Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31990D0424

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju

    ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2009; Imħassar b' 32009D0470

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1990/424/oj

    31990D0424



    Official Journal L 224 , 18/08/1990 P. 0019 - 0028
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0136
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0136
    12EM


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tas-26 ta' Ġunju 1990

    dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju

    (90/424/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw minn annimali jidhru fuq il-lista ta' l-Anness II tat-Trattat; billi trobbija ta' annimali ħajjin u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li joriġinaw minn annimali huma sors ta' dħul għal parti kbira tal-popolazzjoni agrikola;

    Billi l-iżvilupp razzjonali ta' dan is-settur u t-titjib fil-produttività jistgħu jkunu miksuba b'miżuri veterinarji mmirati lejn il-protezzjoni u ż-żieda tas-saħħa tal-pubbliku u ta' l-annimali fil-Komunità;

    Billi biex jintlaħaq l-iskop hemm bżonn li l-Komunità tipprovdi għajnuna għall-azzjonijiet illi jittieħdu jew maħsuba li ser jittieħdu;

    Billi l-Komunità ser tadotta miżuri li għandhom l-iskop illi b'mod progressiv jiġi stabbilit suq intern tul perjodu li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 1992;

    Billi, f'dan il-qafas, il-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lejn il-qerda, kemm jista’ jkun malajr, ta' kull tixrid ta' mard infettiv serju;

    Billi huwa wkoll neċessarji li tiġi pprevenuta u mnaqqsa, b'miżuri approprjati ta' kontroll, il-preżenza ta' żonosijiet li huma ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem;

    Billi l-istrateġija ġdida ta' kontroll teħtieġ ir-rażan ta' kontrolli fil-fruntieri interni u l-armonizzazzjoni tas-sistema ta' kontroll għall-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi; billi jidher li hu xieraq li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija billi tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-bidu u l-iżvilupp ta' l-istrateġija l-ġdida;

    Billi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġiet essenzjali li għandhom x’ jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku, il-protezzjoni ta' saħħa ta' l-annimali u l-protezzjoni ta' l-annimali tippresupponi li l-Komunità taħtar laboratorji li jaħdmu flimkien u ta' riferenza u li jittieħdu azzjonijiet tekniċi u xjentifiċi; billi jidher li hu xieraq li l-Komunità tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja; billi, fil-qasam tal-protezzjoni ta' l- annimali b'mod partikolari, huwa mixtieq li tinħoloq database biex tinġabar, tinħażen u tixxerred kull informazzjoni neċessarja;

    Billi l-miżuri għall-qerda ta' ċertu mard ta' l-annimali diġà jikkwalifika għal għajnuna finanzjarja mill-Komunità; billi d-dispożizzjonijiet konċernati jinkludu dawk adottati b'Direttiva tal-Kunsill 77/391/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 li introduċew miżuri tal-Komunità għall-qerda tal-bruċellożi, it-tuberkulożi u l-lewkożi fl-ifrat [4], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 3768/85 [5], id-Direttiva tal-Kunsill 82/400/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1982 li emendat id-Direttiva 77/391/KEE u li introduċiet miżura supplementari tal-Komunità għall-qerda tal-bruċellożi, it-tuberkulożi u l-lewkożi [6], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 3768/85, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/145/KEE ta' l-20 ta' Frar 1989 li ntroduċiet miżura finanzjarja tal-Komunità għall-qerda ta' pleuropneumonia kontaġjuża taċ-ċanga (CBPP) fil-Portugall [7], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/1096/KEE tal-11 ta' November 1980 li introduċiet miżuri finanzjarji tal-Komunità għall-qerda ta' deni klassiku tal-majjal [8], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 87/488/KEE [9] id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/649/KEE tas-16 ta' Diċembru 1986 li introduċiet miżura finanzjarja tal-Komunità għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Portugall [10], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 89/577/KEE [11], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/650/KEE tas-16 ta' Diċembru 1986 li introduċiet miżura finanzjarja tal-Komunità għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi Spanja [12], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/455/KEE tal-24 ta' Lulju 1989 li introduċiet miżuri tal-Komunità sabiex iwaqqfu proġett pilota għall-kontroll tar-rabja sabiex tinqered jew għall-prevenzjoni tagħha [13]; billi huwa tal-fehma illi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Komunità li huma maħsuba sabiex jinqered il-mard li hemm riferenza għalih aktar’ l fuq jkomplu jkunu rregolati bid-Deċiżjoni li għandha x'taqsam magħhom; billi, xorta waħda, fejn għandu x'jaqsam mal-miżuri addizzjonali għall-qerda tal-bruċellożi, it-tuberkolożi u l-lewkożi fil-frat, kif ipprovdut fid-Deċiżjoni 87/58/KEE [14], jista jidher li tkun iġġustifikata, fl-interessi tal-konsistenza, sabiex tigi pprovduta l-possibilità li jiżdied il-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità sa 50 % ta' l-ispiża li tintefaq mill-Istati Membri għall-qatla ta' l-ifrat;

    Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet għal miżura finanzjarja tal-Komunità għall-qerda u s-sorveljanza ta' ċertu mard ta' l-annimali; billi l-miżuri finanzjarji tal-Komunità għall-qerda u s-sorveljanza tal-mard ta' l-annimali li jinvolvu spejjeż ta' bilfors mill-estimi tal-Komunità għandhom jinġabu flimkien taħt kap wieħed;

    Billi huwa xieraq li d-dmir li jittieħdu miżuri ta' applikazzjoni jgħaddi għand il-Kummissjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    L-Artikolu 1

    Din d-Deċiżjoni tipprovdi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal:

    - miżuri veterinarji speċifiċi,

    - miżuri ta' spezzjoni fil-kamp veterinarju,

    - programmi għall-qerda u sorveljanza ta' mard ta' l-annimali.

