EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992L0084

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29–31 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/84/oj

31992L0084



Official Journal L 316 , 31/10/1992 P. 0029 - 0031
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0108
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0108


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE

tad-19 ta' Ottubru 1992

dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva 92/12/KEE [4] tistabbilixxi disposizzjonijiet dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti soġġetti għat-taxxi tas-sisa;

Billi d-Direttiva 92/83/KEE [5] tistabbilixxi disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma’ l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku;

Billi l-Istati Membri għandhom japplikaw rati minimi ta' taxxa tas-sisa fuq dawn il-prodotti sa l-1 ta' Jannar 1993 jekk is-suq intern għandu jinkiseb sa dik id-data;

Billi l-iżjed bażi xierqa għall-intaxxar tad-dazju fuq l-akoħol etiliku hu l-volum ta' alkoħol pur;

Billi l-iżjed bażi xierqa għall-intaxxar tad-dazju fuq l-inbid u l-prodotti intermedjarji hu l-volum tal-prodott lest;

Billi t-tendenza tal-konsum ta' l-inbid bil-gass hu differenti minn dak ta' l-inbid mingħajr gass; billi, għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jitħallew jiċċarġjaw rati ta' dazju li jvarjaw fuq iż-żewġ prodotti;

Billi l-metodi ta' l-intaxxar tal-birra ġewwa l-Istati Membri jvarjaw, u hu possibbli li din il-varjazzjoni titħalla titkompla, b'mod partikolari billi tiġi ffissata rata minima mfissra bħala ħlas li għandu jsir u li għandu x'jaqsam kemm mal-gravità oriġinali kif ukoll mal-kontenut alkoħoliku tal-prodott;

Billi hu possibbli li ċerti Stati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa għall-prodotti kkunsmati ġewwa reġjunijiet partikolari tat-territorju nazzjonali tagħhom;

Billi hu neċessarju li r-rati stipulati f'din id-Direttiva jiġu riveduti perjodikament fuq il-bażi ta' rapport tal-Kummissjoni li jieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi xierqa kollha;

Billi għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu sabiex ammonti speċifiċi mfissra f'ecu jkunu jistgħu jiġu kkonvertiti għal flus nazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Mhux iżjed tard mill-1 ta' Jannar 1993, l-Istati Membri għandhom japplikaw rati minimi tat-taxxa tas-sisa skond ir-regoli mniżżla f'din id-Direttiva.

Artikolu 2

Il-prodotti koperti minn din id-Direttiva huma:

- l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku,

- il-prodotti intermedjari,

- l-inbid,

- il-birra,

kif definiti fid-Direttiva 92/83/KEE.

Artikolu 3

1. Mill-ewwel ta' Jannar 1993, ir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u l-alkoħol li jinsab fix-xorb li m'huwiex dak imsemmi fl-Artikoli 4,5 u 6 għandha tiġi ffissata għal ECU 550 għal kull ettolitru ta' alkoħol pur.

Madankollu, l-Istati Membri li japplikaw fuq l-alkoħol u lix-xorb alkoħoliku rata ta' dazju li ma teċċedix ECU 1000 għal kull ettolitru ta' alkoħol pur ma jistgħux inaqqsu r-rata nazzjonali tagħhom. Flimkien ma’ dan l-Istati Membri li japplikaw lill-imsemmija prodotti rata ta' dazju li teċċedi 1000 ECU għal kull ettolitru ta' alkoħol pur ma jistgħux inaqqsu r-rata nazzjonali tagħhom għal taħt l-1000 ECU.

2. Ir-Renju tad-Danimarka jista’, madankollu, iżomm is-sistema eżistenti tiegħu ta' l-intaxxar ta' l-alkoħol u l-alkoħol li jinstab fi prodotti oħra sat-30 ta' Ġunju 1996, iżda l-applikazzjoni ta' dik is-sistema ma’ għandha qatt tirriżulta fl-applikazzjoni ta' taxxa li għandha tiġi mħallsa li taqa’ taħt dak li kieku jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 skond ir-regoli stipulati fid-Direttiva 92/83/KEE.

3. Ir-Repubblika Taljana tista’, madankollu, iżżomm is-sistema eżistenti tagħha ta' l-intaxxar ta' l-alkoħol u l-akoħol li jinstab fi prodotti oħra, liema sistema tipprovdi rata mnaqqsa għal xi kategoriji ta' alkoħol, sat-30 ta' Ġunju 1996, sakemm l-applikazzjoni ta' dik is-sistema ma tirriżulta qatt fl-applikazzjoni ta' ħlas li jaqa’ taħt dak li kieku kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 skond ir-regoli stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE.

Artikolu 4

Mill-1 ta' Jannar 1993, ir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq il-prodotti intermedjarji għandha tiġi ffissata għal 45 ECU għal kull ettolitru tal-prodott.

