Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22008D0175

    2008/175/KE: Deċiżjoni Nru 1/2008 tal-Kumitat Konġunt ta’ l-Istatistika tal-Komunitá/l-Iżvizzera ta’ l- 14 ta’ Frar 2008 li jadotta r-regoli proprji ta’ proċedura

    ĠU L 57, 1.3.2008, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/175/oj

    1.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 57/21


    DEĊIŻJONI Nru 1/2008 TAL-KUMITAT KONĠUNT TA’ L-ISTATISTIKA TAL-KOMUNITÁ/L-IŻVIZZERA

    ta’ l-14 ta’ Frar 2008

    li jadotta r-regoli proprji ta’ proċedura

    (2008/175/KE)

    IL-KUMITAT KONĠUNT ta’ L-ISTATISTIKA TAL-KOMUNITÀ/L-IŻVIZZERA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera għall-Kummerċ dwar kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-istatistika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ l-Istatistika tal-Komunità/l-Iżvizzera, kif anness għal din id-Deċiżjoni, huma adottati permezz ta’ dan.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Magħmula fil-Lussemburgu, 14 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kumitat Konġunt

    Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-KE

    Hervé CARRÉ

    Il-Kap tad-Delegazzjoni Żvizzera

    Adelheid BÜRGI-SCHMELZ


    (1)  ĠU L 90, 28.3.2006, p. 2.


    ANNESS

    IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT TA’ L-ISTATISTIKA TAL-KOMUNITÀ/L-IŻVIZZERA

    Artikolu 1

    Presidenza

    1.   Il-Presidenza tal-Kumitat Konġunt ta' l-Istatistika tal-Komunità/l-Iżvizzera (minn issa 'l quddiem “il-Kumitat Konġunt”) għandha tinżamm darba kull wieħed għal perjodu ta’ sena kalendarja minn rappreżentant tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem “il-Kummissjoni tal-KE”), f’isem il-Komunità Ewropea, u minn rappreżentant tal-Konfederazzjoni Żvizzera. Għandha tinżamm mill-Komunità Ewropea matul is-sena tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-istatistika (minn issa 'l quddiem “il-Ftehim”).

    2.   Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-parti li għandha l-Presidenza jew, fejn xieraq, is-sostitut tiegħu jew tagħha, għandu jkun il-President tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 2

    Delegazzjonijiet

    1.   Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha taħtar Kap tad-Delegazzjoni.

    2.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jagħti l-permess lil persuni oħra sabiex jattendu għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi.

    3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin, mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ ħidma qabel ma ssir il-laqgħa, dwar l-għamla tad-delegazzjoni tagħhom.

    Artikolu 3

    Is-Segretarjat

    1.   Rappreżentant tal-Kummissjoni tal-KE u rappreżentant tal-Konfederazzjoni Żvizzera għandhom jipprovdu b’mod konġunt is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt. Is-Segretarji għandhom jinħatru mill-Kap tagħhom tad-Delegazzjoni u għandhom jissuktaw bil-prestazzjoni ta’ dmirijiethom sakemm jinħatar Segretarju ġdid. Kull parti għandha tibgħat l-isem u l-indirizz tas-Segretarju tagħha lill-parti l-oħra.

    2.   Is-Segretarji għandhom ikunu responsabbli għall-komunikazzjoni bejn id-delegazzjonijiet, inkluża t-trażmissjoni ta’ dokumenti, u għandhom jissorveljaw id-dmirijiet imwettqa mis-Segretarjat.

    3.   Is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt għandu jaqa’ taħt id-direzzjoni tal-parti li jkollha l-Presidenza.

    Artikolu 4

    Laqgħat

    1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta meħtieġ. Il-Kap tad-Delegazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijeit Kontraenti jista’ jsejjaħ laqgħa.

    2.   Il-Kumitat Konġunt u l-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika għandhom jorganizzaw il-kompiti tagħhom għall-għanijiet tal-Ftehim f’laqgħat kollettivi, fejn huwa meħtieġ.

    3.   Il-Presidenza għandha tibgħat in-notifika tal-laqgħa, flimkien ma’ l-abbozz ta’ l-aġenda u d-dokumenti għal-laqgħa, lill-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ ħidma qabel il-laqgħa.

    4.   Il-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni jista’ jitlob lill-Presidenza sabiex jitqassar il-perjodu indikat fil-paragrafu 3 u fl-Artikolu 2(3) sabiex titqies l-urġenza tal-kwistjoni partikolari.

    Artikolu 5

    Aġenda

    1.   Il-Presidenza għandha tfassal l-aġenda proviżorja għal kull laqgħa bi ftehim mal-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni. Kwalunkwe punt li jintalab minn kwalunkwe delegazzjoni għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja, sakemm il-punt ikun intalab 30 jum ta’ ħidma qabel il-laqgħa skedata.