    Din id-Deċiżjoni m'għandiex taffetwa l-għażla li għandhom ċerti Stati Membri li jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità ta' aktar minn 50 % skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 ta' l-24 ta' Ġunju 1988 dwar il-Ħidmiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività u l-koordinament ta' l-attivitajiet ta' bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-bank Ewropew ta' Investiment u strumenti oħra eżistenti [15].

    IT-TITOLU 1

    MIŻURI VETERINARJI SPEĊIFIĊI

    L-Artikolu 2

    Miżuri veterinarji speċifiċi għandhom jinkludu:

    - miżuri ta' emerġenza,

    - il-kampanja kontra l-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer,

    - miżuri għall-protezzjoni ta' l-annimali,

    - kontribuzzjoni għall-iskemi nazzjonali għal qerda ta' ċertu mard,

    - miżuri tekniċi u xjentifiċi.

    IL-KAPITOLU 1

    Miżuri ta' emergenza

    L-Artikolu 3

    1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw fil-każ illi tiġri waħda minn dawn il-mardiet li ġejjin fit-territorju ta' Stat Membru:

    - pesta ta' l-ifrat rinderpest,

    - pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż,

    - marda vexxikulari tal-ħnieżer,

    - blue tongue,

    - il-marda Teschen,

    - pesta ta' l-għasafar,

    - ġidri fuq nagħġajewġidri fuq mogħża,

    - id-deni Rift Valley,

    - il-marda lumpy skin,

    - mard Afrikan taż-żwiemel,

    - stomatite vexxikulari,

    - Venezuelan equine viral encephalomyelitis.

    2. L-Istati Membri konċernati għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-qerda tal-marda, bil-kondizzjoni illi l-miżuri li japplikaw immedjatament jinkludu għall-anqas l-iżolament tar-razzett miż-żmien tas-suspett u, wara konferma uffiċjali tal-marda:

    - il-qtil ta' annimali li jappartienu għal speċi suxxettibbli li huma affettwati jew kontaminati jew suspettati li huma affetwati jew kontaminati, u l-qerda tagħhom, u, f'każ ta' pesta ta' l-għasafar, d-distruzzjoni tal-bajd,

    - il-qerda ta' għalf kontaminat u tagħmir kontaminat, fejn dan ta' l-aħħar ma jistax ikun diżinfettat skond it-tielet daħla,

    - it-tindif, diżinsettizzazzjon u diżinfettazzjoni tar-razzett u t-tagħmir f'dawn l-irzietet,

    - it-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni,

    - l-impożizzjoni ta' miżuri approprjati sabiex jipprevienu r-riskju tat-tixrid ta' infezzjoni,

    - it -twaqqif ta' perjodu ta' stennija li għandu jiġi osservat wara l-qatla qabel ma jerġa’ jintrama r-razzett,

    - kumpens mgħaġġel u adegwat għall-bdiewa li jrabbu l-annimali.

    3. L-Istati Membri konċernati għandhom, mingħajr dewmien, jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri applikati skond il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar in-notifika u l-qerda u r-riżultati tagħhom. Is-sitwazzjoni għandha tkun eżaminata kemm jista’ jkun f'malajr fi ħdan il-KumitatVeterninarju Permanenti li minn issa l quddiem imsemmi bħala "l-Kumitat", imwaqqaf bid-Deċiżjoni 68/361/KEE [16] Il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika mill-Komunità għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, mingħajr preġudizzju għall- miżuri li hemm fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

    4. Jekk, minħabba l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Komunità, tiġi ppruvata neċessarja li t-tkomplija tal-miżuri li hemm fil-paragrafu 2, deċiżjoni ġdida li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, li tista’ taqbeż il-figura ta' 50 % stabbilita fl-ewwel daħla tal-paragrafu 5, tista tkun adottata skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 40. Meta din id-Deċiżjoni tkun adottata, kull miżura li l-Istati Membri konċernati għandhom jieħdu sabiex jassiguraw is-suċċess ta' l-azzjoni li tista’ tiġi stabbilita, u b'mod partikolari miżuri oħra ħlief dawk imsemmija fil-paragrafu 2.

