Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31965R0079

    Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 79/65/KEE tal-15 ta’ Ġunju 1965 li jistabbilixxi network għall-ġbir ta’ informazzjoni ta’ kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ekonomika Ewropea

    ĠU 109, 23.6.1965, p. 1859–1865 (DE, FR, IT, NL)
    Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1965-1966 P. 70 - 76

    Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/01/2010; Imħassar b' 32009R1217

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1965/79/oj

    31965R0079



    Official Journal 109 , 23/06/1965 P. 1859 - 1865
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0113
    Danish special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0063
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0113
    English special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0070
    Greek special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0184
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0147
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 1 P. 0147


    Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 79/65/KEE

    tal-15 ta’ Ġunju 1965

    li jistabbilixxi network għall-ġbir ta’ informazzjoni ta’ kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ekonomika Ewropea

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu;

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

    Billi l-iżvilupp tal-politika komuni dwar l-agrikoltura jitlob li jkun hemm disponibbli informazzjoni oġġettiva u rilevanti dwar id-dħul tad-diversi kategorji ta’ azjendi agrikoli u dwar operazzjonijiet kummerċjali ta’ azjendi li jaqgħu f’kategoriji li jeħtieġu attenzjoni speċjali fuq livell Komunitarju;

    Billi l-kontijiet ta’ azjendi agrikoli jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta’ l-informazzjoni essenzjali għal kull valutazzjoni tad-dħul ta’ l-azjendi agrikoli u għall-istudju dwar l-operazzjoni kummerċjali tagħhom;

    Billi l-informazzjoni miġbura għandha tiġi miksuba minn azjendi agrikoli magħżula b’mod speċjali u addattati skond regoli komuni u trid tkun ibbażata fuq fatti verifikabbli; billi din l-informazzjoni trid tirrifletti l-kondizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u soċjali ta’ l-azjendi involuti, tittieħed minn azjendi individwali, tkun disponibbli malajr kemm jista’ jkun, tkun ibbażata fuq definizzjonijiet uniformi, tkun preżentata b’forma komuni u tkun tista’ tiġi użata f’kull mument u bid-dettalji kollha mill-Kummissjoni;

    Billi dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu biss permess ta’ network Komunitarju għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità ta’ l-irziezet, ibbażata f’uffiċċji tal-kontabilità ta’ l-irziezet li jeżistu f’kull Stat Membru, li jgawdu l-kunfidenzja tal-partijiet konċernati u li jiddependu fuq il-parteċipazzjoni volontarja tagħhom;

    Billi l-kumplessità, kemm fil-Komunità u kif ukoll f’livell ta’ Stat Membru, tax-xogħol involut sabiex tinħoloq network fil-Komunità għall-ġbir ta' l-informazzjoni tal-kontabilità ta' l-irziezet hija tali li l-istabbiliment ta' sistema tal-kontabilità għandha timxi bil-mod, b’hekk illi fl-ewwel ftit snin ikun jista’ jsir ammont limitat ta’ stħarriġ;

    Billi sabiex jintagħżlu l-azjendi agrikoli u sabiex tiġi analizzata u evalwata l-informazzjoni miġbura, huwa neċessarju li ssir riferenza għal informazzjoni miksuba minn sorsi oħra;

    Billi l-bdiewa jridu jiġu assigurati illi l-kontijiet u d-dettalji individwali kollha tagħhom miksuba għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jkunux sejrin jintużaw għal skop ta’ taxxa jew li ma jkunux sejrin jiġu żvelati mill-persuni li jipparteċipaw jew ikunu pparteċipaw fin-network fil-Komunità ta’ data tal-kontabilità ta’ l-irziezet;

    Billi, sabiex tissodisfa ruħha dwar l-oġġettività u r-relevanza ta’ l-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni trid tkun f’posizzjoni li tikseb id-dettalji meħtieġa dwar il-mod kif il-korpi li huma fdati bl-għażla ta’ l-azjendi agrikoli u ta’ l-uffiċċji tal-kontabilità li jieħdu sehem fin-network tal-Komunità ta’ data tal-kontabilità fl-irziezet jaqdu d-dmirijiet tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, sabiex jintbagħtu esperti biex jaħdmu fuq il-post bil-kollaborazzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

    Billi, sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet previsti, għandha tiġi stabbilita proċedura fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jikkooperaw mill-qrib fi ħdan kumitat tal-Komunità;

