Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31978R1562

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1562/78 tad-29 ta’ Ġunju 1978 li jemenda r-Regolament Nru 136/66 KEE dwar l-istabbiliment ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet

    ĠU L 185, 7.7.1978, p. 1–9 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2005: This act has been changed. Current consolidated version: 01/11/1978

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1978/1562/oj

    31978R1562



    Official Journal L 185 , 07/07/1978 P. 0001 - 0009
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 10 P. 0048
    Greek special edition: Chapter 03 Volume 21 P. 0248
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 10 P. 0048
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 14 P. 0181
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 14 P. 0181


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1562/78

    tad-29 ta’ Ġunju 1978

    li jemenda r-Regolament Nru 136/66 KEE dwar l-istabbiliment ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 42 u 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Billi l-iskop ta’ l-organizzazzjoni tas-suq taż-żejt taż-żebbuġ hija maħsuba biex iżżomm il-livell ta’ konsum ta’ dak il-prodott fil-Komunità, wara li kkunsidrat il-kompetizzjoni miż-żjut veġetali l-oħra, u biex tassigura li l-produtturi jirċievu dħul ġust għall-ammont ta’ żejt taż-żebbuġa li jkun attwalment prodott;

    Billi l-esperjenza wriet li s-sistema preżenti ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni mhix konsistenti ma’ l-objettivi imsemmija hawn fuq; billi din tipprovdi għal diversi miżuri ta’ kontroll li, minħabba l-kumplessitajiet tagħhom u l-ammont konsiderevoli ta’ produtturi kkonċernati, huma diffiċli biex jiġu applikati u jwasslu għall-dewmien konsiderevoli fil-ħlas ta’ l-għajnuna;

    Billi fis-snin riċenti l-konsum taż-żejt taż-żebbuġa fil-Komunità naqas sostanzjalment minħabba d-differenza fix-xejriet tal-prezzijiet bejn iż-żejt taż-żebbuġa u żjut oħra kompetittivi; billi s-sistema preżenti ta’ l-għajnuna ma tidhirx li hi addattata biex tħeġġeġ il-konsum taż-żejt taż-żebbuġa; billi din tista’, apparti minn hekk, toħloq problemi oħra fl-istadju tal-produzzjoni;

    Billi, għalhekk, għandha tiddaħħal sistema ġdida, li tipprovdi għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-konsum biex ikun assigurat li ż-żejt taż-żebbuġa ikun mibjugħ bi prezzijiet li huma kompetittivi mal-prezzijiet taż-żjut miż-żrieragħ;

    Billi, sabiex tassigura li s-sistema ta’ l-għajnuna tal-konsum hija amministrata b’mod effiċjenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet biex jgħinu fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ l-għajnuna li trid tkun mogħtija lil xi organizzazzjoni tal-kummerċ taħt il-kontroll ta’ l-Istat Membru kkonċernat; billi, sabiex ikun assigurat l-operat sewwa ta’ dik l-organizzazzjoni, għandha ssir dispożizzjoni biex tiffaċilita li tkun imposta fuq dawk li jgawdu mill-benefiċji ta’ din l-għajnuna;

    Billi, minħabba li l-għajnuna msemmija hawn fuq sejra tkun illimitata għall-ammonti mibjugħa fis-suq tal-Komunità, dispożizzjoni għandha ssir biex tingħata għajnuna tal-produzzjoni b’rata fissa biex tagħmel tajjeb għal-limitazzjoni ta’ l-għajnuna tal-konsum fuq l-ammonti msemmija; billi, biex ma jkunx hemm żidiet strutturali, din l-għajnuna tal-produzzjoni trid tingħata biss fil-każ taż-żoni mħawla bis-siġar taż-żebbuġ fid-data li tidħol fis-seħħ is-sistema l-ġdida;

    Billi, biex ikun jista’ jinkiseb bilanċ bejn il-provvista u d-domanda, ikun xieraq li jittieħdu miżuri biex itejbu l-kwalità tal-produzzjoi u biex iħajru l-bejgħ u l-konsum; billi jrid ikun stabbilit li l-ispejjeż li jkunu involuti bħala riżultat ta’ miżuri bħal dawn għandhom ikunu merfugħa mill-produtturi u dawk kollha li jgawdu minn dawk il-miżuri;

    Billi l-prezz fil-mira tal-produzzjoni u s-sistema ta’ l-għajnuna tal-produzzjoni jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom biss jekk il-prezz li bih il-produttur ibiegħ iż-żejt tiegħu fis-suq huwa qrib kemm jista’ jkun tal-prezz fil-mira tal-produzzjoni bit-tnaqqis ta’ l-għajnuna msemmija hawn fuq; billi mekkaniżmi ta’ stabbilità għandhom għalhekk ikunu pprovduti fil-Komunità;

    Billi l-istabbilità mixtieqa tista’ tinkiseb billi l-produtturi jew grupp ta’ produtturi jkunu megħjuna li joffru ż-żejt taż-żebbuġa lill-aġenziji kompetenti ta’ l-Istati Membri; billi dik il-possibbiltà trid tkun ristretta għal dawn il-kategoriji biex iżżomm lura liż-żejt impurtat u liż-żejt li għalih tħallset l-għajnuna tal-konsum milli jkun offrut għall-intervent;

