EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993R0696

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 696/93 tal-15 Marzu 1993 dwar l-unitajiet ta' l-istatistika għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità

ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/12/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/696/oj

31993R0696



Official Journal L 076 , 30/03/1993 P. 0001 - 0011
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0007
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 696/93

tal-15 Marzu 1993

dwar l-unitajiet ta' l-istatistika għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

F'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-funzjonament tas-suq intern jeħtieġ standards ta' l-istatistika applikabbli għall-identifikazzjoni ta' unitajiet u l-ġbir, trasmissjoni u pubblikazzjoni ta' statistika nazzjonali u tal-Komunità sabiex tipprovdi informazzjoni li ta' min joqgħod fuqha u kumparabbli lil intrapriżi, istituzzjonijiet finanzjarji, gvernijiet u l-operaturi l-oħra kollha fis-suq intern;

Billi informazzjoni ta' l-istatistika dwar is-sistema ta' produzzjoni tkun meħtieġa għall-intrapriżi biex jistmaw il-kompetitività tagħhom u tkun utli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità fil-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

Billi skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà u il-ħolqien ta' normi ta' l-istatistika komuni li jippermettu l-produzzjoni ta' tagħrif armonizzat hija azzjoni li tista' tiġi biss imwettqa b'effiċjenza fil-livell ta' Komunità u billi dawk in-normi għandhom jiġu applikati f'kull Stat Membru taħt l-awtorità tal-korpi u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-kumpilazzjoni ta' statistika uffiċjali;

Billi biss jekk l-Istati Membri jużaw definizzjonijiet komuni ta' unitajiet ta' l-istatistika jista' jkun possibbli li tiġi provduta informazzjoni ta' l-istatistika integrata b'mod ta' min jorbot fuqu, ħeffa, flessibilità u l-grad ta' dettal meħtieġ għall-amministrazzjoni tas-suq intern;

Billi għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu, sabiex jilħqu ħtiġiet speċifiċi, li jżommu jew jintroduċu unitajiet oħra ta' l-istatistika fin-nomenklatura nazzjonali tagħhom għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni;

Billi l-għażla ta' unitajiet ta' l-istatistika li għandhom jintuzaw fi stħarriġ partikolari jew analiżi għandha tiġi stabbilita f'testi speċifiċi;

Billi l-utilizzazzjoni tal-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi fil-Komunitajiet Ewropej hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejħa NACE Rev. 1 kif provdut għaliha fir-Regolament (KEE) Nru 3037/90 [4] u l-applikazzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA) jeħtieġu definizzjonijiet standard ta' unitajiet ta' l-istatistika għar-reġistri, stħarriġ u l-preżentazzjoni u l-analiżi ta' l-istatistika;

Billi l-Kumitat mwaqqaf bir-Regolament (KEE) Nru 3037/90 huwa kompetenti għall-"elaborazzjoni tal-linji gwida biex jiġu klassifikati unitajiet ta' l-istatistika skond NACE Rev. 1" iżda l-unitajiet iridu jiġu definiti x'imkien ieħor;

Billi huwa vitali li l-unitajiet ta' l-istatistika klassifikati skond in-NACE Rev. 1 jiġu definiti bl-istess mod fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi assikurata komparabilità bejn l-istatistika korrispondenti nazzjonali u tal-Komunità;

Billi huwa mixtieq li jiġi limitat in-numru ta' unitajiet ta' l-istatistika wżati għas-sistema ta' produzzjoni;

Billi il-komparabilità internazzjonali ta' statistika ekonomika teħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komunità jużaw unitajiet ta' l-istatistika li huma marbuta direttament mad-deskrizzjonijiet mogħtija fl-introduzzjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali Standard għall-Industrija tan-Nazzjonijiet Uniti (ISIC REV 3) u d-dokumenti tas-Sistema ta' Kontijiet Nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti;

Billi s-sistema ta' produzzjoni hija magħmula mill-entitajiet kollha involuti fil-produzzjoni u l-operazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha mwettqa minn dawk l-entitajiet;

Billi l-introduzzjoni ta' l-applikazzjoni stretta ta' dawn l-unitajiet f'kull parti tal-Komunità teħtieġ perjodu transitorju,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Lista ta' unitajiet ta' l-istatistika (hawnhemm iżjed 'l quddiem imsejħa "unitajiet ta' l-istatistika tas-sistema tal-produzzjoni") kif stabbilita fl-Anness hawn mehmuż flimkien mal-kriterji użati, id-definizzjonijiet tal-unitajiet u n-noti ta' spjegazzjoni qiegħda b'dan tiġi stabbilita.

L-Artikolu 2

Id-definizzjonijiet ta' unitajiet ta' l-istatistika tas-sistema ta' produzzjoni għandhom jiġu wżati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jidentifikaw l-unitajiet bil-għan li jinġabar, jiġi trasmess, pubblikat u analizzat tagħrif ta' l-istatistika dwar is-sistema ta' produzzjoni, b'mod partikolari dawk konnessi ma' NACE Rev. 1.

L-Artikolu 3

Mill-1 Jannar 1994, għall-miri msemmija fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jużaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għal statistika li għandha x'taqsam ma' sitwazzjonijiet sussegwenti għal dik id-data.

L-Artikolu 4

1. Matul perjodu transitorju li jibda mill-1 Jannar 1994 sal-31 Diċembru 1995, Stat Membru jista', għal statistika relatata ma' dak il-perjodu, juża unitajiet ta' l-istatistika tas-sistema ta' produzzjoni li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1. F'dawn il-każijiet it-tagħrif ta' l-istatistika li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni matul il-perjodu transitorju għandu jiġi adattat u trasmess biex tkun kemm jista' jkun konformi ma' l-Anness.

2. Il-Kummissjoni tista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fuq it-talba ta' Stat Membru u għal raġunijiet tekniċi u prattiċi li jkunu ġew debitament sostanzjati, testendi l-perjodu transitorju sa mhux aktar tard mill-31 Diċembru 1997.