    Billi wara li n-network ta’ data tal-kontabilità fl-irziezet tal-Komunità tkun ilha topera għal ftit snin, il-Kummissjoni tkun f’posizzjoni li tirrapporta dwar l-esperjenza li tkun kisbet u li tipproponi kwalunkwe emendi meħtieġa għal dan ir-Regolament;

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    IL-KAPITOLU 1 L-istabbiliment ta’ network fil-Komunità dwar informazzjoni tal-kontabilità fl-irziezet għall-Komunità Ekonomika Ewropea

    Artikolu 1

    1. Sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta’ politika komuni dwar l-agrikoltura, għandha tiġi stabbilita network fil-Komunità għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-kontabilità fl-irziezet, iktar ’il quddiem imsejħa "network ta’ informazzjoni".

    2. L-iskop tan-network ta’ informazzjoni għandu jkun li tinġabar l-informazzjoni tal-kontabilità meħtieġa, b’mod partikolari:

    (a) tagħrif annwali tad-dħul ta’ l-azjendi agrikoli li jaqa’ fl-ambitu ta’ l-istħarriġ kif imfisser fl-Artikolu 4; u

    (b) analiżi kummerċjali ta’ l-azjendi agrikoli.

    3. L-informazzjoni miksuba għal dan ir-Regolament għandha sservi primarjament bħala bażi għal rapport annwali li jsir mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ta’ l-agrikoltura u s-swieq ta’ l-agrikoltura fil-Komunità.

    Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a) "operatur" ifisser il-persuna fiżika responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum ta’ azjendaazjenda agrikola; ++

    (b) "kategorija ta’ azjenda" tfisser grupp ta’ azjendi agrikoli li jkollhom l-istess karatteristiċi skond il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 (3) (a);

    (ċ) "azjenda prospettanti" tfisser kwalunkwe azjenda agrikola li tagħmel prospett għall-għanijiet tan-network ta’ informazzjoni;

    (d) "taqsima" tfisser it-territorju ta’ l-Istat Membru, jew parti minnu, delimitat skond is-selezzjoni ta’ azjendi prospettanti; lista’ ta’ dawn it-taqsimiet tidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (e) "data tal-kontabilità" tfisser kwalunwe informazzjoni ta’ natura teknika, finanzjarja jew ekonomika dwar azjendaazjenda agrikola miksuba minn kontijiet li jikkonsistu fi skrizzjonijiet li jsiru regolarment u sistematikament matul is-sena tal-kontabilità.

    IL-KAPITOLU II Il-kalkolu tad-dħul minn azjendi agrikoli

    Artikolu 3

    Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jirrigwardaw il-ġbir ta’ data tal-kontabilità bl-għan li jsir kalkolu annwali tad-dħul minn azjendi agrikoli.

    Artikolu 4

    1. L-ambitu ta’ l-istħarrig imsemmi fl-Artikolu 1 (2) (a) għandu jkopri dawk l-azjendi agrikoli li:

    - huma mmexxija bħala azjendi orjentati għas-suq, u

    - jipprovdu l-okkupazzjoni prinċipali ta’ l-operatur.

    2. (a) Matul l-ewwel tliet snin ta’ l-operazzjoni ta’ dan ir-Regolament, id-data għandha tinkiseb biss minn dawk l-azjendi agrikoli fl-ambitu ta’ l-istħarriġ definit fil-paragrafu 1 li għandhom arja li teċċedi l-ħames ettari.

    Madanakollu, din il-limitazzjoni dwar l-arja m’għandhiex tapplika fir-rigward ta’ azjendi li iktar minn nofs il-prodotti tagħhom jikkonsistu f’wieħed jew iktar minn dawn il-prodotti segwenti: inbid, frott, ħxejjex, prodotti taż-żebbuġ.

    Għal dan il-perjodu, in-numru ta’ azjendi prospettanti għandhom ikunu għaxart elef.

    (b) Qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu, il-Kunsill għandu fuq proposta tal-Kummissjoni u b’vot ta’ maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi ż-żieda fin-numru ta’ azjendi prospettanti għas-snin futuri u għandu jiddetermina pjan sabiex jestendi l-istħarriġ bil-mod sabiex jinkludi fl-ambitu ta’ l-istħarrig dawk l-azjendi agrikoli li jkunu ġew esklużi matul l-ewwel tliet snin.