    Billi, biex jippromwovu l-kummerċ organizzat tal-produzzjoni tal-Komunità, is-sistema ta’ żidiet fix-xahar għandha tkun rilaxxata; billi, għall-istess skop, dispożizzjoni għandha ssir għall-adozzjoni ta’ miżuri speċjali ta’ l-intervent fl-aħħar tas-sena tas-suq;

    Billi r-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1419/78 [3], stabbilixxa li l-imposta li għandha tkun imposta fuq l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa apparti milli fuq dak mhux ittrattat, li l-komponent varjabbli tiegħu kellu jkun akkwistat mill-imposta applikabbli għall-ammont ta’ żejt taż-żebbuġa li mhux trattat meħtieġ għall-produzzjoni tiegħu; billi l-esperjenza wriet li x-xejra fis-suq dinji fiż-żjut apparti minn dawk mhux ittrattati ma tkunx taqbel max-xejriet taż-żjut mhux ittrattati; billi din id-diverġenza tista’ twassal għal tfixkil fis-suq tal-Komunità; billi sabiex tkun irrimedjata din is-sitwazzjoni għandha ssir dispożizzjoni għall-possibbiltà li tkun iffissata imposta li tqis is-sitwazzjoni tas-suq taż-żejt apparti minn dak mhux ittrattat;

    Billi l-possibbiltà li tkun iffissata imposta speċjali għaż-żejt apparti minn dak mhux ittrattat tirrendi li s-sistema ta’ l-ammonti ta’ kumpens fil-każ ta’ dak iż-żejt ma tkunx aktar meħtieġa;

    Billi, fil-każ tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2843/76 tat-23 ta’ Novembru 1976 li jistabbilixxi miżuri speċjali b’mod partikolari biex ikunu ddeterminati l-offerti għaż-żejt taż-żebbuġa fis-suq dinji [4] b’deroga mis-sistema ta’ l-iffissar ta’ l-imposta fuq il-bażi tal-prezz cif billi jkun provvediment għall-imposta biex tkun iddeterminata permezz ta’ proċedura ta’ l-offerti;

    Billi d-diffikultajiet biex tkun evalwata l-qagħda vera tas-suq, li kienu dawk li wasslu għall-introduzzjoni ta’ din is-sistema speċjali, għandhom tendenza li jerġgħu jinqalgħu fil-ġejjieni; billi, għalhekk, dispożizzjoni għandha ssir biex jerġa’ jkun hemm il-possibbiltà li jirrikorru għal din is-sistema, wara l-waqfien ta’ l-applikazzjoni tas-sistema oriġinali biex ikunu stabbiliti l-levies;

    Billi l-volum ta’ kummerċ internazzjonali fiż-żebbuġ u l-għaġejjen taż-żejt u residwi oħra huwa żgħir wisq meta mqabbel mal-kummerċ taż-żjut taż-żebbuġa; billi, biex l-amministrazzjoni tkun aktar faċli, is-sistema ta’ l-offerti għal imposta għandha tkun ristretta għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa;

    Billi, għall-istess għan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikun hemm il-possibbiltà li jkunu eżentati mill-applikazzjoni tas-sistema msemmija l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li m’għandhomx effett fuq il-kummerċ internazzjonali f’dak il-prodott;

    Billi l-formazzjoni ta’ gruppi ta’ produtturi fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa jistgħu jgħinu biex titħaddem sew is-sistema ta’ l-għajnuna tal-produzzjoni, speċjalment billi l-produtturi jkunu involuti f’ċerti aspetti tat-tmexxija tas-sistema msemmija; billi, biex gruppi rikonoxxuti jkunu jistgħu jiksbu dawk l-għanijiet, waħda mill-kondizzjonijiet għall-għarfien trid tkun l-obbligu għall-grupp li jidħol għal ċerti ħidmiet marbuta mat-tħaddin tas-sistema; billi, skond il-biċċiet ta’ xogħol mogħtija lill-gruppi rikonoxxuti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru1360/78 tad-19 ta’ Ġunju 1978 dwar gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom [5], trid tingħata għajnuna lill-membri tagħhom proporzjonalment ma’ l-ammont ta’ żejt li jkunu tassew ipproduċew;

    Billi, skond il-karatteristiċi tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa u l-ħidmiet speċifiċi mogħtija lill-gruppi, iridu jiġu stabbiliti miżuri oħra biex il-formulazzjoni u t-tħaddim ta’ dawk il-gruppi jkun iżjed faċli;

    Billi, biex tkun assigurata aktar stabbilità fis-suq, għandha ssir dispożizzjoni għall-possibbiltà biex gruppi ta’ produtturi jikkonkludi l-kuntratti tal-ħażna skond ċerti kondizzjonijiet;

    Billi, biex ikun assigurat li s-sistemi ta’ l-għajnuna msemmija hawn fuq ikunu mħaddna sew, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa li jimponu sanzjonijiet fil-każ ta’ xi ksur,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1 sa 20 tar-Regolament Nru 136/66/KEE għandu jkun mibdul bl-Artikoli li ġejjin:

    "L-Artikolu 1

    1. Għandha tkun stabbilita organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żrieragħ taż-żejt, frott oleaġenju, żjut u xaħmijiet veġetali, u żjut u xaħmijiet tal-ħut jew mammiferi tal-baħar.

