara konsultazzjoni ma' l-applikant, jew fuq talba ta' l-applikant għall-eżami komplementarju. Għall-għanijiet ta' l-assessjar tar-riżultati, kull eżami komplementari magħmul sakemm tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 61 u 62 issir finali għandu jitqies li jkun parti mill-eżami msemmi fl-Artikolu 56(1). 4. Ir-riżultati ta' l-eżami tekniku għandhom ikunu suġġetti għal drittijiet esklussivi ta' disponibilità ta' l-Uffiċċju u jistgħu biss xort'oħra jintużaw mill-Uffiċċji ta' l-eżami sal-limitu li dan jiġi apporvat mill-Uffiċċju. Artikolu 58 L-ispiża ta' l-eżamijiet tekniċi L-Uffiċċju għandu jħallas lill-Uffiċċji ta' l-Eżami tariffa skond ir-regoli ta' implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114. Artikolu 59 Oġġezzjonijiet għall-għoti ta' dritt 1. Kull persuna tista' tagħmel oġġezzjoni bil-miktub ma l-Uffiċċju għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. 2. Il-parti li toġġezzjona għandha tkun il-parti fil-proċeduri għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti flimkien ma' l-applikant. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 88, min joġġezzjona għandu jkollu aċċess għad-dokumenti, inkluż ir-riżultati ta' l-eżami tekniku u d-deskrizzjoni tal-varjetà msemmija fl-Artikolu 57(2). 3. Oġġezzjonijiet jistgħu jkunu bażati biss fuq il-kontenzjoni li: (a) il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 11 ma ġewx imħarsa; (b) hemm impediment skond l-Artikolu 63(3) jew (4) għal denominazzjoni tal-varjetà proposta. 4. Oġġezzjonijiet jistgħu jsiru: (a) f'kull żmien wara l-applikazzjoni u qabel deċiżjoni skond l-Artikoli 61 jew 62, fil-każ tal-paragrafu 3 (a) tiegħu; (b) fi żmien tliet xhur mill-publikazzjoni tad-denominazzjoni tal-varjetà proposta skond l-Artikolu 89, fil-każ ta' oġġezzjonijiet skond il-paragrafu 3 (b) tiegħu. 5. Deċiżjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet jistgħu jittieħdu fi ħdan id-deċiżjonijiet bis-saħħa ta' l-Artikoli 61, 62 jew 63. Artikolu 60 Prijorità ta' l-applikazzjoni ġdida fil-każ ta' oġġezzjonijiet Meta oġġezzjoni fuq il-bażi li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 ma ntlaħqux twassal għall-irtirar jew iċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti u jekk min joġġezzjona jagħmel applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti fi żmien xahar wara l-irtirar jew fi żmien xahar mid-data li fiha ċ-ċaħda ssir finali dwar l-istess varjetà, jista' jeħtieġ li d-data ta' l-irtirar jew taċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni titqies li tkun id-data ta' l-applikazzjoni tiegħu. IL-KAPITOLU III DEĊIŻJONIJIET Artikolu 61 Ċaħda 1. l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjonijiet għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti malli jiġi stabbilit li l-applikant: (a) ma tax rimedju għal xi defiċjenzi fit-tifsira ta' l-Artikolu 53 li dwarhom kien ingħata l-opportunità li jirrimedja fil-limitu ta' żmien notifikat lilu; (b) ma kienx konformi ma' regola jew mat-talba skond l-Artikolu 55(4) jew (5) fil-limitu ta' żmien ipprovdut, sakemm l-Uffiċċju ma kienx aċċetta li l-applikazzjoni ma ntbagħtitx; jew (ċ) ma kienx ippropona denominazzjoni ta' varjetà li hija xierqa skond l-Artikolu 63. 2. L-Uffiċċju għandu jiċħad ukoll applikazzjonijiet għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jekk: (a) ikun stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-verifika skond l-Artikolu 54 ma kienux intlaħqu; jew (b) jasal għall-opinjoni fuq il-bażi tar-rapporti ta' l-eżami skond l-Artikolu 57, li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 ma kienux intlaħqu. Artikolu 62 Għotja Jekk l-Uffiċċju jkun ta' l-opinjoni li s-sejbiet ta' l-eżami huma suffiċjenti biex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni u m'hemmx impedimenti skond l-Artikoli 59 u 61, għandu jagħti d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. Id-deċiżjoni għandha tinkludi deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà. Artikolu 63 Denominazzjoni tal-varjetajiet 1. Meta dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jingħata, l-Uffiċċju għandu japprova, dwar il-varjetajiet in kwistjoni, id-denominazzjoni tal-varjetà proposta mill-applikant skond l-Artikolu 50(3), jekk jikkonsidra, fuq il-bażi ta' l-eżami magħmul skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 54(1), jekk din id-denominazzjoni tkunx xierqa. 2. Id-denominazzjoni ta' varjetà tkun xierqa, jekk ma jkun hemm l-ebda impediment skond il-paragrafi 3 jew 4 ta' dan l-Artikolu. 3. Ikun hemm impediment għal deskrizzjoni tad-denominazzjoni ta' varjetà meta: (a) l-użu tagħha fit-territorju tal-Komunità ikun prekluż bid-dritt preċedenti ta' parti terza; (b) tista' tikkawża komunement diffikultajiet għal min jużaha f'dak li jirrigwarda l-għarfien jew ir-riproduzzjoni; (ċ) tkun identika jew tista' titħawwad ma' denominazzjoni tal-varjetà li taħtha l-varjetà l-oħra tal-istess speċi jew ta' speċi relatat magħha fil-viċin ikun irreġistrat f'reġistru uffiċjali tal-varjetajiet ta' pjanti jew li taħtha materjal ta' varjetà oħra tkun tinbiegħ fi Stat Membru jew f'Membru tal-Grupp Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti, sakemm il-varjetà l-oħrama tkunx għadha teżisti u d-denominazzjoni tagħha ma tkunx għad baqg]alha l-ebda sinifikat; (d) tkun identika jew tista' titħawwad ma deskrizzjopnijiet oħra li jkunu wżati komunement għall-bejgħ ta' l-oġġetti jew li għandhom jinżammu liberi taħt xi leġislazzjoni oħra; (e) tista' tikkawża offiża f'xi wieħed mill-Istati Membri jew tkun kuntarju għall-istrateġija ippubblikata; (f) tkun x'aktarx tista' tqarraq jew toħloq taħwid dwar il-karatteristiċi, il-valur jew l-identità tal-varjetà, jew l-identità tal-kabbar jew ta' xi parti oħra fil-proċeduri. 4. Ikun hemm impediment meta, fil-każ ta' varjetà li tkun diġà ġiet irreġistrata: (a) f'wieħed mill-Istati Membri; jew (b) f'Membru ta' l-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet ġodda ta' Pjanti; jew (ċ) f'xi Stat ieħor li għalih kienet ġiet stabbilita f'att tal-Komunità li l-varjetà hija evalwata hemmhekk skond ir-regoli li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttivi dwar il-katalogi komuni; (d) f'reġistru uffiċjali tal-varjetajiet ta' pjanti jew materjal tagħhom u jkunu mibjugħa hemmhekk għal raġunijiet ta' kummerċ, id-denominazzjoni proposta tal-varjetà tkun tvarja minn dik li tkun irreġistrata jew użata hemm, sakemm din ta' l-aħħar tkun l-oġġett ta' impediment skond il-paragrafu 3. 5. L-Uffiċċju għandu jippubblika l-ispeċi li jikkonsidra li jkun "relatat mill-viċin" fit-tifsira tal-paragrafu 3 (ċ). IL-KAPITOLU IV IŻ-ŻAMMA TAD-DRITT TAL-KOMUNITÀ TAL-VARJETAJIET TA' PJANTI Artikolu 64 Verifika teknika 1. L-Uffiċċju għandu jivverifika l-eżistenza kontinwa mhux mibdula tal-varjetajiet protetti. 2. Għal dan il-għan, verifika teknika għandha ssir skond l-Artikoli 55 u 56. 