    3. Sabiex tikkwalifika bħala azjenda prospettanti għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, azjenda agrikola għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet segwenti:

    (a) l-azjenda għandha jkollha l-karatteristiċi tas-sezzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda:

    - it-tip ta’ biedja,

    - iż-żona

    - il-ħaddiema (numru u densità),

    - tip ta’ okkupazzjoni;

    (b) il-persuna li topera l-azjenda għandha tkun persuna disposta u kapaċi li żżomm kontijiet ta’ l-irziezet u disposta li tħalli d-data tal-kontabilità ta’ l-azjenda tagħha disponibbli għall-Kummissjoni;

    (ċ) il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni fl-azjenda u l-lokazzjoni tagħha fis-swieq għandha tkun tali li tkun meqjusa normali għall-qasam in kwistjoni.

    4. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxu b’mod partikolari n-numru ta’ azjendi prospettanti għal kull qasam, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

    Artikolu 5

    1. Kull Stat Membru għandu, fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistabbilixxi Kumitat għal kull qasam tiegħu, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ il-"Kumitat Reġjonali".

    2. Kumitat Reġjonali għandu jikkonsisti f’mhux iktar minn tnax-il membru, li jirrappreżentaw:

    - l-awtoritajiet amministrattivi,

    - il-bdiewa,

    - l-uffiċċju tal-kontabilità ta’ l-irziezet, u,

    - sakemm dawn ikunu jeżistu fil-qasam u l-kooperazzjoni tagħhom tkun meħtieġa, il-korpi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ekonomija ta’ l-agrikoltura, l-edukazzjoni agrikola u s-servizzi ta’ pariri, ix-xogħol ta’ estensjoni agrikola, l-istatistika agrikola u l-kreditu agrikolu.

    3. Il-President tal-Kumitat Reġjonali għandu jiġi maħtur mill-Istati Membri minn fost il-membri ta’ dak il-Kumitat.

    Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Reġjonali għandhom ikunu unanimi; meta l-unanimità ma tkunx tista’ tintlaħaq, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minn awtorità maħtura nominata mill-Istat Membru.

    Il-Kumitat Reġjonali jista’ jikseb l-assistenza ta’ esperti.

    4. Id-dmirijiet ta’ Kumitat Reġjonali għandhom ikunu li:

    (a) jistabbilixxi l-kategoriji ta’ azjendi li jinsabu fil-qasam tiegħu u sabiex jassigura d-distribuzzjoni numerika ta’ azjendi fost id-diversi kategoriji. F’dan l-eżerċizzju, huwa għandu jibbaża ruħu prinċipalment fuq l-istatistika disponibbli;

    (b) jiffissa n-numru ta’ azjendi prospettanti għal kull kategorija, wara li jikkunsidra x-xorta ta’ tqassim imsemmi fis-subinċiż (a), in-numru ta’ azjendi prospettanti stabbiliti għal dik it-taqsima fl-Artikolu 4 (4) u l-bżonn ta’ rappreżentazzjoni tajba għal kull kategorija;

    (ċ) jagħżel l-azjendi prospettanti, wara li jikkunsidra d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 (3) u d-deċiżjonijiet tagħhom skond is-subparagrafi (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu;

    (d) jagħmel lista ta’ l-azjendi magħżula, li tispeċifika fir-rigward ta’ kull waħda:

    - il-karatteristiċi li jiġġustifikaw dik l-għażla u l-inklużjoni tagħha f’kategorija partikolari;

    - l-uffiċċju tal-kontabilità, magħżula kif stabbilit fl-Artikolu 8;

    u li jibgħat dik il-lista lill-aġenzija intermedjarja magħżula hekk kif provdut fl-Artikolu 6.

    5. Regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

    Artikolu 6

    1. Kull Stat Membru għandu, fi żmien xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jaħtar aġenzija intermedjarja.