    2. Dan ir-Regolament għandu jkopri dawn il-prodotti li ġejjin:

    Intestatura TDK Nru | Deskrizzjoni |

    (a)12.01 B | Żrieragħ taż-żejt u frott oleaġeniku, sħiħ jew imfarrak apparti milli għaż-żriegħ |

    (b)12.02 | Tqiq u smida taż-żrieragħ taż-żejt jew frott oleaġeniku, bix-xaħam mhux imneħħi minnu (eskluż it-tqiq tal-mustarda) |

    15.04 | Xaħmijiet u żjut, tal-ħut u l-mammiferi marini, sew jekk raffinati u anki jekk le |

    15.07 B, C, D | Żjut veġitali mbaqqta, likwidu jew solidi, irraffinati jew ippurifikati, eskluz iż-żejt taż-żebbuġa |

    15.12 | Żjut u xaħmijiet ta' l-annimali jew veġitali, sħaħ jew parzjalment idroġenizzati, jew solidifikati jew imwebbsa b'xi proċess ieħor, sew jekk raffinati u anki jekk le, imma mhux aktar ippreparat |

    15.13 | Marġerina, imitazzjoni tax-xaħam u xaħmijiet oħra ippreparati tajbin għall-ikel |

    15.17 B II | Residwi li jirriżultaw mit-trattament ta' sustanzi xaħmija jew xemgħat mill-annimali jew veġitali, esklużi dawk li jkun fihom żejt li jkollu l-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa |

    23.04 B | Mgħaqqad taż-żjut u residwi oħrajn (apparti milli t-tartru) li jirriżulta mill-estrazzjoni taż-żjut veġitali, eskluż il-mgħaqqad taż-żjut u residwi oħrajn li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. |

    (ċ)15.07 A | Żejt taż-żebbuġa |

    (d)07.01 N | Żebbuġ, frisk jew imkessaħ |

    07.02 A | Żebbuġ (sew jekk imsajjar u anki jekk le), ippriservat fl-iffriżar |

    07.03 A | Żebbuġ proviżjonalment ippriservat fis-salmura, f'ilma bil-kubrit jew f'soluzzjonijiet oħrajn ta' preservazzjoni, imma li ma hux speċifikament ippreparat għal-konsum immedjat |

    ex 07.04 B | Żebbuġ imqadded, imnixxef jew evaporat, sħiħ, imqatta', imfellel, miksur jew magħmul trab, imma mhux aktar ippreparat |

    (e)15.17 B I | Residwi li jirriżultaw mit-trattament ta' sustanzi xaħmija jew xemgħat mill-annimali jew veġitali, li jkun fihom iż-żejt li jkollu l-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa |

    23.04 A | Mgħaqqad taż-żejt u residwi oħrajn li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa |

    TITOLU I Kummerċ

    Artikolu 2

    1. Fil-każ tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1(2)(a), (b) u (d), bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt is-subintestaturi 07.01 N II u 07.03 A II tat-Tariffa Komuni Doganali, u għall-prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 23.04 A I, it-Tariffa Komuni Doganali għandha tkun applikata.

    Fil-każ tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1(2)(ċ) u (e), apparti minn dawk li jaqgħu taħt is-subintestatura 23.04 A I, u għall-prodotti li jaqgħu taħt is-subintestaturi 07.01 N II u 07.03 A II tat-Tariffa Komuni Doganali, sistema ta’ levies fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi għandha tkun applikata.

    2. Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tat-Tariffa Komuni Doganali u r-regoli speċjali għat-twettiq tagħha għandhom japplikaw għall-klassifikazzjoni tat-tariffa tal-prodotti koperti b’dan ir-Regolament; in-nomenklatura tat-tariffa li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun inkorporata fit-Tariffa Komuni Doganali.

    Artikolu 3

    1. Ħlief jekk m’hemmx provvediment mod ieħor f’dan ir-Regolament jew mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, dawn li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi:

    - l-imposizzjoni ta’ kull piż li jkollu effett ekwivalenti għad-dazju doganali;

    - l-użu ta’ xi tip ta’ restrizzjoni kwantitativa jew miżura li jkollha l-istess effett.

    Ir-restrizzjoni tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 19 għall-kategorija speċifika ta’ dawk intitolati li jirċevuhom għandha tkun waħda mill-miżuri li titqies li għandha effett ekwivalenti ta’ restrizzjoni kwantitattiva.

    2. Meta l-prodotti li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) huma impurtati minn pajjiżi terzi f’ċerti l-kwantitajiet u taħt ċerti kondizzjonijiet li jistgħu jippreġudikaw jew jheddu li jippreġudikaw serjament l-interessi tal-produtturi tal-Komunità tal-prodotti li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 1, ammont kumpensatorju jista’ jkun impost fuq l-importazzjoni.

