Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R3330

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 tas-7 ta' Novembru 1991 dwar l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri

    ĠU L 316, 16.11.1991, p. 1–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2004; Imħassar b' 32004R0683

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1991/3330/oj

    31991R3330



    Official Journal L 316 , 16/11/1991 P. 0001 - 0010
    Finnish special edition: Chapter 11 Volume 19 P. 0003
    Swedish special edition: Chapter 11 Volume 19 P. 0003


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91

    tas-7 ta' Novembru 1991

    dwar l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri

    L-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

    B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi t-tneħħija ta' barrieri fiżiċi bejn Stati Membri hija meħtieġa biex iseħħ is-suq intern; billi livell sodisfaċenti ta' informazzjoni dwar kummerċ f'oġġetti bejn Stati Membri għandu għalhekk jiġi assigurat b'mezzi oħra minbarra dawk li jinvolvu ċċekkjar, anke dawk indiretti, fil-fruntieri interni;

    Billi analiżi tas-sitwazzjoni tal-Komunità u ta' l-Istati Membri wara l-1992, turi li numru ta' ħtiġijiet speċifiċi se jibqgħu għar-rigward ta' informazzjoni dwar kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri;

    Billi dawn il-ħtiġijiet mhumiex ta' natura makro-ekonomika, mhux bħal dawk li jirreferu, per eżempju, għal accounts nazzjonali jew il-bilanċ tal-pagamenti, u ħafna minnhom ma jistgħux jintlaħqu permezz ta' dettalji aggregati biss; billi materji bħal politika dwar il-kummerċ, analiżi settorali, regoli dwar kompetizzjoni, l-immaniġġjar u gwida ta' l-agrikoltura u s-sajd, żvilupp reġjonali, proġettar dwar enerġija u l-organizzazzjoni dwar trasport għandhom għal kuntrarju jkunu bbażati fuq dokumentazzjoni statistika, li jkollha veduta l-aktar aġġornata, preċiża u dettaljata dwar is-suq intern;

    Billi hi preċiżament l-informazzjoni dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri li tikkontribwixxi biex jiġi mkejjel il-progress tas-suq intern, u b'hekk ikun qed jitħaffef it-tmiem u l-konsolidazzjoni tiegħu fuq bażi soda; billi din it-tip ta' informazzjoni tista' tirriżulta bħala wieħed mill-mezzi biex jiġi mkejjel l-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika u soċjali;

    Billi sat-tmiem tal-1992, l-istatistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri tibbenefika mill-formalitajiet, dokumentazzjoni u kontrolli li l-awtoritajiet tad-dwana, għall-ħtiġijiet tagħhom jew ta' dawk ta' dipartimenti oħra, jitolbu kemm għall-kunsinnatarji kif ukoll ghal dawk li jirċievu oġġetti li jkunu f'ċirkolazzjoni bejn Stati Membri, iżda li ma jibqgħux jeżistu permezz tal-eliminazzjoni tal-fruntieri fiżiċi u tax barriers;

    Billi konsegwentement ikun meħtieġ li tiġi miġbura direttament mingħand il-kunsinnatarji u dawk riċevituri, id-dettalji meħtieġa biex tiġi kkompilata statistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, b'użu ta' metodi u teknika li jassiguraw li dawn ikunu komplessivi, ta' min jorbot fuqhom u aġġornati, mingħajr ma jagħtu lok lill-partijiet interessati, b'mod partikolari intrapriżi kummerċjali żgħar jew ta' daqs medju, għal piż sproporzjonat meta mqabbel mar-riżultati li dawk li jużaw l-imsemmija statistika jistennew b'mod raġonevoli;

    Billi l-leġislazzjoni rilevanti għandha minn issa tapplika għall-istatistika kollha li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, inkluż dik l-istatistika li ma jkunux ser jiġu armonizzati jew magħmula tassattivi mill-Komunità qabel l-1993;

    Billi l-istatistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri hija funzjoni tal-moviment ta' l-oġġetti involuti; billi dawn jistgħu jinkludu dettalji dwar trasport, li jistgħu jiġu miġbura fl-istess ħin flimkien mad-dettalji li jkunu speċifiċi għal kull waħda mill-kategoriji ta' statistika, u b'hekk jitħaffef il-piż totali ta' l-istatistika;

    Billi individwi privati sejrin jakkwistaw vantaġġi ovvji mis-suq intern; billi hu meħtieġ li jiġi assigurat li dawn il-vantaġġi ma jonqsux f'għajnejhom bil-ħtiġijiet ta' informazzjoni dwar statistika; billi l-għoti ta' dik l-informazzjoni mingħajr dubju timponi obbligazzjoni li individwi privati jikkonsidraw għall-inqas bħala inkonvenjent u li jkun impossibbli li jiġu vverifikati mingħajr ma jittieħdu miżuri eċċessivi; billi hu għalhekk raġjonevoli li individwi privati ma jiġux meqjusa responsabbli li jipprovdu dik l-informazjoni, minbarra surveys adattati li jsiru perjodikament;

    Billi s-sistema ġdida ta' ġbir li ser tkun introdotta għandha tapplika għall-istatistika kollha li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri; billi għalhekk din għandha tkun imfissra, l-ewwel f'kuntest ġenerali li jinvolvi kunċetti ġodda, b'mod partikolari għar-rigward ta' l-iskop, il-parti responsabbli biex tipprovdi l-informazzjoni u t-trasmissjoni tad-dettalji;

    Billi l-kunċett attwali tas-sistema hu bbażata fuq l-użu ta' qofsa amministrattivi relatati, u b'mod partikolari dak tal-awtoritajiet dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), biex jipprovdu s-servizzi dwar statistika b'livell minimu ta' verifika ndiretta u dan mingħajr ma jżidu l-piż fuq dawk li jħallsu t-taxxa; billi huwa xorta waħda meħtieġ li tiġi evitata li tinħoloq konfużjoni f'moħħ il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni, bejn l-obbligazzjonijiet tagħhom dwar statistika u dawk tat-taxxa;

    Billi hu vitali li jiġu użati sorsi eżistenti biex tiġi miġbura dokumentazzjoni bażika f'kull Stat Membru dwar kunsinnatarji u dawk li jirċievu oġġetti li jkunu koperti bi statistika dwar il-kummerċ bejn Stati Membri, sabiex jiġu identifikati, bi preparazzjoni għall-1992, il-partijiet prinċipali interessati, u li bl-għajnuna tagħhom tiġi żviluppata teknika moderna dwar trasmissjoni ta' dettalji;