L-Artikolu 5

Wara t-tmiem tal-perjodu transitorju msemmi fl-Artikolu 4 il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6, tawtorizza Stat Membru biex juża unitajiet oħra ta' l-istatistika tas-sistema ta' produzzjoni.

L-Artikolu 6

Miżuri għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inklużi dawk għall-adattament għal żviluppi ekonomiċi u tekniċi li jikkonċernaw b'mod partikolari l-unitajiet ta' l-istatistika tas-sistema ta' produzzjoni, il-kriterji wżati u d-definizzjonijiet speċifikati fl-Anness, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7.

L-Artikolu 7

1. Ir-rappresentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika mwaqqaf bid-Deċiżjoni 89/382/EEC, Euratom [5] abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għand jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stipulat f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddiferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet għal perjodu ta' tliet xhur mid-data ta' dik il-komunikazzjoni.

3. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien it-terminu imsemmi fil-paragrafu 2.

L-Artikolu 8

L-unitajiet ta' l-istatistika tas-sistema ta' produzzjoni msemmija f'att tal-Komunità li jirregola l-istatistika tal-Komunità għandhom jiġu interpretati skond il-kunċetti u terminoloġija ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Marzu 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Jelved

[1] ĠU C 267, tas-16.10.1992, p. 3.

[2] ĠU C 337, tal-21.12.1992; u d-Deċiżjoni ta' l-10 ta' Frar 1993 (għadha ma ġietx pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 19, tal-25.1.1993, p. 60.

[4] ĠU L 293, ta' l-24.10.1990, p. 1.

[5] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

UNITAJIET TA' L-ISTATISTIKA TAS-SISTEMA TA' PRODUZZJONI FIL-KOMUNITÀ

IT-TAQSIMA I

Lista ta' unitajiet

Il-lista ta' unitajiet ta' l-istatistika tas-sistema ta' produzzjoni hija kif ġej:

A. l-intrapriża;

B. l-unità istituzzjonali;

Ċ. il-grupp ta' intrapriżi;

D. l-unità tat-tip ta' l-attività (KAU);

E. l-unità ta' produzzjoni omoġenja (UHP);

F. l-unità lokali;

G. l-unità lokali tat-tip ta' l-attività (KAU);

H. l-unità lokali ta' produzzjoni omoġenja (UHP).

IT-TAQSIMA II

Kriterji wżati

L-unitajiet ta' l-istatistika f'dan ir-Regolament huma definiti fuq il-bażi ta' tliet kriterji. L-importanza relativa ta' dawn il-kriterji tiddependi fuq it-tip ta' unità involuta.

A. Kriterji legali, tal-kontabilità u ta' l-organizzazzjoni

1. Sabiex jiġu definiti unitajiet li jistgħu jingħarfu u huma identifikabbli fl-ekonomija, kriterji legali jew istituzzjonali għandhom jiġu applikati. F'ċerti każi, unitajiet legalment separati għandhom jiġu raggruppati flimkien billi mhumiex awtonomi biżżejjed fl-organizzazzjoni tagħhom. Sabiex jiġu definiti ċerti tipi ta' unitajiet, għandhom jiġu applikati wkoll kriterji tal-kontabilità jew finanzjarji.

2. Biex tiġi kostitwita l-unità tal-intrapriża, jsir użu mill-unitajiet legali li jeżerċitaw, għalkollox jew parzjalment, attività produttiva.

3. Unitajiet legali jinkludu:

- persuni legali li l-eżistenza tagħhom hija rikonoxxuta mil-liġi indipendentement mill-individwi jew istituzzjonijiet li jistghu jkunu proprjetarji tagħhom jew ikunu membri tagħhom,

- persuni naturali li jeżerċitaw attività ekonomika f'isimhom.

4. L-unità legali dejjem tifforma, jew waħedha jew xi drabi f'kombinazzjoni ma' unitajiet legali oħra, il-bażi legali għall-unità ta' l-istatistika magħrufa bħala l-"intrapriża".

B. Kriterji ġeografiċi

1. Unità tista' tiġi identifikata ġeografikament. Issir distinzjoni bejn żoni lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-Komunità u mad-dinja kollha.

2. Il-livell lokali hawnhekk ifisser it-territorju li jikkorrispondi għall-"iżgħar żona amministrattiva": il-"commune/gemeente" fil-Belġju; il-"kommune" fid-Danimarka; il-"Gemeinde" fil-Ġermanja; id-"demos" jew "koinotis" fil-Greċja; il-"municipio" fi Spanja; il-"commune" fi Franza; id-"DED/ward" fl-Irlanda; il-"comune" fl-Italja; il-"commune" fil-Lussemburgu; il-"gemeente" fl-Olanda; il-"concelho" fil-Portugall u l-"ward" fir-Renju Unit.

3. Il-livelli reġjonali huma definiti bin-nomenklatura ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), li tiddistingwi tlett livelli (I, II, III).

4. L-unitajiet ta' osservazzjoni u analitiċi huma definiti b'tali mod li jippermettu li t-tagħrif l-ewwel jiġi stabbilit għal kull Stat Membru u li dan it-tagħrif jiġi kkombinat biex jagħti figuri għall-Komunità kolha kemm hi jew għal żoni akbar.

5. Ir-regoli dwar il-kriterji ġeografiċi għandhom ikunu b'mod li jippermettu l-konsolidazzjoni u jevitaw għadd doppju u ommissjonjiet.

Ċ. Kriterja ta' l-attività

1. L-attività ekonomika tal-produzzjoni - hawnhekk 'l quddiem imsejħa "attività" – tista' tingħad li sseħħ meta riżorsi bħal tagħmir, xogħol, teknika tal-manifattura, networks ta' informazzjoni jew prodotti jiġu kkombinati, u jwasslu għall-ħolqien ta' oġġetti jew servizzi speċifiċi. Attività hija karatterizzata b'input ta' prodotti (oġġetti jew servizzi), proċess ta' produzzjoni u l-output ta' prodotti.