3. Id-detentur għandu jkun meħtieġ li jipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ biex jassessja l-eżistenza kontinwa mhux mibdula tal-varjetajiet lill-Uffiċċju u lill-Uffiċċji ta' l-Eżami li lilu l-verifikazzjoni teknika tal-varjetà tkun ġiet fdata. Għandu jkun meħtieġ, skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Uffiċċju, li jibgħat materjal tal-varjetà u li jippermetti l-verifika jekk miżuri xierqa jkunux ittieħdu biex tkun assigurata l-eżistenza kontinwa mhux mibdula tal-varjetà. Artikolu 65 Rapport tal-verifika teknika 1. Fuq talba ta' l-Uffiċċju, jew jekk jistabbilixxi li l-varjetà ma tkunx uniformi jew stabbli, l-Uffiċċju ta' l-Eżami fdat bil-verifika teknika għandu jibgħat lill-Uffiċċju rapport dwar is-sejbien tiegħu. 2. Jekk xi defiċjenzi skond il-paragrafu 1 ikunu nstabu matul il-verifika teknika, l-Uffiċċju għandu javża lid-detentur bir-riżultat tal-verifika teknika u għandu jtih l-oppurtunità li jikkummenta dwarha. Artikolu 66 Emenda għad-denominazzjoni tal-varjetà 1. L-Uffiċċju għandu jemenda denominazzjoni ta' varjetà deskritta skond l-Artikolu 63 jekk jistabbilixxi lid-denominazzjoni ma tissodisfax, jew ma tkunx għada tissodisfa, il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 63 u fil-każ ta' dritt konfliġġenti minn qabel ta' parti terza, jekk id-detentur jaqbel ma' l-emenda jew id-detentur jew xi persuna oħra li għandu juża d-denominazzjoni tal-varjetà ikun ġie pprojbit, b'sentenza finali, għal din ir-raġuni milli juża d-denominazzjoni tal-varjetà. 2. L-Uffiċċju għandu jagħti lid-detentur l-opportunità li jipproponi denominazzjoni emendata tal-varjetà u għandu jipproċedi skond l-Artikolu 63. 3. Oġġezzjonijiet jistgħu isiru kontra l-proposta ta' l-emenda tad-denominazzjoni tal-varjetà skond l-Artikolu 59(3)(b). IL-KAPITOLU V APPELLI Artikolu 67 Deċiżjonijiet suġġetti għall-appell 1. Jista' jsir appell minn deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju li jkunu ttieħdu bis-saħħa ta' l-Artikoli 20, 21, 59, 61, 62, 63 u 66, kif ukoll minn deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tariffi skond l-Artikolu 85, fid-dħul jew fil-kanċellament ta' tagħrif fir-Reġistru skond l-Artikolu 87 u għall-ispezzjoni pubblika skond l-Artikolu 88. 2. Appell magħmul skond il-paragrafu 1 għandu jkollu effett ta' sospensjoni. L-Uffiċċju jista', b'dana kollu, jekk jidhirlu li ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu, jordna li d-deċiżjoni kkontestata ma tiġix sospiża. 3. Jista' jsir appell minn deċizjonijiet ta' l-Uffiċċju skond l-Artikoli 29 u 100 (2), kemm-il darba appell dirett isir skond l-Artikolu 74. L-appell m'għandux ikollu effett ta' sospensjoni. 4. Appell kontra deċiżjoni li ma jitterminax il-proċeduri fir-rigward ta' wieħed mill-partijiet jista' jsir biss flimkien ma' l-appell kontra deċiżjoni finali sakemm id-deċiżjoni ma tipprovdix għal appell separat. Artikolu 68 Persuni ntitolati għall-appell u li jkunu parti mill-proċeduri ta' l-appell Kull persuna naturali jew legali tista' tappella, bla ħsara għall-Artikolu 82, kontra deċiżjoni, indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta' deċiżjoni ndirizzata lill-persuna oħra, tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil ta' l-ewwel. Il-partijiet fi proċeduri jistgħu, u l-Uffiċċju għandu, ikun parti fil-proċeduri ta' l-appell. Artikolu 69 Limitu ta' żmien u forma Nota ta' l-appell għandha ssir bil-miktub fl-Uffiċċju fi żmien xahrejn mis-servizz tad-deċiżjoni meta ndirizzata lill-persuna li tappella, u fin-nuqqas ta' dan, fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, u dikjarazzjoni bil-miktub li tesponi l-bażi ta' l-appell għandha ssir fi żmien erba' xhur wara l-imsemmi servizz jew pubblikazzjoni. Artikolu 70 Reviżjoni interlokutorja 1. Jekk il-korp ta' l-Uffiċċju li jkun ħejja d-deċiżjoni jikkonsidra li l-appell ikun validu u għandu bażi, l-Uffiċċju għandu jibdel id-deċiżjoni. Dan m'għandux japplika meta l-appellant ikun oppost minn parti oħra fil-proċeduri ta' l-appell. 2. Jekk id-deċiżjoni ma tkun ratifikata fi żmien xahar wara l-wasla ta' l-istqarrija tal-bażi, għall-appell, l-Uffiċċju għandu minnfih: - jiddeċiedi jekk jieħux azzjoni skond l-Artikolu 67(2), it-tieni sentenza, u - jibgħat l-appell lill-Bord ta' l-Appell. Artikolu 71 Eżami ta' l-appelli 1. Jekk l-appell ikun validu, il-Bord ta' l-Appell għandu jeżamina jekk l-appell għandux bażi fondata sewwa. 2. Meta jeżamina l-appell, il-Bord ta' l-Appell għandu ta' spiss skond ma jkun meħtieġ jitlob lill-partijiet fil-proċeduri ta' l-appell sabiex jagħmlu osservazzjonijiet fuq in-notifiki maħruġa minnu jew fuq il-komuniki mill-partijiet l-oħrajn fil-proċeduri ta' l-appell fil-limiti ta' żmien speċifikati. Il-partijiet fil-proċeduri ta' l-appell għandhom id-dritt li jagħmlu trattazzjonijiet orali. Artikolu 72 Deċiżjoni ta' l-appell Il-Bord ta' l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell fuq il-bażi ta' l-eżami magħmul skond l-Artikolu 71. Il-Bord ta' l-Appell jista' jeżerċita kull setgħta li hemm fi ħdan il-kompetenza ta' l-Uffiċċju għal aktar azzjoni. Dan ta' l-aħħar għandu, sakemm il-fatti jkunu l-istess, jintrabat bir-razzjonalità deċenti tal-Bord ta' l-Appell. Artikolu 73 Iżjed Appelli 1. Appell ieħor lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jista' jsir minn deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell. 2. L-appell l-ieħor jista' jsir fuq il-bażi tal-kompetenza, ksur tal-ħtiġijiet proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat, ta' dan ir-Regolament, jew ta' xi regola jew liġi li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni tagħhom jew setgħa wżata ħażin. 3. L-appell l-ieħor jista' jsir minn kull parti fil-proċeduri ta' l-appell li tkun milquta ħażin mid-deċiżjoni, jew mill-Kummissjoni jew mill-Uffiċċju. 4. L-appell l-ieħor għandu jsir fil-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahrejn mis-servizz tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell. 5. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat il-każ lura lill-Bord ta' l-Appell għal iżjed azzjoni, il-Bord għandu, sakemm il-fatti jkunu l-istess, ikun marbut bir-razzjonalità deċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Artikolu 74 Appell dirett 1. Appell dirett lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jista' jsir minn deċiżjoni ta' l-Uffiċċju skond l-Artikoli 29 u 100 (2). 2. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 73 għandhom japplikaw mutatis mutandis. IL-KAPITOLU VI KONDIZZJONIJIET VARJI LI JIRREGOLAW IL-PROĊEDURI Artikolu 75 Dikjarazzjoni tal-bażi li fuqhom id-deċiżjonijiet ikunu bbażati, dritt tas-smiegħ Id-deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom ikollhom magħhom dikjarazzjoni tal-bażi li fuqhom ikunu bbażati. Għandhom ikunu bbażati biss fuq bażi jew xiehda li tagħhom il-partijiet fil-proċeduri kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom orali jew bil-miktub. Artikolu 76 Eżami tal-fatti mill-Uffiċċju minn jeddu Fi proċeduri quddiemu l-Uffiċċju għandu jagħmel investigazzjonijiet fuq il-fatti minn jeddu, sal-limitu li dawn jaqgħu taħt l-eżami skond l-Artikoli 54 u 55. Għandu jiskarta fatti jew bċejjeċ ta' xiehda li ma jkunux intbagħtu fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Uffiċċju. Artikolu 77 Proċeduri orali 1. Proċeduri orali għandhom jitwettqu jew fuq l-inizjattiva ta' l-Uffiċċju nnifsu jew fuq talba ta' xi wieħed mill-partijiet fil-proċeduri. 