EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31989L0655

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1989 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

ĠU L 393, 30.12.1989, p. 13–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/10/2009; Imħassar b' 32009L0104

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/655/oj

31989L0655



Official Journal L 393 , 30/12/1989 P. 0013 - 0017
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0182
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0182


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-30 ta' Novembru 1989

li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(89/655/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], sottomessa wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol,

B' kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi illi l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, il-ħtiġiet minimi li jinkoraġġixxu t-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiggarantixxu livell aħjar ta' protezzjoni għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi, skond l-Artikolu msemmi, dawn id-Direttivi jridu jevitaw milli jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanazjarji u legali b' manjiera li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju;

Billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programm tagħha li jirrigwarda s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [4] tipprovdi għall-adozzjoni ta' direttiva dwar l-użu ta' tagħmir protettiv tax-xogħol fuq ix-xogħol;

Billi, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [5], il-Kunsill ħa nota ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissottometti lill-Kunsill fil-futur qrib il-ħtiġijiet minimi li jirigwardaw l-organizzazzjoni tas-sigurtà u s-saħħa waqt ix-xogħol;

Billi l-konformità mal-ħtiġijiet minimi ddisinjati li jiggarantixxu standard aħjar ta' sigurtà u ta' saħħa fl-użu ta' tagħmir tax-xogħol hija essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [6]; billi, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu applikati għal kollox fl-użu mill-ħaddiema tat-tagħmir tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi misjuba f' din id-Direttiva;

Billi din id-Direttiva tikkostitwixxi aspett prattiku għar-realizzazzjoni tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi, skond id-Direttiva 89/189/KEE [7], l-Istati Membri huma meħtieġa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b' kull abbozz tar-regolamenti tekniċi li għandhom x' jaqsmu mal-makkinarju, mat-tagħmir u ma' l-istallazzjonijiet;

Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [8], kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1985, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar l-abbozzar tal-proposti f' dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Suġġett

1. Din id-Direttiva, li hija t-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi dwar is-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol, kif definiti fl-Artikolu 2.

2. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/EEC japplikaw għal kollox għall-kamp kollu li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar ristrettivi u/jew speċifiċi misjuba f' din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:

(a) "tagħmir tax-xogħol": kull magna, apparat jew stallazzjoni użati waqt ix-xogħol;

(b) "użu tat-tagħmir tax-xogħol": kull attività li tinvolvi t-tagħmir tax-xogħol bħal dak it-tagħmir li jqabbad jew iwaqqaf it-tagħmir, l-użu tiegħu, it-trasport, it-tiswija, il-modifika, il-manutenzjoni u s-servicing, inkluż, b' mod partikolari, it-tindif;

(ċ) "żona ta' perikolu": kull żona ġewwa u/jew madwar it-tagħmir tax-xogħol li fiha ħaddiem espost ikun bla ħsara għal riskju rigward is-saħħa jew is-sigurtà tiegħu;

(d) "ħaddiem espost": kull ħaddiem kollu kemm hu jew parzjalment f' żona ta' perikolu;

(e) "ħaddiem": il-ħaddiem jew il-ħaddiema mogħtija x-xogħol li jużaw it-tagħmir tax-xogħol.

IT-TAQSIMA II

L-OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

L-Artikolu 3

Obbligi ġenerali

1. Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi t-tagħmir tax-xogħol magħmul disponibbli għall-ħaddiema fl-impriża u/jew l-istabbiliment ikun xieraq għax-xogħol li għandu jitwettaq jew addattat kif jixraq għal dan l-iskop u jista' jintuża mill-ħaddiema mingħajr ħsara għas-sigurtà jew is-saħħa tagħhom.

Fil-għażla tat-tagħmir tax-xogħol li hu jipproponi li juża, min iħaddem għandu joqgħod attent għall-kondizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol u l-karatteristiċi u l-perikoli li jeżistu fl-impriża u/jew fl-istabbiliment, b' mod partikolari fuq il-post tax-xogħol, għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, u/jew kull perikolu addizzjonali impost bl-użu tat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni.

2. Fejn mhux possibbli għal kollox li jiġi żgurat illi t-tagħmir tax-xogħol jista' jintuża mill-ħaddiema mingħajr riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex inaqqas r-riskji.