    Billi l-implimentazzjoni waħedha ser turi x'inhuma t-toqob u d-dgħjufijiet fis-sistema l-ġdida ta' ġbir; billi jridu jiġu introdotti titjieb u simplifikazzjonijiet f'perjodu raġjonevoli ta' żmien sabiex ma jitħalliex li d-difetti jkollhom riperkussjonijiet negattivi fuq il-kummerċ ta' oġġeti bejn Stati Membri;

    Billi, fost l-istatistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, l-istatistika dwar kummerċ bejn Stati Membri għandha tingħata prijorità, għal raġunijiet ovvji ta' importanza u kontinwità; billi, iżda, jridu jsiru aġġustamenti sostanzjali għal din l-istatistika sabiex jittieħed kont tal-kundizzjonijiet ġodda dwar is-suq intern wara l-1992; billi ser ikun meħtieġ li jiġi rivedut, fost l-oħrajn, it-tifsir tal-kontenut tagħhom, il-klassifikazzjoni ta' oġġetti li tgħodd għalihom u l-lista ta' dettalji li għandhom jinġabaru biex jiġu użati; billi hu mixtieq li minnufih jiġi adottat il-prinċipju li fuqu jopera il-limitu dwar statistika, sabiex jiġi evitat milli intrapriżi kummerċjali żgħar u ta' daqs medju jinkorru spiża li tkun sproporzjonata għall-ispejjez;

    Billi l-Kummissjoni għandha tiġi megħjjuna minn kumitat sabiex tassigura il-kooperazzjoni regolari ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari biex tirrisolvi l-problemi li mistennija jinqalgħu in konnessjoni mal-informazzjoni dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri wara d-diversi innovazzjonijiet introdotti permezz tas-sistema ġdida ta' ġbir;

    Billi l-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità għandha tkun issupplimentata sistematikament permezz ta' dispożizzjonijiet adottati jew mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;

    Billi xi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament iridu jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien sabiex il-Komunità u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jippreparaw għall-konsegwenzi prattiċi li dan jinvolvi sa mill-1 ta' Jannar 1993;

    Billi waħda minn dawn il-konsegwenzi hi li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 954/85 tat-22 ta' Ottubru 1985 li jipprovdi diversi miżuri għall-istandardizzar u simplifikar ta' l-istatistika dwar kummerċ bejn Stati Membri [4] għandu jitħassar u li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1736/75 tal-24 ta' Ġunju 1975 dwar statistika tal-kummerċ esteru tal-Komunità u statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri [5], kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1629/88 [6], ma jibqax aktar jgħodd għal statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jiġbru statistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, skond ir-regoli pprovduti permezz ta' dan ir-Regolament, matul il-perjodu transitorju li ser jibda fl-1 ta' Jannar 1993 u li jagħlaq fid-data li fiha tibda taħdem sistema unifikata ta' tassazzjoni fl-Istati Membri ta' oriġini.

    KAPITOLU 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet individwali:

    (a) "kummerċ f'oġġetti bejn Stati Membri" jfisser kull moviment ta' oġġetti minn Stat Membru għal ieħor;

    (b) "oġġetti" jfissru kull proprjetà mobbli, li tinkludi kurrent tal-elettriku;

    (ċ) "oġġetti tal-Komunità" jfissru oġġetti:

    - ottenuti fl-intier tagħhom fit-teritorju doganali tal-Komunità, mingħajr iż-żieda ta' oġġetti minn pajjiżi mhux membri jew teritorji li ma jiffurmawx parti mit-teritorju doganali tal-Komunità,

    - minn pajjiżi jew teritorji li ma jiffurmawx parti mit-teritorju doganali tal-Komunità, li jkunu ġew rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera fi Stat Membru,

    - ottenuti fit-teritorju doganali tal-Komunità jew mill-oġġetti msemmija esklussivament fit-tieni subinċiż jew mill-oġġetti msemmija fl-ewwel u t-tieni subinċiż;

    (d) "oġġetti mhux tal-Komunità" tfisser oġġetti minbarra dawk imsemmija f'(ċ). Mingħajr preġudizzju għal ftehim konklużi ma' pajjiżi mhux membri, għall-implimentazzjoni tal-ftehim tranisitorji tal-Komunità, oġġetti li, filwaqt li jaderixxu mal-kundizzjonijiet imposti f'(ċ), jkunu ri-introdotti fit-teritorju doganali tal-Komunità wara esportazzjoni minn hemmhekk, ikunu wkoll kunsidrati bħala oġġetti mhux tal-Komunità;

    (e) "Stat Membru", meta l-kliem jintuża f'sens ġeografiku, tfisser it-teritorju ta' statistika tiegħu;

    (f) "teritorju ta' statistika ta' Stat Membru" tfisser it-teritorju okkupat minn dak l-Istat Membru ġewwa t-teritorju ta' statistika tal-Komunità, kif dan ta' l-aħħar hu mfisser fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1736/75;

    (g) "oġġetti f'ċirkolazzjoni libera fis-suq intern tal-Komunità" tfisser oġġetti awtorizzati, skond id-Direttiva 77/388/KEE [7], biex jiċċirkolaw minn Stat Membru għal ieħor mingħajr formalitajiet minn qabel jew formalitajiet marbuta mal-qsim ta' fruntieri interni;

    (h) "individwu privat" tfisser kull persuna naturali li ma tkunx soġġetta li tagħti kont għall-VAT dwar il-moviment imsemmi ta' oġġetti.

    Artikolu 3

    1. L-oġġetti kollha li jiċċirkolaw minn Stat Membru għal ieħor huma soġġetti għal statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri.

    B'żieda ma' l-oġġetti li jiċċirkolaw ġewwa t-teritorju ta' statistika tal-Komunità, oġġetti għandhom ikunu kunsidrati li jiċċirkolaw minn Stat Membru għal ieħor jekk, meta jagħmlu hekk, dawn jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Komunità, kemm jekk sussegwentement jidħlu fit-teritorju ta' Stat mhux membru u kemm jekk le.

    3. Paragrafu 1 għandu japplika kemm għal oġġetti tal-Komunità u kemm għal dawk mhux tal-Komunità, kemm jekk dawn ikunu suġġetti għal transazzjoni kummerċjali u kemm jekk le.