    5. Mingħajr preġudizzju għal miżuri li jappoġġaw is-suq li għandhom jittieħdu bħala parti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, maqsuma jekk hemm bżonn f'diversi fergħat, għandhom ikunu:

    - 50 % ta' l-ispiża li tintefaq mill-Istati Membri sabiex jikkompensaw is-sidien għall-qatla, il-qerda ta' l-annimali u, fejn xieraq, il-prodotti tagħhom, għat-tindif, diżinsettazzjoni u diżinfettazzjoni ta' l-irziezet u t-tagħmir u għall-qerda ta' għalf kontaminat u tagħmir kontaminat li hemm referenza għalih fit-tieni daħla tal-paragrafu 2,

    - fejn it-tilqim ġie deċiż skond il-paragrafu 4, 100 % ta' l-ispiża tal-forniment tat-tilqim u 50 % ta' l-ispiza li tintefaq biex isir it-tilqim.

    L-Artikolu 4

    1. L-Artikolu 3 għandu japplika fil-każ illi jkun hemm id-deni Afrikan tal-ħnieżer jew ta' pleuropneumonia kontaġjuża taċ-ċanga fit-territorju, jew parti mit-territorju, ta' Stat Membru li mhuwiex suġġett għal pjan ta' qerda ta' dik il-marda skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità.

    2. Fil-każ tal-marda ta' Newcastle fit-territorju ta' Stat Membru, l-Artikolu 3 għandu japplika.

    Iżda, ħlief fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, li tawtorizza, fuq ċerti kondizzjonijiet jew għal perjodu limitat jew arja limitata, r-rikors għat-tilqim, l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità ma tingħata għal forniment tat-tilqim jew sabiex isir it-tilqim.

    L-Artikolu 5

    1. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru, għandha żżid mal-lista fl-Artikolu 3(1) marda eżotika li għaliha dikjarazzjoni hi mandatorja u li x'aktarx tikkostitwixxi perikolu għall-Komunità.

    2. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, il-lista ta' l-Artikolu 3(1) tista’ tkun supplementata skond l-iżviluppi tas-sitwazzjoni, sabiex tinkludi mard li għandu jkun innotifikat skond id-Direttiva 82/894/KEE u mard li jista jgħaddi għal ħut, jew emendat jew imqassar, sabiex tittieħed kondizzjoni tal-progress illi jkun sar mal-miżuri deċiżi fil-livell tal-Komunità sabiex jiġi kkontrollat ċertu mard, b'mod partikolari deni klassiku tal-majjal.

    3. L-Artikolu 3(2) jista’ jkun supplementat jew emendat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, b'mod partikolari biex tittieħed kondizzjoni ta' l-inklużjoni ta' mard ġdid fil-lista fl-Artikolu 3(1), ta' l-esperjenza akkwistata jew ta' l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-Komunità li jikkonċernaw kontroll tal-mard.

    L-Artikolu 6

    1. Meta Stat Membru jkun direttament mhedded bil-ġrajja jew l-iżvilupp, fit-territorju ta' pajjiż terz ta' ma’ ġenbu jew Stat Membru, ta' waħda mill-mardiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(1), 4(1) u (2) jew 11(1), hu għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li huma maħsuba li jittieħdu għal protezzjoni tiegħu.

    2. Malli jkun possibbli, is-sitwazzjoni għandha tkun eżaminata fi ħdan il-Kumitat li jagħmel riferenza għalih l-Artikolu 41. Skond il-proċedura stabbilita f'dak l-Artikolu, jista’ jiġi deċiz illi jiġu adotati miżuri approprjati għas-sitwazzjoni inklużi, b'mod partikolari, it-twaqqif ta' żona li għandha sservi ta' kuxxinett ta' tilqim, u sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri li huma meqjusa partikolarment bżonjużi għas-suċċess ta' l-azzjoni meħuda.

    3. Id-deċiżjoni li hemm riferenza għaliha fil-paragrafu 2 għandha turi l-ispejjeż eligibbli u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.

    L-Artikolu 7

    1. Il-Komunità tista’ tiddeċiedi, fuq talba ta' Stat Membru, illi l-Istati Membri għandhom iwaqqfu ħażniet ta' prodotti bioloġiċi maħsuba għall-kontroll tal-mard li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1) (tilqim, serotypes ta' vajrus standarizzat, sera djanjostiċi) u, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni prevista fl-Artiklu 14(2) tad-Direttiva 85/511/KEE, fl-Artikolu 11(1) ta' din id-Deċiżjoni.

    2. L-azzjoni li jagħmel riferenza għaliha fl-paragrafu 1, u r-regoli għall-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu ma’ l-għażla, il-produzzjoni, il-ħażna, it-trasport u l-użu ta' dawn il-ħażniet, u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, għandha tkun deċiża skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 8

    1. Jekk ikun hemm jew tiżviluppa waħda mill-mard imsemmija fl-Artikoli 3(1), 4(1), 5(1) jew 11(1) jista’ jkun ta' perikolu għall-Komunità, il-Komunità tista tagħti l-appoġġ sabiex ikun hemm miżuri ta' kontroll kontra dik il-marda billi tipprovdi t-tilqim jew billi tiffinanzja x-xiri tat-tilqim.

