Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12008E126

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIELET PARTI: POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI - TITOLU VIII: POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA - Kapitolu 1: Politika ekonomika - Artikolu 126 (ex Artikolu 104 TKE)

    ĠU C 115, 9.5.2008, p. 99–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2008/art_126/oj

    12008E126

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIELET PARTI: POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI - TITOLU VIII: POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA - Kapitolu 1: Politika ekonomika - Artikolu 126 (ex Artikolu 104 TKE)

    Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0099 - 0102


    Artikolu 126

    (ex Artikolu 104 TKE)

    1. L-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-Gvern.

    2. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' l-estimi u ta' kull stock tad-dejn tal-gvern fl-Istati Membri bl-għan illi tidentifika żbalji kbar. B'mod partikolari għandha teżamina l-konformità mad-dixxipplina ta' l-estimi abbażi taż-żewġ kriterji li ġejjin:

    a) jekk il-proporzjon ta' l-iżbilanċ tal-gvern ippjanat jew attwali għall-prodott gross domestiku ikunx jeċċedi xi valur ta' referenza, ħlief

    - jekk il-proporzjon ikun niżel b’mod sostanzjali u kontinwu u laħaq livell qrib tal-valur ta' referenza;

    - jew, alternattivament jekk, l-eċċess fuq il-valur ta' referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa' viċin tal-valur ta' referenza;

    b) Jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-prodott gross domestiku ikunx jeċċedi xi valur ta' referenza, ħlief jekk l-proporzjon ikun qiegħed jonqos b’mod suffiċjenti u li joqrob lejn il-valur ta' referenza b’pass sodisfaċenti.

    Il-valuri ta' referenza huma speċifikati fil-Protokoll dwar il-proċedura fuq żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattati.

    3. Jekk Stat Membru ma jwettaqx il-ħtiġijiet taħt xi wieħed jew it-tnejn minn dawn il-kriterji, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis ukoll jekk id-dejn tal-gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-gvern f'investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u ta' l-estimi għall-futur medju ta' l-Istat Membru.

    Il-Kummissjoni tista' wkoll tipprepara rapport jekk, minkejja t-twettiq tal-ħtigiet taħt il-kriterji, tkun ta' l-opinjoni li hemm riskju ta' żbilanċ eċċessiv ġewwa xi Stat Membru.

    4. Il-Kumitat ekonomiku u finanzjarju għandu jagħti opinjoni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni.

    5. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżisti jew jista' jinħoloq defiċit eċċessiv fi Stat Membru, din għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkkonċernat u għandha tinforma b'dan lill-Kunsill.

    6. Il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru interessat ikun jixtieq jagħmel, jiddeċiedi wara stima komplessiva jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv.

    7. Meta l-Kunsill jiddeċiedi, skond il-paragrafu 6, li jeżisti defiċit eċċessiv dan għandu jadotta, mingħajr dewmien inġustifikat, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru konċernat, bil-għan li dik is-sitwazzjoni tiġi mitmuma fi żmien determinat. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8, dawn ir-rakkomandazzjonijiet m’għandhomx jiġu pubblikati.

    8. Meta l-Kunsill jistabbilixxi illi ma' kien hemm ebda azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-perjodu stipulat, huwa jista' jippubblika dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

    9. Jekk Stat Membru jippersisti li ma jieħux passi sabiex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista' jiddeċiedi illi javża lill-Istat Membru sabiex, fi żmien speċifiku stipulat, jieħu l-miżuri sabiex inaqqas id-deficit kif meqjus neċessarju mill-Kunsill sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

    F’dak il-każ, il-Kunsill jista' jitlob lill-Istat Membru interessat sabiex jippreżenta rapporti skond programm speċifiku sabiex jiġi eżaminat kull sforz ta' aġġustament ta' dak l-Istat Membru.

    10. Il-jedd li jinbdew il-proċeduri li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 258 u 259 ma jistax jiġi eżerċitat fil-kuntest ta' dak li hemm fil-paragrafi 1 sa 9 ta' dan l-Artikolu.

    11. Sakemm Stat Membru jibqa' ma jikkonformax ruħu ma' deċiżjoni li tkun ittieħdet skond il-paragrafu 9, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li japplika jew, skond il-każ, jirrinforza xi wieħed jew aktar minn dawn il-miżuri li ġejjin:

    - jeżiġi li l-Istat Membru interessat jippubblika informazzjoni addizzjonali, kif speċifikata mill-Kunsill, qabel il-ħruġ ta' bonds u titoli;

    - jistieden lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment sabiex jerġa' jikkonsidra l-politika tas-self tiegħu lejn l-Istat Membru interessat;

    - jeżiġi mingħand l-Istat Membru interessat li jagħmel kontijiet ta' depożitu mingħajr imgħax ta' ammont xieraq, ma' l-Unjoni sakemm l-iżbilanċ eċċessiv ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett.

    - jimponi multi ta' ammont adattat.

    Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

    12. Il-Kunsill għandu jabroga x'uħud jew id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet kollha msemmijja fil-paragrafi 6 sa 9 u 11 sakemm l-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru interessat, ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett. Jekk il-Kunsill ikun għamel rakkomandazzjonijiet pubbliċi, huwa għandu, hekk kif id-deċiżjoni taħt il-paragrafu 8 tkun ġiet abrogata, jagħmel dikjarazzjoni pubblika li l-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru interessat ma jkunx għadu jeżisti.

    13. Meta jieħu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 8, 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni.

    Meta jadotta l-miżuri msemmija fil-pargarafi 6 sa 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu kont tal-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkkonċernat.

    Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

    14. Dispożizzjonijiet ulterjuri rigward l-implimentazzjoni tal-proċedura deskritta f’dan l-Artikolu huma indikati fil-Protokoll fuq il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattati.

    Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew, jadotta d-dispożizzjonijiet approprijati li mbagħad għandhom jieħdu post il-Protokoll imsemmi.

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan il-paragrafu il-Kunsill għandu, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, joħroġ regoli u definizzjonijiet dettaljati dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Protokoll.

    --------------------------------------------------

    Top