Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02002R0876-20061222

    Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/876/2006-12-22

    2002R0876 — MT — 22.12.2006 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 876/2002

    tal-21 ta' Mejju 2002

    li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo

    (ĠU L 138, 28.5.2002, p.1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1943/2006 tat-12 ta’ Diċembru 2006

      L 367

    21

    22.12.2006




    ▼B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 876/2002

    tal-21 ta' Mejju 2002

    li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo



    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 171 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta' Jannar 1999 il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “Lejn Retikolat trans-Ewropew ta' Posizzjonar u Navigazzjoni: inkluża Strateġija Ewropea għas-Sistemi Globali għan-Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)” ( 4 ).

    (2)

    Fl-10 ta' Frar 1999 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Galileo – l-Involviment ta' l-Ewropa f'ġenerazzjoni ġdida ta' servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita”.

    (3)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Cologne (3 u 4 ta' Ġunju 1999), Feira (19 u 20 ta' Ġunju 2000), Nizza (7 sal-11 ta' Diċembru 2000), Stokkolma (23 u 24 ta' Marzu 2001), Laeken (14 u 15 ta' Diċembru 2001) u Barċellona (15 u 16 ta' Marzu 2002) jagħmlu referenza għall-Galileo.

    (4)

    Fid-19 ta' Lulju 1999 il-Kunsill adottat Riżoluzzjoni dwar l-involviment ta' l-Ewropa f'ġenerazzjoni ġdida ta' servizzi ta' navigazzjoni bis-satallita - Galileo – Fażi ta' definizzjoni ( 5 ).

    (5)

    Fit-22 ta' Novembru 2000 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Galileo.

    (6)

    Il-Kunsill adotta Rożoluzzjoni dwar Galileo fil-5 ta' April 2001 ( 6 ).

    (7)

    Fis-26 ta' Marzu 2002, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar Galileo.

    (8)

    L-ewwel kuntratti ta' riċerka u studji dwar il-possibiltà kienu finanzjati taħt ir-raba' u l-ħames programm ta' qafas għar-riċerka u l-iżvilupp.

    (9)

    Il-fażi teknoloġiċi ta' l-iżvilupp kienu finanzjati mill-approprjazzjonijiet assenjati lir-retikolati trans-Ewropew tat-trasport fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4(g) tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp ta' retikolat trans-Ewropew tat-Trasport ( 7 ), li jipprovdi l-possibiltà għall-iffinanzjar għar-riċerka u l-iżvilupp, u Artikolu 17 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 tat-18 ta' Settembru 1995 li jistipula regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja tal-Komunità fil-qasam tar-retikolati trans-Ewropew ( 8 ).

    (10)

    Fil-bidu ta' l-2001, l-immaniġġar tal-programm tan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita Galileo, hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjaħ “il-programm Galileo”, daħal fil-fażi tiegħu ta' żvilupp immirat lejn l-ivverifikar u l-ittestjar ta' l-assunzjonijiet magħmula matul il-fażi ta' definizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-komponenti varji ta' l-arkitettura tas-sistema.

    (11)

    Il-fażi ta' l-iżvilupp għandu jiġi segwit bil-fażi ta' l-organizzazzjoni li jikkonsisti fil-produzzjoni ta' satelliti u komponenti terrestri, l-illanċjar ta' satelliti u l-istallazzjoni ta' stazzjonijiet terrestri u apparat sabiex ikun permess li s-sistema tibda titħaddem fl-2008.

    (12)

    Waqt li jingħata kont tan-numru ta' parteċipanti li huwa meħtieġ li jiġu nvoluti f'dan il-proċess, u r-riżorsi finanzjarji u l-ħila teknika meħtieġa, huwa vitali li titwaqqaf entità legali kapaċi li tassiġura l-immaniġġar koordinat tal-fondi assenjati lill-programm Galileo matul il-fażi tiegħu ta' żvilupp. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, għandu jiġi speċifikat li din l-entità, li mhix nominata biex twettaq għan ekonomiku u hija responsabbli għall-immaniġġar ta' programm pubbliku ta' riċerka ta' interess Ewropew, għandha tiġi konsidrata bħala organizzazzjoni internazzjonali skond it-tifsira tat-tieni indent ta' l-Artikolu 15(10) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirelataw mat-taxxi fuq l-ammont tad-dħul magħmul minn impriża ( 9 ) u t-tieni indent ta' Artikolu 23(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u fuq l-azjenda, il-moviment u l-immonitorjar ta' dawk il-prodotti ( 10 ).

    (13)

    Il-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma nnota li s-“settur privat huwa lest li jisupplimenta l-estimi pubbliċi għall-fażi ta' l-iżvilupp”. Ir-rappreżentant i ta' l-industriji prinċipali konċernati ffirmaw Memorandum ta' Ftehim f'Marzu ta' l-2001 li bih rabtu lilhom infushom li jindikaw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-ammont totali ta' EUR 200 miljun għall-fażi ta' l-iżvilupp tal-programm Galileo billi jikkontribwixxu għall-kapital ta' l-Impriża Konġunta jew jikkontribwixxu f'xi forma oħra.