    Artikolu 4

    1. Dwar l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 3:

    (a) statistika dwar transitu għandha tiġi miġbura dwar dawk li jkunu ttrasportati, kemm permezz kif ukoll mingħaj trasbord, madwar Stat Membru, mingħajr ma jkunu maħżuna hemmhekk għal raġunijiet li m'għandhomx x'jaqsmu mat-trasport tagħhom;

    (b) statistika dwar ħażniet għandha tiġi miġbura dwar dawk imsemmija fl-Artikolu 2 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1736/75, kif ukoll dwar dawk li jidħlu jew joħorġu minn faċilitajiet ta' ħażna stabbiliti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 30 ta' dan ir-Regolament;

    (ċ) statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri għandha tiġi miġbura dwar dawk li ma jkunux laħqu mal-kundizzjonijiet ta' (a) u (b) jew li, filwaqt li jilħqu ma' xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ikunu espressament stabbiliti permezz ta' dan ir-Regolament jew mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 30;

    (d) il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-oġġetti li għandhom ikunu suġġetti għal statistika oħra li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri.

    2. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar statistical returns għar-rigward ta' trasport ta' oġġetti, id-dettalji dwar ċirkolazzjoni ta' oġġetti suġġetti għall-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu inklużi, kif meħtieġ, fil-lista ta' dettalji li tirreferi għal kull waħda mill-kategoriji ta' statistika dwar il-kundizzjonijiet u pattijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament jew mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 30.

    Artikolu 5

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, individwi privati għandhom ikunu eżenti mill-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-preparamenti ta' l-istatistika msemmija fl-Artikolu 4.

    Din l-eżenzjoni għandha tapplika wkoll għall-parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni li, peress li tkun suġġetta li tagħti kont għall-VAT, tikkwalifika, fl-Istat Membru fejn tkun responsabbli biex tipprovdi informazzjoni, għal wieħed mill-iskemi speċjali provduti minnl-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 77/388/KEE. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi estiża, mutatis mutandis, għal partijiet istituzzjonali mhux suġġetti li jagħtu kont għall-VAT, u għal partijiet eżenti mill-VAT, li, skond l-Artikolu 28 (7) tad-Direttiva hawn fuq imsemmija, mhumiex meħtieġa li jissottomettu dikjarazzjoni dwar taxxa.

    KAPITOLU II

    Sistema ta' ġbir ta' statistika

    Intrastat

    Artikolu 6

    Bil-għan li tiġi miġbura l-istatistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, għandha tiġi stabbilita sistema ta' ġbir ta' statistika, minn hawn "il quddiem magħrufa bħala" sistema Intrastat.

    Artikolu 7

    1. Is-sistema Intrastat għandha tiġi applikata fl-Istati Membri kull meta jkunu meqjusa li huma pajjiżi sħab fil-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri bis-saħħa tal-paragrafu 4.

    2. Is-sistema Intrastat għandha tiġi applikata għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 3:

    (a) li jkunu f'ċirkolazzjoni libera fis-suq intern tal-Komunità;

    (b) li, peress li jkunu jistgħu jiċċirkolaw fis-suq intern tal-Komunità, wara biss li jiġu mitmuma l-formalitajiet preskritti permezz ta' leġislazzjoni tal-Komunità dwar ċirkolazzjoni ta' oġġetti, huma espressament stabbiliti jew permezz ta' dan ir-Regolament jew mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 30.

    3. Il-ġbir ta' dettaljidwar l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom is-sistema Intrastat ma tapplikax, għandha tkun regolata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 30, fil-qafas tal-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 (b).

    4. Is-sistema Intrastat għandha tapplika:

    (a) għal statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri, skond l-Artikoli 17 sa 28;

    (b) għal statistika dwar transitu ħażniet, skond dispożizzjonijiet magħmula mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 31.

    5. Mingħajr ħsara għal xi deċiżjoni kuntrarja mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, b'mod partikolari skond l-Artikolu 31, dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-istatistika msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, sakemm dawn jirreferu għal ġbir ta' dettalji, għandhom ma jibqgħux japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 1992.

    Artikolu 8

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-obbligazzjoni li tingħata l-informazzjoni meħtieġa mis-sistema Intrastat għandha tingombi fuq kull persuna naturali jew legali li tkun involuta fil-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri.

    Fost dawk li għandhom dan l-obbligu, il-parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni għal kull kategorija ta' statistika koperta bis-sistema Intrastat, għandha tiġi magħżula permezz tad-dispożizzjonijiet speċifiċi rilevanti.

    Artikolu 9

    1. Il-parti responsabbli biex tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa mis-sistema Intrastat tista' tittrasferixxi x-xogħol ta' l-għoti ta' l-informazzjoni lil parti terza residenti fi Stat Membru, iżda dan it-trasferiment m'għandu bl-ebda mod inaqqas mir-responsabbiltà ta' l-imsemmija parti.

    Il-parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni għandha tagħti lil dik il-parti terza l-informazzjoni kollha meħtieġa biex taqdi l-obbligazzjonijiet tagħha bħala parti responsabbli.

    2. Il-parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni tista' tkun meħtieġa, fuq talba espressa tad-dipartimenti responsabbli biex jiġbru statistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, biex tinnotifikahom li għal perjodu ta' riferenza partikolari,

    - l-informazzjoni kollha li ser tkun is-suġġett tad-dikjarazzjoni perjodika msemmija fl-Artikolu 13(1), tkun ġiet provduta jew mill-parti nnifisha jew minn parti terza,

    - tkun trasferiet ix-xogħol li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa mis-sistema Intrastat lil dik il-parti terza, li hi tkun identifikat.

    3. Paragrafu 1 ma japplikax:

    (a) f'każijiet fejn japplika l-Artikolu 28(4);

    (b) fi Stati Membri fejn id-dikjarazzjoni perjodika msemmija fl-Artikolu 13 (1) ma tkunx distinta mid-dikjarazzjoni perjodika meħtieġa għal skopijiet ta' taxxa, u safejn ir-regoli ta' taxxa li jkunu fis-seħħ dwar obbligazzjonijiet ta' dikjarazzjoni ma jħallux li jsir it-trasferiment imsemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq imsemmi.

    4. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għal paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni bi qbil ma' l-Artikolu 30.

