Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31987R1898

ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 tat-2 ta’ Lulju 1987 dwar il-protezzjoni ta’ l-ismijiet użati fil-marketing tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

ĠU L 182, 3.7.1987, p. 36–38 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008; Imħassar b' 32007R1234

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/1898/oj

31987R1898



Official Journal L 182 , 03/07/1987 P. 0036 - 0038
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 23 P. 0218
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 23 P. 0218


ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87

tat-2 ta’ Lulju 1987

dwar il-protezzjoni ta’ l-ismijiet użati fil-marketing tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunita Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 773/87 [5], daħħal l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib;

Billi s-sitwazzjoni fis-settur tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib hija kkaratterizzata b’eċċessi strutturali u billi l-użu ta’ dawn il-prodotti għandu għalhekk jittejjeb billi jitmexxa ‘l quddiem il-konsum tagħhom;

Billi l-kompożizzjoni naturali tal-ħalib u tal-prodottti mill-ħalib għandha tiġi protetta fl-interesst tal-produtturi u l-konsumaturi tal-Komunita;

Billi regolamenti li jiżguraw it-tikkettjar xieraq u li jipprevjienu milli l-konsumatur jiġi żvijat jgħinu sabiex jinkiseb dan il-għan;

Billi l-ħalib u l-prodotti mill-ħalib għandhom, għelhekk, jiġu definiti u jiġu ċarati l-ismijiet li jeħtieġu jiġu riżervati għalihom;

Billi, barra mill-każ ta’ prodotti li n-natura eżatta tagħhom hija magħrufa permezz ta’ l-użu tradizzjonali, huwa wkoll meħtieġ li tiġi evitata kull konfużjoni fil-moħħ tal-konsumatur bejn il-prodotti mill-ħalib u prodotti oħra ta’ l-ikel, inklużi dawk li jikkonsistu parzjalment f’komponenti tal-ħalib;

Billi dan ir-Regolament jimmira li jipproteġi lill-konsumatur u li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti mill-ħalib u prodotti li jikkompetu magħhom fil-qasam ta’ l-ismijiet tal-prodott, it-tikkettjar u l-pubbliċità li jevitaw kull tgħawwiġ;

Billi prodotti li jikkompetu jgawdu vantaġġ kompetittiv f’termini ta’ spiża fuq il-produzzjoni minħabba l-fatt li ħafna minnhom huma spiss iffabbrikati minn materji prima importati b’rati 0 (żero) tad-dazji, billi l-prodotti mill-ħalib għandhom spejjeż ogħla tal-produzzjoni li huma dettati mill-ħtieġa li jiġi salvagwardat il-qligħ (introjti) mill-biedja tal-produtturi;

Billi huwa essenzjali għall-Kummissjoni li ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-suq tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib u l-prodotti ta’ sostituzzjoni li jikkompetu magħhom u li tirrapporta lura lill-Kunsill;

Billi, sakemm jasal ir-rapport mill-Kummissjoni, l-Istati Membri li jkunu diġà ħadu miżuri nazzjonali sabiex jikkontrollaw u jnaqqsu l-fabbrikazzjoni u l-bejgħ fis-suq ta’ dawn il-prodotti fit-territorju tagħhom iridu jżommu r-regolamenti tagħhom, b’mod konformi mar-regoli ġenerali tat-Trattat sat-tmiem tal-ħames perjodu taż-żmien ta’ 12-il xahar ta’ l-applikazzjoni tat-taxxa (‘levy’) supplimentari fis-settur tal-ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jinbigħu fis-suq fil-Komunita.

2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) ‘bejgħ fis-suq’ għandu jfisser iż-żamma jew wiri bil-għan ta’ bejgħ, offerta għall-bejgħ, konsenja jew kull manjiera oħra ta’ tqegħid fis-suq;

(b) (b)’isem’ għandu jfisser l-isem użat fl-istadji kollha tal-bejgħ fis-suq.

Artikolu 2

1. Il-kelma ‘ħalib’ għandha tfisser esklussivament it-tnixxija normali mammarja miksuba minn tiħliba waħda jew iktar mingħajr la żieda magħha u lanqas estrazzjoni minnha.

Madankollu, it-terminu ‘ħalib’ jista’ jintuża:

(a) għall-ħalib ittrattat mingħajr bidla fil-kompożizzjoni tiegħu, jew għall-ħalib li l-kontenut ta’ xaħam tiegħu jkun ġie standardizzat skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1411/71 tad-29 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi regoli addizzjonali għall-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jaqgħu taħt it-TKD (Tariffa Komuni tad-Dwana) taħt l-intestatura Nru 04.01 [6], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 566/76 [7];

(b) f’assoċjazzjoni ma’ kelma jew kelmiet li jagħtu l-isem lit-tip, il-grad, l-oriġini u/jew l-użu maħsub għal dan il-ħalib jew li jiddeskrivu t-trattament fiżiku jew il-modifika fil-kompożizzjoni li għalihom ikun ġie soġġett, basta iżda illi din il-modifika tkun ristretta għal żieda u/jew irtirar tal-kostitwenti naturali tal-ħalib.