    2. L-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ir-regoli għall-implimentazzjoni tagħha, il-kondizzjonijiet li għalihom tista’ tkun suġġetta u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandhom ikunu deċiżi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 9

    1. Il-Kummissjoni għandha tesegwixxi, bil-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, verifiki fuq il-post, mill-lat veterinarju, illi l-miżuri adottati kienu applikati.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jiffaċilitaw dawn il-verifiki, u għandhom, b'mod partikolari, jassiguraw illi l-esperti jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji sabiex jistimaw jekk il-miżuri ġewx implimentati.

    3. Ir-Regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, partikolarment dawk li għandhom x’ jaqsmu mal-frekwenza u l-metodu ta' kif isiru l-verifiki li jagħmel referenza għalihom il-paragrafu 1, il-ħatra ta' esperti veterinarji u l-proċedura li għandhom isegwu fil-kumpilazzjoni tar-rapport tagħhom, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 10

    Il-voti mitluba għall-miżuri li jagħmel referenza għalihom dan il-kapitolu għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura ta' l-estimi.

    IL-KAPITOLU 2

    Il-kampanja kontra il-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer

    L-Artikolu 11

    1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw fil-każ illi tfaqqa’ il-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer fit-territorju ta' Stat Membru.

    2. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Komunità għall-qerda tal-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer, bil-kondizzjoni illi l-miżuri provduti fl-Artikolu 3(2) u d-dispożizzjonijiet approprjati tad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE tat-18 ta' Novembru 1985 li introduċew miżuri għall-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer [17], kif emendata bid-Direttiva 90/423/KEE [18], għandhom japplikaw immedjatement.

    3. L-Artikolu 3(3) għandu japplika.

    4. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom jittieħdu fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq sabiex jappoġġaw is-suq, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika f'din id-Deċiżjoni għandha tkun ugwali għal 60 % ta' l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri sabiex:

    (a) jiġu kumpensati il-proprejtarji għal:

    (i) qtil u qerda ta' l-annimali,

    (ii) il-qerda tal-ħalib,

    (iii) it-tindif u d-diżinfezzjoni ta' l-ażjendi,

    (iv) il-qerda ta' għalf kontaminat u fejn ma jistgħax ikun diżinfettat, tagħmir kontaminat,

    (v) telf inkors mill-bdiewa bħala riżultat tar-restrizzjonijiet imposti fuq in-negozju ta' bhejjem u annimali li ssemnu fil-mergħat bħala riżultat ta' l-introduzzjoni mill-ġdid ta' tilqim ta' emerġenza, skond is-subparagrafu ta' qabel l-aħħar fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 85/511/KEE;

    (b) Fejn applikabbli, it-trasport tal-karkassi sa l-impjanti ta' l-ipproċessar;

    (ċ) kull miżura oħra li hi neċessarja għall-qerda tat-tixrid tal-marda.

    Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, tiddefinixxi n-natura tal-miżuri l-oħrajn li hemm referenza għalihom f’(ċ) li jistgħu jkunu eleġibli għall-istess kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità u l-każijiet li għalihom il-punt (a)(v) għandu japplika.

    5. Għall-ewwel darba mhux aktar tard minn 45 ġurnata mill-konferma uffiċjali ta' l-ewwel każ tal-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer, u sussegwentement kif u meta jkun hemm bżonn bl-iżvilupp tal-każijiet, is-sitwazzjoni għandha tkun ri-eżaminata fi ħdan il-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 42. Dan l-eżami għandu jkopri kemm is-sitwazzjoni veterinarja u l-ispiża stimata li diġà ntefqu jew huma kommessi. Wara dan l-eżami, deċiżjoni ġdida li tikkonċerna il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, li tista’ tkun aktar minn 60 % provdut fil-paragrafu 4, tista tkun adottata skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 42. Din id-Deċiżjoni għandha turi l-ispejjeż eliġibli u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità. Kif ukoll, meta din id-Deċiżjoni tkun adottata, kull miżura li l-Istat Membru konċernat għandu jieħu sabiex jiġi assigurat is-suċċess ta' l-azzjoni tista’ tkun adottata, b'mod partikolari miżuri oħra barra dawk li jagħmel referenza għalihom il-paragrafu 2.

    6. Però, b'deroga għall-paragrafu 4, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika mill-Komunità għall-miżuri li jagħmel referenza għalihom dak il-paragrafu għandha tkun 70 % sal-1 ta' Jannar 1995.

    L-Artikolu 12

    Kull miżura deċiża mill-Komunità sabiex tgħin il-kampanja kontra l-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer ’l barra mill-Komunità, b'mod partikolari miżuri li jittieħdu fi ħdan l-Artikolu 6 u 8, jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.

    L-Artikolu 13

    Il-miżuri u r-regoli għall-implimentazzjoni tal-miżuri li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 12, il-kondizzjonijiet li għalihom jistgħu jkunu soġġetti u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tkun deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 42.

    L-Artikolu 14

    Tista’ tingħata għajnuna mill-Komunità sabiex titwaqqaf riserva Komunitarja kontra il-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer kif ipprovdut fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 85/511/KEE.