    Ammont kumpensatorju jista’ jkun impost ukoll fuq l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) billi, bħala riżultat ta’ sussidji diretti jew indiretti jew ta’ laġġju mogħtija għal dawk il-prodotti minn pajjiż terz wieħed jew aktar, jew bħala riżultat ta’ miżuri ekwivalenti, l-offerti attwali ta’ dawk il-prodotti li ma jkunux jikkorrispondu mal-prezzijiet li pjuttost jiddominaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ dawk il-miżuri jew prattiċi u meta din is-sitwazzjoni toħloq jew thedded li toħloq preġudizzju serju fuq il-produzzjoni tal-Komunità tal-prodotti kkonċernati.

    L-introduzzjoni ta’ dawk l-ammonti kumpensatorji għandha tirrispetta l-impenji internazzjonali milħuqa bejn l-Istati Membri u l-Komunità. L-ammonti għandhom ikunu stabbiliti skond ir-regoli adottati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    TITOLU II Żejt taż-żebbuġa

    Artikolu 4

    1. Dan li ġej għandu jkun stabbilit kull sena għall-Komunità:

    (a) qabel l-1 ta’ Awissu għas-sena tas-suq fil-bidu tas-sena ta’ wara: prezz b’mira tal-produzzjoni u prezz ta’ l-intervent għaż-żejt taż-żebbuġa;

    (b) qabel l-1 ta’ Ottubru għas-sena segwenti tas-suq: prezz tas-suq rappreżentattiv u prezz tal-bidu għaż-żejt taż-żebbuġa.

    B’dan kollu, meta jkun hemm bidla konsiderevoli waqt is-sena tas-suq fil-fatturi li ntużaw biex ikun iddeterminat il-prezz rappreżentattiv tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa, jista’ jkun deċiż, skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 38, biex jinbidel il-prezz rappreżentattiv tas-suq u l-prezz tal-bidu waqt is-sena tas-suq.

    2. Dawn il-prezzijiet għandhom ikunu stabbiliti fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa biex ikun hemm kwalità standard taż-żejt li taqbel mad-deskrizzjonijiet fl-Anness.

    3. Is-sena tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa għandha tibda fl-1 ta’ Novembru u se tintemm fil-31 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara.

    4. Il-prezzijiet li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafu1 (a) u l-kwalità standard li hemm provvediment dwarha fil-paragrafu 2 għandhom ikunu adottati skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat.

    Il-prezzijiet li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafu 1 (b) għandhom ikunu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. L-istess proċedura għandha tintuża biex ikunu adottati r-regoli ġenerali ta’ l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    1. Għandha tkun introdotta għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Din l-għajnuna, uniformi fl-ammont fil-Komunità kollha, għandha tkun stabbilita kull sena qabel l-1 ta’ Awissu għas-sena tas-suq li tibda s-sena ta’ wara, skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat. L-għajnuna, li hija ddisinjata biex tgħin fl-iffissar ta’ dħul xieraq għall-produtturi, għandha tkun stabbilita billi jittieħed akkont ta’ l-effett ta’ l-għajnuna tal-konsum li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 11, fuq parti mill-produzzjoni biss.

    2. L-għajnuna għandha tingħata:

    - lill-kultivaturi li huma membri ta’ grupp ta’ produtturi rikonoxxut skond ir-Regolament (KEE) Nru 1360/78, fuq il-bażi tal-kwantità ta’ żejt attwalment ipproduċut minnhom,

    - lill-kultivaturi l-oħra, fuq il-bażi tan-numru u l-potenzjal tal-produzzjoni tas-siġar taż-żebbuġ li huma jkabbru u tal-qtugħ minn dawk is-siġar kif stabbilit skond rata fissa, u basta li ż-żebbuġ imkabbar kien attwalment maqtugħ.

    L-għajnuna għandha b’dana kollu tingħata biss fir-rigward ta’ żoni mħawla bis-siġar taż-żebbuġ fl-31 ta’ Ottubru 1978.

    3. Gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti jistgħu jgħinu biex jintlaħaq il-potenzjal ta’ produzzjoni u l-qtugħ li hemm provvediment dwaru fil-paragrafu 2.

    4. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Skond l-istess proċedura l-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jalloka persentaġġ li għandu jkun iddeterminat ta’ għajnuna tal-produzzjoni intiża għall-produtturi kollha jew uħud minnhom biex jiffinanzja miżuri reġjonali għat-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni taż-żebbuġ.

    5. Ir-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 38 u fejn xieraq skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament ta’ l-istrateġija agrikola komuni [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2788/72 [7].

    Artikolu 6

    Il-prezz tal-mira tal-produzzjoni għandu jkun stabbilit f’livell li huwa ġust għall-produtturi, billi jittieħed akkont tal-ħtieġa li l-produzzjoni tal-Komunità tinżamm fil-livell meħtieġ.

    Artikolu 7

    Il-prezz rappreżentattiv tas-suq għandu jkun stabbilit fuq livell li jagħti lok biex jinbiegħ iż-żejt taż-żebbuġa ipproduċut, billi jittieħed akkont tal-prezzijiet tal-prodotti kompetittivi, u b’mod speċjali x-xejra probabbli ta’ dawk il-prezzijiet matul is-sena tas-suq, u l-inċidenza taż-żidiet fix-xahar li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 10 fil-prezz taż-żejt taż-żebbuġa.