2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, proċeduri orali quddiem l-Uffiċċju m'għandhomx ikunu pubbliċi. 3. Proċeduri orali quddiem il-Bord ta' l-Appell inkluż l-għoti tad-deċiżjoni, għandhom ikunu pubbliċi sakemm il-Bord ta' l-Appell li quddiemu l-proċeduri ta' l-appell ikunu qed jinstemgħu ma jiddeċidix xort'oħra f'ċirkostanzi meta żvantaġġi serji u mhux iġġustifikati jistgħu joħolqu jekk jiġi ammess il-pubbliku, partikolarment għal xi wieħed mill-partijiet fil-proċeduri ta' l-appell. Artikolu 78 Teħid tax-xhieda 1. F'kull proċeduri quddiem l-Uffiċċju, il-mezzi ta' l-għoti jew tal-ksib tax-xhieda jistgħu jinkludu dan li ġej: (a) is-smigħ tal-partijiet fil-proċeduri; (b) it-talbiet għal tagħrif; (ċ) il-produzzjoni ta' dokumenti u xhieda oħra; (d) is-smigħ tax-xhieda; (e) l-opinjonijiet ta' l-esperti; (f) spezzjoni; (g) affidavit bil-ġurament. 2. Meta l-Uffiċċju jiddeċiedi permezz ta' korp kollettiv, dak il-korp jista' jqabbad wieħed mill-membri tiegħu sabiex jeżamina x-xhieda mogħtija. 3. Jekk l-Uffiċċju jikkonsidra l-ħtieġa li xi parti fil-proċeduri, xhieda jew esperti jaħtu x-xhieda oralment, għandu jew: (a) joħroġ taħrika li tenħtieġ il-persuna relevanti tidher quddiemu; jew (b) talba lill-awtorità ġuddizzjarja kompetenti jew lill-xi awtorità oħra fil-pajjiż ta' domiċilju tal-persuna relevanti biex tittieħed ix-xhieda kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 91(2). 4. Parti fil-proċeduri, xhud jew espert li jiġi mħarrek quddiem l-Uffiċċju jista' jitolbu biex jippermetti li x-xhieda tiegħu tinstema mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti jew xi awtorità oħra fil-pajjiż tad-domiċilju. Mal-wasla ta' dik it-talba jew fil-każ li ma jkun hemm l-ebda reazzjoni għat-taħrika, l-Uffiċċju jista', skond l-Artikolu 91(2), jitlob lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti jew lil xi awtorità oħra sabiex tisma' x-xhieda ta' dik il-persuna. 5. Jekk parti fil-proċeduri, xhud jew espert jagħti x-xhieda quddiem l-Uffiċċju, l-Uffiċċju jista' jekk ikun tal-parir li x-xhieda tingħata bil-ġurament jew b'xi mod ieħor f'xi forma li torbot, jitlob lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti jew lil xi awtorità oħra fil-pajjiż tad-domiċilju tal-persuna relevanti sabiex tisma' x-xhieda skond il-kondizzjonijiet rekwiżiti. 6. Meta l-Uffiċċju jitlob lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti jew lil xi awtorità oħra biex tisma' x-xhieda, jista' jitlobha biex tieħu x-xhieda f'forma li torbot u li tippermetti lil membru ta' l-Uffiċċju biex jattendi għas-smigħ u jagħmel mistoqsijiet lill-parti fil-proċeduri, lix-xhud jew lill-espert jew permezz ta' l-awtorità ġudizzjarja kompetenti jew l-awtorità oħra jew direttament. Artikolu 79 Servizz L-Uffiċċju jista' minn jeddu jagħti servizz tad-deċiżjonijiet kollha u taħrikiet, u tan-notifiki u komunikazzjonijiet, li minnhom jiġi kalkolat limitu ta' żmien, jew li hu meħtieġ li jkunu servuti skond dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament jew bid-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta' dan ir-Regolament jew b'ordni tal-President ta' l-Uffiċċju. Servizz jista' jingħata permezz tal-uffiċċji kompetenti tal-varjetajiet ta' l-Istati Membri. Artikolu 80 Restitutio in integrum 1. Meta, minkejja li tkun ingħatat l-attenzjoni kollha meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari, l-applikant għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jew id-detentur jew xi parti oħra fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju ma setgħax josserva l-limitu ta' żmien rigward l-Uffiċċju, id-drittijiet tiegħu għandhom, b'applikazzjoni, jingħataw lura jekk in-nuqqas tiegħu dwar il-limitu ta' żmien jirriżulta direttament, permezz ta' dan ir-Regolament, fit-telf ta' xi dritt jew mezz ta' rimedju. 2. Applikazzjonijiet għandhom isiru bil-miktub fi żmien xahrejn wara l-kawża ta' non-osservanza meta l-limitu ta' żmien ma jibqgħax jopera. L-att imħolli barra għandu jiġi mitmum f'dan il-perjodu. Applikazzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli biss fil-perjodu ta' sena wara li jintemm il-limitu ta' żmien li ma jkunx ġie osservat. 3. Ma' l-applikazzjoni għandu jkun hemm dikjarazzjoni tal-bażi li fuqha tkun ibbażata u l-fatti li tistriħ fuqhom. 4. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw għall-limiti ta' żmien imsemmijin fil-paragrafu 2 lanqas għall-limiti ta' żmien speċifikati fl-Artikolu 52(2), (4) u (5). 5. Kull persuna li, fi Stat Membru, kienet bona fede wżat jew għamlet arranġamenti effettivi u ġenwini biex tuża varjetà li tkun is-suġġett ta' applikazzjoni pubblikata għall-għotja ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, jew ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti li kienet ingħatat, fil-kors ta' perjodu bejn it-telf tad-drittijiet skond il-paragrafu 1 dwar l-applikazzjoni jew tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti li jkun ingħata u l-għoti lura ta' dawk id-drittijiet, jista' mingħajr ħlas ikompli b'dak l-użu fil-kors tan-negozju jew tal-ħtiġijiet tiegħu. Artikolu 81 Prinċipji ġenerali 1. Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet proċedurali f'dan ir-Regolament jew fid-dispożizzjonijiet adottati skond dan ir-Regolament, l-Uffiċċju għandu japplika l-prinċipji tal-liġi proċedurali li jkunu ġeneralment rikonoxxuti fl-Istati Membri. 2. L-Artikolu 48 għandu japplika mutatis mutandis għall-impjegati ta' l-Uffiċċju sakemm ikunu involuti fid-deċiżjonijiet tax-xorta li għalihom jirreferi l-Artikolu 67, u għall-impjegati ta' l-Uffiċċju ta' l-Eżami, sakemm ikunu jipparteċipaw fil-miżuri għall-preparazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet. Artikolu 82 Rappreżentant proċedurali Persuni li m'humiex domiċiljati jew li m'għandhomx sede jew stabbiliment fit-territorju tal-Komunità jistgħu jieħdu sehem bħala parti fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju biss jekk ikunu nnominaw rappreżentant proċedurali li jkun domiċiljat jew li jkollu s-sede jew stabbiliment fit-territorju tal-Komunità. IL-KAPITOLU VII TARIFFI, ĦLAS TA' L-ISPEJJEŻ Artikolu 83 Tariffi 1. L-Uffiċċju għandu jitlob ħlas għall-atti uffiċjali tiegħu kif ipprovdut skond dan ir-Regolament kif ukoll għal kull sena li jdum dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, bis-saħħa tar-regolamenti tat-tariffi adottati skond l-Artikolu 113. 2. Jekk xi ħlas dovut fuq atti uffiċċjali li għalihom jipprovdi l-Artikolu 113(2) jew għal xi atti oħrajn uffiċjali li għalihom jirreferu r-regolamenti tat-tariffi, li għandhom isiru biss meta ssir applikazzjoni, ma jitħallsux, l-applikazzjoni għandha titqies li ma tkunx saret jew l-appell li ma jkunx sar jekk l-atti meħtieġa għall-ħlas tat-tariffi ma jkunx sar fi żmien xahar mid-data li fiha l-Uffiċċju jkun ippreżenta talba ġdida għall-ħlas tat-tariffi u jkun indika meta jagħmel dan il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' ħlas. 3. Jekk xi tagħrif ipprovdut mill-applikant għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti ikun jista' jiġi vverifikat biss permezz ta' eżami tekniku li jmur aktar 'l hinn mill-qafas stabbilit għall-eżami tekniku tal-varjetà tat-tassonomija kkonċernata, il-ħlas għall-eżami tekniku jista' jiżdied, wara li tinstema l-persuna li għandha tagħmel il-ħlas, sa l-ammont ta' l-ispiża tan-nefqa attwali. 