    2. Id-dmirijiet ta’ l-aġenzija intermedjarja għandhom ikunu li:

    - tinforma lill-Kumitat Reġjonali u l-uffiċċju tal-kontabilità dwar ir-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni li jirrigwardawhom, sabiex jassigura li dawk ir-regoli huma applikati b’mod uniformi;

    - li tiġbor u tibgħat lill-Kummissjoni listi ta’ uffiċċji ta’ accountants disposti u kapaċi li jagħmlu prospett ta’ razzett skond it-termini tal-kuntratti stabbiliti fl-Artikoli 9 u 14;

    - li tibgħat lill-Kummissjoni listi ta’ l-azjendi prospettanti miġbura mill-Kumitati Reġjonali skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(4), wara li jiġi verifikat li dawk il-listi saru kif suppost;

    - li tiġbor il-prospetti ta’ l-irziezet mibgħuta lilha mill-uffiċċji tal-kontabilità u tivverifika li saru kif suppost;

    - li tibgħat il-prospetti ta’ l-irziezet li jkunu mtlew kif suppost lill-Kummissjoni;

    - li tgħaddi lill-Kumitati Reġjonali u lill-uffiċċji tal-kontabilità t-talba għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16 u li tibgħat ir-risposti rilevanti lill-Kummissjoni.

    3. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

    Artikolu 7

    1. Kull azjenda prospettanti għandha tkun soġġetta għal prospett ta’ razzett individwali u anonimu.

    2. Id-data tal-kontabilità mitluba minn kull azjenda prospettanti għandha tkun tali li jkun possibbli:

    - li tiġi karatterizzata l-azjenda trattata fil-kontijiet b’referenza għall-elementi prinċipali tal-fatturi tal-produzzjoni tagħha;

    - li ssir stima tad-dħul ta’ l-azjenda fid-diversi forom tagħha;

    - li tiġi verifikata permezz ta’ kontrolli għall-għarrieda l-verità ta’ l-informazzjoni mogħtija.

    3. It-tip ta’ data tal-kontabilità li għandha tingħata fi prospett ta’ razzett, il-forma li biha trid tiġi preżentata din l-informazzjoni u d-definizzjonijiet u l-istruzzjonijiet relatati magħhom għandhom jingħataw skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

    Artikolu 8

    Bidwi li l-azjenda tiegħu hija magħżula bħala azjenda prospettanti għandu jagħżel minn lista magħmula għal dan l-iskop mill-aġenzija intermedjarja, uffiċċju tal-kontabilità li jkun dispost li jagħmel il-prospett għall-azjenda tiegħu skond it-termini tal-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 9.

    Artikolu 9

    1. Ta’ kull sena, għandu jiġi konkluż kuntratt, fuq l-awtorità ta’ l-Istati Membri, bejn l-awtorità kompetenti nominata minn dan l-Istat Membru u kull uffiċċju tal-kontabilità magħżul kif stabbilit fl-Artikolu 7. Permezz ta’ dan il-kuntratt, l-uffiċċju tal-kontabilità huwa responsabbli, bi ħlas ta’ onorarju stabbilit, li jlesti l-prospetti ta’ l-irziezet b’mod konsistenti mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7.

    2. Il-kondizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, li għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19

    It-termini supplimentari li jistgħu jitniżżlu f’dan il-kuntratt mill-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti skond l-istess proċedura.

    3. Meta d-dmirijiet ta’ l-uffiċċju tal-kontabilità jiġu mwettqa minn dipartiment amministrattiv, dan ta’ l-aħħar għandu jiġi notifikat dwar id-dmirijiet tiegħu permezz tal-kanali amministrattivi normali.

    IL-KAPITOLU III Ġbir ta’ data tal-kontabilità għall-iskopijiet ta’ analiżi kummerċjali ta’ azjendi agrikoli

    Artikolu 10

    Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jirrigwardaw il-ġbir ta’ data tal-kontabilità għall-iskopijiet ta’ analiżi kummerċjali ta’ azjendi agrikoli.

    Artikolu 11

    Għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 19:

    - is-suġġetti ta’ l-analiżi msemmija fl-Artikolu 1 (2) (b);

    - regoli dettaljati dwar l-għażla u n-numru ta’ azjendi prospettanti, u dawn għandhom jiġu stabbiliti skond l-oġġettivi ta’ kull analiżi partikolari.

    Artikolu 12

    1. Kull azjenda prospettanti magħżula skond it-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 11 għandha tkun soġġetta għal prospett ta’ razzett speċjali, li għandu jkun individwali għal dik l-azjenda u anonimu. Dan il-prospett ta’ razzett għandu jinkludi d-data tal-kontabilità mitluba fl-Artikolu 7 (2) u kwalunkwe punti u dettalji oħra tal-kontabilità li kull analiżi partikolari tista’ tiġi bżonn.