    Artikolu 8

    Il-prezz ta’ l-intervent għandu jkun ugwali għall-prezz tal-mira tal-produzzjoni bit-tnaqqis ta’ l-għajnuna tal-produzzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 5 u ammont li jagħti lok għal ċaqliq fis-suq u għall-prezz tat-trasport taż-żejt taż-żebbuġa miż-żoni tal-produzzjoni għaż-żoni tal-konsum.

    Artikolu 9

    Il-prezz tal-bidu għandu jkun stabbilit b’tali mod li l-prezz tal-bejgħ għall-prodott impurtat fuq il-punt tal-qsim tal-fruntiera tal-Komunità għandu jkun l-istess bħall-prezz rappreżentattiv tas-suq, billi jittieħed akkont ta’ l-effett tal-miżuri li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 11(3). Il-punt tal-qsim tal-fruntiera għandu jkun stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 10

    Biex il-bejgħ jista’ jkun imqassam, il-prezz rappreżentattiv tas-suq, il-prezz ta’ l-intervent u l-prezz tal-bidu għandhom ikunu miżdjuda kull xahar għall-inqas għal ħames xhur, li jibdew mill-1 ta’ Jannar, b’ammont li għandu jkun l-istess għat-tliet prezzijiet.

    Iż-żidiet ta’ kull xahar, li għandhom ikunu l-istess għal kull xahar, għandhom ikunu stabbiliti kull sena mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, billi jittieħed akkont ta’ l-ispejjeż medji tal-ħażna u l-ħlasijiet ta’ l-imgħax fil-Komunità.

    Artikolu 11

    1. Meta il-prezz tal-mira tal-produzzjoni li minnu tkun imnaqqsa l-għajnuna tal-produzzjoni jeċċedi l-prezz rappreżentattiv tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa, għajnuna tal-konsum għandha tingħata għaż-żejt taż-żebbuġa ipproduċut u mibjugħ fil-Komunità. L-għajnuna għandha tkun ugwali għad-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti.

    2. Meta organizzazzjoni tal-kummerċ taħt il-kontroll ta’ l-Istat Membru kkonċernat tingħata r-responsabbiltà li tamministra l-ftehim ta’ l-għajnuna tal-konsum, l-Istat Membru f’dan il-każ jista’ jawtorizza lill-korp bħal dak biex jimponi piż mir-riċevituri ta’ l-għajnuna, miżata li tkopri l-ispejjeż marbuta ma’ l-amministrazzjoni ta’ dak il-ftehim.

    3. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi kull sena qabel l-1 ta’ Ottubru għas-sena tas-suq segwenti l-persentaġġ ta’ l-għajnuna tal-konsum li għandha tkun allokata għall-kampanji ta’ pubbliċità u possibbilment għall-proġetti l-oħrajn sabiex iħeġġu l-konsum taż-żejt taż-żebbuġa fil-Komunità.

    4. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u b’mod partikolari dawk marbuta mal-verifika ta’ l-eliġibbiltà għall-għajnuna; dik il-verifika trid fil-prinċipju tkun marbuta maż-żejt taż-żebbuġa pproduċut fil-Komunità u maż-żejt taż-żebbuġa impurtat minn pajjiżi terzi.

    5. Regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 u, fejn jixraq, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

    Artikolu 11a

    L-Istati Membri għandhom, safejn ikun jikkonċerna lilhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu għal sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ l-arranġamenti ta’ l-għajnuna stabbilita fl-Artikoli 5 u 11.

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li hemm provvediment dwarhom fl-ewwel paragrafu hekk kif jadottawhom.

    Artikolu 12

    1. L-aġenziji ta’ l-intervent innominati mill-Istati Membri produtturi għandhom jixtru, skond ir-regoli adottati permezz tal-paragrafu 4, żejt taż-żebbuġa ta’ oriġini mill-Komunità li jkun offrut lilhom mill-produtturi jew gruppi ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet tagħhom rikonoxxuti permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1360/78 f’ċentri ta’ intervent fiż-żoni tal-produzzjoni. L-aġenziji ta’ l-intervent għandhom jixtru bil-prezz ta’ l-intervent. Il-prezz tax-xiri għandu jkun aġġustat permezz ta’ skala ta’ żidiet u tnaqqis fil-prezz meta d-deskrizzjoni jew il-kwalità taż-żejt offrut lill-aġenziji ta’ l-intervent ma jkunux konformi ma’ dak li għalih ikun ġie stabbilit il-prezz ta’ l-intervent.

    Jekk, fuq talba ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent, iż-żejt ikun imwassal f’post apparti milli fiċ-ċentru indikat mill-bejjiegħ meta ssir l-offerta, il-bidla li tirriżulta fil-prezz tat-trasport lix-xerrej għandha tkun meqjusa meta jsir il-pagament.

    2. L-aġenziji ta’ l-intervent għandhom ibiegħu fil-Komunità ż-żejt taż-żebbuġa mixtri minnhom, permezz tal-kondizzjonijiet hekk li s-suq fl-istadju tal-produzzjoni ma jkunx imfixkel.