    (14)

    Huwa għalhekk meħtieġ li titwaqqaf Impriża Konġunta taħt l-Artikolu 171 tat-Trattat, billi l-programm Galileo jinvolvi riċerka prinċipali u komponent ta' żvilupp li jiġġustifika u għandu jkompli jiġġustifika l-użu tal-fondi assenjati għall-programmi ta' qafas ta' riċerka u żvilupp. B'żieda, dan il-programm għandu jagħmilha possibbli li jsir progress konsiderevoli fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tan-navigazzjoni bis-satellita.

    (15)

    Il-kompitu prinċipali ta' l-Impriża Konġunta għandu jkun, skond id-deċiżjonijiet tal-Kunsill, li jtemm b'suċċess l-iżvilupp tal-programm Galileo matul il-fażi tiegħu ta' żvilupp billi jikkonbina l-iffinanzjar pubbliku u tas-settur privat. B'żieda, għandu jagħmilha possibbli li jiġi assigurat l-immaniġġar tal-proġetti prinċipali ta' dimostrazzjoni.

    (16)

    Ir-regolamenti finanzjari ta' l-Impriża Konġunta għandhom jirrispettaw il-prinċipju wiesa' u r-regoli kif preskritti fir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta'Diċembru 1997 applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 11 ).

    (17)

    Fil-formulazzjoni tal-proposti tagħha għan-nominazzjoni tad-Direttur ta' l-Impriża Konġunta, il-Kummissjoni għandha tikkonsidra li hu/hi jinħatar fuq il-bażi ta' mertu u l-ħila maniġerjali, kif ukoll tal-kompetenza u l-esperjenza relevanti, u għandu jkun indipendenti mill-kumm impriża fit-twetieq tad-dmirijiet tiegħu/tagħha,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



    Artikolu 1

    Għall-implimentazzjoni tal-fażi ta' żvilupp tal-programm Galileo, Impriża Konġunta skond it-tifsira ta' Artikolu 171 tat-Trattat qiegħed b'dan jiġi stabbilit ►M1  sal-31 ta' Diċembru 2006 ◄ .

    Il-mira ta' l-Impriża Konġunta għandha tkun li tasiġura l-unità ta' l-amministrazzjoni u l-kontroll finanzjarju, tal-proġett għall-fażi ta' riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni tal-programm Galileo, u għal dan il-għan jimmobilizza l-fondi assenjait lil dan il-programm.

    L-Impriża Konġunta għandha titqies bħala organizzazzjoni internazzjonali skond it-tifsiura tat-tieni indent ta' Artikolu 15(10) tad-Direttiva 77/388/KEE u t-tieni indent ta' Artikolu 23(1) tad-Direttiva 92/12/KEE.

    Hu għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel.

    Artikolu 2

    L-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta, kif stipulati fl-Anness hawn mehmuz, huma b'dan adottati.

    Artikolu 3

    1.  Sabiex tiġi assigurata t-tmexxija adegwata ta' l-informazzjoni u l-kontroll politiku effettiv mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-fażi ta' l-iżvilupp tal-programm Galileo, Bord ta' Superviżjoni għandu jiġi stabbilit. Għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, u tar-rappreżentant tal-Kummissjoni fuq il-Bord Amministrattiv ta' l-Impriża Konġunta.

    2.  Il-Bord tas-Superviżjoni għandu jkun presedut mir-rappreżentant ta' l-Istat Membru li jkun iżomm il-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea.

    3.  Maż-żmien, u ta' l-anqas 15-il jum qabel kull laqgħa tal-Bord Amministrattiv, il-Kummissjoni għandha tlaqqa' l-Bord tas-Superviżjoni u tibgħat id-dokumenti kollha lill-membri mlaqqa' tal-kwistjonijiet fuq l-aġenda għal dik il-laqgħa.

    Il-Bord tas-Superviżjoni għandu jieħu deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet kollha li jkunu fuq l-aġenda tal-laqgħa li tkun ġejja tal-Bord Amministrattiv u tista' tqiegħed kwistjonijiet oħra fuq dik l-aġenda. Il-Kummisjoni għandha, fit-twettieq tal-funzjonijiet tagħha fuq il-Bord Amministrattiv, tagħmel minn kollox biex tassigura li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Amministrattiv ikunu jirriflettu d-deċiżjonijiet u l-veduti tal-Bord tas-Superviżjoni.

    4.  Il-Bord tas-Superviżjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bil-maġġoranza kwalifikati tal-voti tar-rappesentanti ta' l-Istati Membri, b'dawn il-voti jiġu peżati skond Artikolu 205(2) tat-Trattat. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni m'għandux jipparteċipa fil-vot.

    5.  Il-Bord tas-Sorveljanza għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    Artikolu 4

    Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippresenta lill-Kunsill rapport annwali dwar il-progress tal-programm Galileo kif ukoll tal-programm tal-pjan ta' l-iżvilupp, inklużi l-aspetti finanzjarji.

