Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12005SA006

    Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - L-EWWEL PARTI: PRINĊIPJI - Artikolu 6

    ĠU L 157, 21.6.2005, p. 204–205 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/acc_2005/act_1/art_6/sign

    12005SA006

    Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - L-EWWEL PARTI: PRINĊIPJI - Artikolu 6

    Official Journal L 157 , 21/06/2005 P. 0204 - 0205


    Artikolu 6

    1. Il-ftehim jew il-konvenzjonijiet konklużi jew applikati provviżorjament mill-Komunità jew li jaqgħu taħt l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 38 tat-Trattat ta' l-UE, ma' Stat terz wieħed jew aktar, ma' organizzazzjoni internazzjonali jew ma' ċittadin ta' Stat terz, għandhom jorbtu lill-Bulgarija u lir-Rumanija taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati oriġinali u f'dan l-Att.

    2. Il-Bulgarija u r-Rumanija jintrabtu li jaderixxu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Att, mal-ftehim jew konvenzjonijiet konklużi jew iffirmati b'mod konġunt mill-Istati Membri attwali u l-Komunità.

    L-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-ftehim jew mal-konvenzjonijiet konklużi jew iffirmati mill-Komunità u l-Istati Membri attwali li jaġixxu b'mod konġunt ma' pajjiżi terzi partikolari jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandha tiġi miftehma bil-konklużjoni ta' protokoll għal dawn il-ftehim jew konvenzjonijiet bejn il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu f'isem l-Istati Membri, u l-pajjiż jew pajjiżi terzi jew organizzazzjoni internazzjonali konċernati. Il-Kummissjoni għandha tinnegozja dawn il-protokolli f'isem l-Istati Membri abbażi ta' direttivi dwar in-negozjati approvati mill-Kunsill, li jaġixxi b'unanimità, u b'konsultazzjoni ta' kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri. Għandha tippreżenta abbozz tal-protokolli sabiex jiġu konklużi mill-Kunsill.

    Din il-proċedura hija bla preġudizzju għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Komunità innifisha u ma taffetwax l-allokazzjoni tas-setgħat bejn il-Komunità u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta' dan il-ftehim fil-ġejjieni jew ta' kwalunkwe emenda oħra li mhijiex relatata ma' l-adeżjoni.

    3. Hekk kif jaderixxu mal-ftehim u mal-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiksbu l-istess drittijiet u obbligi taħt dawk il-ftehim u l-konvenzjonijiet bħall-Istati Membri attwali.

    4. Mid-data ta' l-adeżjoni, u sakemm jidħlu fis-seħħ il-protokolli meħtieġa msemmija fil-paragrafu 2, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-ftehim jew il-konvenzjonijiet konklużi b'mod konġunt mill-Istati Membri attwali u l-Komunità qabel l-adeżjoni, bl-eċċezzjoni tal-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni konkluż ma' l-Isvizzera. Dan l-obbligu japplika wkoll għal dawk il-ftehim jew il-konvenzjonijiet li l-Unjoni u l-Istati Membri attwali qablu li japplikaw b'mod provviżorju.

    Sakemm jidħlu fis-seħħ il-protokolli msemmija fil-paragrafu 2, il-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jaġixxu b'mod konġunt kif jixraq fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kwalunkwe miżura xierqa.

    5. Il-Bulgarija u r-Rumanija jaderixxu għall-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra [1], iffirmat f'Cotonou fit- 23 ta' Ġunju 2000.

    6. Il-Bulgarija u r-Rumanija jintrabtu li jaderixxu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Att, mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [2], skond l-Artikolu 128 ta' dak il-Ftehim.

    7. Mid-data ta' l-adeżjoni, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom japplikaw il-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessili konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi.

    Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Komunità fuq importazzjonijiet ta' prodotti tat-tessuti u tal-lbies għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Komunità. Għal dan il-għan, il-Komunità tista' tinnegozja emendi għall-ftehim bilaterali u l-arranġamenti msemmija aktar 'il fuq mal-pajjiżi terzi konċernati qabel id-data ta' l-adeżjoni.

    Jekk l-emendi għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessili ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data ta' l-adeżjoni, il-Komunità għandha tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għar-regoli tagħha dwar l-importazzjoni ta' prodotti tat-tessuti u tal-lbies minn pajjiżi terzi sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

    8. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Komunità fuq l-importazzjoni ta' l-azzar u tal-prodotti ta' l-azzar għandhom jiġu aġġustati abbażi ta' l-importazzjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul is-snin reċenti ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-pajjiżi fornituri konċernati.

    Għal dan il-għan, l-emendi meħtieġa għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar l-azzar konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu negozjati qabel id-data ta' l-adeżjoni.

    Jekk l-emendi għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data ta' l-adeżjoni, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu.

    9. Ftehim dwar is-sajd konklużi, qabel l-adeżjoni, mill-Bulgarija u r-Rumanija ma' pajjiżi terzi għandhom jitmexxew mill-Komunità.

    Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għall-Bulgarija u għar-Rumanija skond dawk il-ftehim ma għandhomx jintlaqtu matul il-perjodu li fih id-disposizzjonijiet ta ' dawk il-ftehim jinżammu fis-seħħ provviżorjament.

    Kemm jista' jkun malajr, u f' kull każ qabel it-tmiem tal-ftehim imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kunsill, għandu jadotta f'kull każ b'maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni, dawk id-deċiżijonijiet adatti għall-kontinwazzjoni ta' l-attivitajiet ta' sajd li jirriżultaw minn dawk il-ftehim, inkluża l-possibbiltà li ċerti ftehim jiġu estiżi għal perjodi ta' mhux aktar minn sena.

    10. B'effett mid-data ta' l-adeżjoni, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jirtiraw minn kull ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, inkluż il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali.

    Safejn ftehim bejn il-Bulgarija, ir-Rumanija jew iż-żewġ Stati minn naħa waħda, u pajjiż terz wieħed jew aktar min-naħa l-oħra, ma jkunux kompatibbli ma' l-obbligi stabbiliti b'dan l-Att, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati sabiex jeliminaw l-inkompatibbilitajiet realizzati. Jekk il-Bulgarija jew ir-Rumanija jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-aġġustament ta' ftehim konkluż ma' xi pajjiż terz jew aktar qabel l-adeżjoni, hija għandha, skond it-termini tal-ftehim, tirtira minn dak il-ftehim.

    11. Il-Bulgarija u r-Rumanija jaderixxu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Att, mal-ftehim interni konklużi mill-Istati Membri attwali għall-fini li jiġu implimentati l-ftehim jew il-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 5 u 6.

    12. Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, fejn ikun meħtieġ, sabiex jaġġustaw il-posizzjoni tagħhom fir-rigward ta' organizzazzjonjiet internazzjonali, kif ukoll fir-rigward ta' ftehim internazzjonali li l-Komunità jew Stati Membri oħra huma partijiet fihom, tad-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw mill-adeżjoni tagħhom ma' l-Unjoni.

    B'mod partikolari mad-data ta' l-adeżjoni jew malajr kemm jista' jkun wara, għandhom jirtiraw minn dawk il-ftehim internazzjonali dwar is-sajd u minn organizzazzjonijiet li minnhom il-Komunità wkoll tagħmel parti, sakemm is-sħubija tagħhom mhijiex konnessa ma' materji oħra barra s-sajd.

    [1] OJ L 317, 15.12.2000, p. 3.

    [2] OJ L 1, 3.1.1994, p. 3.

    --------------------------------------------------

    Top