    3. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta:

    (a) il-kondizzjonijiet li bihom jista’ jsir l-intervent matul l-aħħar tliet xhur tas-sena tas-suq;

    (b) il-kondizzjonijiet li bihom l-aġenziji ta’ l-intervent jistgħu jbiegħu ż-żejt li xtraw;

    (ċ) il-kriterji li jgħoddu biex ikunu ddeterminati ċ-ċentri ta’ l-intervent.

    4. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u d-determinazzjoni taċ-ċentri ta’ intervent għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 13

    Biex jixxejnu l-effetti taċ-ċaqliq tal-ħsad fuq il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda u b’dan il-mod biex ikunu stabbiliti l-prezzijiet tal-konsumatur, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jenħtieġ li l-aġenziji ta’ l-intervent biex jiffurmaw ħażna ta’ salvagward taż-żejt taż-żebbuġa; għandu, skond l-istess proċedura, jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-formazzjoni, l-amministrazzjoni u d-disponiment tal-ħażna tas-salvagward.

    Artikolu 14

    1. Meta ż-żejt taż-żebbuġa mhux ittrattat li jidħol fis-subintestatura 15.07 A I tat-Tariffa Komuni Doganali jkun impurtat minn pajjiżi terzi u meta l-prezz tal-bidu jkun ogħla mill-prezz cif, imposta egwali għad-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet għandha tkun imposta.

    2. Il-prezz cif, ikkalkulat għall-punt ta’ qsim fuq il-fruntiera li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 9, għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta’ l-aħjar possibbiltajiet tax-xiri fis-suq dinji, il-prezzijiet ikunu aġġustati b’referenza għal xi differenzi li jkun hemm mid-deskrizzjoni jew il-kwalità li biha kien stabbilit il-prezz tal-bidu.

    3. Meta l-kwotazzjoni ħielsa fis-suq dinji ma jkunux fatturi determinanti għall-prezz ta’ l-offerta u meta dak il-prezz ikun anqas mill-prezzijiet tas-suq dinji, prezz iddeterminat fuq il-prezz ta’ l-offerta għandu jkun sostitwit għall-prezz cif fir-rigward ta’ l-importazzjoni f’dak il-każ biss.

    4. L-imposta għandha tkun iffissata mill-Kummissjoni. Il-kriterji biex ikun determinat il-prezz cif li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 3 u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 15

    1. Imposta għandha tkun imposta fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi taż-żejt taż-żebbuġa li jidħol fis-subintestatura 15.07 A II tat-Tariffa Komuni Doganali; din l-imposta għandha tkun magħmula minn komponent varjabbli li jikkorrispondi ma’ l-imposta applikabli għall-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa meħtieġa għall-produzzjoni taż-żejt impurtat, li jista’ jkun stabbilit b’rata standard, u komponent fiss biex jipproteġi l-industrija ta’ l-ipproċessar.

    2. Meta, għal wieħed jew aktar mill-oriġni, il-prezzijiet b’offerta fis-suq dinji għaż-żejt taż-żebbuġa li jidħol taħt is-subintestatura 15.07 A II tat-Tariffa Komuni Doganali ma jkunux jaqblu mal-prezz cif li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 14, dan ta’ l-aħħar għandu jkun mibdul għall-kalkolazzjoni tal-komponent varjabbli ta’ l-imposta bi prezz iddeterminat fuq il-bażi tal-prezzijiet b’offerta imsemmija hawn fuq.

    3. Ir-regoli dettalji għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 16

    1. Meta x-xejra attwali tas-suq dinji fil-każ taż-żejt taż-żebbuġa mhux trattat ma tistax tkun iddeterminata mill-offerti f’dak is-suq, l-imposta ta’ l-importazzjoni fuq il-prodotti li hemm referenza dwarha fl-Artikoli 14 u 15 għandha tkun stabbilita permezz ta’ proċedura ta’ l-offerti.

    2. Il-Kummissjoni għandha perjodikament tistabbilixxi r-rata minima ta’ l-imposta, billi tqis fost affarijiet oħra r-rati ta’ l-imposta indikati minn mill-appaltaturi. Kwalunkwe appaltatur li jkun indika rata ta’ imposta ugwali għal jew ogħla mir-rata minima għandu jkun iddikjarat bħala l-appaltatur rebbieħ u għandu jkun obbligat li jimporta l-ammont tal-prodott speċifikat fl-applikazzjoni tiegħu bir-rata ta’ l-imposta indikata minnu.

    3. B’dana kollu, l-importazzjoni li tinvolvi ammonti li m’għandhom l-ebda effett fuq il-qagħda tas-suq m’għandhomx ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ l-offerti msemmija hawn fuq. F’dak il-każ, l-imposta li trid titħallas għandha tkun l-imposta minima l-altar riċenti stabbilita qabel l-importazzjoni.

    4. Meta x-xejra fis-suq dinji fil-każ taż-żejt taż-żebbuġa mhux ittrattat tvarja skond il-preżentazzjoni taż-żejt, levies minimi differenti jistgħu jkunu stabbiliti fil-każ tal-preżentazzjonijiet ikkonċernati.