L-Artikolu 4

Ir-Regoli li jirrigwardaw it-tagħmir tax-xogħol

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, min iħaddem għandu jikseb u/jew juża:

(a) it-tagħmir tax-xogħol li, jekk provdut lill-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 1992, jikkonforma:

(i) mad-dispożizzjonijiet ta' kull direttiva Komunitarja rilevanti li tapplika;

(ii) mal-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness, safejn u sakemm l-ebda direttiva oħra Komunitarja ma tapplika jew tagħmel hekk parzjalment biss;

(b) mat-tagħmir tax-xogħol li, jekk diġà provdut lill-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment sal-31 ta' Diċembru 1992, jikkonforma mal-ħtiġiet minimi stabbiliti fl-Anness sa mhux aktar tard minn erba' snin wara din id-data.

2. Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi, matul il-ħajja tat-tagħmir tax-xogħol, dan jinżamm, permezz ta' manutenzjoni adegwata, f' livell illi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(1) jew (b) skond kif japplika.

L-Artikolu 5

It-tagħmir tax-xogħol li jinvolvi riskji speċifiċi

Meta l-użu tat-tagħmir tax-xogħol x' aktarx jinvolvi riskju speċifiku għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:

- l-użu tat-tagħmir tax-xogħol ikun ristrett għal dawk il-persuni mogħtija x-xogħol sabiex jużawh;

- fil-każ ta' tiswijiet, modifiki, manutenzjoni jew servicing, il-ħaddiema interessati jiġu speċifikament innominati biex jagħmlu dan ix-xogħol.

L-Artikolu 6

It-tagħrif lill-ħaddiema

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-ħaddiema jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħrif adegwat u, fejn xieraq, istruzzjonijiet bil-miktub dwar it-tagħmir tax-xogħol użat fuq ix-xogħol.

2. It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub irid ikun fihom mill-inqas tagħrif adegwat dwar is-sigurtà u s-saħħa li jirrigwarda:

- il-kundizzjonijiet ta' l-użu tat-tagħmir tax-xogħol,

- is-sitwazzjonijiet anormali li jistgħu jiġu previsti,

- il-konklużjonijiet miġbura mill-esperjenza, fejn xieraq, fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol.

3. It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub iridu jinftiehmu mill-ħaddiema kkonċernati.

L-Artikolu 7

It-taħriġ tal-ħaddiema

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad- Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:

- il-ħaddiema mogħtija x-xogħol li jużaw it-tagħmir tax-xogħol jirċievu taħriġ adegwat, inkluż it-taħriġ dwar kull riskju li jista' jkun fih dan l-użu,

- il-ħaddiema li hemm referenza għalihom fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 5 jirċievu taħriġ speċifiku adekwat.

L-Artikolu 8

Il-konsultazzjoni mal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom isiru skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-materji koperti b' din id-Direttiva, inklużi l-Annessi ta' magħha.

IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 9

Emenda għall-Anness

1. Żidiet għall-Anness dwar il-ħtiġijiet minimi supplimentari li japplikaw għat-tagħmir speċifiku tax-xogħol li hemm referenza għalih fil-punt 3 tiegħu għandhom jiġu adottati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 118a tat-Trattat.

2. L-addattamenti strettament tekniċi ta' l-Anness b' riżultat ta':

- l-adozzjoni tad-Direttivi dwar l-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir tax-xogħol u/jew

- il-progress tekniku, il-bidliet fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet jew fit-tagħrif internazzjonali fil-qasam tat-tagħmir tax-xogħol

għandhom jiġu adottati, skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom imbagħad jgħarrfu lill-Kummissjoni b' dan.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu rapport lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, fejn jindikaw il-veduti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni għandha tinforma kif xieraq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol.

4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti perjodikament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, filwaqt li tqis l-paragrafi minn 1 sa 3.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-30 ta' Novembru 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

J. P. Soisson

[1] ĠU C 114, tat-30.4.1988, p. 3,ĠU C 106, tas-26.4.1989, p. 13 uĠU C 287, tal-15.11.1989, p. 12.

[2] ĠU C 326, tad-19.12.1988, p. 132 uĠU C 256, tad-9.10.1989, p. 65.

[3] ĠU C 318, tat-12.12.1988, p. 26.

[4] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3.

[5] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1.

[6] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[7] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8.

[8] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-ĦTIĠIET MINIMI LI HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 4(1)(a)(ii) u (b)

1. Kumment ġenerali

L-obbligi stabbiliti f' dan l-Anness japplikaw billi jqisu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u fejn jeżisti riskju li jikkorrispondi mat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni.