    2. It-tip ta’ data tal-kontabilità li għandha tingħata fil-prospett ta’ razzett speċjali, il-mod ta’ kif din l-informazzjoni għandha tiġi preżentata u d-definizzjonijiet u l-istruzzjonijiet relatati miegħu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 19.

    3. Prospetti speċjali ta’ l-irziezet għandhom jimtlew mid-diversi uffiċċji tal-kontabilità stabbiliti fl-Artikolu 13.

    Artikolu 13

    Bidwi li l-azjenda tiegħu tkun magħżula skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11 għandu jagħżel mill-lista miġbura għal dan l-għan mill-aġenzija intermedjarja, uffiċċju tal-kontabilità li huwa dispost li jimla l-prospett speċjali għall-azjenda tiegħu skond il-kondizzjonijiet tal-kuntratt stabbiliti fl-Artikolu 14.

    Artikolu 14

    1. Għandu jiġi konkluż kuntratt fuq l-awtorità ta’ l-Istat Membru bejn l-awtorità kompetenti nnominata minn dan ta’ l-aħħar u kull uffiċċju tal-kontabilità magħżul hekk kif stabbilit mill-Artikolu 13. B’dan il-kuntratt, l-uffiċċju tal-kontabilità jintrabat, bi ħlas ta’ onorarju standard, li jimla l-prospetti speċjali ta’ l-irziezet b’mod konsistenti mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12.

    2. Il-kondizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, li għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 19.

    Il-kondizzjonijiet supplimentari li jistgħu jitniżżlu f’dan il-kuntratt mill-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti skond l-istess proċedura.

    3. Meta d-dmirijiet ta’ l-uffiċċju tal-kontabilità jiġu mwettqa minn dipartiment amministrattiv, dan ta’ l-aħħar għandu jiġi nnotifikat dwar id-dmirijiet tiegħu mill-kanali amministrattivi normali.

    IL-KAPITOLU IV Disposizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 15

    1. Huwa pprojbit li tintuża għall-iskopijiet ta’ taxxa xi informazzjoni individwali ta’ kontabilità jew xi dettalji individwali oħra miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2. Huwa pprojbit għal kwalunkwe persuna li qiegħda tipparteċipa jew li tkun ipparteċipat fin-network ta’ informazzjoni li xxandar xi informazzjoni individwali tal-kontabilità jew xi dettalji individwali oħra meta din l-informazzjoni tkun inkisbet fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha jew inkella b’mod inċidentali waqt dan l-eżerċizzju.

    3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jippenalizzaw il-ksur tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2.

    Artikolu 16

    1. Il-Kumitati Reġjonali u l-uffiċċji tal-kontabilità huma marbuta, fl-ambitu tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, li jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li l-istess Kummissjoni tista’ titlobhom dwar it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Talbiet għall-informazzjoni ta’ din ix-xorta u r-risposti rilevanti għandhom jintbagħtu bil-miktub permezz ta’ l-aġenzija intermedjarja.

    2. Fil-każ li l-informazzjoni mogħtija tkun inadegwata jew jekk din l-informazzjoni tonqos li tasal fi żmien tajjeb, il-Kummissjoni għandha l-fakultà li, bil-kollaborazzjoni ta’ l-aġenzija intermedjarja, tibgħat esperti biex jaħdmu fuq is-sit.

    Artikolu 17

    Qiegħed jiġi hawnhekk stabbilit Kumitat tal-Komunità għan-Network ta’ Informazzjoni dwar l-Irziezet, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "Il-Kumitat tal-Komunità".

    Artikolu 18

    1. Il-Kumitat tal-Komunità għandu jikkonsisti f’rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jiġi rrappreżentat fuq il-Kumitat tal-Komunità minn mhux iktar minn ħames uffiċjali.

    Il-President tal-Kumitat tal-Komunità għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2. Meta l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tiġi applikata, il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu mwieżna hekk kif stabbilit fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota.