    Fit-tmiem ta' l-2003, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bir-riżultati tal-proċedura ta' offerta bl-appalt illanċjata mill-Impriża konġunta skond Artikolu 4 ta' l-Istatuti Tagħha.

    Artikolu 5

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-adeżjoni ta' membri ġodda.

    Kull parte1ipazzjoni ta' membri ġodda, inkluża l-parteċipazzjoni ta' membri minn pajjiżi terzi, għandha tintbagħat lill-Kunsill għall-approvazzjoni.

    Artikolu 6

    L-Impriża Konġunta għandha tkun suġġetta għar-regoli li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill ( 12 ).

    Artikolu 7

    1.  Sabiex jittratta mal-kwistjonijiet tas-sigurtà li jirrigwardaw is-sistema Galileo, Bord tas-Sigurtà għandu jiġi stabbilit. Għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2.  Il-Bord tas-Sigurtà għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    Artikolu 8

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS

    STATUTI TA' L-IMPRIŻA KONĠUNTA GALILEO

    Artikolu 1

    1.  L-isem ta' l-Impriża Konġunta għandu jkun: “Impriża Konġunta Galileo”.

    2.  Hu għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel.

    3.  

    (a) Dawn li ġejjin għandhom ikunu l-membri tal-fondazzjoni ta' l-Impriża Konġunta:

     il-Komunità Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni,

     l-Aġenżija Spazjali Ewropea.

    (b) Dawn li ġejjin jitsgħu jsiru membri ta' l-Impriża Konġunta:

     il-Bank Ewropew ta' l-Investiment,

     kull impriża, wara li l-Kummissjoni tkun, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo ( 13 ), informat lill-Kunsill bir-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti bl-appalt, u wara approvazzjoni skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

    ▼M1

    4.  Il-fondi ta' l-Impriża Konġunta għandhom jikkonsistu mill-kontribuzzjonijiet tal-membri tagħha. Jistgħu jiddaħlu assi in natura. Dawn għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-valur tagħhom u l-utilità tagħhom fit-twettieq ta' l-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta.

    Il-membri fundaturi għandhom jissottoskrivu l-ishma tagħhom tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji sal-limitu ta' l-ammonti indikati fl-impenji rispettivi tagħhom ta' EUR 520 miljun għall-Komunità Ewropea u EUR 50 miljun għall-Aġenżija Spazjali Ewropea. Dawn jistgħu, kif meħtieġ, jagħmlu kontribuzzjonijiet addizzjonali biex jiffinanzjaw il-fażi ta' żvilupp.

    Malli l-Kummissjoni tkun infurmat lill-Kunsill bir-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti bl-appalt, il-Bord Amministrattiv għandu minnufih jistieden lill-impriżi msemmija fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3(b) biex jissottoskrivu. L-impriżi huma meħtieġa li jissottoskrivu EUR 5 miljun fi żmien perjodu ta' sena. Dak l-ammont għandu jitnaqqas għal EUR 250 000 għal impriżi, li jissottoskrivu individwalment jew kollettivament, li jistgħu jitqiesu bħala intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju skond it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' April 1996 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ( 14 ).

    Il-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedi dwar l-ammonti ta' dawn il-kontribuzzjonijiet li għandu jiġi rilaxxat fi proporżjon mas-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja sottoskritta minn kull membru. Kull membru ta' l-Impriża Konġunta li jonqos milli jħares l-impenji tiegħu dwar id-dħul ta' l-assi in natura jew li ma jirrilaxxax l-ammont dovut fil-limiti ta' żmien preskritti għandu, bħala l-ewwel pass, jiġi skwalifikat milli jivvota fil-Bord Amministrattiv u, wara sitt xhur, is-sħubija għandha titħassar sa dak iż-żmien li obbligazzjonijiet tiegħu jkunu tħarsu.

    L-impenji finanzjarji ta' l-Impriża Konġunta m'għandhomx jeċċedu l-ammont ta' kontribuzzjonijiet għad-dispożizzjoni tagħha.

    ▼B

    Artikolu 2

    Il-kompiti prinċipali ta' l-Impriża Konġunta għandhom ikunu dawn li ġej:

    1. li jissorvela l-integrazzjoni ottima tas-Servizz Ewropew Ġeostazzjonarju li Jkopri n-Navigazzjoni (EGNOS) fil-programm Galileo u l-implimentazzjoni tal-fażu ta' żvilupp u validazzjoni Galileo u li jgħin fil-preparazzjoni tal-fażi ta' tħejjija u operazzjonali;

    2. biex jillanċja, b'kooperazzjoni ma’ l-Aġenżija Spazjali Ewropea skond Artikolu 3 u permezz ta' arranġamenti kuntrattwali ma entitajiet tas-settur privat, l-attivitajiet tar-riċerka u żvilupp meħtieġa biex tintemm b'suċċess il-fażi ta' l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet nazzjonali f'din iż-żona; biex jillanċja, permezz ta' l-Aġenżija Spazjali ewropea skond Artikolu 3, l-ewwel serje ta' satelliti biex jiġu finalizzati l-iżviluppi teknoloġiċi li jkunu seħħu u tiġi assigurata dimostrazzjoni fuq skala kbira tal-kapaċitajiet u rilijabilità tas-sistema;