2. Il-ħtiġijiet minimi ġenerali li japplikaw għat-tagħmir tax-xogħol

2.1. L-istrumenti li jikkontrollaw it-tagħmir tax-xogħol li jaffettwaw is-sigurtà jridu jkunu jidhru u jiġu identifikati biċ-ċar u mmarkati kif jixraq fejn meħtieġ.

Għajr fejn jinħtieġ għal ċerti strumenti tal-kontroll, l-istrumenti tal-kontroll iridu jiġu mqiegħda 'l barra miż-żoni ta' perikolu u fil-manjiera li l-operazzjoni tagħhom ma tistax tikkawża perikolu addizzjonali. Ma jridu joħolqu l-ebda perikolu bħala riżultat ta' kull operazzjoni mhix intenzjonata.

Jekk ikun hemm il-ħtieġa, mill-pożizzjoni prinċipali tal-kontroll, il-ħaddiem irid ikun jista' jiżgura illi l-ebda persuna mhi preżenti fiż-żoni ta' perikolu. Jekk dan ma jkunx possibbli, trid titħaddem awtomatikament sistema ta' sigurtà bħal sinjal ta' twissija li jinstama' u/jew li jidher meta l-makkinarju jkun sejjer jitqabbad jaħdem. Ħaddiem espost irid ikollu l-ħin u/jew il-mezz sabiex jevita malajr il-perikoli kkawżati mit-tagħmir tax-xogħol huwa u jitqabbad jew jitwaqqaf.

Is-sistemi tal-kontroll iridu jkunu żguri. Kollass fis-sistemi tal-kontroll, jew ħsara fihom, ma jridux jirriżultaw f' sitwazzjoni ta' perikolu.

2.2. Għandu jkun possibbli li t-tagħmir tax-xogħol jitqabbad jaħdem biss b' azzjoni deliberata fuq kontroll provdut għal dan l-iskop.

L-istess għandu japplika:

- biex jerġa' jitqabbad jaħdem wara waqfien tkun xi tkun ir-raġuni,

- għall-kontroll ta' bidla sinifikanti fil-kondizzjonijiet ta' l-operazzjoni (eż. il-qawwa, il-pressa, eċċ.),

għajr jekk dan it-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew il-bidla ma tissoġġettax lill-ħaddiema esposti għal xi perikolu.

Din il-ħtieġa ma tapplikax għat-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew bidla fil-kondizzjonijiet ta' l-operazzjonijiet bħala riżultat taċ-ċiklu normali ta' l-operazzjoni ta' strument awtomatiku.

2.3. It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun imgħammar b' kontroll sabiex iwaqqaf it-tagħmir kompletament u b' mod żgur.

Kull stazzjon tax-xogħol trid tkun mgħammra b' kontroll li jwaqqaf parti mit-tagħmir tax-xogħol jew kollu, skond it-tip tal-perikolu, sabiex it-tagħmir ikun fi stat ta' sigurtà. Il-kontroll tal-waqfien tat-tagħmir irid ikollu l-prijorità fuq il-kontrolli li jqabbdu t-tagħmir. Meta t-tagħmir tax-xogħol jew il-partijiet perikolużi tiegħu jieqfu, irid jiġi maqtugħ il-forniment ta' l-enerġija ta' dawk involuti li jħaddmu it-tagħmir.

2.4. Fejn xieraq, u skond il-perikoli li jippreżenta t-tagħmir u l-ħin ta' waqfien normali tiegħu, it-tagħmir tax-xogħol irid jiġi mgħammar bi strument tal-waqfien f' emerġenza.

2.5. It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta riskju minħabba l-oġġetti li jaqgħu jew il-biċċiet li jisporġu minnu irid ikun imgħammar bil-mezzi xierqa ta' sigurtà li jikkorrispondu mar-riskju.

It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta perikoli minħabba l-ħruġ ta' gass, fwar, likwidu jew trab irid ikun imgħammr b' mezzi xierqa ta' trażżin jew ta' estrazzjoni maġenb is-sorsi tal-perikolu.

2.6. It-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet minn dan it-tagħmir, fejn ikunu meħtieġa għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jiġu mwaħħla bl-ikklampjar jew b' mezzi oħra.

2.7. Fejn ikun hemm ir-riskju ta' ksur jew tad-diżintegrazzjoni ta' partijiet mit-tagħmir tax-xogħol, li x' aktarx ikun ta' perikolu sinifikanti għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jittieħdu l-miżuri protettivi xierqa.