4. Fil-każ ta' appell li jintrebaħ, il-ħlas ta' l-appell jew, fil-każ ta' rebħa parzjali, il-parti li tikkorrispondi mal-ħlas ta' l-appell, għandha titħallas lura. B'dana kollu, il-ħlas lura ma jistgħax ikun rifondut kollu kemm hu jew parzjalment jekk ir-rebħ ta'l-appell ikun ibbażat fuq fatti li ma kienux disponibbli fiż-żmien tad-deċiżjoni oriġinali. Artikolu 84 Temma ta' l-obbligazzjonijiet finanzjarji 1. Id-dritt ta' l-Uffiċċju li jenħtieġ ħlas tat-tariffi jiskadi wara erba' snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha l-ħlas kellu jsir. 2. Drittijiet kontra l-Uffiċċju għall-ħlas lura tat-tariffi jew ta' somom imħallsa żejda lill-Uffiċċju jiskadu wara erba' snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha d-drittijiet kienu oriġinaw. 3. Talba għall-ħlas ta' tariffa għandha jkollha l-effett li tinterrompi l-limitu ta' żmien speċifikat fil-paragrafu 1,u talba raġonevoli bil-miktub għall-ħlas lura għandha jkollha l-effett li tinterrompi l-limitu ta' żmien speċifikat fil-paragrafu 2. Wara l-interruzzjoni il-limitu ta' żmien għandu jerġa jibda jiddekorri minnufih u jintemm mhux aktar tard minn sitt snin wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fih kien beda oriġinarjament, sakemm proċeduri ġudizzjarji biex jinforzaw id-dritt ikunu nbdew sadanittant, f'dak il-każ il-limitu ta' żmien għandu jintemm mhux aktar kmieni minn sena wara li s-sentenza tkun akkwistat l-awtorità tad-deċiżjoni finali. Artikolu 85 Tqassim ta' l-ispejjeż 1. Il-parti telliefa fil-proċeduri tar-revoka jew tal-kanċellament ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, jew fi proċeduri ta' l-appell għandha tbati l-ispejjeż magħmula mill-parti l-oħra fil-proċeduri kif ukoll l-ispejjeż kollha minfuqa minnu li kienu essenzjali fil-proċeduri, inkluż l-ivvjaġġar u l-alloġġament u l-ħlas ta' xi aġent, konsulent jew avukat, fil-limitu ta' l-iskali ffissati f'kull kategorija ta' spejjeż skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114. 2. B'dana kollu, meta kull parti fil-proċeduri tirbaħ biċċa u titlef biċċa, jew jekk raġunijiet ta' l-ekwità hekk jiddettaw, l-Uffiċċju jew il-Bord ta' l-Appell għandu jiddeċiedi t-tqassim differenti ta' l-ispejjeż. 3. Il-parti fi proċeduri li jitterminaw il-proċeduri billi jirtiraw l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet tal-pjanti, l-applikazzjoni għar-revoka jew tal-kanċellament tad-drittijiet, jew l-appell, jew billi jċedi d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, għandu jbati l-ispejjeż magħmula mill-parti l-oħra fil-proċeduri kif stipulat fil-paragrafi 1 u 2. 4. Meta l-partijiet fi proċeduri mitmuma quddiem l-Uffiċċju, jew Bord ta' l-Appell il-ħlas as għas-saldu ta' l-ispejjeż li jvarja minn dak li għalihom jipprovdu l-paragrafi preċedenti, għandha tittieħed nota ta' dak il-qbil. 5. Fuq talba, l-Uffiċċju jew il-Bord ta' l-Appell għandu jistabbilixxi l-ammont ta' l-ispejjeż li għandhom jitħallsu skond il-paragrafi preċedenti. Artikolu 86 Infurzar ta' deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-ammont ta' l-ispejjeż 1. Deċiżjonijiet finali ta'l-Uffiċċju li jistabbilixxu l-ammont ta' l-ispejjeż għandhom ikunu infurzabbli. 2. L-infurzar għandu jkun regolat minn regoli ta' proċedura ċivili applikabbli fl-Istat Membru li fih isir. Bla ħsara biss għall-verifka li d-dokument relevanti jkun awtentiku, il-klawsola ta' l-infurzar jew l-approvazzjoni għandha tiżdied mill-awtorità nazzjonali appuntata għal dak il-għan mill-Gvern ta' kull Stat Membru; il-Gvernijiet għandhom jinformaw lill-Uffiċċju u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej bl-identità ta' kull awtorità nazzjonali bħal dik. 3. Meta, dwar applikazzjoni mill-parti li tkun tfittex l-infurzar, dawn il-formalitajiet ikun ntemmu, tkun intitolata biex tipproċedi għall-konferma skond il-liġi nazzjonali billi l-każ jinġieb direttament quddiem il-korp kompetenti. 4. L-infurzar m'għandux jiġi sospiż ħlief b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Kontroll tar-regolarità tal-miżuri ta' l-infurzar għandu, b'dana kollu, jkun l-obbligu tal-qrati nazzjonali. IL-KAPITOLU VIII REĠISTRI Artikolu 87 Stabbiliment tar-Reġistri 1. L-Uffiċċju għandu jżomm Reġistru ta' l-Applikazzjonijiet għad-Drittijiet tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti li għandu jkun fih il-partikolaritajiet li ġejjin: (a) applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti flimkien ma' dikjarazzjoni tat-tassonomija u d-deskrizzjoni provviżorja tal-varjetajiet, id-data ta' l-applikazzjoni u l-isem u l-indirizz ta' l-applikant, tal-kabbar u ta' xi rappreżentant proċedurali kkonċernat; (b) kull każ ta' terminazzjoni ta' proċeduri li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti flimkien mat-tagħrif imsemmi fis-subparagrafu (a); (ċ) proposti għad-denominazzjonijiet tal-varjetajiet; (d) tibdil fl-identità ta' l-applikant jew tar-rappreżentant proċedurali tiegħu; (e) fuq talba, kull imposta ta' l-eżekuzzjoni msemmija fl-Artikoli 24 u 26. 2. L-Uffiċċju għandu jżomm Reġistru tad-Drittijiet tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti li fih, wara l-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, għandhom jidħlu l-partikolaritajiet li ġejjin: (a) l-ispeċi u d-denominazzjoni tal-varjetajiet; (b) id-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetajiet jew referenza għad-dokumenti fil-pussess ta' l-Uffiċċju li fihom id-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà bħala parti integrali mir-Reġistru; (ċ) fil-każ ta' varjetajiet li għalihom għandu jiġi wżat ripetutament materjal b'komponenti speċifiċi għall-produzzjoni ta' materjali, referenza għal dawk il-komponenti; (d) l-isem u l-indirizz tad-detentur, tal-kabbar u tar-rappreżentant proċedurali kkonċernat; (e) id-data li fiha d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jibda u jintemm, flimkien mar-raġunijiet tat-terminazzjoni tad-dritt; (f) fuq talba, xi esplojtazzjoni esklużiva kontrattwali jew dritt ta' l-esplojtazzjoni obbligatorja,inkluż l-isem u l-indirizz tal-persuna li tgawdi d-dritt ta' l-esplojtazzjoni; (g) fuq talba, kull imposta ta' l-esekuzzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 24; (h) meta d-detentur ta' varjetà inizjali u l-kabbar ta' varjetà essenzjalment derivata mill-varjetajiet inizjali, it-tnejn hekk fuq talba, l-identifikazzjoni tal-varjetà bħala inizjali u essenzjalment derivati inkluż id-deonominazzjonijiet tal-varjetajiet u l-ismijiet tal-partijiet ikkonċernati. Talba minn wieħed mill-partijiet ikkonċernati biss tkun biżżejjed jekk ikun akkwista, jew għarfien mhux kontenzjuż mill-parti l-oħra skond l-Artikolu 99, jew deċiżjoni finali jew ġudizzju finali skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jkun fihom l-identifikazzjoni tal-varjetajiet ikkonċernati bħala inizjali u essenzjalment derivati. 3. Kull partikolari jew kondizzjoni għad-dħul fiż-żewġ Reġistri jista jkun speċifikat fir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114. 