    5. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    6. Ir-regoli dettalji għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 17

    1. Fil-każ ta’ l-importazzjoni taż-żebbuġ minn pajjiżi terzi li jidħlu taħt is-subintestaturi 07.01 N II u 07.03 A II tat-Tariffa Komuni Doganali, imposta mnissla mill-imposta applikabli għaż-żejt taż-żebbuġa permezz ta’ l-Artikolu 14 u bbażat fuq il-kontenut ta’ żejt tal-prodott impurtat, għandha tkun imposta.

    B’dana kollu, il-piż impost ma jistax ikun anqas minn ammont ekwivalenti għal 8 % tal-valur tal-prodott impurtat, dak l-ammont għandu jkun stabbilit b’rata standard.

    2. Fil-każ ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ prodotti li jidħlu taħt is-subintestaturi 23.04 A II u 15.17 B I tat-Tariffa Komuni Doganali, imposta mnissla mill-imposta applikabbli għaż-żejt taż-żebbuġa u bbażata fuq il-kontenut taż-żejt tal-prodott impurtat, għandha tkun imposta.

    3. Meta l-Artikolu 16 ikun applikat, levy għandha tkun imposta fuq l-importazzjoni tal-prodotti li hemm referenza dwarha fil-paragrafi preċedenti, billi jittieħed akkont ta’ l-imposta minima applikabbli għall-ammont ta’ żejt taż-żebbuġa li jkun hemm f’dawk il-prodotti. B’dan a kollu, fil-każ tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu għandu jkun applikabbli.

    4. Il-Kummissjoni għandha minn żmien għal żmien tiffissa l-levies li hemm referenza dwarhom f’dan l-Artikolu.

    5. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-kontenut taż-żejt, li jista’ jkun stabbilit b’rata standard, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 18

    1. Meta l-Artikoli 14, 15 u17 (1) u (2) jkunu applikati, l-imposta applikabbli għall-importazzjoni għandha dik fis-seħħ fil-jum ta’ l-importazzjoni.

    B’dana kollu, fil-każ ta’ l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2)(ċ), l-imposta tista’ tkun stabbilita bil-quddiem, fuq talba tal-parti kkonċernata, skond il-kondizzjonijiet adottati mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    2. Ir-regoli dettalji għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 19

    1. L-importazzjoni fil-Komunità tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1(2)(ċ) u fl-Artikolu 17 għandhom ikunu suġġetti għal-preżentazzjoni tal-liċenzja ta’ l-importazzjoni.

    L-esportazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa mill-Komunità għandha tkun suġġetta għall-preżentazzjoni tal-liċenzja ta’ l-esportazzjoni.

    Meta l-imposta jew ir-rifużjoni tkun iffissata bil-quddiem, l-iffissar bil-quddiem għandu jkun innotat fuq il-liċenzja li sservi bħala dokument ta’ sostenn għall-iffissar bil-quddiem bħal dak.

    2. Il-liċenzja għandha tinħareġ mill-Istati Membri lil kwalunkwe applikant, irrispettivament mill-post ta’ l-istabbiliment tiegħu fil-Komunità.

    B’dana kollu, meta l-Artikolu 16(1) u (2) jkun applikat, l-Istati Membri għandhom joħorġu liċenzji ta’ l-importazzjoni fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa biss lil dawk l-appaltaturi li jkunu indikaw rata ta’ imposta ekwivalenti għal jew ogħla mill-imposta minima. Il-liċenzja ta’ l-importazzjoni jew ta’ l-esportazzjoni għandha tkun valida fil-Komunità kollha.

    Il-ħruġ ta’ dawk il-liċenzji għandu jkun suġġett mill-provvediment ta’ garanzija li tiggarantixxi l-impenn li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni matul il-perjodu tal-validità tal-liċenzja; dik il-garanzija għandha tkun issekwestrata kollha jew parti minnha jekk l-operazzjoni ma sseħħx f’dak iż-żmien stipulat jew tkun effetwata biss parzjalment.

    3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38. Dawn għandhom jistabbilixxu t-tul tal-validità tal-liċenzji u jistgħu jispeċifikaw limitu ta’ żmien għall-ħruġ tagħhom.

    Artikolu 20

    1. Meta ż-żejt taż-żebbuġa jkun esportat lejn pajjiżi terzi:

    - id-differenza bejn il-prezz tal-Komunità u l-prezz dinji tista’ tkun koperta b’rifużjoni meta ta’ l-ewwel ikun ogħla minn ta’ l-aħħar;

    - imposta li tkopri d-differenza bejn il-prezz dinji u l-prezz tal-Komunità tista’ tkun imposta meta ta’ l-ewwel ikun ogħla minn ta’ l-aħħar.

    2. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali li jirregolaw il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolu u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-għoti tar-rifużjoni, l-piżijiet għall-imposta fuq l-esportazzjoni, l-iffissar ta’ l-ammonti tagħhom u, fejn jixraq, l-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni.