    3. b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-Aġenżija Spazjali Ewropea u s-settur privat, biex jgħin fil-mobilizzazzjoni tal-fondi pubbliċi u privati meħtieġa biex isiru proposti lill-Kunsill għall-istrutturi ta' l-immaniġġar għall-fażi varju suċċessivi tal-programm, fuq il-bażi ta' l-attivitajiet li ġejjin:

     għandu jħejji pjan tan-negozju li jkopri l-fażijiet kollha tal-programm Galileo, fuq il-bażi tat-tagħrif li għandu jiġi provdut mill-Kummissjoni, dwar is-servizzi li jistgħu jiġu offruti mill-Galileo, id-dħul li jistgħu jiġġeneraw u l-miżuri meħtieġa li jakkumpanjaw,

     għandu jinnegozja, permezz ta' proċess kompetittiv għall-offerti bl-appalt mas-settur privat, arranġament sħiħ għall-iffinanzjar tal-fażi ta' tħejjija u operazzjonali li jistipulaw ir-responsabbiltajiet, ir-rwoli u r-riskji li għandhom jinqasmu bejn is-setturi pubbliċi u dawk privati;

    4. li jissorvelja u jwettaq il-programmi kollha, fejn meħtieġ bl-assistenza ta' konsulent, u biex jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fid-dawl ta' l-iżviluppi li jseħħu matul il-fażi ta' żvilupp.

    Artikolu 3

    L-Impriża Konġunta għandha tikkonkludi ftehim ma' l-Aġenżija Spazjali Ewropea li bih:

     tgħabbijha bit-twettieq ta' l-attivitajiet meħtieġa matul il-fażi ta' l-iżvilupp fir-rigward tas-segment ta' l-ispazju u s-segment tad-dinja assoċjati mas-sistema, u għal dak il-għan l-Impriża Konġunta għandha tagħmel disponibbli l-fondi għad-disponiment tagħha għal dak il-fażi. L-Aġenżija Spazjali Ewropea għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tagħhom skond proċeduri li għandhom jiġu stipulati fil-ftehim li għandu jiġi konkluż ma’ l-Impriża Konġunta u bbażat fuq il-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni, trasparenza u tqassim ġust tax-xogħol, waqt li jingħata kont tal-karattru tal-Komunità tal-programm. F'dan il-kuntest, parteċipazzjoni adegwata ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandha tkun immirata lejn,

     il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tassigura li l-interessi finanzjarji tal-Komunità jiġu protetti boit-twettieq ta' kontrolli effettivi. Jekk il-Kummissjoni tiskopri xi rregolaritajiet, għandha tirriżerva d-dritt li tnaqqas jew tissospendi kull ħlas sussegwenti lill-Impriża Konġunta. L-ammont imnaqqas jew sospiż għandu jkun ekwivalenti għall-ammont ta' l-irregolaritajiet attwalment skoperti mill-Kummissjoni. Kull disputi għandhom jiġu solvuti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim,

     il-proċeduri għat-twettieq tal-programm Galileo huma definiti, b'mod partikolari, l-attivitajiet illanċjati mill-Aġenżija Spazjali Ewropea li jirrelataw mal-programm u ffinanzjati minn fondi mhux assenjati lill-Impriża Konġunta.

    Artikolu 4

    Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 3, u wara sejħa għall-offerti bl-appalt, l-Impriża Konġunta tista' tikkonkludi kuntratt għall-provvista ta' servizzi ma' impriżi jew konsorzju ta' impriżi, b'mod partikolari biex iwettqu l-attivitajiet provduti fil-punt 3 ta' Artikolu 2.

    L-Impriża Konġunta għandha tassigura li l-kuntratt jipprovdi għad-dritt li l-Kummissjoni twettaq, għan-nom ta' l-Impriża Konġunta, kontrolli sabiex tassigura li l-interessi finanzjarji tal-Komunità jiġu protetti u, fil-każ ta' kxif ta' irregolaritajiet, li timponi penalitajiet dissważżivi u proporzjonati.

    Artikolu 5

    L-Impriża Konġunta għandu jkollha personalità ġuridika. Fl-Istati Membri kollha tal-Komunità Ewropea, għandha tgawdi l-akbar kapaċita legali estensiva akkordati lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet ta' dawk l-Istati. Tista’, b'mod partikolari, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u mmobbli u tkun parti fi proċeduri legali.

    Artikolu 6

    L-Impriża Konġunta għandha tkun is-sid ta' l-assi kollha tanġibbli u intanġibbli maħluqa jew trasferiti lilha għall-fażi ta' l-iżvilupp tal-programm Galileo. Fejn japplika, id-dritt tal-proprjetà tal-kriptografija governattiva jibqa’ l-proprjetà ta' l-awtorità governattiva li tkun żviluppat il-metodu kriptografiku.