2. L-attivitajiet huma stabbiliti b'riferenza għal livell speċifiku ta' NACE Rev. 1.

3. Jekk unità twettaq aktar minn attività waħda, l-attivitajiet kollha li mhumiex attivitajiet anċillari jiġu kklassifikati skond il-valur miżjud gross skond il-prezz tal-fattur li jiġġeneraw. Issir distinzjoni bejn l-attività prinċipali u attivitajiet sekondarji.

4. Jekk ebda figuri ta' valur miżjud mhuma disponibbli, għandhom jintużaw kriterji oħra, bħal, per eżempju, impjiegi, pagi tal-ħaddiema, valur tal-bejgħ u assi, bil-għan li tinkiseb l-approssimazzjoni l-aktar qrib possibbli għall-klassifikazzjoni li kieku kienet tinkiseb fuq il-bażi ta' valur miżjud.

5. Unitajiet jiġu klassifikati skond l-attivitajiet tagħhom. Jekk attività waħda tammonta għal aktar minn 50 % tal-valur miżjud din tiddetermina l-klassifikazzjoni ta' l-unità. Fil-każijiet l-oħra kollha, ir-regoli tal-klassifikazzjoni għandhom jiġu osservati. Il-klassifikazzjoni titwettaq fi stadji mill-ogħla livell ta' aggregazzjoni li huwa t-taqsima (ittra wahda), 'l isfel sal-klassi (erbgħa ċifri) via d-diviżjoni (żewġ ċifri) u l-grupp (tliet ċifri). Il-klassifikazzjoni f'kull livell għandha tkun kompatibbli mal-livell ta' qabel. Il-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika msemmi fl-Artikolu 7 ta' Regolament (KEE) Nru 3037/90 għandu l-kompetenza f'dan il-qasam.

6. Attivitajiet prinċipali u sekondarji huma sostnuti b'attivitajiet anċillari, bħal, per eżempju, l-amministrazzjoni, l-kontabilità, l-ipproċessar tat-tagħrif, l-monitoraġġ tal-proċess, ix-xiri, l-bejgħ u il-marketing, il-ħżin tal-merkanzija, it-tiswijiet, it-trasport u r-rinnovament.

Dawn l-attivitajiet anċillari f'unità jitwettqu sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw il-produzzjoni mill-unità ta' oġġetti u servizzi għal partijiet terzi. Il-prodotti ta' attivitajiet anċillari ma jiġux huma stess fornuti lil partijiet terzi.

7. Il-kunċett ta' attivitajiet anċillari huwa żviluppat fit-taqsima IV B.

IT-TAQSIMA III

Definizzjonijiet ta' unitajiet u noti ta' spjegazzjoni speċifiċi għal kull unità

A. Intrapriża

L-intrapriża hija l-iċken kombinazzjoni ta' unitajiet legali li hija unità ta' organizzazzjoni li tipproduċi oġġetti jew servizzi, li tibbenifika minn ċertu livell ta' awtonomija fit-teħid tad-deċizjonijiet, speċjalment għall-allokazzjoni tar-riżorsi kurrenti tagħha. Intrapriża twettaq attività waħda jew aktar f'lok wieħed jew aktar. Intrapriża tista' tkun unità legali unika.

Nota ta' spjegazzjoni

L-intrapriża hekk definita hija entità ekonomika li tista' għalhekk, taħt ċerti ċirkostanzi, tikkorrispondi għar-raggruppar ta' diversi unitajiet legali. Xi unitajiet legali, fil-fatt, iwettqu attivitajiet esklussivament għal unitajiet legali oħra u l-eżistenza tagħhom tista' tiġi spjegata biss b'fatturi amministrattivi (eż. raġunijiet ta' taxxa), mingħajr mhuma jkunu ta' xi sinjifikat ekonomiku. Proporzjon kbir ta' unitajiet legali bla ebda persuni mpjegati wkoll jaqgħu taħt din il-katergorija. F'ħafna każi, l-attivitajiet ta' dawn l-unitajiet legali għandhom jittieħdu bħala attivitajiet anċillari tal-unità legali prinċipali li jaqdu, li jagħmlu parti minnha u li magħha għandhom ikunu magħquda biex jifformaw intrapriża wżata għal analiżi ekonomiku.

B. Unità istituzzjonali

L-unità istituzzjonali hija ċentru ekonomiku elementari ta' teħid tad-deċiżjonijiet karatterizzata b'uniformità ta' mġieba u awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjoni prinċipali tagħha. Unità hija meqjusa bħala li tikkostitwixxi unità istituzzjonali jekk ikollha awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-funzjoni prinċipali tagħha u żżomm sett sħiħ tal-kontabilità.

- Sabiex jingħad li jkollha awtonomija tad-deċiżjoni fir-rigward tal-funzjoni prinċipali tagħha, unità għandha tkun responsabbli u tagħti kont tad-deċiżjonijiet u azzjonijiet li tieħu.

- Sabiex jingħad li qed iżżomm sett sħiħ tal-kontabilità, unità għandha żżomm ir-rekords tal-kontabilità li jkopru it-transazzjonijiet kollha ekonomiċi u finanzjarji tagħha mwettqa matul il-perjodu ta' kontabilità, kif ukoll karta bilanċjali ta' l-attiv u l-passiv.

Noti ta' spjegazzjoni

1. Fis-settur ta' l-intrapriżi korporattivi, l-intrapriża tikkorrispondi għall-unità istituzzjonali wżata fl-ESA. Unitajiet istituzzjonali simili jeżistu wkoll fis-setturi ta' istituzzjonijiet ġenerali tal-gvern u istituzzjonijiet privati li ma jagħmlux qligħ. L-unità istituzzjonali fis-settur tal-familji tkopri l-attivitajiet kollha tal-familji, filwaqt li t-terminu "intrapriża" huwa riservat esklussivament għall-attivitajiet produttivi tagħhom.

2. L-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli twassal għas-soluzzjonijiet li ġejjin għal entitajiet li m'għandhomx b'mod ċar iż-żewġ karatteristiċi ta' unità istituzzjonali.