    Artikolu 10

    1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li dawk minn fost id-dipartimenti tagħhom li huma responsabbli biex jiġbru statistika dwar kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, jkollhom reġistru ta' operaturi intra-Komunitarji għad-dispożizzjoni tagħhom sal-1 ta' Jannar 1993.

    2. Għall-finijiet ta' applikazzjoni tal-paragrafu 1, għandha ssir lista tat-tluq dwar kunsinnatarji, tal-wasla ta' dawk li qed jirċievu u fejn meħtieġ id-dikjaranti, skond it-tifsira tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2792/86 [8], li jkunu involuti f'kummerċ bejn Stati Membri mill-1 ta' Jannar 1991 sal-31 ta' Diċembru 1992.

    3. Paragrafu 2 ma japplikax f'dawk l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-awtoritajiet tagħhom tat-taxxa jkollhom reġistru għad-dispożizzjoni tagħhom, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1993.

    (a) li jelenka l-partijiet li huma suġġetti biex jagħtu kont għall-VAT li, matul it-12-il xahar qabel dik id-data, jkunu operaw fil-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, bħala kunsinnatarji mat-tluq u bħala riċevituri mal-wasla;

    (b) intenzjonat li jelenka partijiet istituzzjonali li ma jkunux suġġetti li jagħtu kont għall-VAT u partijiet eżenti mill-VAT li, minn dik id-data, jagħmlu l-akkwisti tagħhom, skond it-tifsira tad-Direttiva 77/388/KEE, skond kif provdut fl-Artikolu 28(7) ta' dik id-Direttiva.

    F'dawk l-Istati Membri, l-awtoritajiet tat-taxxa msemmija hawn fuq għandhom, b'żieda man-numru ta' identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 6, jagħtu lid-dipartimenti ta' l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li tkun inkluża f'dak ir-reġistru li tkun użata biex tidentifika dawk l-operaturi intra-Komunitarji, skond il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    4. Il-lista tad-detalji minimi li għandha tiġi miżmuma fir-reġistru ta' l-operaturi intra-Komunitarji, b'żieda man-numru ta' identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 6, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni skond kif provdut fl-Artikolu 30.

    5. Mill-1 ta' Jannar 1993, ir-reġistru ta' operaturi intra-Komunitarji għandu jiġi amministrat u aġġornat fl-Istati Membri mid-dipartimenti relevanti, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) jew il-listi msemmija fl-Artikolu 11(1), jew sorsi oħra amministrattivi.

    Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tagħmel, skond kif ipprovdut fl-Artikolu 30, ir-regoli l-oħra li jirreferu għall-amministrar u aġġornar tar-reġistru tal-operaturi intra-Komunitarji li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri mid-dipartimenti relevanti.

    6. Minbarra eċċezzjonijiet li għandhom jiġġustifikaw lill-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni dwar statistika, id-dipartimenti relevanti ta' statistika għandhom jużaw fir-relazzjonijiet ma' dawk il-partijiet, u b'mod partikolari bil-għan li jiġi applikat l-Artikolu 13(1), in-numru ta' identifikazzjoni allokat lil dawk il-partijiet mill-awtoritajiet tat-taxxa responsabbli.

    Artikolu 11

    1. L-awtoritajiet tat-taxxa responsabbli f'kull Stat Membru għandhom, mill-inqas darba kull tliet xhur, jissupplixxu lid-dipartimenti responsabbli biex jiġbru statistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri f'dak l-Istat Membru, bil-listi ta' dawk suġġetti li jagħtu kont għall-VAT, li jkunu ddikjaraw li matul il-perjodu inkwistjoni, jkunu għamlu akkwisti fi Stati Membri oħra jew konsenji lil Stati Membri oħra.

    2. Il-listi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu wkoll:

    (a) partijiet li huma suġġetti li jagħtu kont għall-VAT, li jkunu ddikjaraw li matul il-perjodu in kwistjoni, jkunu operaw fil-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri li, għalkemm ma jkunux irriżultaw minn akkwisti jew konsenji, jkunu suġġetti għal dikjarazzjoni perjodika ta' taxxa;

    (b) partijiet istituzzjonali li mhumiex suġġetti li jagħtu kont għall-VAT u partijiet eżenti mill-VAT, li jkunu ddikjaraw li matul l-istess perjodu, jkunu operaw fil-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri li jkunu suġġetti għal dikjarazzjoni perjodika ta' taxxa.

    3. Il-listi għandhom jindikaw, għal kull operatur fuqhom, il-valur tal-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri li l-operatur ikun semma fid-dikjarazzjoni perjodika tat-taxxa, skond kif provdut fl-Artikolu 28(7) tad-Direttiva 77/388/KEE.

    4. Taħt kundizzjonijiet restrittivi, li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skond l-Artikolu 30, l-awtoritajiet kompetenti tat-taxxa tal-Istat Membru għandhom ukoll jagħtu lid-dipartimenti f'dak l-Istat Membru responsabbli biex jiġbru statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta' dawn ta' l-aħħar, kull informazjoni li tista' twassal biex titjieb il-kwalità ta' l-istatistika, li dawk li huma suġġetti li jagħtu kont għall-VAT normalment jissottomettu lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti sabiex jaderixxu mal-ħtiġijiet tat-taxxa.

    L-informazzjoni li tiġi komunikata lilhom skond kif provdut fl-ewwel sotto-paragrafu għandha tiġi trattata mid-dipartimenti ta' l-istatistika, vis-à-vis partijiet terzi, skond ir-regoli li huma applikati għaliha mill-awtoritajiet tat-taxxa.

    5. Tkun xi tkun l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru, il-parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni statistika ma tistax tkun imġiegħla tiġġustifika, minbarra fil-limitu kif stabbilit permezz tal-paragrafu 1, 2 u 3 u permezz tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 4, l-informazzjoni li tagħti, bħala paragun mad-dettalji li tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tat-taxxa.

    6. Fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persuni li huma suġġetti li jagħtu kont għall-VAT, dwar id-dikjarazzjoni perjodika li dawk il-persuni għandhom jissottomettu għal finijiet ta' taxxa, l-awtoritajiet kompetenti tat-taxxa għandhom jiġbdu l-attenzjoni dwar l-obbligi li jistgħu jinkorru bħala partijiet responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa mis-sistema Intrastat.