Artikolu 5

Mill-1 ta' Jannar 1993, ir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq l-inbid għandha tiġi ffissata:

- għall-inbid mingħajr gass għal ECU 0,u

- għall-inbid bil-gass għal ECU 0

għal kull ettolitru tal-prodott.

Artikolu 6

Mill-1 ta' Jannar 1993, ir-rata minima ta' taxxa tas-sisa fuq il-birra għandha tiġi ffissata:

- ECU 0,748 għal kull ettolitru/grad Plato,

jew

- ECU 1,87 għal kull ettolitru/grad

ta' alkoħol tal-prodott lest.

Artikolu 7

1. Ir-Repubblika Ellenika tista’ tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku kkunsmat fid-dipartimenti ta' Lesbos, Chios, Samos, id-Dodecanese u s-Cyclades u fuq il-gżejjer segwenti fl-Aegean: Thasos, Sporades tal-Punent, Samothrace u Skiros.

Ir-rata mnaqqsa, li tista’ taqa’ taħt ir-rata minima tad-dazju, ma tistax taqa’ iżjed minn 50 % taħt ir-rata standard nazzjonali ta' dazju fuq l-alkoħol etiliku.

2. Ir-Repubblika Taljana tista’ tkompli tapplika l-eżenzjonijiet u r-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rati minimi, li ġew applikati fl-1 ta' Jannar 1992 fuq l-alkoħol u xorb alkoħoliku kkunsmat fir-reġjunijiet ta' Gorizia u tal-wied ta' Aosta.

3. Ir-Repubblika Portugiża tista’ tkompli tapplika, fir-reġjunijiet awtonomi tal-Madeira u ta' l-Azores, rati mnaqqsa ta' taxxa tas-sisa li ma jaqgħux iżjed minn 50 % taħt ir-rati nazzjonali, fuq il-prodotti segwenti;

(a) fil Madeira

- l-inbid miksub mill-varjetajiet ta' għeneb purament tar-reġjun speċifikati fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 4252/88,

- ir-rum kif definit fl-Artikolu 1(4)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1576/89 li għandu l-karatteristiċi ġeografiċi stipulati fl-Artikolu 5(3) u fl-Anness II, punt 1, ta' dak ir-Regolament,

- il-likuri magħmula minn frott sud-tropikali miżjuda biz-zokkor tal-kannamieli eau-de-vie u li għandhom il-kartteristiċi u l-kwalitajiet definiti fl-Artikolu 5(3)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 1576/89;

(b) fl-Azores

- il-likuri kif definiti fl-Artikolu 1(4)(r) tar-Regolament (KEE) Nru 1576/89 prodotti mill-granadilla u mill-ananas,

- eau-de-vie magħmul mill-inbid jew mill-ħliefa ta' l-għeneb li għandu l-karatteristiċi u l-kwalitajiet definiti fl-Artikolu 1(4)(d) u (f) tar-Regolament (KEE) Nru 1576/89.

Artikolu 8

Kull sentejn, u għall-ewwel darba mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 1994, il-Kunsill, li fuq bażi ta' rapport u fejn xieraq, ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jeżamina r-rati ta' taxxa stipulati hawn u, b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-miżuri neċessarji. Ir-rapport mill-Kummissjoni u l-konsiderazzjoni tal-Kunsill għandhom jieħdu in konsiderazzjoni t-tħaddim xieraq tas-suq intern, il-kompetizzjoni bejn il-kategoriji diversi tax-xorb alkoħoliku, il-valur proprju tar-rati tad-dazju u l-għanijiet iżjed wiesgħa tat-Trattat.

Artikolu 9

1. Il-valur ta' l-ecu f'munita nazzjonali li għandu jiġi applikat lill-valur ta' taxxi tas-sisa speċifiċi għandu jiġi ffissat darba f'sena. Ir-rati li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk miksuba fl-ewwel jum ta' xogħol ta' Ottubru u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandhom jibdew iseħħu mill-1 ta' Jannar tas-sena kalendarja li tkun tmiss.

2. L-Istati Membri jistgħu jżommu l-ammonti tat-taxxi tas-sisa fis-seħħ fiż-żmien ta' l-aġġustament annwali li hemm provvediment għalih fil-paragrafu 1 jekk l-ammonti ta' konverżjoni tat-taxxi tas-sisa maqluba f'ecu jirriżultaw f'żieda ta' inqas minn 5 % jew 5 ECU, skond liema ammont hu l-aktar baxx, fit-taxxa tas-sisa maqluba f'munita nazzjonali.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u id-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva mhux iżjed tard mill-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandha tinsab fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom għandha ssir din ir-riferenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Ottubru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Cope

[1] ĠU C 12, tat-18.1.1990, pġ. 12.

[2] ĠU C 94, tat-13.4.1992, pġ. 46.

[3] ĠU C 225, ta' l-10.9.1991, pġ. 54.

[4] ĠU L 76, tat-23.3.1992, pġ. 1.

[5] Ara paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

Top