4. L-Uffiċċju jista' minn jeddu b'konsultazzjoni mad-detentur jadotta d-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà dwar in-numru u tip ta' karratteristiċi jew ta' l-espressjonijiet speċifikati ta' dawk il-karatteristiċi, meta meħtieġ, fid-dawl tal-prinċipji kurrenti li jirregolaw id-deskrizzjoni tal-varjetà tat-tassonomija kkonċernata, sabiex iġġib id-deskrizzjoni tal-varjetà komparabbli mad-deskrizzjonijiet ta' varjetajiet oħrajn tat-tassonomija kkonċernata. Artikolu 88 Spezzjoni pubblika 1. Ir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 87 għandu jkun miftuħ għall-ispezzjoni pubblika. 2. Fil-każ ta' interess leġittimu, dan li ġej għandu jkun miftuħ għall-ispezzjoni pubblika, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114: (a) dokumenti dwar applikazzjonijiet għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti; (b) dokumenti dwar drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti diġa mogħtija; (ċ) it-tkabbir ta' varjetajiet għall-għanijiet ta' l-eżami tekniku tagħhom; (d) it-tkabbir ta' varjetajiet għall-għan tal-verifika ta' l-eżistenza kontinwata. 3. Fil-każ ta' varjetajiet li fihom għandu jiġi wżat ripetutament materjal b'komponenti speċifiċi għall-produzzjoni ta' materjal, fuq talba ta' l-applikant għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, kull dettal relatat mal-komponenti, inkluża l-koltivazzjoni tagħhom, għandha tinżamm milli tiġi spezzjonata. Dik it-talba għal żamma mill-ispezzjoni ma tistax issir ġaladarba d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti tkun ittieħdet. 4. Materjal mogħti jew miksub b'konnessjoni ma' l-eżamijiet bis-saħħa ta' l-Artikolu 55(4), 56 u 64 jista' ma jingħatax lill-partijiet l-oħrajn mill-awtoritajiet kompetenti skond dan ir-Regolament sakemm il-persuna intitolata ma taghtix il-kunsens tagħha jew dak it-trasferiment ikun meħtieġ b'konnessjoni mal-kooperazzjoni li għaliha jirreferi dan ir-Regolament għall-għanijiet ta' l-eżami jew bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet legali. Artikolu 89 Pubblikazzjonijiet perjodiċi L-Uffiċċju għandu għall-anqas kull xahrejn, joħroġ pubblikazzjoni li jkun fiha t-tagħrif imdaħħal fir-Reġistri bis-saħħa ta' l-Artikolu 87(1) u (2) (a), (d), (e), (f), (g) u (h), u li jkun għadu ma ġiex ippubblikat. L-Uffiċċju għandu jippubblika wkoll rapport annwali, li jkun fih tagħrif li l-Uffiċċju jqies li jkun jaqbel, imma għall-anqas lista tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti valida, id-detenturi, id-dati ta' l-għotja u t-temma u d-denominazzjonijiet tal-varjetajiet approvati. Dettalji ta' dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom ikunu speċifikati mill-Kunsill Amministrattiv. Artikolu 90 Skambju ta' informazzjoni u ta' pubblikazzjonijiet 1. L-Uffiċċju u l-uffiċċji tal-varjetajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom, fuq talba u mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stabbiliti biex jintbagħtu r-riżultati ta' l-eżamijiet tekniċi, jibgħatu lil xulxin għall-użu tagħhom, bla ħlas, kopja waħda jew aktar tal-pubblikazzjonijiet rispettivi tagħhom u kull tagħrif ta' ħtieġa dwar id-drittijiet ta' proprjetà li għalihom tkun saret l-applikazzjoni jew l-għotja. 2. Id-data li għaliha jirreferi l-Artikolu 88(3) għandha tkun eskluża mit-tagħrif, kemm-il darba: (a) it-tagħrif ikun meħtieġ għat-twettieq ta' l-eżamijiet bis-saħħa ta' l-Artikoli 55 u 64; jew (b) ta' l-applikant għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jew id-detentur jagħti l-kunsens tiegħu. Artikolu 91 Amministrazzjoni u kooperazzjoni legali 1. Sakemm xort'oħra ma jkunx ipprovdut f'dan ir-Regolament jew fil-liġi nazzjonali, l-Uffiċċju, l-Uffiċċji ta' l-Eżami msemmijin fl-Artikolu 55(1) u l-qrati jew awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom fuq talba jagħtu l-għajnuna lil xulxin billi jikkomunikaw tagħrif jew jiftħu l-fajlijiet relatati mal-varjetà, u l-kampjuni tat-tkabbir tagħhom għall-ispezzjoni. Meta l-Uffiċċju jew l-Uffiċċji ta' l-Eżami iqegħdu dokumenti, kampjuni jew tkabbir tagħhom miftuħin għall-ispezzjoni mill-qrati jew ta' l-uffiċċji ta' prosekuturi pubbliċi, l-ispezzjoni m'għandhiex tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 88, u l-ispezzjoni mogħtija mill-Uffiċċji ta' l-Eżami m'għandhiex tkun suġġetta għal deċiżjoni ta' l-Uffiċċju bis-saħħa ta' dak l-Artikolu. 2. Mal-wasla ta' ittri rogatorji mill-Uffiċċju, il-qrati jew xi awtoritajiet kompetenti oħrajn ta' l-Istati Membri għandhom jintrabtu għan-nom ta' dak l-Uffiċċju u fil-limitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom, għal kwalunkwe investigazzjonijiet meħtieġa u miżuri oħra relatati. PARTI ĦAMSA IMPATT FUQ LIĠIJIET OĦRAJN Artikolu 92 Protezzjoni kumulattiva pprojbita 1. Kull varjetà li hija s-suġġett ta' dritt tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' pjanti m'għandhiex tkun is-suġġett ta' dritt nazzjonali tal-varjetajiet ta' pjanti jew ta' xi patenti ta' dik il-varjetà. Kull dritt mogħti li jmur kontra l-ewwel sentenza ikun mingħajr effett. 2. Meta d-detentur ikun ingħata dritt ieħor li għalih jirreferi l-paragrafu 1 għall-istess varjetà qabel l-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, ma jkunx jista' jinvoka d-drittijiet mogħtija b'dik il-protezzjoni tal-varjetà sakemm id-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jibqa' mingħajr effett. Artikolu 93 Applikazzjoni tal-liġi nazzjonali Pretensjonijiet skond id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandhom ikunu suġġetti għall-limitazzjonijiet imposti mill-liġi ta' l-Istati Membri ħlief kif espressament imsemmi f'dan ir-Regolament. PARTI SITTA TALBIET SKOND IL-LIĠI ĊIVILI, KSUR TAL-LIĠI, ĠURISDIZZJONI Artikolu 94 Ksur tal-liġi 1. Kull min: (a) jafftwa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti; jew (b) iħalli barra l-użu korrett ta' denominazzjoni ta' varjetà li għaliha jirreferi l-Artikolu 17(1) jew iħalli barra t-tagħrif relevanti li għalih jirreferi l-Artikolu 17(2); jew (ċ) kuntrarju għall-Artikolu 18(3) juża d-denominazzjoni ta' varjetà li għaliha jkun ingħata dritttal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti jew deskrizzjoni li tista' titħallat magħha, jista' jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta' dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn. 2. Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b'mod traskurat għandu b'żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta' negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta' dik in-negliġenza ħafifa, b'dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur. Artikolu 95 Atti qabel l-għoti tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti Id-detentur jista' jenħtieġ kumpens raġonevoli minn kull persuna li tkun, fiż-żmien ta' bejn il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti u l-għoti tiegħu, effettwat xi att li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih. Artikolu 96 Preskrizzjoni Pretensjonijiet bis-saħħa ta' l-Artikoli 94 u 95 għandhom ikunu preskritti wara tliet snin miż-żmien li fih jiġi mogħti b'mod finali d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti u d-detentur ikun konsapevoli bl-att u bl-identità tal-parti responsabbli jew, fin-nuqqas ta' dik il-konsapevolezza, wara 30 sena mit-temma ta' l-att ikkonċernat. Artikolu 97 Applikazzjoni supplimentari tal-liġi nazzjonali dwar ksur tal-liġi 1. Meta l-parti responsabbli skond l-Artikolu 94 tkun, minħabba dak il-ksur ta' liġi, għamlet xi gwadann b'detriment tad-detentur jew tal-persuna ntitolata għad-drittijiet ta' l-esplojtazzjoni, il-qrati kompetenti bis-saħħa ta' l-Artikoli 101 jew 102 għandhom japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom, inkluża l-liġi privata internazzjonali, f'dak li jirrigwarda r-restituzzjoni. 