    7. Għall-fini sabiex jiġu applikati paragrafi 4 u 6, "partijiet li huma suġġetti li jagħtu kont għall-VAT" għandha tfisser ukoll partijiet istituzzjonali li mhumiex suġġetti li jagħtu kont għall-VAT u partijiet eżenti mill-VAT li jagħmlu akkwisti skond it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 28(7) tad-Direttiva 77/388/KEE.

    8. Assistenza amministrattiva bejn dipartimenti nazzjonali ta' Stati Membri differenti li huma responsabbli biex jiġbru statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri għandha, kif meħtieġ, tkun regolata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 30.

    Artikolu 12

    1. Il-media ta' l-informazzjoni dwar statistika, meħtieġa mis-sistema Intrastat, għandha tiġi mwaqqfa mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 30, għar-rigward ta' kull kategorija ta' statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri.

    2. Sabiex jingħata kas tal-arranġamenti amministrattivi partikolari tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jwaqqfu mezzi tal-media minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, sakemm dawk responsabbli li jipprovdu l-informazzjoni jistgħu jagħżlu liema wieħed minn dawn il-media ser jużaw.

    L-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

    3. Paragrafi 1 u 2 ma japplikawx:

    (a) f'każijiet fejn japplika l-Artikolu 28(4);

    (b) fi Stati Membri fejn id-dikjarazzjoni perjodika msemmija fl-Artikolu 13(1) ma tkunx distinta mid-dikjarazzjoni perjodika meħtieġa għal skopijiet ta' taxxa u safejn ir-regoli ta' taxxa li jkunu fis-seħħ, li jirreferu għal obbligazzjonijiet dwar dikjarazzjoni, ma jippermettux tali applikazzjoni.

    Artikolu 13

    1. L-informazzjoni statistika meħtieġa mis-sistema Intrastat, għandha ssir permezz ta' dikjarazzjonijiet perjodiċi li għandhom jintbagħtu mill-parti responsabbli sabiex jipprovdi l-informazzjoni lid-dipartimenti nazzjonali kompetenti, fil-limitu taż-żmien stabbilit u skond il-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni tistabbilixxi skond l-Artikolu 30.

    2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond l-Artikolu 30:

    - fejn mhux provdut b'dan ir-Regolament, il-perjodu ta'riferenza applikabbli għal kull kategorija ta' statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri,

    - il-proċeduri għat-trasmissjoni ta' l-informazzjoni, b'mod speċjali sabiex ikunu disponibbli uffiċini reġjonali għall-ġbir ta' data lill-partijiet responsabbli sabiex jipprovdu information networks (qofsa ta' informazzjoni).

    3. Id-dikjarazzjonijiet perjodiċi msemmija fil-paragrafu 1 jew, f'kull każ, l-informazzjoni li dawn ikun fihom, għandhom jibqgħu miżmuma mill-Istati Membri għal mill-inqas sentejn wara t-tmiem tas-sena kalendarja tal-perjodu ta' riferenza li għalih japplikaw dawk id-dikjarazzjonijiet.

    Artikolu 14

    In-nuqqas, ta' xi parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni dwar statistika, li taderixxi mal-obbligazzjonijiet tagħha skond dan ir-Regolament, tkun suġġetta għall-penali li l-Istati Membri jistabbilixxu skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom.

    Artikolu 15

    Skond kif ipprovdut fl-Artikolu 30, jistgħu jiġu organizzati surveys perjodiċi dwar il-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri minn individwi privati u dwar il-movimenti ta' oġġetti jew dwar operaturi intra-Komunitarji li jkunu esklużi mill-benefiċċji li jitgawdew mill-miżuri ta' simplifikazzjoni skond dispożizzjonijiet speċifiċi li jirreferu għall-istatistika diversa dwar il-kummerċ ta' oġġetti.

    Artikolu 16

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien opportun dwar l-operat tas-sistema Intrastat għal kull kategorija ta' statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri koperti bis-sistema Intrastat, bil-għan li possibilment is-sistema tiġi adattata fit-tmiem tal-perjodu transitorju msemmi fl-Artikolu 1.

    KAPITOLU III

    Statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri

    Artikolu 17

    Statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri għandha tkopri, fuq naħa waħda, movimenti ta' oġġetti li jħallu Stat Membru li jibgħat u, fuq in-naħa l-oħra, movimenti ta' oġġetti li jidħlu fi Stat Membru li jirċievi.

    Artikolu 18

    1. L-Istat Membru li jibgħat għandu jkun l-Istat Membru li fih, l-oġġetti li joħorġu minnu jkunu suġġetti għal dispatch.

    "Li jibgħat" tfisser l-ibburdjar ta' oġġetti msemmija fil-paragrafu 2 għal destinazzjoni fi Stat Membru ieħor.

    2. F'xi Stat Membru dan li ġej jista' jkun suġġett għal biex jibgħat:

    (a) oġġetti tal-Komunità li, f'dak l-Istat Membru:

    - ma jkunux fi traġitt dirett jew interrott,

    - jkunu fi traġitt dirett jew interrott, iżda, peress li jkunu daħlu f'dak l-Istat Membru bħala oġġetti mhux tal-Komunità, jkunu sussegwentement ġew rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera hemmhekk;

    (b) oġġetti mhux tal-Komunità mpoġġija, mantenuti jew ottenuti f'dak l-Istat Membru taħt arranġamenti tad-dwana ta' proċessar inward jew taħt arranġamenti għal proċessar taħt kontroll doganali.

    Artikolu 19

    L-Istat Membru tal-wasla jkun dak l-Istat Membru li l-oġġetti li jkunu daħlu fih:

    (a) bħala oġġetti tal-Komunità:

    - ma jkunux fi traġitt dirett jew interrott f'dak l-Istat Membru,

    - ikunu fi traġitt dirett jew interrott f'dak l-Istat Membru iżda joħorġu minnu wara l-formalitajiet ta' esportazzjoni mit-territorju ta' l-istatistika tal-Komunità;

    (b) bħala oġġetti mhux tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 18(2)(b), jkunu:

    (1) rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera;

    (2) mantenuti taħt arranġamenti tad-dwana ta' proċessar inward jew taħt arranġamenti għal proċessar taħt kontroll doganali jew li jerġgħu jkunu suġġetti għal dawk l-arranġamenti.