(a) Il-familji dejjem igawdu awtonomija ta' deċiżjoni u għandhom għalhekk ikunu unitajiet istituzzjonali, anke jekk ma jżommux sett sħiħ tal-kontabilità.

(b) Entitajiet li ma jżommux sett sħiħ tal-kontabilità huma kkombinati ma' l-entitajiet istituzzjonali li fil-kontabilità tagħhom huma integrati l-kontijiet parzjali tagħhom.

(ċ) Entitajiet li, filwaqt li jżommu sett sħiħ tal-kontabilità, m'għandhomx awtonomija ta' deċiżjoni fl-eżerċizzju tal-funzjoni prinċipali tagħhom huma kkombinati ma' l-unitajiet li jikkontrollawhom.

(d) Entitajiet li jissodisfaw id-definizzjoni ta' unità istituzzjonali huma trattati bħala tali anke jekk ma jippubblikawx il-kontabilità tagħhom.

(e) Entitajiet li jifformaw parti minn grupp ta' intrapriżi u li jżommu sett sħiħ tal-kontabilità jiġu meqjusa li huma unitajiet istituzzjonali anke jekk ikunu ċedew, fil-fatt jekk mhux bil-liġi, parti mill-awtonomija tagħhom tad-deċiżjoni lill-korp ċentrali (il-kumpannija holding ) responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-grupp. Il-kumpanija holding innifisha hija meqjusa li hi unità istituzzjonali distinta mill-unitajiet li tikkontrolla.

3. Is-segwenti huma meqjusa li huma unitajiet istituzzjonali:

- unitajiet li għandhom sett sħiħ tal-kontabilità u awtonomija ta' deċiżjoni:

(a) kumpaniji privati u pubbliċi, korporazzjonijiet pubbliċi;

(b) koperattivi jew soċjetajiet bi sħab rikonoxxuti bħala entitajiet legali indipendenti;

(ċ) intrapriżi pubbliċi li bis-saħħa ta' leġislazzjoni speċjali huma rikonoxxuti bħala entitajiet legali indipendenti;

(d) istituzzjonijiet li ma jagħmlux qligħ rikonoxxuti bħala entitajiet legali indipendenti;

(e) aġenziji tal-gvern ġenerali.

- unitajiet li għandhom sett sħiħ tal-kontabilità u li, skond il-konvenzjoni, huma meqjusa li għandhom awtonomija ta' deċiżjoni:

(f) intrapriżi kważi-korporattivi: proprejtarji uniċi, soċjetajiet bi sħab u intrapriżi pubbliċi, barra dawk imsemmija fil-punti (a), (b) u (ċ) sakemm u safejn li l-imġieba ekonomika u finanzjarja tagħhom tista' tiġi separata minn dik tas-sidien tagħhom u tixbaħ dik ta' intrapriżi korporattivi;

- unitajiet li mhux bilfors iżommu sett sħiħ tal-kontabilità, iżda li skond il-konvenzjoni huma meqjusa li għandhom awtonomija ta' deċiżjoni:

(g) familji.

Ċ. Grupp ta' intrapriżi

Grupp ta' intrapriżi huwa assoċjazzjoni ta' intrapriżi marbuta flimkien b'rabtiet legali u/jew finanzjarji. Grupp ta' intrapriżi jista' jkollu aktar minn ċentru wieħed tat-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment għal politika dwar produzzjoni, bejgħ u profitti. Jista' jiċċentralizza ċerti aspetti ta' tmexxija finanzjarja u ta' tassazzjoni. Jikkostitwixxi entità ekonomika li għandha l-poter tagħmel għażliet, b'mod partikolari dwar l-unitajiet li jifformaw parti minnha.

Noti ta' spjegazzjoni

1. Għal ċerti osservazzjonijiet u analiżi xi drabi huwa utili u meħtieġ li jiġu studjati r-rabtiet bejn ċerti intrapriżi u li jiġu raggruppati flimkien dawk li għandhom rabtiet qawwija ma' xulxin.

Għaddejjin iżda għadhom ma tlestewx numru ta' eżercizzji dwar il-kunċett tal-grupp ta' intrapriżi. Huwa definit hawn b'bidu mill-kunċett ta' grupp ta' kontabilità kif mogħti fis-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/EEC (ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1). Din id-Direttiva daħlet fis-seħħ għall-ewwel darba għall-kontijiet konsolidati tas-sena finanzjarja li bdiet fl-1990. Id-Direttiva 90/605/KEE (ĠU L 317, tas-16.11.1990, p. 60) estendiet il-kamp ta' l-applikazzjoni tas-Seba' Direttiva.

2. Skond it-tifsira tas-Seba' Direttiva, grupp huwa meqjus li jeżisti fejn 20 % tal-kapital jew dritt tal-vot huma miżmuma jew ikkontrollati minn intrapriża oħra. Għandu jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tas-setgħa għall-ħatra ta' diretturi. Wara l-kontroll finanzjarju (tal-maġġoranza), l-għan huwa li jittieħed kont ta' fejn huwa verament il-kontroll.

3. Din id-definizzjoni kif inhi mhijiex adatta għall-analiżi statistiku billi "gruppi ta' kontabilità" ma jikkostitwixxux gruppi ta' intrapriżi addittivi, reċiprokament esklussivi. Unità ta' l-istatistika magħrufa bħala "grupp ta' intrapriżi" bażata fuq il-kunċett "grupp ta' kontabilità" għandha tiġi definita billi jiġu applikati l-emendi li ġejjin:

- ikkunsidra gruppi ta' kontabilità fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni (kap tal-grupp),

- inkludi fl-unitajiet ta' grupp ta' intrapriżi li l-kontabilità tiegħu hija integrata kompletament f'dawk tal-kumpanija li tikkonsolida,

- żid unitajiet kontrollati mill-maġġoranza li l-kontabilità tagħhom mhix inkluża fil-konsolidazzjoni globali bis-saħħa ta' l-applikazzjoni ta' wieħed mill-kriterji permessi mis-seba' Direttiva, i.e. differenza fit-tip ta' attività jew daqs relattiv żgħir,

- tagħtix każ ta' rabtiet temporanji ta' anqas minn sena.