    Il-livell ta' parteċipazzjoni mill-Komunità u l-kondizzjonijiet għal din il-parteċipazzjoni tista’ tkun soġġetta għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 42.

    L-Artikolu 15

    L-approprazzjonijiet mitluba għall-miżuri kif speċifikati fl-Artikoli 12, 13 u 14 għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura ta' l-estimi.

    Jekk tixrid serju tal-marda ta' l-ilsien u tad-dwiefer ikun jeħtieġ infiq taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu li jeċċedi l-voti skond l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tieħu dawk il-miżuri neċessarji li huma fil-poteri eżistenti tagħha u tressaq lill-awtorità ta' l-estimi l-proposti neċessarji sabiex jiġi assigurat illi l-irbit finanzjarju ta' l-Artikolu 11 jiġi esegwit.

    Il-miżuri provduti fl-Artikolu 11 għandhom jitqiesu bħala intervent li hu inkluż fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

    IL-KAPITOLU 3

    Protezzjoni ta' l-annimali

    L-Artikolu 16

    Il-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja sabiex titwaqqaf politika ta' informazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-annimali, li tinkludi:

    - l-istallazzjoni u l-iżvilupp ta' sistema, inkluż database approprjat għall-ġbir u l-ħażna ta' l-informazzjoni li għandha x'taqsam mal-leġislazzjoni tal-Komunità li tikkonċerna l-protezzjoni ta' l-annimali li jinżammu għall-iskop ta' biedja, il-protezzjoni ta' l-annimali waqt it-trasport u l-protezzjoni ta' l-annimali għall-qatla, u sabiex tixxerred din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, produtturi u konsumaturi,

    - li jsiru l-istudji neċessarji għall-preparazzjoni u l-iżvilupp tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-annimali.

    L-Artikolu 17

    Il-miżuri li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 16, ir-regoli għall-implimentazzjoni tagħhom u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandhom ikunu deċiżi skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 18

    Il-voti li huma mitluba għall-miżuri speċifikati f'dan il-kapitolu għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura ta' l-estimi.

    IL-KAPITOLU 4

    Miżuri tekniċi u xjentifiċi

    L-Artikolu 19

    Il-Komunità għandha tieħu, jew tassisti lill-Istati Membri sabiex jieħdu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi neċessarji għall-iżvilupp ta' leġislazzjoni veterinarja.

    L-Artikolu 20

    Il-miżuri li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 19, ir-regoli għall-implimentazzjoni tagħhom u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tkun deċiża skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 21

    L-approprazzjonijiet rikjesti għall-miżuri pprovduti f'dan il-kapitolu għandu jkun deċiż kull sena bħala parti mill-proċedura ta' l-estimi.

    IT-TITOLU II

    Programm għall-qerda u s-sorveljanza tal-mard ta' l-annimali

    L-Artikolu 22

    1. Il-parteċipazzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-qerda tal-bruċellożi taċ-ċanga, tuberkolożi u lewkożi għandha — mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 25(1) — tkun iffissata bid-:

    - Direttiva 77/391/KEE,

    - Direttiva 82/400/KEE,

    - Deċiżjoni 87/58/KEE.

    2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-qerda tal-pleuropneumonia kontaġjuża taċ-ċanga għandha tkun iffisata bid-Deċiżjoni 89/145/KEE.

    L-Artikolu 23

    1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn il-qerda tad-deni klassiku tal-majjal għandha tkun iffissata bid-Deċiżjoni 80/1096/KEE.

    2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn il-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer għandha tkun iffissata bid-:

    - Deċiżjoni 86/649/KEE,

    - Deċiżjoni 86/650/KEE,

    - Deċiżjoni tal-Kunsill 90/217/KEE tal-25 ta'April 1990 fuq l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'Sardenja [19].

    3. Il kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn il-qerda tal-bruċellożi ovina għandha tkun iffissata b'Deċiżjoni tal-Kunsill 90/242/KEE tal-21 ta' Mejju 1990 li introduċiet miżura finanzjarja mill-Komunità għall-qerda tal-bruċellożi fin-nagħaġ u l-mogħoż [20].

    4. Il kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-qerda ta' hematopoeitic necrosis infettiva għandha tiġi ffissata, qabel il-31 ta' Diċembru 1990, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill li introduċiet miżura finanzjarja mill-Komunità għall-qerda tas-salmonid hematopoeitic necrosis infettiva mill-Komunità.

    L-Artikolu 24

    1. Għandha tiġi introdotta miżura finanzjarja mill-Komunità għall-qerda u s-sorveljanza tal-mard elenkat fl-Anness. Din il-lista tista’ tkun supplementata jew emendata skond l-iżvilupp fis-sitwazzjoni tas-saħħa fil-Komunità skond il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    2. Qabel l-1 ta' Ottubru 1990, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jipprovdi l-kriterji tal-Komunità applikabbli għall-miżura li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1. Iżda, għall-mard li għalihom il-Komunità diġa pprovdiet kriterji Komunitarji applikabbli għall-miżura li għandha tittieħed, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-Kummissjoni programm skond il-paragrafu 3 la darba notifika ta' din id-Deċiżjoni tkun ingħatat.