2.8. Fejn ikun hemm ir-riskju ta' kuntatt mekkaniku ma' partijiet li jiċċaqilqu tat-tagħmir tax-xogħol li jistgħu jwasslu għal inċidenti, dawn il-partijiet iridu jkunu provduti bi lqugħ jew b' mezzi li jipprevienu l-aċċess għaż-żoni ta' perikolu jew sabiex iwaqqfu ċ-ċaqliq tal-partijiet perikolużi qabel jintlaħqu ż-żoni tal-perikolu.

L-ilqugħ u l-mezzi ta' protezzjoni jridu:

- ikunu ta' kostruzzjoni b' saħħitha,

- ma jagħtux lok għal perikolu addizzjonali,

- ma jkunux jistgħu jiġu mneħħija faċilment jew jinġiebu li ma jistgħux jaħdmu,

- ikunu qiegħda 'l bogħod biżżejjed miż-żona tal-perikolu,

- ma jirrestrinġux aktar milli meħtieġ il-vista taċ-ċiklu operattiv tat-tagħmir,

- iħallu l-operazzjonijiet meħtieġa sabiex jitwaħħlu jew jinbidlu l-partijiet u jsir xogħol ta' manutenzjoni, jirrestrinġu l-aċċess għaż-żona fejn irid isir ix-xogħol biss u, jekk possibbli, mingħajr it-tneħħija tal-lqugħ jew il-mezz tal-protezzjoni.

2.9. Iż-żoni u l-postijiet għax-xogħol fuq it-tagħmir tax-xogħol, jew il-manutenzjoni tiegħu, iridu jkunu mdawla biżżejjed skond l-operazzjoni li trid titwettaq.

2.10. Il-partijiet tat-tagħmir tax-xogħol f' temperatura għolja jew f' temperatura baxxa ħafna jridu, fejn xieraq, ikunu protetti sabiex jevitaw ir-riskju li l-ħaddiema jiġu f' kuntatt miegħu jew qrib wisq.

2.11. Il-mezzi tat-twissija fuq it-tagħmir tax-xogħol ma jridux ikunu ambigwi u jridu jidhru u jiġu mifhuma bla fixkil.

2.12. It-tagħmir tax-xogħol jista' jintuża biss għall-operazzjonijiet u skond il-kondizzjonijiet li għalihom huwa xieraq.

2.13. Irid ikun possibbli li jitwettqu operazzjonijiet ta' manutenzjoni meta t-tagħmir ikun mitfi. Jekk dan ma jkunx possibbli, irid ikun possibbli li jittieħdu l-miżuri xierqa ta' protezzjoni sabiex isiru dawn l-operazzjonijiet jew sabiex dawn l-operazzjonijiet isiru barra miż-żoni tal-perikolu.

Jekk magna jkollha reġistru tal-manutenzjoni, dan irid jinżamm aġġornat.

2.14. It-tagħmir kollu tax-xogħol irid iġorr fuqu mezzi ċari u li jidhru u jinftiehmu malajr li jiżolawh mis-sorsi kollha ta' l-enerġija tiegħu.

It-twaħħil mill-ġdid (mas-sorsi ta' l-enerġija) irid jinftiehem li ma jippreżenta l-ebda riskju għall-ħaddiema involuti.

2.15. It-tagħmir tax-xogħol irid iġorr miegħu it-twissijiet u l-marki essenzjali sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema.

2.16. Il-ħaddiema jrid ikollhom mezzi żguri ta' aċċess għaż-żoni kollha ta' l-operazzjonijiet ta' produzzjoni, ta' aġġustament u ta' manutenzjoni u jridu jkunu kapaċi jibqgħu fis-sigurtà fihom.

2.17. It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema kontra r-riskju li t-tagħmir tax-xogħol jieħu n-nar jew jisħon iżżejjed, jew li minnu joħorġu gassijiet, trab, likwidu, fwar jew sustanzi oħra prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol.

2.18. It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipprevieni r-riskju li jisplodi t-tagħmir tax-xogħol jew li jisplodu is-sustanzi prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol.

2.19. It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema esposti mir-riskju ta' kuntatt dirett jew indirett ma' l-elettriku.

3. Il-ħtiġiet minimi addizzjonali li japplikaw għal tagħmir speċifiku tax-xogħol,

kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.

--------------------------------------------------

Top