    Artikolu 7

    1.  il-korpi ta' l-Impriża Konġunta għandhom ikunu l-Bord Amministrattiv, il-Kumitat Eżekuttiv u d-Direttur.

    2.  Il-Bord Amministrattiv jista’ jitlob il-parir tal-Kumitat ta' Konsulenza.

    Artikolu 8

    1.  Il-kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv, drittijiet tal-vot:

    (a) il-Bord Amministrattiv għandu jkun kompost mill-membri ta' l-Impriża Konġunta;

    (b) sakemm ma jkunx xort'oħra provdut f'dawn l-Istatuti, id-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv għandhom jiġu adottati bil-maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa. ►M1  Kull membru ta' l-Impriża Konġunta għandu jkollu numru ta' voti b'mod proporzjonat għas-sehem tal-kontribuzzjonijiet sottoskritti minnu. ◄ Il-Kummissjoni u l-Aġenżija Spazjali Ewropea għandhom ikollhom l-istess numru ta' voti u, f'kull każ, ta' l-anqas 40 % tat-total tal-voti kull wieħed.

    2.  Funzjonijiet tal-Bord Amministrattiv:

    (a) il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm u jeżerċitż superviżjoni sħiħa ta' l-esekuzzjoni tal-programm;

    (b) il-Bord Amministrattiv għandu b'mod partikolari:

     jaħtar id-Direttur u japprova l-programm ta' organizzazzjoni,

     jinnomina lill-membri tal-Kumitat tal-Konsulenza,

     jadotta r-regolamenti finanzjarji ta' l-Impriża Konġunta skond Artikolu 14(3),

     skond Artikolu 13, japprova l-estimi annwali, inkluż il-pjan ta' l-istabbilir tal-persunal, il-pjan ta' l-iżvilupp għall-programm tal-fażi ta' l-iżvilupp, u l-estimi tan-nefqa tal-programm,

     japprova l-kontijiet annwali u l-balance-sheet,

     jiddeċiedi fuq kull akkwist, bejħ jew ipoteka ta' art u titoli oħra għall-proprjetà tal-bini, kif ukoll jagħti assigurazzjonijiet jew garanziji, il-ħruġ ta' isthma f'impriżi jew istituzzjonijiet oħra, u dwar kull għoti jew teħid ta' self,

     japprova, bil-maġġoranza ta' 75 % tal-voti, kull proposta li tinvolvi bidla sinjifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm Galileo,

     jadotta r-rapporti annwali dwar il-progress tal-programm Galileo u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu msemmija f'Artikolu 16(2),

     jeżerċita dawk is-setgħat l-oħra u jwettaq dawk il-funzjonijiet l-oħra, inkluż l-istabbilir ta' korpi sussidjarji, hekk kif jista’ jkun meħtieġ għall-programm Galileo,

     jadotta t-termini ta' referenza tal-Kumitat Eżekuttiv.

    3.  Laqgħat, regoli tal-proċedura tal-Bord Amministrattiv:

    (a) il-Bord Amministrattiv għandu jitaqa’ ta' l-anqas darbtejn fis-sena. Laqgħat straordinarji għandhom jitlaqqgħu fuq it-talba jew ta' terz tal-membri tal-Bord Amministrattiv li jirrappresentaw ta' l-anqas 40 % tad-drittijiet tal-vot, jew tal-President tiegħu jew tad-Direttur. Il-laqgħat għandhom normalment iseħħu fis-sede ta' l-Impriża Konġunta. Il-Bord Amministrattiv għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri. Sakemm ma jiġix deċiż xort'oħra f'każijiet partikolari, rappreżentant tal-Kumitat Eżekuttiv u d-Direttur għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat;

    (b) il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    Artikolu 9

    1.  Kompożizzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, drittijiet tal-vot:

    (a) il-Kumitat Eżekuttiv għandu jkun kompost minn rappreżentant tal-Kummissjoni, rappreżentant ta' l-aġenżija Spazjali Ewropea u, malli l-impriżi jiġu nvoluti, rappreżentant ta' l-industriji nominat mill-Bord Amministrattiv;

    (b) il-Kumitat Eżekuttiv għandu jitaqa' fil-presenza tad-Direttur u ta' rappreżentant ta' l-Istat Membru li jkun id-detentur tal-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea;

    (ċ) id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv għandhom jittieħdu unanimament, sakemm dawn l-istatuti ma jidikjarawx xort' oħra.