    3. Meta jingħata programm lill-Kummissjoni, l-Istati Membri konċernati għandhom jagħtu l-informazzjoni finanzjarja kollha approprjati u għandhom jindikaw b’mod partikolari l-istima totali ta' l-ispiża annwali sabiex jitwettaq dan il-programm. Dan il-programm, li seta kien emendat wara eżami mill-Kummissjoni, għandu jkun approvat skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 41.

    4. Għal kull programm, il-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, u l-kondizzjonijiet li għalihom jista’ jkun suġġett, għandu jkun deċiż skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 41.

    5. Talba għall-pagament għandha tgħodd għall-ispiża minfuqa mill-Istati Membri konċernati matul is-sena kalendarja u għandha tingħata lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Lulju tas-sena ta' wara.

    6. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-għajnuna, wara li tikkonsulta mal-Kumitat.

    7. Il-Kummissjoni għandha tagħmel spezzjonijiet fuq il-post regolarment, bil-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dwar l-applikazzjoni ta' programmi li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.

    8. Il-Kummissjoni għandha regolarment, għall-anqas darba f'sena, tagħti informazzjoni lill-Istati Membri fil-Kumitat, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri konċernati, li għandha tagħmel rapport dettaljat mill-Kummissjoni flimkien mat-talba tagħhom għall-pagament u, fejn applikabbli, fuq il-bażi tar-rapporti mill-esperti li, wara jinħatar mill-Kummissjoni u fuq ħidma għall-Komunità, ikunu għamlu spezzjonijiet fuq il-post.

    9. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 25

    1. Minkejja l-Artikoli 22, 23, u 24, il-livell ta' parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja għall-programmi li għandhom x'jaqsmu mal-mard li jagħmel riferenza għalihom fl-Artikoli msemmija għandu jkun iffissat mill-Kummissjoni, skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 41, għal 50 % ta' l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri bħala kumpens lis-sidien għall-qatla ta' l-ifrat minħabba il-marda konċernata.

    2. Fuq talba ta' Stat Memrbu, il-Kummissjoni għandha, fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, terġa’ teżamina s-sitwazzjoni fir-rigward tal-mard kopert bl-Artikoli 22, 23 u 24. Dan ir-rieżami għandu jkopri kemm is-sitwazzjoni veterinarja u l-estimi tan-nefqa li tkun diġà ġiet kommessa jew li ħa tkun kommessa. Wara dan ir-ri-eżami kull Deċiżjoni ġdida dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, li tista teċċedi il-50 % mill-ispiża minfuqa mill-Istati Membri sabiex ikunu kompensati s-sidien għall-annimali maqtula bil-marda konċernata, għandha tkun adottata skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 42.

    Meta din id-deċiżjoni tkun adottata, tista’ tittieħed kull miżura li l-Istati Membri konċernati jkollhom jieħdu sabiex jassiguraw is-suċċess ta' l-azzjoni.

    L-Artikolu 26

    L-għajnuna finanzjarja stmata għal kull sena fuq l-estimi tal-Komunità taħt il-kapitolu tan-nefqa agrikola hi ta' ECU 70 miljun għall-miżuri provduti f'dan il-kapitolu.

    IT-TITOLU III

    SPEZZJONI VETERINARJA

    L-Artikolu 27

    Il-Komunità għandha tikkontribwixxi sabiex titjieb l-effiċjenza ta' l-ispezzjoni veterinarja billi:

    - tingħata għajnuna finanzjarja sabiex ikun hemm laboratorji li jaħdmu flimkien u ta' riferenza,

    - tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja sabiex isiru spezzjonijiet li għandhom l-għan illi jipprevienu ż-żonosijiet,

    - tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ġdida ta' spezzjoni wara t-tkomplija tas-suq intern.

    IL-KAPITOLU 1

    Laboratorji ta' kollegament u ta' riferenza

    L-Artikolu 28

    1. Kull laboratorju li jaħdem flimkien jew ta' referenza li jkun nominat bħala tali skond il-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità u li jaqdi d-dmirijiet u r-rikjesti li hemm imniżżla fihom, jista’ jirċevi għajnuna mill-Komunità.

    2. Arranġamenti sabiex tingħata l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, il-kondizzjonijiet li għalihom tista’ tkun soġġetta u l-ammont, għandu jkun stabbilit skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 41.

    3. Il-voti meħtieġa għall-miżuri pprovduti f'dan il-kapitolu għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura ta' l-estimi.

    IL-KAPITOLU 2

    Verifiki mmirati sabiex jipprevienu ż-żonosijiet

    L-Artikolu 29

    La darba ikunu ġew introdotti regoli tal-Komunità għall-kontroll taż-żonosijiet, l-Istati Membri jistgħu, bħala parti minn pjan nazzjonali li għandu jkun approvat mill-Kummissjoni skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 41, ifittxu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-pjan ta' kontroll tagħhom.