4. Grupp ta' intrapriżi huwa sett ta' intrapriżi kontrollat mill-kap tal-grupp. Il-kap tal-grupp huwa unità legali prinċipali li mhix kontrollata direttament jew indirettament minn xi unità legali oħra. L-intrapriżi sussidjarji ta' intrapriża sussidjarja huma kunsidrati bħala sussidjarji ta' l-intrapriża prinċipali. Madankollu hemm xi forom ta' kooperattivi jew assoċjazzjonijiet reċiproki fejn l-intrapriża prinċipali attwalment hija propjetà ta' l-unitajiet tal-grupp.

5. Gruppi ta' intrapriżi ta' spiss ikunu marbuta flimkien b'diversi tipi ta' konnessjonijiet bħall-propjetarju, interess li jikkontrolla u t-tmexxija. Dawn l-unitajiet huma ta' spiss marbuta ma' unitajiet ta' l-istess familja minn diversi ġenerazzjonijiet differenti. Il-grupp ta' intrapriżi bosta drabi jikkorrispondi għal konglomerat marbut flimkien b'network ta' relazzjonijiet komplessi u ta' spiss ikopri medda wiesgħa ħafna ta' attivitajiet. Subgruppi li jifformaw parti mill-grupp prinċipali jistgħu jiġu identifikati fi ħdan il-gruppi ta' intrapriżi.

6. Huwa utili li jiġu rikonoxxuti r-rabtiet kollha (maġġoranza u minoranza) bejn il-kap tal-grupp u l-intrapriża kontrollata permezz tan-network ta' sussidjarji u sub-sussidjarji. Dan jippermetti li toħroġ stampa ta' l-organizzazzjoni sħiħa tal-grupp.

7. Minħabba l-implikazzjonijiet tad-direttivi differenti tal-kontabilità, dejjem għandu jsir attentat biex tiddistingwi bejn unitajiet bażiċi tal-grupp li jappartjenu lil intrapriżi li mhumiex finanzjarji u dawk li għandhom jiġu klassifikati bħala istituzzjonijiet finanzjarji. Fil-każ ta' dawn tal-aħħar, għandha ssir distinzjoni bejn unitajiet li huma istituzzjonijiet ta' kreditu u dawk li huma intrapriżi ta' l-assigurazzjoni. Ċerti gruppi ta' intrapriżi huma mifruxa mad-dinja kollha, iżda jeħtieġ li jiġu analizzati għat-territorju ekonomiku tal-Komunità u għal dak ta' kull Stat Membru.

8. L-unità tal-grupp ta' intrapriżi huwa b'mod partikolari utili għal analiżi finanzjarju u biex jiġu studjati l-istrateġiji ta' kumpaniji, iżda huwa varjat wisq fin-natura tiegħu u mhux stabbli biex jiġi adottat bħala l-unità ċentrali għall-osservazzjoni u analżi, li tibqa l-intrapriża. Hija wżata għall-kumpilazzjoni u presentazzjoni ta' ċerta informazzjoni.

D. L-unità ta' tip ta' l-attività (KAU)

L-unità tat-tip ta' l-attività (KAU) tiġbor il-partijiet kollha ta' intrapriża li jikkontribwixxu għat-twettiq ta' attività fil-livell ta' klassi (erba' ċifri) ta' NACE Rev. 1 u tikkorrispondi għal suddiviżjoni waħda jew aktar tas-subdiviżjonijiet operazzjonali ta' l-intrapriża. Is-sistema ta' informazzjoni ta' l-intrapriża għandha tkun kapaċi tindika u tikkalkola għal kull KAU għall-inqas il-valur tal-produzzjoni, l-konsum intermedju, il-kost ta' l-impjegati, l-bilanċ favorevoli fl-operazzjonijiet u l-impiegi u l-formazzjoni tal-kapital gross fiss.

Noti ta' spjegazzjoni

1. Il-KAU kien imfassal bħala unità ta' osservazzjoni sabiex tittejjeb l-omoġenita tar-riżultati ta' l-istħarriġ ta' l-istatistika skond l-attività u għalhekk il-komparabilità internazzjonali ta' dawn ir-riżultati, billi fil-livell ta' l-intrapriża jistgħu jiġu osservati tipi differenti ta' integrazzjoni orizzontali u vertikali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Entità li twettaq biss attivitajiet anċillari għall-intrapriża li minnha tifforma parti ma tistax tiġi kunsidrata bħala KAU separata. Fil-fatt il-KAU tikkorrispondi għad-definizzjoni operazzjonali mogħtija fil-paragrafu 96 ta' l-introduzzjoni għal ISIC Rev. 3.

2. Il-KAU li jaqgħu taħt din l-intestatura partikolari fis-sistema ta' klassifikazzjoni ta' NACE Rev. 1 jistgħu jipproduċu prodotti barra l-grupp omoġenju, minħabba l-attivitajiet sekondarji konnessi magħhom li ma jistgħux jiġu identifikati separatament mid-dokumenti disponibbli tal-kontabilità. Għall-kuntrarju, il-KAUs klassifikati taħt intestatura partikolari fis-sistema tal-klassifikazzjoni fuq il-bażi ta' l-attività prinċipali ma jipproduċux l-output sħiħ ta' gruppi omoġenji ta' prodotti speċifiċi billi l-istess prodotti jistgħu jiġu prodotti f'attivitajiet sekondarji ta' KAUs li jaqgħu taħt xi intestatura ta' klassifikazzjoni oħra.

3. Il-kontabilità interna ta' l-intrapriżiżi (eż. ċentri ta' qligħ jew spejjeż) ta' spiss ġew żviluppati skond kriterji li huma qrib għall-kunċett ta' l-attività. Jippermettu l-provvista ta' tagħrif fil-livell ta' KAU, sabiex dawn jistgħu jiġu osservati.