2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘prodotti mill-ħalib’ għandhom ifissru prodotti derivati esklussivament mill-ħalib, bil-ftehim illi s-sustanzi meħtieġa għall-fabbrikazzjoni tagħhom (il-prodotti) jistgħu jiġu miżjuda basta iżda illi dawn is-sustanzi ma jiġux użati bil-għan li jieħdu l-post, totalment jew parzjalment, ta’ xi kostitwent tal-ħalib.

Dan li ġej għandu jiġi rriservat esklussivament għall-prodotti mill-ħalib:

- l-ismijiet imniżżla fil-lista fl-Anness ma’ hawn,

- id-deskrizzjonijiet jew l-ismijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar, il-preżentazzjoni u l-pubbliċità dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari [8], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 85/7/KEE [9], attwalment użati għall-prodotti tal-ħalib.

3. It-terminu ‘ħalib’ u l-ismijiet użati għall-prodotti mill-ħalib jistgħu wkoll jiġu użati f’assoċjazzjoni ma’ kelma jew kliem li jagħtu isem lil prodotti komposti li l-ebda parti minnhom ma tieħu jew tkun maħsuba li tieħu l-post ta’ xi kostitwent tal-ħalib u li tagħhom il-ħalib jew prodotti mill-ħalib huma parti essenzjali jew f’termini ta’ kwantita jew għall-għotja tal-karatteristiċi lill-prodott.

4. L-oriġini tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib li jridu jiġu ddefiniti b’mod konformi mal-proċedura riferita fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 irid jiġi ddikjarat jekk hux ġej minn bhejjem tal-fart.

Artikolu 3

1. L-ismijiet riferiti fl-Artikolu 2 ma jistgħux jiġu użati għal xi prodott ieħor għajr dawk riferiti f’dan l-Artikolu.

Iżda, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-ismijiet tal-prodotti li n-natura eżatta tagħhom hija ċara minħabba l-użu tradizzjonali u/jew meta l-ismijiet jiġu użati biċ-ċar sabiexjiddeskrivu kwalita karatteristika tal-prodott.

2. Rigward prodott għajr dawk deskritti fl-Artikolu 2, ma jistgħu jintużaw l-ebda tikketta, dokument kummerċjali, materjal ta’ pubbliċità jew xi forma ta’ pubbliċità (kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/450/KEE [10]) jew xi forma ta’ preżentazzjoni li jippretendu, jimplikaw jew jissuġġerixxu illi l-prodott huwa prodott minn razzett/fabbrika tal-ħalib.

Iżda, rigward prodott li jkun fih il-ħalib jew il-prodotti mill-ħalib, l-isem/desinenza ‘ħalib’ jew l-ismijiet/desinenzi riferiti fit-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 2(2) jistgħu jiġu użati biss sabiex jiddeskrivu l-materji prima bażiċi u sabiex jitniżżlu fil-lista ta’ l-ingredjenti b’mod konformi mad-Direttiva 79/112/KEE.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sa l-1 ta’ Ottubru 1987 lista indikattiva tal-prodotti li huma jqisu bħala li tikkorrispondi fit-territorju tagħhom għall-prodotti msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1).

L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jagħmlu żidiet sossegwenti mal-lista.

2. B’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68, il-Kummissjoni għandha:

(a) tadotta r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament;

(b) tfassal u, fejn jinħtieġ, tissupplimenta l-lista tal-prodotti riferiti fit-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) fuq il-bażi tal-listi mibgħuta lilha mill-Istati Membri;

(ċ) tagħmel żidiet, fejn meħtieġ, mal-lista ta’ l-ismijiet mogħtija fl-Annessi mehmuża miegħu (ir-Regolament imsemmi).

3. Kull sena qabel l-1 ta’ Ottubru u għall-ewwel darba qabel l-1 ta’ Ottubru 1988, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi fis-suq tal-prodotti tal-ħalib u l-prodotti li jikkompetu magħhom fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex il-Kummissjoni tkun fil-pożizzjoni li tirrapporta lill-Kunsill sa l-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

Artikolu 5

L-Istati Membri jistgħu, sat-tmiem tal ħames perjodu taż-żmien ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 u b’konformita mad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat, iżommu r-regolamenti nazzjonali tagħhom li jirrestrinġu l-fabbrikazzjoni u l-bejgħ fis-suq fit-territorju tagħhom ta’ prodotti li ma jwettqux il-kondizzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1987.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha

Magħmul fi Brussel, fit-2 ta’ Lulju 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

K. E. Tygesen

[1] ĠU C 111, tas-26.4.1984, p. 7.

[2] ĠU C 72, tat-18.3.1985, p. 127.

[3] ĠU C 307, tad-19.11.1984, p. 1.

[4] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13.

[5] ĠU L 78, ta’ l-20.3.1987, p. 1.

[6] ĠU L 148, tat-3.7.1987, p. 4.

[7] ĠU L 67, tal-15.3.1976, p. 23.

[8] ĠU L 33, tat-3.2.1979, p. 1.

[9] ĠU L 2, tat-3.1.1985, p. 22.

[10] ĠU L 250, tad-9.9.1984, p. 17.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-ismijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

- xorrox

- krema

- butir

- xorrox tal-butir

- żejt tal-butir

- kaseini

- xaħam anidru tal-ħalib (AMF)

- ġobon

- yoghurt

- kephir

- koumiss

--------------------------------------------------

Top