    L-Artikolu 30

    Meta qiegħed jagħti l-pjan ta' kontroll tiegħu lill-Kummissjoni, l-Istat Membru konċernat għandu jforni l-informazzjoni finanzjarja approprjati kollha u għandu jindika b'mod partikolari t-total ta' l-ispiża annwali stmata sabiex jitwettaq il-pjan.

    L-Artikolu 31

    Għal kull pjan nazzjonali ta' kontroll, il-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, u kull kondizzjoni li għaliha tista’ tkun soġġetta, għandha tkun stabbilita skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 32

    Għall-iskop ta' dan il-kapitolu, il-paragrafi 5 sa 8 ta' l-Artikolu 24 għandhom japplikaw.

    L-Artikolu 33

    Il-voti meħtieġa għall-miżuri elenkati f'dan il-kapitolu għandhom ikunu deċiżi kull sena fil-qafas tal-proċedura ta' l-estimi.

    IL-KAPITOLU 3

    Strateġija ġdida ta' kontroll

    L-Artikolu 34

    1. Kull Stat Membru għandu jipprepara programm għall-iskambju ta' uffiċjali li qegħdin jaħdmu fis-settur veterinarju.

    2. Fil-Kumitat, il-Kummissjoni Veterinarja Permanenti għandha, flimkien ma’ l-Istati Membri, tikkoordina il-programmi ta' skambju.

    3. L-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programmi koordinati ta' skambju.

    4. Kull sena, fuq il-bażi tar-rapporti ta' l-Istati Membri, l-implimentazzjoni tal-programmi għall-iskambju għandhom ikunu eżaminati fi ħdan il-Kumitat.

    5. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta' l-esperjenza miksuba sabiex itejbu u jestendu l-programmi ta' skambju.

    6. Tista’ tingħata għajnuna finanzjarja mill-Komunità bil-viżjoni li jiġi promoss it-tħaddim bla problemi ta' programmi ta' skambju speċjalment billi jsiru l-korsijiet ta' aktar taħriġ li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 36(1). Il-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, u l-kondizzjonijiet li għalihom tista tkun soġġetta, għandha tkun stabbilita skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 41.

    7. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 20 u 21 għandhom japplikaw.

    L-Artikolu 35

    L-Artikolu 34(6) u (7) għandhom japplikaw fir-rigward ta' programmi li għandhom jitwaqqfu skond id-deċiżjoni provduta fl-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 fuq il-verifiki veterinarji applikabbli għall-kummerċ fi ħdan il-Komunità sabiex jissokta is-suq intern [21], sabiex ikunu organizzati l-ispezzjonijiet veterinarji fil-fruntieri esterni fuq prodotti introdotti fil-Komunità minn terzi pajjiżi.

    L-Artikolu 36

    1. Il-Kummissjoni tista’, jew direttament jew permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, torganizza korsijiet ta' tiġdid jew laqgħat għall-persunal fl-Istati Membri, b'mod partikolari, persunalresponsabbli għall-verifiki li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 35.

    2. Arrangamenti għall-organizzazzjoni tal-miżuri pprovduti fil-paragrafu 1 u l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandhom jitwaqqfu mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 41.

    L-Artikolu 37

    1. L-introduzzjoni ta' sistemi sabiex jiġu identifikati annimali u jiġi nnotifikat mard skond il-leġislazzjoni li tikkonċerna verifiki veterinarji fil-kummerċ ta' annimali ħajjin fi ħdan il-Komunità, sabiex jissokta is-suq intern, tista’ tirċevi assistenza finanzjarja mill-Komunità.

    2. Arrangamenti għall-organizzazzjoni tal-miżura pprovduta fil-paragrafu 1 u l-livell ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandhom jitwaqqfu mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta l-Kumitat.

    L-Artikolu 38

    1. Fil-każ illi Stat Membru jesperjenza, mil-lat strutturali jew geografiku, problemi ta' persunal jew infrastrutturali sabiex jimplimenta l-istrateġija ta' kontroll ġdid li ġġib magħha it-tlestija tas-suq intern għal annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali, hu jista’, għal perjodu ta' transizzjoni, jikseb assistenza finanzjarja mill-Komunità li tkun imnaqqsa progressivament.

    2. L-Istat Membru konċernat għandu jagħti lill-Kummissjoni programm nazzjonali flimkien ma’ l-informazzjoni finanzjarja kollha approprjati, bl-iskop li jtejjeb is-sistema ta' kontroll tiegħu.

    3. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 24(3) u 24(5) sa (8) għandhom japplikaw.

    L-Artikolu 39

    Il-voti meħtieġa għall-miżuri pprovduti f'dan il-kapitolu għandhom jiġu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura ta' l-estimi.

    IT-TITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    L-Artikolu 40

    L-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta' April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [22], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 2048/88 [23], għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    L-Artikolu 41

    1. Meta il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu għandha tintuża, l-affarijiet għandhom mingħajr dewmien jiġu riferuti mill-president, jew fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta' Stat Membru, lill-Kumitat Veterinarju Permanenti stabbilit mid-Direttiva 68/361/KEE [24], minn hawn il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jagħti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'terminu ta' żmien li l-president jista’ jipprovdi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata skond il-maġġoranza pprovduta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' Deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa rikjest li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikollhom piż bil-mod li hu pprovdut f'dak l-Artikolu. Il-president m għandux jivvota.