    Artikolu 20

    Bil-għan li jiġu miġbura d-dettalji meħtieġa għall-istatistika ta' kummerċ bejn Stati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II għandhom jiġu miżjuda kif ġej:

    (1) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34, is-sistema Intrastat għandha tapplika għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 18(2)(a) u 19(a);

    (2) il-pajjiżi sħab fil-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7(1) għandhom ikunu l-Istat Membru li jkun bagħat u l-Istat Membru tal-wasla;

    (3) fis-sistema Intrastat, l-Istat Membru li jkun bgħat għandu jkun imfisser bħala dak li fih l-oġġetti li jkunu mibgħuta minn hemmhekk għal Stat Membru ieħor jaqgħu taħt it-termini ta' l-Artikolu 18(2)(a) l-ewwel subinċiż u — sa fejn japplikaw għalihom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 28(7) tad-Direttiva 77/388/KEE — it-tieni subinċiż;

    (4) fis-sistema Intrastat, l-Istat Membru tal-wasla għandu jkun imfisser bħala dak li fih l-oġġetti li jkunu daħlu minn Stat Membru ieħor jaqgħu taħt it-termini ta' l-Artikolu 19 (a) l-ewwel subinċiż u — sa fejn japplikaw għalihom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 28 (7) tad-Direttiva 77/388/KEE — it-tieni subinċiż;

    (5) il-parti responsabbli biex jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 għandha tkun il-persuna naturali jew legali li:

    (a) tabita fl-Istat Membru li jkun bgħat:

    - tkun ikkonkludiet il-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti ta' trasport, li bih isseħħ il-kunsinna, fin-nuqqas ta' dan,

    - tibgħat jew tipprovdi għall-kunsinna jew, fin-nuqqas ta' dan,

    - tkun fil-pussess ta' l-oġġetti li jkunu suġġetti għall-kunsinna;

    (a) tabita fl-Istat Membru tal-wasla:

    - tkun ikkonkludiet il-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti ta' trasport, li bih issir il-kunsinna ta' oġġetti jew, fin-nuqqas ta' dan,

    - tieħu pussess jew tipprovdi biex jittieħed pussess tal-oġġetti jew, fin-nuqqas ta' dan,

    - tkun fil-pussess tal-oġġetti li jkunu suġġetti għall-kunsinna;

    (6) il-Kummissjoni għandha tadotta fi żmien opportun id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 7(3);

    (7) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33, il-perjodu ta' riferenza msemmi fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 13(2) għandu jkun ix-xahar kalendarju li matulu l-movimenti ta' oġġetti li jkunu sejrin jiġu reġistrati skond dan l-Artikolu jibdew jew jiġu mitmuma, skond kif meħtieġ.

    Artikolu 21

    Fuq l-i statistical data medium (medja ta' dettalji statistċi) li għandu jkun trasmess lid-dipartimenti kompetenti:

    - mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34, oġġetti jiġu magħżula b'tali mod li jippermettu klassifikazzjoni ħafifa u preċiża fis-sotto-diviżjoni rilevanti l-aktar fina tal-verżjoni tan-nomenklatura magħquda li tkun fis-seħħ f'dak iż-żmien;

    - in-numru kodiċi bi tmien karattri tas-sotto-diviżjoni korrispondenti tan-nomenklatura kombinata għandu wkoll jiġu mogħti għal kull tip ta' oġġetti.

    Artikolu 22

    1. Fuq il-medja ta' dettalji statistiċi, l-Istati Membri għandhom jiġu deskritti permezz tal-kodiċi alfabetiku jew numerika li l-Kummissjoni għandha tiddetermina skond kif provdut fl-Artikolu 30.

    2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni skond kif provdut fl-Artikolu 30, il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni għandhom jaderixxu, għall-finijiet ta' paragrafu 1, mal-istruzzjonijiet maħruġa mid-dipartimenti nazzjonali kompetenti dwar il-ġbir ta' statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri.

    Artikolu 23

    1. Għal kull tip ta' oġġetti, il-medja ta' dettalji statistiċili għandha tiġi trasmessa lid-dipartimenti kompetenti jrid jipprovdu d-dettalji li ġejjin:

    (a) fl-Istat Membru tal-wasla, l-Istat Membru tal-kunsinna ta' l-oġġetti, skond it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 24(1);

    (b) fl-Istat Membru tal-kunsinna, l-Istat Membru destinatarju ta' l-oġġetti, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 24 (2);

    (ċ) il-kwantità ta' oġġetti, f'massa netta u unitajiet supplimentari;

    (d) il-valur tal-oġġetti;

    (e) in-natura tat-transazzjoni;

    (f) il-kundizzjonijiet dwar il-kunsinna;

    (g) il-mezz presunt tat-trasport;

    2. Stati Membri ma jistgħux jippreskrivu li dettalji, minbarra dawk elenkati fil-paragrafu 1, jiġu provduti flil-medja ta' dettalji statistiċi, minbarra dawn li ġejjin:

    (a) fl-Istat Membru tal-wasla, il-pajjiż ta' oriġini; iżda, dan l-oġġett jista' jkun meħtieġ biss kif provdut bil-liġi tal-Komunità;

    (b) fl-Istat Membru tal-kunsinna, ir-reġjun ta' oriġini; fl-Istat Membru tal-wasla, ir-reġjun tad-destinazzjoni;

    (ċ) fl-Istat Membru tal-kunsinna, il-port jew ajruport tat-tagħbija; fl-Istat Membru tal-wasla, il-port jew ajruport tal-ħatt;

    (d) fl-Istat Membru tal-kunsinna u fl-Istat Membru tal-wasla, il-port jew ajurport presunt tat-trasbord li qiegħed fi Stat Membru ieħor, kemm-il darba dan tal-aħħar jipprepara l-istatistika dwar it-trasbord;

    (e) fejn xieraq, il-proċedura dwar statistika.

    3. Safejn ma jkunx provdut f'dan ir-Regolament, id-dettalji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u r-regoli li jiggvernaw l-inklużjoni tagħhom fil-medja ta' dettalji statistiċi għandhom ikunu definiti mill-Kummissjoni skond kif provdut fl-Artikolu 30.

    Artikolu 24

    1. Meta, qabel ma jaslu fl-Istat Membru tal-wasla, oġġetti jkunu daħlu f'wieħed jew aktar pajjiżi fi transitu u jkunu ġew suġġetti f'dawk il-pajjiżi għal waqfiet jew operazzjonijiet legali li mhumiex konnessi mat-trasport tagħhom, l-Istat Membru tal-kunsinna għandu jitqies li jkun l-aħħar Stat Membru fejn isiru dawk il-waqfiet u operazzjonijiet legali. F'każijiet oħra, l-Istat Membru ta' kunsinna għandu jkun l-istess bħall-Istat Membru tal-kunsinna.