4. L-ispejjeż kollha ta' attivitajiet anċillari ta' intrapriża għandhom jiġu allokati lill-attivitajiet prinċipali u sekondarji u allura lill-KAUs osservati f'dik l-intrapriża.

E. Unità ta' produzzjoni omoġenja (UPH)

L-unità ta' produzzjoni omoġenja (UHP) hija karatterizzata b'attività waħda li hija identifikata bl-inputs omoġenji tagħha, il-proċess tal-produzzjoni u l-outputs. Il-prodotti li jikkostitwixxu l-inputs u l-outputs huma stess jintgħarfu mill-karatteristiċi fiżiċi tagħhom u l-limitu sa fejn ikunu ġew proċessati kif ukoll mit-teknika ta' produzzjoni wżata, b'riferenza għall-klassifikazzjoni tal-prodott. L-unità ta' produzzjoni omoġenja tista' tikkorrispondi għal unità istituzzjonali jew parti minnha; mill-banda l-oħra, qatt ma tista' tifforma parti minn żewġ unitajiet istituzzjonali differenti.

Noti ta' spjegazzjoni

1. Għal analiżi ċar tal-proċess ta' produzzjoni, l-ESA adottat unitjiet ta' produzzjoni omoġenji li jippermettu li jiġu studjati r-relazzjonijiet tekniċi/ekonomiċi. Dawn l-unitajiet analitiċi jintużaw b'mod partikolari għat-tabelli ta' l-Input/Output, u fil-prattika huma kostitwiti mill-ġdid minn tagħrif miġbur għall-unitajiet ta' osservazzjoni, billi ma jistgħux bħala regola jiġu osservati direttament.

2. Il-parti l-kbira ta' l-unitajiet ta' osservazzjoni huma involuti f'kombinazzjoni ta' attivitajiet fl-istess ħin. Jistgħu ikunu involuti f'attività prinċipali, xi attivitajiet sekondarji - i.e. attivitajiet ta' friegħi oħra - u xi attivitajiet anċillari bħal amministrazzjoni, xiri, bejgħ lin-negozju, magazzinaġġ, tiswija, eċċ. Jekk unità ta' osservazzjoni twettaq attività prinċipali kif ukoll attività sekondarja waħda jew aktar, tiġi suddiviża f'numru korrispondenti ta' unitajiet ta' produzzjoni omoġenja, u l-attivitajiet sekondarji jiġu klassifikati mill-ġdid taħt intestaturi differenti mill-attività prinċipali. Mill-banda l-oħra, l-attivitajiet anċillari ta' l-unità ta' osservazzjoni mhumiex separati mill-attivitajiet prinċipali jew sekondarji li jaqdu.

3. L-unità ta' produzzjoni omoġenja hija definita indipendentement mil-lok ta' l-attività. F'ISIC Rev. 3, l-unità ta' produzzjoni omoġenja hija definita b'tali mod li tikkorrispondi mal-UHP lokali. Il-paragrafu 112 ta' l-introduzzjoni għal ISIC Rev. 3 huwa regolat bil-paragrafu 104.

F. Unità lokali

L-unità lokali hija intrapriża jew parti minnha (eż. ħanut tax-xogħol, fabbrika, maħżen, uffiċċju, minjiera jew depost) li tinsab f'post identifikat ġeografikament. F'dan il-post jew minnu titwettaq attività ekonomika li għaliha - ħlief għal ċerti eċċezzjonijet - jaħdmu persuna waħda jew aktar (ukoll jekk part-time biss) għall-istess intrapriża waħda.

Noti ta' spjegazzjoni

1. Jekk persuna taħdem f'aktar minn post wieħed (manutensjoni jew sorveljanza) jew id-dar, l-unità lokali għandha tittieħed bħala l-post li minnu joħorġu l-istruzzjonijiet jew minn fejn huwa organizzat ix-xogħol. Għandu jkun possibbli li jiġi speċifikat l-impjieg konness ma' kull unità lokali. Madankollu, l-unitajiet legali kollha li jservu bħala l-bażi legali għal intrapriża jew parti minnha għandu jkollhom unità lokali li hija l-uffiċċju reġistrat, anke jekk ħadd ma jaħdem hemm. Barra minn dan, unità lokali tista' tinkludi biss attivitajiet anċillari.

2. Post identifikat ġeografikament għandu jiġi interpretat fuq bażi stretta: żewġ unitajiet li jifformaw parti mill-istess intrapriża f'postijiet differenti (anke fi ħdan l-iċken unità amministrattiva ta' l-Istat Membru) għandhom jitqiesu bħala żewġ unitajiet lokali. Iżda, unità waħda lokali tista' tkun mifruxa fuq diversi żoni amministrattivi adjaċenti, f'liema każ, skond il-konvenzjoni, l-indirizz postali huwa l-fattur determinanti.

3. Il-konfini ta' l-unità huma stabbiliti skond il-konfini tas-sit, li tfisser per eżempju illi triq prinċipali pubblika għaddejja minn ġo fih ma tinterrompix il-kontinwità tal-konfini. Id-definizzjoni hija simili għal dik fil-paragrafu 101 ta' l-introduzzjoni għal ISIC Rev. 3 billi tikkonċerna l-lokalizzazzjoni fis-sens strett tal-kelma, iżda hija differenti mid-definizzjoni fil-paragrafu 102 billi dan is-sens strett tal-kelma ma jistax ivarja skond l-istatistika li qed tiġi kunsidrata. Barra minn hekk, normalment jiġi applikat il-kriterju ta' persuni li jaħdmu fl-unità.

4. L-ESA-REG (l-applikazzjoni reġjonali ta' l-ESA) tuża l-istess definizzjonijiet ta' unità lokali għall-iskopijiet ta' kontabilità reġjonali.

G. Unità lokali tat-tip ta' l-attività (KAU lokali)

L-unità lokali tat-tip ta' l-attività (KAU lokali) hija l-parti ta' KAU li tikkorrispondi għal unità lokali.