    3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri previsti jekk dawn ikunu konformi ma l-opinjoni tal-Kumitat.

    (b) Jekk il-miżuri previsti mhumiex konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr telf ta' zmien, tagħti lill-Kunsill proposta li għandha x'taqsam mal-miżuri li ser jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġjoranza kwalifikata.

    Jekk, meta jgħaddi ż-żmien ta' tliet xhur mid-data li saret ir-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill jkun għadu ma ħax azzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u timplimentahom immedjatament.

    L-Artikolu 42

    1. Meta l-proċedura prevista f'dan l-Artikolu sejra tintuża, il-materji għandhom mingħajr dewmien jiġu riferuti mill-president, jew fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta' Stat Membru, lill-Kumitat.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jagħti lill-Kumitat abbozz ta' miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi żmien l-ewwel jumejn. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza msemmija fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat f'każ ta' deċiżjonijiet li il-Kunsill hu rikjest li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jintiżnu skond kif ipprovdut f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

    3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri previsti jekk ikunu konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

    (b) Jekk il-miżuri previsti mhumiex konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr telf ta' żmien tagħti lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġjoranza kwalifikata.

    Jekk, meta jgħaddi l-perjodu ta' 15-il ġurnata mid-data ta' referenza tal-Kunsill, il-Kunsill ikun għadu ma ħax azzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri proposti u timplimentahom immedjatament.

    L-Artikolu 43

    1. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/97/KEE tal-21 ta' Diċembru 1976 dwar il-finanzjament mill-Komunità fuq ċerti miżuri ta' emergenza fil-qasam tas-saħħa ta' l-annimali [25], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 3768/85 qiegħed hawnhekk jiġi mħassar b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

    Skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 41, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti tal-kumpens il-miżuri ghat-tilqim kontra il-marda taż-żwiemel Afrikana mill-1 ta' Settembru 1989.

    2. Iżda, id-Deċiżjonijiet adottati taħt id-Deċiżjoni 77/97/KEE għandhom jibqgħu fis-seħħ.

    L-Artikolu 44

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Ġunju 1990.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. O'Kennedy

    [1] ĠU C 84, tat-2.4.1990, p. 1.

    [2] ĠU C 149, tat-18.6.1990.

    [3] ĠU C 168, ta’ l-10.7.1990, p. 5.

    [4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 14.

    [5] ĠU L 362, tal-31.12.1985, p. 9.

    [6] ĠU L 173, tad-19.6.1982, p. 18.

    [7] ĠU L 53, tal-25.2.1989, p. 55.

    [8] ĠU L 325, ta’ l-1.12.1980, p. 5.

    [9] ĠU L 280, tat-3.10.1987, p. 26.

    [10] ĠU L 382, tal-31.12.1986, p. 5.

    [11] ĠU L 322, tas-7.11.1989, p. 21.

    [12] ĠU L 382, tal-31.12.1986, p. 9.

    [13] ĠU L 223, tat-2.8.1989, p. 19.

    [14] ĠU L 24, tas-27.1.1987, p. 51.

    [15] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 9.

    [16] ĠU L 255, tat-18.10.1968. p. 23.

    [17] ĠU L 315, tas-26.11.1985, p. 11.

    [18] ĠU L 224, tal-18.8.1990, p. 13.

    [19] ĠU L 116, tat-8.5.1990, p. 24.

    [20] ĠU L 140, ta’ l-1.6.1990, p. 123.

    [21] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

    [22] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

    [23] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 1.

    [24] ĠU L 255, tat-18.10.1968, p.23.

    [25] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 78.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    LISTA TAL-MARD

    Il-Grupp 1

    Mard endemiku, bla ħsara għall-kontroll mandatarju jew volontarju u/jew miżuri għall-qerda fuq il-bażi ta' l-ifrat jew tal-merħliet

    - Tuberkolożi taċ-ċanga

    - Bruċellożi taċ-ċanga

    - IBR/IPV (AI + unita ta' l-embrijuni)

    - Bruċellożi tan-nagħaġ u tal-mogħoż (B. melitensis)

    - Enzootic bovine leukosis (EBL)

    - Il-marda ta' Aujeszky

    - Salmonella pullorum

    - Salmonella gallinarum

    - Anthrax

    - Maedi/Visna u CAEV

    - IBR/IPV (tipi oħra ta' intrapriża)

    - Il-marda ta' Johnes (paratuberculosis)

    - Mycoplasma gallisepticum

    Il-Grupp 2

    Żoonosijiet jew epizootics mhux kopert x’ imkien ieħor

    - Rabja

    - Echinococcosis

    - Bovine spongiform encephalopathy (BSE) jew kull mard ieħor li jiżviluppa bil-mod.

    --------------------------------------------------

    Top