    2.  Funzjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv:

    (a) il-Kumitat Eżekuttiv għandu jassisti lill-Bord Amministrattiv fil-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu;

    (b) il-Kumitat Eżekuttiv għandu b'mod partikolari:

     jagħti pariri lill-Bord Amministrattiv u lid-Direttur dwar il-progress tal-programm Galileo fuq il-bażi ta' rapporti regolari,

     jikummenta u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Bord Amministrattiv dwar l-estimi tan-nefqa tal-programm u l-abbozz ta' l-estimi, inkluż il-pjan ta' l-istabbilir tal-persunal mħejji mid-Direttur,

     japprova l-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti bl-appalt u l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti skond ir-regoli dwar l-għoti ta' kuntratti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv, li ma jistgħax jnfluwenza l-esekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kumitat Eżekuttiv,

     iwettaq il-kompiti fdati jew delegati lilu mill-Bord Amministrattiv,

     japprova r-rilaxx tal-fondi stipulati taħt il-ftehim konkluż skond l-Artikolu 3.

    3.  Laqgħat, regoli tal-proċedura tal-Kumitat Eżekuttiv:

    (a) il-Kumitat Eżekuttiv għandu jitaqa’ ta' l-anqas darba fix-xahar. il-laqgħat għandhom normalment iseħħu fis-seda ta' l-Impriża Konġunta;

    (b) suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jħejji r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    4.  Trattament ta' dokumenti:

    il-Kumitat Eżekuttiv għandu jadotta regoli dwar it-trattament ta' dokumenti, sabiex jirrikonċilja l-għanijiet tas-sigurtà, is-sigrieti kummerċjali u l-aċċess pubbliku. Dawn ir-regoli għandhom jagħtu kont, fejn xieraq, tal-prinċipji u l-limiti preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 fir-rigward ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 15 ).

    Artikolu 10

    1.  Id-Direttur għandu jkun l-eżekuttiv prinċipali responsabbli għall-ammninistrazzjoni ta' kull jum ta' l-Impriża Konġunta u għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku tagħha. Hu/hi għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mill-Kummissjoni. Hu/hi għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu/tagħha b'indipendenza kompleta.

    2.  Hu/hi għandu jidderiġi l-esekuzzjoni tal-programm fil-limitu tal-linji gida stabbiliti mill-Bord Amministrattiv li lilu għandu/għandha tkun responsabbli. Hu/hi għandu jipprovdi lill-Bord Amministrattiv, lill-Kumitat Eżekuttiv, lill-Kumitat ta' Konsulenza u lill-korpi l-oħra sussidjarji kollha bl-informazzjoni meħtieġa għat-twettieq tal-funzjonijiet tagħhom.

    3.  Id-Direttur għandu b'mod partikolari:

     jorganizza, jidderiġi u jissorvelja l-persunal ta' l-Impriża Konġunta,

     jissottometti lill-Bord Amministrattiv il-proposti tiegħu/tagħha dwar il-pjan ta' l-organizzazzjoni,

     iħejji u regolarment jaġġorna il-pjan ta' programm ta' żvilupp u l-estimi tan-nefqa tal-programm, skond ir-regolamenti finanzjarji, u jibgħatu lill-Bord Amministrattiv,

     iħejji, skond ir-regolamenti finanzjarji, l-abbozz ta' l-etimi annwali, inkluż il-pjan ta' l-istabbilir tal-persunal, u jibgħathom lill-Bord Amministrattiv,

     jassigura li l-obbligazzjonijiet tal-Kummissjoni skond il-kuntratt konkluż bejn din ta' l-aħħar u l-Impriża Konġunta jiġu osservati, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu li jippermettu lir-rappreżentant i tal-Kummissjoni li jwettqu kontrolli effettivi u, fil-każ ta' kxif ta' irregolaritajiet, timponi penalitijiet dissważżivi u proporzjonati,

     jibgħat il-kontijiet annwali u l-balance-sheet lill-Bord Amministrattiv,

     jibgħat lill-Bord Amministrattiv kull proposta li tinvolvi bidla sinjifikanti fid-disinn tal-programm Galileo,

     ikun responsabbli għas-sigurtà u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħares il-ħtiġiet tas-sigurtà,

     iħejji rapport annwali dwar il-progress tal-programm Galileo u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, u dawk ir-rapporti l-oħra hekk kif jistgħu jiġu mitluba mill-Bord Amministrattiv, u jibgħathom lil dan ta' l-aħħar.

    Artikolu 11

    1.  In-numru ta' persunal għandu jiġi stabbilit skond il-pjan ta' stabbilir li għandu jiġi stipulat fl-estimi annwali.

    2.  Il-membri tal-persunal ta' l-Impriża Konġunta għandu jkollhom kuntratt b'terminu fiss bażat fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet ewropej.

    3.  In-nefqiet kollha tal-persunal għandhom jinġarru mill-Impriża Konġunta.

    4.  Il-Borg Amministrattiv għandu jadotta l-arranġamenti meħtieġa ta' implimentazzjoni.

    Artikolu 12

    Id-dħul kollu ta' l-Impriża Konġunta għandu jiġi applikat għall-promozzjoni tal-kompiti definiti f'Artikolu 2. Bla ħsara għall-Artikolu 21, ebda ħlas permezz ta' diviżjoni ta' xi dħul żejjed fuq in-nefqa m' għandu jitħallas lill-membri ta' l-Impriża Konġunta.

    Artikolu 13

    1.  Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi mas-sena kalendarja.