Noti ta' spjegazzjoni

1. Kull KAU għandu jkollha mill-inqas KAU waħda lokali; iżda, l-KAU tista' tkun magħmula minn raggruppament ta' partijiet ta' unità lokali waħda jew aktar. Mill-banda l-oħra, unità lokali tista' f'ċerti ċirkostanzi tkun magħmula biss minn grupp ta' attivitajiet anċillari. F'dan il-każ, hija possibbli klassifikazzjoni supplimentari ta' l-unità lokali. Barra minn hekk, kull intrapriża għandu jkollha mill-inqas KAU waħda lokali.

2. Il-KAU lokali tikkorrispondi għad-definizzjoni operazzjonali ta' l-istabbiliment kif mogħtija fil-paragrafu 106 ta' l-introduzzjoni għal ISIC Rev. 3.

H. Unità lokali ta' produzzjoni omoġena (UHP lokali)

L-unità lokali ta' produzzjoni omoġena (UHP lokali) hija l-parti ta' unità ta' produzzjoni omoġena li tikkorrispondi għal unità lokali.

IT-TAQSIMA IV

Noti addizzjonali ta' spjegazzjoni

A. Korpi governattivi u li ma jagħmlux qliegħ

1. Fil-każ ta' korpi governattivi ġenerali, l-unità ta' l-istatistika adatta għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta' statistika hija varjabbli ħafna (eż. gvern ċentrali, amministrazzjoni tas-sigurtà soċjali, jew gvern lokali tar-reġjun, provinċja, dipartiment, kontea, muniċipalità, żona metropolitana eċċ.). Dawn id-diversi korpi kollettivament jippjanaw, jissorveljaw u jamministraw il-finanzi tal-korpi kostitwiti tagħhom (li jistgħu jkunu ministeri, direttorati-ġenerali, direttorati, bureaus, aġenziji, uffiċji, eċċ.) Fir-rigward tat-tip ta' l-attività, madankollu, xi wħud minn dawn il-korpi, b'mod partikolari l-awtoritajiet lokali, probabilment ikunu ferm aktar eteroġeni minn intrapriżi korporattivi.

2. L-attivitajiet ta' dawn il-korpi ta' spiss jaqgħu taħt it-Taqsima L ta' NACE Rev. 1 "Amministrazzjoni pubblika u difiża: sigurtà soċjali obbligatorja", għalkemm korpi oħra jwettqu attivitajiet li bażikament jaqgħu taħt Taqsimiet oħra, inklużi "l-Edukazzjoni" (Taqsima M), "Saħħa u ħidma soċjali" (Taqsima N) u "Attivitajiet oħra tal-komunità, soċjali u servizzi personali" (Taqsima O).

3. Meta serje ta' tagħrif dwar entitajiet tas-settur privat għandha tiġi kkombinata ma' tagħrif dwar dawn l-istituzzjonijiet ġenerali governattivi u privati li ma jagħmlux qligħ klassifikati skond it-tip ta' attività ekonomika, l-identifikazzjoni u klassifikazzjoni tagħhom għandha titwettaq bl-użu ta' unitajiet ta' l-istatistika li jikkorrispondu għal entitajiet li l-aktar jixbħu lill-unitajiet ta' l-istatistika definiti fis-settur privat. Huwa għalhekk li l-kriterji wżati fis-settur privat huma - b'analoġija - applikati għal korpi governattivi ġenerali. L-istess jgħodd għall-istituzzjonijiet privati li ma jagħmlux qligħ.

B. Attivitajiet anċillari

1. Attività għandha tiġi meqjusa bħala anċillari jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) taqdi biss lill-unità li ssir riferenza għaliha: fi kliem ieħor, oġġetti jew servizzi prodotti m'għandhomx jinbiegħu fuq is-suq;

(b) attività komparabbli fuq skala simili titwettaq f'unitajiet ta' produzzjoni simili;

(ċ) tipproduċi servizzi jew, f'każijiet eċċezzjonali, oġġetti li ma jservux ħafna li ma jifformawx parti mill-produzzjoni finali ta' l-unità (eż. għodod zgħar jew scaffolding);

(d) tikkontribwixxi għall-ispejjeż kurrenti ta' l-unità nnifisha, i.e ma tiġġenerax il-formazzjoni ta' kapital gross fiss.

2. Id-distinzjoni bejn attività anċillari, prinċipali u attività sekondarja tista' tiġi murija bi ftit eżempji, kif ġej:

- il-produzzjoni ta' għodod żgħar għall-użu ta' unità hija attività anċillari (skond il-kriterji kollha),

- trasport għaliha stess huwa normalment attività anċillari (skond il-kriterji kollha),

- il-bejgħ ta' prodotti tagħha stess hija attività anċillari għaliex, bħala regola ġenerali, mhux possibbli li tipproduċi mingħajr bejgħ. Iżda, jekk huwa possibbli li tidentifika punt ta' bejgħ bl-imnut f'intrapriża ta' produzzjoni (bejgħ dirett lill-utent aħħari) li jista' jkun, per eżempju, unità lokali, dan il-punt ta' bejgħ - eċċezzjonalment u għall-iskopijiet ta' ċerti analiżi – jista' jitqies bħala unità tat-tip ta' l-attivita. Din l-unità ta' osservazzjoni mbagħad tifforma s-suġġett ta' klassifikazzjoni doppja, i.e. f'termini ta' l-attività (prinċipali jew sekondarja) li twettaq fi ħdan l-intrapriża u f'termini ta' l-attività tagħha stess (bejgħ bl-imnut).

3. Għalhekk, ir-regola ġenerali hija li, billi l-proċessi ta' produzzjoni normalment mhumiex vijabbli mingħajr l-appoġġ ta' attivitajiet anċillari, dawn l-attivitajiet anċillari m'għandhomx jiġu iżolati biex jifformaw entitajiet distinti, anke jekk jitwettqu minn entità legali distinta jew f'post distint, u wkoll jekk tinżamm kontabilità separata. Barra minn hekk, ma jittieħedx kont ta' l-attività anċillari meta tiġi klassifikata l-attività ta' l-entità li biha jitwettqu l-attivitajiet anċillari. L-aħjar eżempju ta' entità li twettaq attivitajiet anċillari huwa id-dipartiment ċentrali ta' l-amministrazzjoni jew uffiċċju reġistrat.