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll fir-rigward ta' pretensjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu dwar l-esekuzzjoni jew l-ommissjoni ta' l-atti skond l-Artikolu 95 fiż-żmien bejn il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti u l-ħelsien tat-talba. 3. F'kull każ ieħor l-effetti tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandu jkun determinat unikament skond dan ir-Regolament. Artikolu 98 Pretensjoni ta' titolu għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. Jekk dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti ikun ingħata lill-persuna li ma jkollhiex dritt għalih skond l-Artikolu 11, il-persuna li jkollha dritt għalih tista', mingħajr preġudizzju għal xi rimedju ieħor li jista' jkun miftuħ għaliha skond il-liġijiet ta' l-Istati Membri, jitlob li d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti ikun trasferit lilu. 2. Meta persuna tkun intitolata biss għall-parti minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, dik il-persuna tista' skond il-paragrafu 1, titlob li ssir detentur konġunt. 3. Talbiet skond il-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu nvokati biss f'perjodu sa ħames snin mill-pubblikazzjoni ta' l-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika jekk id-detentur kien jaf, fiż-żmien meta kien ingħata jew akkwistata minnu, li ma kienx intitolat għal dawk id-drittijiet jew li t-titolu tagħhom ma kienx vestit unikament fih. 4. Il-persuna ntitolata għandha tkun eliġibbli mutatis mutandis li ssegwi talbiet skond il-paragrafi 1 u 2 dwar applikazzjoni ta' l-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti magħmul minn persuna li ma kienitx intiolata għalih jew li fiha ma kienx vestit unikament it-titolu. Artikolu 99 Ksib ta' l-identifikazzjoni ta' varjetà Id-detentur ta' varjetà inizjali u dak li jkabbar varjetà essenzjalment derivata mill-varjetà inizjali għandu jkun intitolat li jakkwista rikonoxximent ta' l-identifikazzjoni tal-varjetà kkonċernata bħala inizjali u essenzjalment derivata. Artikolu 100 Konsegwenzi ta' bdil fid-detenzjoni tad-drit tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 1. F'każ ta' bidla sħiħa fid-detenzjoni ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti b'konsegwenza ta' ġudizzju finali mogħti bis-saħħa ta' l-Artikoli 101 jew 102 għall-għanijiet tal-pretensjoni ta' titolu skond l-Artikolu 98(1), kull esplojtazzjoni jew drittijiet oħrajn għandhom jiskadu mad-dħul tal-persuna ntitolata fir-Reġistru tad-Drittijiet tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti. 2. Meta d-detentur jew xi persuna li tkun gawdiet id-dritt ta' l-esplojtazzjoni tkun effettwat xi wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) jew tkun għamlet arranġamenti effettivi u ġenwini biex tagħmel dan qabel il-bidu ta' proċeduri bis-saħħa ta' l-Artikoli 101 jew 102, tista' tkompli tagħmel dawn l-atti b'dan billi titlob dritt ta' l-esplojtazzjoni mhux esklużiv mid-detentur il-ġdid imdaħħal fir-Reġistru tad-Drittijiet tal-Komunità tal-Varjetajiet ta' Pjanti. Talbiet bħal dawn għandhom isiru fil-limitu ta' żmien stabbilit fir-regoli ta' l-implimentazzjoni. Id-dritt ta' l-esplojtazzjoni jista' jingħata mill-Uffiċċju fin-nuqqas ta' xi ftehim bejn il-partijiet. L-Artikolu 29(3) sa (7) għandu japplika mutatis mutandis. 3. Il-paragrafu 2 m'għandux japplika meta d-detentur jew il-persuni li jgawdu d-dritt ta' l-esplojtazzjoni jaġixxu bi skopijiet ħżiena meta jaffettwaw l-atti jew jibdew biex jagħmlu dawk l-arranġamenti. Artikolu 101 Ġurisdizzjoni u proċeduri f'azzjonijiet legali li għandhom x' jaqsmu ma' pretensjonijiet taħt il-liġi ċivili 1. Il-Konvenzjoni ta' Lugano kif ukoll id-dispożizzjonijiet kumplimentari ta' dan l-Artikolu u ta' l-Artikoli 102 sa 106 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-proċeduri ta' azzjonijiet dwar pretensjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 94 sa 100. 2. Proċeduri tat-tip li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 għandhom jinġiebu quddiem il-qrati: (a) ta' l-Istati Membri jew xi Parti oħra li tagħmel sehem mill-Konvenzjoni ta' Lugano li fihom il-konvenut ikun domiċiljat jew ikollu s-sede jew, fin-nuqqas ta' dan, għandu xi stabbiliment; jew (b) jekk din il-kondizzjoni ma tkunx tintlaħaq f'xi wieħed mill-Istati Membri jew Partijiet Kuntrattati, ta' l-Istat Membru li fih l-attur ikun domiċiljat jew għandu s-sede jew, fin-nuqqas ta' dan, għandu xi stabbiliment; jew; (ċ) jekk lanqas din il-kondizzjoni ma tintlaħaq f'xi wieħed mill-Istati Membri, ta' l-Istati Membri li fihom is-sede ta' l-Uffiċċju tkun tinstab. Il-qrati kompetenti għandhom ikollhom ġurisdizzjoni dwar ksur tal-liġi allegat li jkun ġie kommess f'xi wieħed mill-Istati Membri. 3. Proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' l-azzjonijiet dwar pretensjonijiet ta' ksur tal-liġi jistgħu jinġiebu wkoll fil-qrati tal-lokal fejn dak il-ksur ikun sar. F'dawn il-każi, l-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni biss dwar ksur ta' liġi allegat li jkun sar fit-territorju ta' l-Istat Membru li tiegħu ikun jagħmel parti. 4. Il-proċessi legali u l-qrati kompetenti għandhom ikunu dawk li joperaw skond il-liġijiet ta' l-Istat stabbilit bis-saħħa tal-paragrafi 2 jew 3. Artikolu 102 Dispożizzjonijiet supplimentari 1. Azzjonijiet ta' pretensjonijiet ta' titolu bis-saħħa ta' l-Artikolu 98 ta' dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu kkunsidrati li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta' Lugano. 2. Minkejja l-Artikolu 101 ta' dan ir-Regolament, l-Artikoli 5(1), 17 u 18 tal-Konvenzjoni ta' Lugano għandhom japplikaw. 3. Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 101 u 102 ta' dan ir-Regolament, id-domiċilju jew is-sede tal-parti għandu jiġi stabbilit skond l-Artikoli 52 u 53 tal-Konvenzjoni ta' Lugano. Artikolu 103 Regoli ta' proċedura applikabbli Meta l-ġurisdizzjoni tkun f'idejn il-qrati nazzjonali bis-saħħa ta' l-Artikoli 101 u 102, ir-regoli ta' proċedura ta' l-Istat relevanti li jirregolaw l-istess tip ta' azzjoni li għandha x'taqsam mad-drittijiet korrispondenti tal-proprjetà nazzjonali għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 104 u 105. Artikolu 104 Dritt li tinġieb azzjoni għal ksur tal-liġi 1. Azzjonijiet għall-ksur tal-liġi jistgħu jinġiebu mid-detentur. Persuni li jgawdu drittijiet ta' l-esplojtazzjoni jistgħu iressqu dawk l-azzjonijiet kemm-il darba dan ma jkunx espressament eskluż bi ftehim mad-detentur fil-każ ta' dritt esklussiv ta' l-esplojtazzjoni jew mill-Uffiċċju bis-saħħa ta' l-Artikoli 29 jew 100 (2). 