    2.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jinkludi fuq l-aġenda kwalunkwe punt li ma jidhirx fl-aġenda proviżorja.

    3.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt fil-bidu ta’ kull laqgħa.

    Artikolu 6

    Sottokumitati u gruppi ta’ ħidma

    1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta’ ħidma għal kompiti speċifiċi.

    2.   L-għamla u l-proċeduri tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma għandhom jinqablu skond ir-regoli applikabbli għall-Kumitat Konġunt.

    3.   Is-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma għandhom jirrapportaw direttament lill-Kumitat Konġunt u jaħdmu taħt l-awtorità tiegħu. Ma għandhomx ikunu awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħtu rakkomandazzjonijiet.

    4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi dwar emenda jew għeluq tal-mandat tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma.

    Artikolu 7

    Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet

    1.   Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim għandu jiġi adottat permezz ta’ ftehim reċiproku bejn iż-żewġ delegazzjonijiet.

    2.   Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu intitolati “Rakkomandazzjoni” jew “Deċiżjoni”, segwiti min-numru tas-serje, id-data ta’ adozzjoni u indikazzjoni tat-tema.

    3.   Id-deċiżjonijiet għandhom jinqasmu f’artikoli. Kull deċiżjoni għandha tibda bi preambolu u għandha tispiċċa bil-kliem “Magħmul/a fi”, segwit bil-post fejn ġiet adottata mill-Kumitat Konġunt u d-data. Id-deċiżjonijiet għandhom jinkludu d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom u għandhom jorbtu l-Partijiet Kontraenti.

    4.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu f’żewġ kopji u jiġu ffirmati għall-Kumitat Konġunt miż-żewġ Kapijiet tad-Delegazzjoni.

    5.   Kull parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe rakkomandazzjoni jew deċiżjoni adottata mill-Kumitat Konġunt.

    6.   Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Kapijiet ta’ Delegazzjoni jaqblu li jagħmlu hekk.

    Għal dan l-għan il-Presidenza għandha tibgħat l-abbozz lill-Kap l-ieħor tad-Delegazzjoni. L-iskadenza stipulata fil-proċedura bil-miktub trid tkun mhux anqas minn 15-il jum ta’ ħidma.

    Artikolu 8

    Minuti

    1.   Abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandu jitfassal fi żmien 15-il jum ta’ ħidma taħt ir-responsabiltà tal-Presidenza.

    2.   Bħala regola ġenerali, għal kull punt fuq l-aġenda l-minuti għandhom jindikaw:

    id-dokumenti ppreżentati lill-Kumitat Konġunt;

    l-istqarrijiet li ntalbu jiddaħħlu minn kwalunkwe Parti Kontraenti;

    id-deċiżjonijiet meħuda, l-istqarrijiet li nqablu, u l-konklużjonijiet li ntlaħqu mill- Kumitat Konġunt;

    ir-rakkomandazzjonijiet li saru.

    3.   L-abbozz tal-minuti għandhom jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni taż-żewġ delegazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub skond l-Artikolu 7(6). Jekk din il-proċedura ma titlestiex, il-minuti għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt fil-laqgħa li jmiss.

    4.   Il-minuti approvati għandhom jitfasslu f’żewġ kopji u għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarji. Kull parti għandha żżomm kopja oriġinali.

    Artikolu 9

    Kunfidenzjalità

    1.   Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi ħlief jekk il-Kumitat Konġunt jiddeċiedi mod ieħor.

    2.   Bla preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra applikabbli, id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi tiegħu ta’ ħidma għandhom ikunu protetti bl-obbligu ta’ segretezza professjonali, ħlief meta il-Kumitat Konġunt jiddeċiedi mod ieħor.

    3.   Sakemm id-delegazzjonijiet ma jiddeċiedux mod ieħor, il-minuti għandhom jikkostitwixxu dokumenti li huma aċċessibbli mill-pubbliku.

    Artikolu 10

    Spejjeż

    1.   Kull Parti Kontraenti għandha terfa’ kwalunkwe spiża li ġġarrab fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u l-gruppi ta’ ħidma.

    2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe missjoni assenjata lill-esperti.

    Artikolu 11

    Korrispondenza

    Il-korrispondenza kollha indirizzata lill-Presidenza tal-Kumitat Konġunt jew mibgħutha minnha għandha tintbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt. Is-Segretarjat għandu jibgħat kopja tal-korrispondenza kollha li tikkonċerna l-Ftehim lill-Kapijiet tad-Delegazzjoni, lill-Missjoni Żvizzera, lill-Unjoni Ewropea u lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni għall-Iżvizzera.


    Top