    Artikolu 19

    1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu trid tiġi segwita, il-każijiet għandhom jiġu riferuti lill-Kumitat tal-Komunità mill-President, fuq l-inizjattiva tiegħu jew inkella fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jkunu sejrin jiġu adottati. Il-Kumitat tal-Komunità għandu jagħti l-opinjoni dwar dawn il-miżuri fi żmien stipulat mill-President skond l-urġenza tal-każ. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b’maġġoranza ta’ tnax-il vot.

    2. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li japplikaw immedjatament. Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunità, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill immedjatament. F’dik l-eventwalità, il-Kummissjoni tista’ tiddiferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun adottat għal mhux iktar minn xahar mid-data ta’ dik il-komunikazzjoni.

    Il-Kunsill jista’, b’vot ta’ maġġoranza kkwalifikata, jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar.

    Artikolu 20

    1. Il-Kumitat tal-Komunità għandu jiġi kkonsultat:

    (a) għall-iskopijiet li jivverifika li l-għażla ta’ l-azjendi prospettanti taħt l-Artikolu 5 tkun saret b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4;

    (b) għall-iskopijiet li tiġi analizzata u evalwata l-informazzjoni tal-kontabilità li tirriżulta min-network ta’ informazzjoni, waqt li tiġi kkunsidrata b’mod partikolari d-data miksuba inter alia mill-kontijiet ta’ l-irziezet u l-istatistika ġenerali u minn kontijiet nazzjonali.

    2. Il-Kumitat tal-Komunità jista’ jeżamina kwalunkwe mistoqsija oħra li jagħmel il-President tiegħu, kemm fuq inizjattiva tiegħu kif ukoll fuq talba ta’ rappreżentant ta’ Stat Membru.

    Għandu jinżammm regolarment infurmat dwar l-operat tan-network ta’ informazzjoni.

    Artikolu 21

    Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Kumitat tal-Komunità.

    Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat tal-Komunità għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni.

    Il-Kumitat tal-Komunità għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    Artikolu 22

    1. Approprjazzjonijiet biex ikopru dawk l-ispejjeż tan-network ta’ informazzjoni li huma speċifikament attribwibbli għall-ħlas ta’ l-onorarji ta’ l-uffiċċji tal-kontabilità li jsiru wara li jiġu meqjusa t-twettiq tad-doveri tagħhom imsemmija fl-Artikoli 9 u 14 għandhom jiġu inkorporati fil-budget tal-Komunità, fit-taqsima dwar il-Kummissjoni.

    2. L-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istabbiliment u l-operat tal-Kumitati Reġjonali u l-aġenziji intermedjarji m’għandhomx jiġu inklużi fil-budget tal-Komunità.

    Artikolu 23

    Qabel l-1 ta’ Jannar ta’ l-1970, il-Kummissjoni għandha tagħti rapport sħiħ lill-Kunsill dwar l-operat tan-network ta’ informazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe proposta sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 15 ta’ Ġunju 1965.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Couve de Murville

    [1] ĠU Nru 157, 30.10.1963, p. 2653/63

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    Lista tat-taqsimiet imsemmija fl-Artikolu 2 (d)

    IL-ĠERMANJA | 1.Schleswig-Holstein2.Niedersachsen3.Nordrhein-Westfalen4.Hessen5.Rheinland-Pfalz6.Baden-Württemberg7.Bayern8.Saarland9.Hamburg10.Bremen11.Berlin |

    FRANZA | 1.Nord, Picardie2.Basse-Normandie, Haute-Normandie3.Bretagne, pays de la Loire, Poitou-Charente4.Centre, Région parisienne5.Franche-Comté, Champagne, Bourgogne6.Lorraine, Alsace7.Limousin, Auvergne8.Rhône-Alpes9.Aquitaine, Midi-Pyrénées10.Languedoc, Provence-Côte d'Azur-Corse |

    1. Piemonte, Valle d'Aosta | 1.Piemonte, Valle d'Aosta2.Lombardia3.Veneto, Trentino-Alto Adige, Friuli-Venezia Giulia4.Liguria5.Emilia-Romagna6.Toscana7.Umbria, Marche8.Lazio, Abruzzi9.Campania, Calabria, Molise10.Puglia, Basilicata11.Sqallija12.Sardenja |

    IL-BELĠJU | Jikkostitwixxi diviżjoni waħda |

    IL-LUSSEMBURGU | Jikkostitwixxi diviżjoni waħda |

    L-OLANDA | Tikkostitwixxi diviżjoni waħda |

    --------------------------------------------------

    Top