2. Kull persuna li tkun tgawdi drittijiet ta' l-esplojtazzjoni għandha, għall-għan li tikseb kumpens għad-danni sofferti minnha, tkun intitolata li tintervjeni f'azzjoni ta' ksur ta' liġi miġjuba mid-detentur. Artikolu 105 Obbligazzjoni tal-qrati nazzjonali jew ta' korpi oħrajn Qorti nazzjonali jew xi korp ieħor li jkun qiegħed jisma' azzjoni li għandha x'taqsam ma' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandha tqis dak id-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti bħala validu. Artikolu 106 Twaqqif tal-proċeduri 1. Meta azzjoni li jkollha x'taqsam ma' pretensjonijiet bis-saħħa ta' l-Artikolu 98(4) u d-deċiżjoni tkun tiddependi fuq il-protettibilità tal-varjetajiet skond l-Artikolu 6, din id-deċiżjoni m'għandhiex tingħata qabel l-Uffiċċju ikun iddeċieda dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti 2. Meta azzjoni jkollha x'taqsam ma' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti li jkun ingħata u li dwaru l-proċeduri għar-revoka jew tal-kanċellament bis-saħħa ta' l-Artikoli 20 jew 21 ikunu nbdew, il-proċeduri jistgħu jitwaqqfu sal-limitu li d-deċiżjoni tkun tiddependi fuq il-validità tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. Artikolu 107 Penali għall-ksur tal-liġi tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jassiguraw li l-istess pożizzjonijiet jintgħamlu applikabbli biex jippenalizzaw ksur tal-liġi tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti kif applikabbli fil-każ ta' ksur tad-drittijiet nazzjonali korrispondenti. PARTI SEBA' BUDGET, KONTROLL TAL-FINANZI, L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-KOMUNITÀ Artikolu 108 Budget 1. L-estimi tad-dħul u l-infieq kollha ta' l-Uffiċċju għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja u għandhom jintwerew fil-budget ta' l-Uffiċċju, u kull sena finanzjarja għandha tkun tikkorrispondi mas-sena kalendarja. 2. Id-dħul u n-nefqa murija fil-budget għandhom ikunu jibbilanċjaw. 3. Id-dħul għandu jkun jikkomprendi, mingħajr preġudizzju għal xi tipi ta' dħul ieħor, għal kull tariffa mħallsa bis-saħħa ta' l-Artikolu 83 taħt ir-regolamenti tat-tariffi li għalihom jirreferi l-Artikolu 113, u, sal-limitu meħtieġ, sussidju mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. 4. In-nefqa għandha tikkomprendi, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta' nefqa, l-ispejjeż fissi ta' l-Uffiċċju u l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu mat-tħaddim normali ta' l-Uffiċċju nklużi s-somom li għandhom jitħallsu lill-Uffiċċji ta' l-Eżami. Artikolu 109 Preparazzjoni tal-budget 1. Il-President għandu jħejji kull sena estimi tad-dħul u ta' l-infieq ta' l-Uffiċċju għas-sena ta' wara u għandu jibgħathom lill-Kunsill Amministrattiv mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, flimkien ma' lista tal-postijiet u, meta l-estimi jipprovdu għal sussidju li għalih jirreferi l-Artikolu 108(3), bi prefazju ta' dikjarazzjoni esplanatorja. 2. Jekk l-estimi jkunu jipprovdu għas-sussidju li għalih jirreferi l-Artikolu 108(3), il-Kunsill Amministrattiv għandu minnufih jibgħat l-estimi lill-Kummissjoni, flimkien mal-lista tal-postijiet u d-dikjarazzjoni esplanatorja, u jista' jżid l-opinjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tibgħathom lill-awtorità tal-budget tal-Komunitajiet u tista' żżid l-opinjoni fkimkien ma' estimi alternattivi. 3. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jadotta l-budget, li għandu jkun jinkludi lista tal-postijiet ta' l-Uffiċċju. Jekk l-estimi jkun fihom is-sussidju li għalih jirreferi l-Artikolu 108(3), il-budget għandu, jekk ikun meħtieġ, jiġu aġġustat skond l-approprjazzjonijiet fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 110 Implimentazzjoni tal-budget Il-President għandu jimplimenta l-budget ta' l-Uffiċċju. Artikolu 111 Kontroll 1. Il-kontroll ta' l-impenji u l-pagament tan-nefqa kollha u l-kontroll ta' l-eżistenza u l-ġbir lura tad-dħul ta' l-Uffiċċju għandu jsir mill-kontrollur finanzjarju maħtur mill-Kunsill Amministrattiv. 2. Mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena il-President għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej il-kontijiet tad-dħul u ta' l-infieq sħaħ ta' l-Uffiċċju għas-sena finanzjarja preċedenti. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżaminhom skond id-dispożizzjonijiet relevanti applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. 3. Il-Kunsill Amministrattiv għandu jawtorizza lill-President tal-Uffiċċju dwar l-implimentazzjoni tal-budget. Artikolu 112 Dispożizzjonijiet finanzjarji Il-Kunsill Amministrattiv għandu, wara li jikkonsulta mal-Qorti ta' l-Awdituri, jadotta dispożizzjonijiet finanzjarji interni li jispeċifikaw, b'mod partikolari, il-procedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-budget ta' l-Uffiċċju. Id-dispożizzjonijiet finanzjari għandhom, sa fejn hu possibbli, ikunu jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Finanzjarji applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u jiddifferixxu minnhom biss meta l-ħtiġiet speċifiċi tat-tħaddim individwali ta' l-Uffiċċju hekk ikunu jiddettaw. Artikolu 113 Regolamenti tat-tariffi 1. Ir-regolamenti tat-tariffi għandhom jistabbilixxu b'mod partikolari materji li bihom tariffi bis-saħħa ta' l-Artikolu 83(1) ikunu dovuti, l-ammonti ta' dawk it-tariffi u l-mod li bih għandhom jitħallsu. 2. Tariffi għandhom jitħallsu għall-anqas dwar il-materji li ġejjin: (a) l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti; din it-tariffa għandha tkopri: - l-eżami formali, (l-Artikolu 53), - l-eżami sostantiv (l-Artikolu 54), - l-eżami tad-denominazzjoni tal-varjetajiet (l-Artikolu 63), - id-deċiżjoni (l-Artikolu 61, 62) - il-pubblikazzjoni relatata (l-Artikolu 89); (b) l-arranġamenti u t-twettiq ta' l-eżami tekniku; (ċ) l-ipproċessar ta' l-appell inkluża d-deċiżjoni; (d) kull sena tat-tul ta' żmien tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti. 3. (a) mingħajr preġudizzju għall-(b) u (ċ), l-ammonti tat-tariffi għandhom ikunu ffissati f'dak il-livell li jassigura li d-dħul dwarhom ikun fil-prinċipju suffiċjenti biex il-budget ta' l-Uffiċċju jiġu bilanċjati. (b) B'dana kollu, s-sussidju li għalih jirreferi l-Artikolu 108(3) jista' jkopri, għal perjodu transitorju, li jintemm fil-31 ta' Diċembru tar-raba' sena mid-data stabbilita fl-Artikolu 118(2), l-ispiża li għandha x'taqsam mal-fażi inizjali tal-bidu ta' l-Uffiċċju. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 115, dan il-perjodu jista jittawwal, jekk ikun meħtieġ, għal mhux aktar minn sena waħda. (ċ) B'dana kollu, matul il-perjodu transitorju msemmi hawn fuq biss, is-sussidju li għalih jirreferi l-Artikolu 108(3) jista' wkoll ikun ikopri ċerta nefqa ta' l-Uffiċċju li għandha x'taqsam ma' ċerti attivitajiet ħlief dawk ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet, l-irranġar u t-twettiq ta' l-eżamijiet tekniċi u l-ipproċessar ta' l-appelli. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu speċifikati, sa l-aktar tard sena wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, f'regoli ta' l-implimentazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 114. 4. Ir-regolamenti tat-tariffi għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 115, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Amministrattiv dwar l-abbozz tal-miżuri li ghandhom jittieħdu. Artikolu 114 Regoli oħrajn ta' l-implimentazzjoni 1. Regoli dettaljati ta' l-implimentazzjoni għandhom jiġu adottati għall-għan ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament. Għandhom b'mod partikolari jinkludu dispożizzjonijiet: - li jiddefinixxu r-relazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-Uffiċċji tal-Eżami, aġenziji jew is-sub-uffiċċji tiegħu li għalihom jirreferu l-Artikoli 30(4) u 55 (1) u (2), - dwar materji li għalihom jirreferu l-Artikoli 36(1) u 42 (2), - dwar il-proċedura tal-Bordijiet ta' l-Appell. 2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 112 u 113, ir-regoli kollha ta' l-implimentazzjoni li għalihom jirreferi dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 115, wara l-konsultazzjoni mal-Kunsill Amministrattiv ta' l-abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Artikolu 115 Proċedura 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u bil-president minn rappreżentant tal-Kummissjoni. 2. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu għandha tkun segwita, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-President jista' jiddeċiedi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata skond il-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta wara proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandu jkun peżat bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota. 3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kontemplati jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat. (b) jekk il-miżuri kontemplati ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien, tibgħat lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Jekk, wara li jintemm il-perjodu ta' tlett xhur mid-data tar-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b'maġġoranza sempliċi. PARTI TMIENJA DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI Artikolu 116 Derogi 1. Minkejja l-Artikolu 10(1)(a) u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(2) u (3),varjetà tkun meqjusa li tkun ġdida wkoll fil-każi meta l-kostitwenti tal-varjetà jew il-materjal maħsud tagħha ma jkunux inbiegħu jew b'xi mod ieħor saru disponibbli lill-oħrajn, mill-jew bil-kunsens ta' dak li jkabbar, fit-territorju tal-Komunità għall-għanijiet ta' l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet, aktar kmieni minn erba' snin, fil-każ ta' siġar jew ta' dwieli mhux aktar kmieni minn sitt snin, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jekk id-data ta' l-applikazzjoni tkun fi żmien sena minn dik id-data. 2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal dawk il-varjetajiet ukoll fil-każi meta d-dritt nazzjonali ta' varjetajiet ta' pjanti kien ingħata fi Stat Membru wieħed jew aktar qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. 3. Minkejja l-Artikoli 55 u 56, l-eżami tekniku ta' dawn il-varjetajiet għandu jsir sal-limitu possibbli mill-Uffiċċju fuq il-bażi tar-riżultati disponibbli li jirriżultaw minn ħafna proċeduri oħra għall-għoti ta' dritt nazzjonali tal-varjetajiet ta' pjanti, bi qbil ma' l-awtorità li quddiemha dawn il-proċeduri kienu nżammu. 4. Fil-każ ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti mogħti bis-saħħa tal-paragrafi 1 jew 2: - l-Artikolu 13(5)(a) m'għandux japplika dwar varjetajiet essenzjalment derivati, li l-eżistenza tagħhom kienet xi ħaġa magħrufa sewwa fil-Komunità qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament. - L- l-Artikolu 14(3), ir-raba' inċiż, m'għandux japplika għall-bdiewa li jkomplu jużaw varjetà stabbilita skond l-awtorizzazzjoni ta' l-Artikolu 14(1) jekk, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ikunu diġà użaw il-varjetà għall-għanijiet deskritti fl-Artikolu 14(1) mingħajr ħlas ta' remunerazzjoni; din id-dispożizzjoni għandha tapplika sat-30 Ġunju tas-seba' sena li tiġi wara dik tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Qabel dik id-data l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar is-sitwazzjoni tal-varjetajiet stabbiliti li jkun jittratta individwalment fuq kull varjetà. Dak il-perjodu jista' jiġi mtawwal, fid-dispożizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni adottati bis-saħħa ta' l-Artikolu 114, sakemm ir-rapport tal-Kummissjoni jkun jiġġustifika dan. - mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija bi protezzjoni nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 16 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-atti dwar materjal mogħti lill-oħrajn minn dak li jkabbar jew bil-kunsens tiegħu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament, u effetwat mill-persuna li, qabel dik id-data, tkun ġà effetwat dawk l-atti jew tkun għamlet arranġamenti effettivi u ġenwini biex tagħmel hekk. Jekk dawk l-atti preċedenti jkunu jinvolvu aktar propagazzjoni li kienet intiża skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(a), l-awtorizzazzjoni tad-detentur għandha tkun meħtieġa għal aktar propagazzjoni wara li tintemm it-tieni sena, fil-każ ta' varjetajiet ta' speċi ta' dwieli u siġar wara li tintemm ir-raba' sena, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. - Minkejja l-Artikolu 19, it-tul ta' żmien ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti għandu jiġi mnaqqas bl-itwal perijodu: - li matulu l-kostitwenti tal-varjetajiet jew tal-materjal maħsud tagħhom ikunu nbiegħu jew saru b'xi mod ieħor disponibbli lill-oħrajn, minn jew bil-kunsens ta' dak li jkabbar, fit-territorju tal-Komunità għall-għanijiet ta' l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet, kif stabbilit bir-riżultati li jirriżultaw mill-proċedura għall-għoti ta' dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti, fil-każ tal-paragrafu 1, - li matulu xi dritt jew drittijiet nazzjonali tal-varjetajiet ta' pjanti kienu effettivi, fil-każ tal-paragrafu 2, iżda mhux aktar minn b'ħames snin. Artikolu 117 Dispożizzjonijiet transitorji L-Uffiċċju għandu jkun stabbilit fi żmien biżżejjed biex jassumi għal kollox id-dmirijiet imposti fuqu bis-saħħa ta' dan ir-Regolament sa mis-27 ta' April 1995. Artikolu 118 Dħul fis-seħħ 1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 2. L-Artikoli 1, 2, 3, 5 sa 29 u 49 sa 106 għandhom ikunu japplikaw sa mis-27 ta' April 1995. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Lulju 1994. Għall-Kunsill Il-President Th. Waigel [1] ĠU C 244, tat-28.9.1990, p. 1 uĠU C 113, tat-23.4.1993, p. 7. [2] ĠU C 305, tat-23.11.1992, p. 55 uĠU C 67, tas-16.3.1992, p. 148. [3] ĠU C 60, tat-8.3.1991, p. 45. [4] ĠU L 181, ta' l-1.7.1992, p. 12. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1552/93 (ĠU L 154, tal-25.6.1993, p. 19). [5] ĠU C 17, tas-6.10.1958, p.385/58. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' Adeżjoni 1985. --------------------------------------------------