    2.  Qabel il-31 ta' Marzu ta' kull sena, id-Direttur għandu jittrasmetti lill-membri l-estimi tan-nefqa tal-programm kif approvat mill-Bord Amministrattiv. L-estimi tan-nefqa tal-programm għandhom jinkludu tbassir tan-nefqa annwali għas-sentejn ta' wara. F'dan it-tbassir, l-estimi tad-dħul u n-nefqa għall-ewwel waħda minn dawk is-sentejn finanzjari (abbozz preliminari ta' l-estimi) għandhom jitħejjew b'dak id-dettal hekk kif huwa meħtieġ għall-proċedura interna ta' l-estimi ta' kull membru fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Impriża Konġunta. Id-Direttur għandu jipprovdi lill-membri bl-informazzjoni kollha supplimentari meħtieġa għal dan il-għan.

    3.  Il-membri għandhom minnfih jikkomunikaw lid-Direttur il-kummenti tagħhom dwar l-estimi tan-nefqa tal-programm, u b'mod partikolari l-estimi tad-dħul u l-infieq għas-sena ta' wara.

    4.  Fuq il-bażi ta' l-estimi approvati tal-programm tan-nefqa, u waqt li jagħti kont tal-kummenti li jirċievi mingħand il-membri, id-Direttur għandu jħejji l-abbozz ta' l-estimi għas-sena ta' wara u jibgħatu lill-Bord Amministrattiv għall-adozzjoni, bil-maġġoranza ta' 75 % tal-voti, qabel it-t30 ta' Settembru.

    Artikolu 14

    1.  Ir-regolamenti finanzjarji għandhom jiġu adottati mill-Bord Amministrattiv bil-maġġoranza ta' 75 % tal-voti.

    2.  L-għan tar-regolamenti finanzjarji huwa li jiġi assigurat immaniġġar finanzjarju sod u ekonomiku ta' l-Impriża Konġunta.

    3.  Ir-regolamenti finanzjarji għandhom b'mod partikolari jinkludu r-regoli prinċipali dwar:

     il-presentazzjoni u l-istruttura ta' l-estimi tal-programm tan-nefqa u l-estimi annwali,

     l-implimentazzjoni ta' l-estimi annwali u kontroll intern finanzjarju,

     il-metodu tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet mill-membri ta' l-Impriża Konġunta,

     iż-żamma u l-presentazzjoni tal-kontijiet u r-rekords ta' l-inventarju kif ukoll it-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-balance-sheet annwali,

     il-proċedura fir-rigward tas-sejħiet għall-offerta bl-appalt ibbażata fuq non-diskriminazzjoni bejn il-pajjiżi tal-membri ta' l-Impriża Konġunta u l-karattru Komunitarju tal-proġett, it-tqegħid u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti u l-ordnijiet għan-nom ta' l-Impriża Konġunta.

    4.  Ir-regoli dettaljati ta' implimentazzjoni li jippermettu lill-Kummissjoni li tassigura l-konformità ma' l-obbligazzjonijiet tagħha skond Artikolu 274 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea għandhom jiġu stipulati fi ftehim bejn l-Impriża Konġunta u l-Kummissjoni.

    Artikolu 15

    Fi żmien xahrejn mit-tmiem ta' kull sena finanzjarja, id-Direttur għandu jibgħat il-kontijiet annwali u l-balance sheets tas-sena ta' qabel lill-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej. Il-verifika mwettqa mill-Qorti ta' l-Awdituri għandha tkun ibbażata fuq ir-rekords u mwettqa fuq il-post. Id-Direttur għandu jippresenta l-kontijiet annwali u l-balance-sheet, flimkien mar-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni bil-maġġoranza ta' 75 % tal-voti. Id-Direttur huwa ntitolat li, u fejn mitlub mill-Bord Amministrattiv, obbligat li jikkumenta dwar ir-rapport. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tibgħat ir-rapport tagħha lill-membri ta' l-Impriża Konġunta.

    Artikolu 16

    1.  Il-pjan tal-programm ta' żvilupp għandu jispeċifika l-pjan għall-esekuzzjoni ta' l-elementi kollha tal-programm. Għandu jkun ikopri t-terminu kollu ta' l-Impriża Konġunta u jiġi aġġornat regolarment.

    2.  Ir-rapport annwali għandu juri l-progress tal-programm Galileo, b'mod partikolari fir-rigward tal-limitu ta' żmien, in-nefqiet u t-twettieq tal-programm.

    Artikolu 17

    1.  L-Impriża Konġunta għandha tkun unkament responsabbli għall-konformità ma’ l-obbligazzjonijiet tagħha.

    2.  Ir-responsabbiltà kontrattwali ta' l-Impriża Konġunta għandha tkun regolata mid dispożizzjonijiet relevanti kontrattwali u bil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

    3.  Kull ħlas mill-Impriża Konġunta biex ikopri r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 2 u n-nefqiet u l-ispejjeż magħmula b'konnessjoni magħha għandhom jitqiesu bħala nefqa ta' l-Impriża Konġunta.