4. Wara li tikkonsidra d-definizzjoni fil-punt 1, l-attivitajiet li ġejjin m'għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet anċillari:

(a) il-produzzjoni ta' oġġetti jew xogħol imwettaq li jifforma parti mill-formazzjoni ta' kapital fiss - b'mod partikolari xogħol ta' kostruzzjoni għaliha stess. Dan huwa skond il-metodu użat f'NACE Rev. 1, fejn unitajiet li jwettqu xogħol ta' kostruzzjoni għalihom stess huma klassifikati taħt l-industija tal-bini jekk it-tagħrif huwa disponibbli;

(b) produzzjoni, li parti sinjifikanti minnha tinbiegħ kummerċjalment, anke jekk ħafna tintuża bħala konsum b'konnessjoni ma' l-attivitajiet prinċipali jew sekondarji;

(ċ) il-produzzjoni ta' oġġetti li sussegwentement isiru parti ntegrali mill-output ta' l-attività prinċipali jew sekondarja - eż. il-produzzjoni ta' kaxex, kontenituri, eċċ. minn dipartiment ta' intrapriża biex jintużaw għall-imballaġġ tal-prodotti tagħha;

(d) il-produzzjoni ta' enerġija (stazzjon integrat li jiġġenera l-elettriku jew impjant ta' coking integrat), wkoll fejn din hija kkonsmata kollha kemm hi fl-attività prinċipali jew sekondarja ta' l-unità prinċipali;

(e) ix-xiri ta' oġġetti biex jerġgħu jinbiegħu fi stat mhux modifikat;

(f) riċerka u żvilupp. Dawn l-attivitajiet mhumiex mifruxa ħafna u ma jipproduċux servizzi li jintużaw fil-produzzjoni kurrenti.

F'dawn il-każijiet kollha, jekk huwa disponibbli tagħrif separat għal dawn l-attivitajiet, dawn għandhom jiġu meqjusa bħala attivitajiet distinti u sussegwentement jiġu rikonoxxuti bħala KAUs.

5. Jekk attivitajiet anċillarji jitwettqu għall-benefiċċju ta' entità waħda, dawn l-attivitajiet u r-riżorsi li jużaw jikkostitwixxu parti integrali ta' l-attivitajiet u riżorsi ta' dik l-unità. Iżda, jekk l-attivitajiet ta' l-unità ta' l-istatistika u l-attivitajiet anċillari korrispondenti ma jitwettqux fl-istess żona ġeografika (definita f'termini ta' żoni delimitati għall-iskopjiet ta' l-istħarriġ ta' l-istatistika), jista' jkun mixtieq li tinġabar informazzjoni supplimentari separata dwar dawn l-unitajiet għall-kategoriji tat-tagħrif li għandu jiġi kklassifikat f'termini ta' żoni ġeografiċi, wkoll jekk l-unitajiet iwettqu biss attivitajiet anċillari.

6. Jekk attivitajiet anċillari bażikament jitwettqu għall-benefiċċju ta' żewġ unitajiet jew aktar tat-tip ta' l-attivita, il-kost ta' dawn l-attivitajiet anċillari għandhom jitqassmu fuq l-unitajiet kollha tat-tip ta' l-attività li jappoġġaw. Jekk it-tagħrif huwa disponibbli dwar il-proporzjon ta' l-ispejjeż li jistgħu jiġu assenjati lil kull waħda minn dawn l-attivitajiet distinti, l-ispejjeż għandhom maqsuma kif imiss. Iżda, jekk ebda informazzjoni ta' dan it-tip ma tkun disponibbli, il-kost ta' l-attività anċillari għandha tinqasam fuq l-attivitajiet prinċipali u sekondarji proporzjonalment skond il-valur ta' l-output bit-tnaqqis ta' l-ispejjeż intermedjarji minbarra l-ispejjeż ta' l-attivitajiet anċillari nnifishom. Jekk dan il-metodu jirriżulta diffiċli wisq fil-prattika, l-ispejjeż ta' l-attività anċillari tista' sempliċiment tinqasam proporzjonalment skond il-valur ta' l-output.

7. Jekk attivitajiet anċillari jiġu organizzati b'tali mod li jaqdu żewġ entitajiet jew aktar ta' intrapriża ta' aktar minn unità waħda, jistgħu jikkostitwixxu grupp ta' attivitajiet anċillari f'lok distint. F'dan il-każ, bl-istess mod kif ikun mixtieq li jiġu koperti kompletament ċerti attivitajiet ukoll jekk dawn jitwettqu indipendentement jew minn entitajiet li huma involuti esklussivament f'attivitajiet anċillari (bħal servizzi tal-kompjuter), tista' tkun utili li tippermetti għal klassifikazzjonijiet supplimentari. Għal dan il-għan dawk l-entitajiet anċillari jistgħu imbagħad jiġu klassifikati skond l-attivitajiet tagħhom stess kif ukoll jiġu klassifikati taħt l-attività ta' l-unità li minnha jifformaw parti.

8. Jista' jkun li attività tibda bħala waħda anċillari iżda sussegwentement tibda tipprovdi servizzi għall-bejgħ lil entitajiet oħra. Attività ta' dan it-tip tista' tiżviluppa sal-punt li ma tibqax aktar attività anċillari u għandha għalhekk titqies bħala waħda mill-attivitajiet prinċipali jew sekondarji ta' entità. L-uniku mod biex tiddeċiedi jekk attività partikolari għandhiex titqies bħala attività anċillari jew attività prinċipali jew sekondarja, huwa li teżamina r-rwol tagħha fl-intrapriża sħiħa.

Ċ. Tabella sinottika skond l-attività u l-lok

Attività waħda jew aktar | Lok wieħed jew aktar Intrapriża Unità Istituzzjonali | Lok wieħed Unità lokali |

Attività unika waħda | KAU UHP | KAU lokali UHP lokali |

--------------------------------------------------

Top