    2. "Stat Membru destinatarj" tfisser l-aħħar pajjiż li fih ikun magħruf, fil-waqt tal-kunsinna, li l-oġġetti għandhom ikunu mibgħuta.

    3. Minkejja l-Artikolu 23(1)(a), il-parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni fl-Istat Membru tal-wasla tista', fl-ordni li ġej:

    - jekk ma tkunx taf l-Istat Membru tal-kunsinna, tiddikjara l-Istat Membru tal-kunsinna;

    - jekk ma tkunx taf l-Istat Membru tal-kunsinna, tiddikjara l-Istat Membru tax-xiri, skond it-tifsira tal-paragrafu 4.

    4. "L-Istat Membru tax-xiri" tfisser l-Istat Membru tar-residenza tas-sieħeb kuntrattwali tal-persuna naturali jew legali li tkun ikkonkludiet il-kuntratt, bl-eċċezzjoni ta' kuntratti ta' trasport, li permezz tiegħu issir il-kunsinna ta' l-oġġetti fl-Istat Membru tal-wasla.

    Artikolu 25

    1. Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jiġbru statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri, mid-dettalji msemmija fl-Artikolu 23(1).

    2. Stati Membri li ma jiġbrux statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri mid-dettalji msemmija fl-Artikolu 23(2), ma jistgħux jordnaw il-ġbir ta'dawk id-dettalji.

    3. Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jiġbru statistika dwar kummerċ bejn Stati Membri, wara li jikkunsidraw dawk id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni tista' tadotta skond kif provdut fl-Artikolu 30 dwar eżenzjonijiet ġenerali u speċifiċi u l-limiti ta' statistika.

    4. Kull dispożizzjoni li jkollha l-effett li teskludi oġġetti msemmija fl-Artikoli 18 u 19 mill-ġbir ta' l-istatistika dwar kummerċ bejn Stati Membri, għandha tissospendi l-obbligazzjoni li tagħti informazzjoni dwar statistika dwar l-oġġetti hekk esklużi.

    Artikolu 26

    1. Stati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjojni l-istatistika ta' kull xahar dwar kummerċ bejn Stati Membri. Din l-istatisitka għandha tkopri d-dettalji msemmija fl-Artikolu 23(1).

    2. Fejn meħtieġ, il-proċedura għal dik it-trasmissjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni skond kif ipprovdut fl-Artikolu 30.

    3. Id-dettaljili jkunu dikjarati bħala kunfidenzjali mill-Istati Membri skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32, għandhom jiġu trasmessi minnhom skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta' dettalji suġġetti għal kunfidenzjalità dwar statistika, lill-Uffiċċju dwar Statistika tal-Komunitajiet Ewropej [9].

    Artikolu 27

    Dispożizzjonijiet dwar is-simplifikazzjoni ta' informazzjoni dwar statistika għandhom jiġu adottati mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Artikolu 28

    1. Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, limiti ta' statistika għandha tfisser limiti espressi f'termini ta' valur, f'liema livell l-obbligazzjonijiet li jinkombu fuq il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni għandhom ikunu sospiżi jew ridotti.

    Dawn it-limiti għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15.

    2. Lil-limiti ta' statistika għandhom ikunu magħrufa bħala limiti ta' esklużjoni, assimilazzjoni jew simplifikazzjoni.

    3. Limiti ta' esklużjoni għandhom japplikaw lill-partijiet li jkunu meħtieġa li jipprovdu informazzjoni msemmija fit-tieni sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 5.

    Dawn għandhom japplikaw fl-Istati Membri kollha u għandhom ikunu ddeterminati, minn kull wieħed mill-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar taxxa adottati skond id-Direttiva 77/388/KEE.

    4. Limiti ta' assimilazzjoni għandhom jeżentaw lil partijiet meħtieġa li jipprovdu informazzjoni milli jkollhom jagħtu d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1); id-dikjarazzjoni perjodika ta' taxxa li huma jagħmlu bħala partijiet li huma suġġetti li jagħtu kont għall-VAT, inklużi partijiet skond it-tifsira ta' l-Artikolu 11(7), għandha tiġi meqjusa li tkun dikjarazzjoni dwar statistika.

    Limiti ta' assimilazzjoni għandhom japplikaw fl-Istati Membri kollha u għandhom jiġu stabbiliti, minn kull wieħed mill-Istati Membri, fuq livelli ogħla mil-limiti ta' esklużjoni.

    5. Limiti ta' simplifikazzjoni għandhom jeżentaw lil partijiet li huma meħtieġa li jipprovdu informazzjoni, mid-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 23; id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) jistgħu jiddikjaraw biss għal kull tip ta' oġġett, b'żieda man-numru ta' kodiċi msemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 21, l-Istat Membru tal-kunsinna jew destinazzjoni u l-valur tal-oġġetti.

    Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9, dawn għandhom jiġu applikati fuq il-livelli stabbiliti permezz tal-paragrafu 8 fl-Istati Membri li jkollhom limiti ta' assimilazzjoni inqas minn dawn il-livelli.

    Fl-Istati Membri li jkollhom limiti ta' assimilazzjoni stabbiliti f'livelli daqs jew, skond kif provdut fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9, aktar minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 8, il-limiti ta' simplifikazzjoni jkunu b'għazla.

    6. Limiti ta' assimilazzjoni u simplifikazzjoni għandhom ikunu espressi f'valur annwali ta' operazzjonijiet ta' kummerċ intra-Komunitarji.

    Dawn għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' mixxijiet ta' kunsinna jew ta' wasla.

    Dawn għandhom japplikaw separatament għall-operaturi intra-Komunitarji fl-istadju ta' tluq u għall-operaturi intra-Komunitarji fl-istadju tal-wasla. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 10, dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħmlu l-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 jistgħu, iżda, jistabbilixxu l-obbligazzjonijiet ta' dawk responsabbli li jipprovdu l-informazzjoni kemm fl-istadji tat-tluq kif ukoll tal-wasla, skond it-tnixxija li għaliha il-valur annwali tal-operazzjonijiet intra-Komunitarji jkun l-ogħla.