    3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    Artikolu 20a

    Iż-żejt taż-żebbuġa użat fil-manifattura tal-preservazzjoni tal-ħut u l-ħxejjex għandu jgawdi minn sistema ta’ rifużjonijiet tal-produzzjoni jew mis-sospenzjoni parzjali jew sħiħa ta’ l-imposta ta’ l-importazzjoni.

    Ir-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati mill-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Artikolu 20b

    1. Jekk għal raġuni ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni s-suq tal-Komunità ta’ wieħed jew aktar mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2)(ċ), (d) u (e) iġarrab jew ikun mhedded b’xi xkiel serju li jista’ jdgħajjef l-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-Trattat, miżuri xierqa jistgħu jkunu applikati fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi sakemm dan ix-xkiel jew it-theddid ta’ xkiel ikun intemm.

    Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata proposta mill-Kummissjoni, għandu jaddotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu u għandu jiddefinixxi l-każi li fil-limiti tagħhom l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni.

    2. Jekk isseħħ is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa; il-miżuri għandhom jiġu mgħarrfa lill-Istati Membri u għandhom ikunu applikabli immedjetament. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn għand xi Stat Membru, din għandha tieħu deċiżjoni dwar dan fi żmien 24 siegħa minn meta tirċievi t-talba.

    3. Il-miżuri li tkun saret deċiżjoni dwarhom mill-Kummissjoni jistgħu jiġu mgħoddija lill-Kunsill minn kwalunkwe Stat Membru fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mill-jum minn meta jkunu kkomunikati. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ mingħajr dewmien. Dan jista’, billi jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jemenda jew jirrevoka l-miżuri f’dan il-każ.

    Artikolu 20ċ

    Fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa, il-gruppi ta’ produtturi li hemm provvediment dwarhom fir-Regolament (KEE) Nru 1360/78 għandhom, sabiex ikunu rikonoxxuti, jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Regolament kif ukoll:

    - ikunu jistgħu jivverifikaw il-produzzjoni attwali tal-membri tagħhom;

    - ikunu awtorizzati biex jissottomettu applikazzjoni waħda għall-membri produtturi tagħhom kollha;

    - ikunu awtorizzati biex jirċievu l-għajnuna u jħallsu lil kull membru s-sehem tiegħu.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1360/78, ir-rikonoxximent ta’ grupp ta’ produtturi għandu jkun irtirat jekk il-kondizzjonijiet għall-għarfien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ma kinux jew m’għadhomx aktar milħuqa.

    Artikolu 20d

    1. Bħala deroga mill-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru1360/78, l-Istati Membri għandhom, għall-perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Novembru 1978, jagħtu l-għajnuna lill-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti biex iħeġġu l-formazzjoni tagħhom u biex jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tagħhom, suġġett għal dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) l-għajnuna għandha tingħata għal ħames snin mid-data tar-rikonoxximent tagħhom, u

    (b) l-ammonti għandhom ikunu dawn li ġejjin għall-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena rispettivament:

    - mhux aktar minn 5 %, 4 %, 3 %, 2 % u 1 % tal-valur tal-produzzjoni li hemm li dwarhom ikun jirrigwardja r-rikonoxximent u l-kummerċ;

    - taħt l-ebda ċirkustanza b’eċċess ta’ 80 %, 60 %, 40 %, 20 % u 10 % ta’ l-ispejjeż attwali fil-formazzjoni u l-amministrazzjoni tal-grupp.

    2. Meta l-prezzijiet tas-suq tal-Komunità joqorbu lejn il-prezz ta’ l-intervent għall-perjodu li għandu jkun stabbilit, jista’ jkun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 li gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti jistgħu jtemmu l-kuntratti tal-ħażna fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa li huma jinnegozjaw.

    3. Ir-regoli dettaljati għal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38."

    Artikolu 2

    L-Artikolu 42a tar-Regolament Nru 136/66/KEE għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 42a

    It-Tariffa Komuni Doganali annessa mar-Regolament (KEE) Nru 950/68 hi hawnhekk emendata kif ġej:

    Intestatura TDK Nru | Deskrizzjoni | Rata tad-dazju |

    Persentaġġ awtonomu jew imposta (L) | Konvenzjonali % |

    1 | 2 | 3 | 4 |

    07.01 | N.Żebbuġ | | |

    II.Oħrajn | 7 (L) | — |

    07.03 | A.Żebbuġ | | |

    II.Oħrajn | 8 (L) | — |

    23.04 | A.Mgħaqqad taż-żejt u residwi oħrajn li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa: | | |

    III.Li jkun fih 5 % jew anqas bil-piż ta' żejt taż-żebbuġa | B'xejn | — |

    IV.Li jkun fih aktar minn 3 % bil-piż ta' żejt taż-żebbuġa | B'xejn (L) | —" |

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 1978.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ġunju 1978.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. Auken

    [1] ĠU C 108, tat-8.5.1978, p. 49.

    [2] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

    [3] ĠU L 171, tat-28.6.1978, p. 8.

    [4] ĠU L 327, tas-26.11.1976, p. 4.

    [5] ĠU L 166, tat-23.6.1978, p. 1.

    [6] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

    [7] ĠU L 295, tat-30.12.1972, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top