    4.  Id-Direttur għandu jipproponi lill-Bord Amministrattiv kull assigurazzjoni meħtieġa, u l-Impriża Konġunta għandha tagħmel dik l-assigurazzjoni hekk kif il-Bord Amministrattiv jista' jordna.

    Artikolu 18

    L-Impriża Konġunta għandha tassigura l-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva li l-kxif tagħha mhux awtorizzat jista’ jagħmel ħsara lill-interessi tal-partijiet fil-kuntratt. L-Impriża Konġunta għandha tapplika l-prinċipji tas-sigurtà u li-standards minimi imdaħħla fis-seħħ bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill dwar is-sigurtà ( 16 ).

    L-Impriża Konġunta għandha tagħti kont ta' l-esperjenza tal-Bord tal-Galileo dwar is-Sistema ta' Sigurtà (GSSB). Għandha wkoll issegwi r-regoli tal-Bord tas-Siġurtà imsemmi f'Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 876/2002 dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrelataw mas-sigurtà tas-sistema.

    Artikolu 19

    1.  L-Impriża Konġunta hija miftuħa għas-sħubija minn membri barra minn dawk imsemmija f'Artikolu 1(3)(a).

    2.  Kull talba għas-sħubija għandha tiġi ndirizzata lid-Direttur, li għandu jittrasmettiha lill-Bord Amministrattiv. Il-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedi dwar jekk l-Impriża Konġunta għandhiex tibda n-negozjati ma’ l-applikant dwar il-kondizzjonijiet ta' sħubija, b'mod partikolari waqt li jingħata kont ta' l-aspetti tas-sigurtà. Fil-każ ta' deċiżjoni posittiva, l-Impriża Konġunta għandha tinnegozja l-kondizzjonijiet tas-sħubija u tibgħathom lill-Bord Amministrattiv li għandu jaġixxi bil-maġġoranza ta' 75 % tal-voti espressi.

    3.  Is-sħubija ta' l-Impriża Konġunta ma tistgħax tiġi trasferita lill-parti terza sakemm ma jkunx ingħata l-kunsens minn qabel u unanimu tal-Bord Amministrattiv. Kull trasferiment mhux awtorizzat għandu jinvolvi t-terminazzjoni mmedjata tas-sħubija ta' l-Impriża Konġunta u r-responsabbiltà għal kull dannu kkawżat lill-Impriża Konġunta.

    ▼M1

    Artikolu 20

    L-Impriża Konġunta għandha tkun stabbilita għal perijodu li jibda fit-28 ta' Mejju 2002 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2006.

    ▼B

    Artikolu 21

    Għall-għan tat-tmexxija tal-proċedimenti li jinvolvu l-għeluq ta' l-Impriża Konġunta, il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar likwidatur wieħed jew aktar, li għandu jikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv meħuda bil-maġġoranza ta' 75 % tal-voti.

    Artikolu 22

    F'kull kwistjoni mhux koperta b'dawn l-Istatuti, il-liġi ta' l-Istat fejn is-sede ta' l-Impriża Konġunta tkun lokata għandha tapplika.

    Artikolu 23

    Kull membru ta' l-Impriża Konġunta jista’ jibgħat proposti għall-emendi ta' dawn l-Istatuti lill-Bord Amministrattiv.

    Jekk il-Bord Amministrattiv jaqbel ma’ dawk il-proposti bil-maġġoranza ta' 75 % tal-voti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta lill-Kunsill għall-approvazzjoni tagħhom skond il-proċedura li għaliha jipprovdi l-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 172 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.



    ( 1 ) ĠU Ċ 270 E, tal-25.9.2001, p. 119.

    ( 2 ) ĠU Ċ 48, tal-21.2.2002, p. 42.

    ( 3 ) Opinjoni mogħtija fis-7 ta' Frar 2002 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    ( 4 ) ĠU Ċ 104, ta' l-14.4.1999, p. 73.

    ( 5 ) ĠU Ċ 221, tat-3.8.1999, p. 1.

    ( 6 ) ĠU Ċ 157, tat-30.5.2001, p. 1.

    ( 7 ) ĠU L 228, tad-9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1346/2001/KE (ĠU L 185, tas-6.7.2001, p. 1).

    ( 8 ) ĠU L 228, tat-23.9.1995, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1655/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 197, tad-29.7.1999, p. 1).

    ( 9 ) ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/115/KE (ĠU L 15, tas-17.1.2002, p. 24).

    ( 10 ) ĠU L 76, tat-23.3.1992, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/47/KE (ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 73).

    ( 11 ) ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 762/2001 (ĠU L 111, ta' l-20.4.2001, p. 1).

    ( 12 ) ĠU L 101, tal-11.4.2001, p. 1.

    ( 13 ) ĠU L 138, tat-28.5.2002, p. 1.

    ( 14 ) ĠU L 107, 30.4.1996, p. 4.

    ( 15 ) ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

    ( 16 ) ĠU L 101, tal-11.4.2001, p. 1.

    Top