    Il-limiti ta' assimilazzjoni u simplifikazzjoni jistgħu ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, permezz tal-grupp ta' prodott u tal-perjodu.

    7. Sabiex issir l-applikazzjoni tal-limiti ta' assimilazzjoni u simplifikazzjoni mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond l-Artikolu 30, il-ħtiġijiet ta' kwalità li jridu jiġu milħuqa mill-istatistika miġbura mill-Istati Membri skond l-Artikolu 25 (1).

    8. Il-limiti ta' simplifikazzjoni għandhom ikunu stabbiliti bħala ECU 100000 għat-tluq u ECU 100000 għall-wasla.

    Skond l-Artikolu 30, il-Kummissjoni tista' tgħolli l-livelli tal-limitu ta' simplifikazzjoni, sakemm il-ħtiġijiet ta' kwalità msemmija fil-paragrafu 7 hawn fuq, ikunu milħuqa.

    9. Stati Membri jistgħu, sakemm jiġu milħuqa l-ħtiġijiet stabbiliti fil-paragrafu 7, jistabbilixxu l-limiti ta' assimilazzjoni u simplifikazzjoni f'livelli ogħla minn dawk li jinsabu fil-paragrafu 8. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

    Stati Membri jistgħu, sabiex jaderixxu mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-paragrafu 7, jidderogaw sal-limitu meħtieġ mill-ħtiġijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

    Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri biex jiġġustifikaw il-miżuri li huma jieħdu billi jipprovduha bl-informazzjoni kollha xierqa.

    10. Jekk it-tħaddim tal-limiti ta' assimilazzjoni u simplifikazzjoni minn Stati Membri, jaffettwa l-kwalità ta'l-istatistika dwar kummerċ intra-Komunitarju, meta wieħed iqis id-dettalji provduta mill-Istati Membri, jew iżid il-piż fuq il-partijiet meħtieġa li jipprovdu informazzjoni, tali li l-objettivi ta' dan ir-Regolament jiġu preġudikati, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond l-Artikolu 30, dispożizzjonijiet li jerġgħu ipoġġu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jassiguraw il-kwalità meħtieġa jew biex itaffu l-piż.

    KAPITOLU IV

    Kumitat dwar statistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri

    Artikolu 29

    1. Kumitat dwar statistika li jirrrrigwardja l-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati Membri, hawn aktar 'il quddiem magħruf bħala "il-Kumitat", qiegħed b'dan jiġi stabbilit. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

    3. Il-Kumitat jista' jeżamina kull kwistjoni li għandha x'taqsam mat-tħaddim ta' dan ir-Regolament li tiġi mqajma mill-president tiegħu, jew fuq inizzjattiva personali jew fuq talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru.

    Artikolu 30

    1. Id-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 u 3.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'perjodu ta' żmien li jistabbilixxi l-president skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata permezz tal-maġġoranza kif esiġita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu mgħobbija skond ma hu esiġit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

    3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li japplikaw minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, dawn għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih.

    F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' ma tapplikax il-miżuri li tkun iddeċidiet dwarhom għal perjodu ta' mhux aktar minn xahar mid-data ta' dik il-komunikazzjoni.

    Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fiż-żmien stabbilit fit-tieni subparagrafu.

    KAPITOLU V

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 31

    Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jgħin lill-Komunità jew lill-Istati Membri tagħha biex jiġbru l-istatistika, minbarra l-istatistika ta' kummerċ bejn Stati Membri, imsemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 32

    1. Fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li dwarhom l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw dettalji, miġbura skond dan ir-Regolament jew ir-Regolamenti provduti hawnhekk, li tkun kunfidenzjali.

    2. Sakemm jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu applikabbli d-dispożizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar din il-materja.

    Artikolu 33

    Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30, tadotta kif meħtieġ id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament:

    - għall-konsegwenzi ta' emendi tad-Direttiva 77/388/KEE;

    - għal movimenti speċifiċi ta' oġġetti skond it-tifsira tar-regolamenti dwar statistika tal-Komunità.

    Artikolu 34

    1. Għar-rigward kemm tal-oġġetti suġġetti għas-sistema Intrastat u ta' oġġetti oħra, il-Kummissjoni tista', għall-għan li tiffaċilita x-xogħol tal-partijiet responsabbli li jipprovdu informazzjoni, tistabbilixxi skond l-Artikolu 30, proċeduri simplifikati ta' ġbir ta' data u b'mod partikolari toħloq il-kundizzjonijiet għal aktar użu ta' proċessar awtomatiku ta' data u trasmissjoni ta' data b'mod elettroniku.

    2. Sabiex jingħata kas ta' l-arranġamenti amministrattivi individwali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri simplifikatiminbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, kemm-il darba dawk responsabbli li jipprovdu informazzjoni jistgħu jagħżlu l-proċeduri li jkunu ser jużaw.

    L-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

    Artikolu 35

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Minbarra safejn dawn jeħtieġu li l-Kunsill jew il-Kummissjoni jadottaw dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat dan ir-Regolament qabel dik id-data, l-Artikoli 1 sa 9, 11 13 (1) u 14 sa 27 għandhom japplikaw mid-data ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2726/90 tas-17 ta' Settembru 1990 dwar Transitu tal-Komunita [10].

    Sa mid-data msemmija fit-tieni subparagrafu, ir-Regolament (KEE) Nru 2954/85 għandu jiġi mħassar u r-Regolament (KEE) Nru 1736/75 għandu jieqaf milli japplika għall-istatistika li tirreferi għall-kummerċ ta' oġġetti bejn Stati membri li għalih kien japplika.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, fis-7 ta' Novembru 1991.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. Dankert

    [1] ĠU C 254, tad-9.10.1990, p. 7 uĠU C 47, tat-23.2.1991, p. 10.

    [2] ĠU C 324, ta' l-24.12.1990, p. 268 uĠU C 280, tat-28.10.1991.

    [3] ĠU C 332, tal-31.12.1990, p. 1.

    [4] ĠU L 285, tal-25.10.1985, p. 1.

    [5] ĠU L 183, ta' l-14.7.1975, p. 3.

    [6] ĠU L 147, ta' l-14.6.1988, p. 1.

    [7] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

    [8] ĠU L 263, tal-15.9.1986, p. 59.

    [9] ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1.

    [10] ĠU L 262, tas-26.9.1990, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top