Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01995R2494-20031120

    Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2494/2003-11-20

    1995R2494 — MT — 20.11.2003 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2494/95

    tat-23 ta' Ottubru 1995

    dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur

    (ĠU L 257, 27.10.1995, p.1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

      L 284

    1

    31.10.2003




    ▼B

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2494/95

    tat-23 ta' Ottubru 1995

    dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur



    Il-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni ta' l-Istitut Monetarju Ewropew ( 3 ),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 4 ),

    Billi l-Artikolu 109j tat-Trattat jitlob lill-Kummissjoni u lill-EMI biex jirraportaw lill-Kunsill dwar il-progress miksub mill-Istati Membri fl-adempjiment ta' l-obbligazzjonijiet tagħhom għall-kisba ta' unjoni eknomika u monetarja fir-rigward ta' grad għoli ta' stabbilità tal-prezzijiet;

    Billi l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza li ssir referenza għalih fl-Artikolu 109j tat-Trattat jipprovdi li l-andament sostenibbli tal-prezzijiet mitlub mill-Istati Membri għandu jkun skond l-inflazzjoni imkejla bl-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur fuq bażi komparabbli, wara li jiġu kunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali; billi l-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur eżistenti mhumiex kumpilati fuq bażi direttament komparabbli;

    Billi hemm bżonn li l-Komunità u b'mod speċjali l-awtoritajiet fiskali u monetarji tagħha ikollhom indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur regolari u puntwali sabiex tiġi mqabbla l-inflazzjoni f'kuntest makro-ekonomiku u internazzjonali, meqjusin b'mod distint minn indiċijiet għal skopijiet nazzjonali u mikro-ekonomiċi;

    Billi huwa magħruf li l-fenomenu ta' l-inflazzjoni jimmanifesta ruħu fil-forom kollha ta' transazzjonijiet fis-suq inkluż xiri tal-kapital, xiri tal-Gvern, ħlas ghax-xogħol kif ukoll xiri mill-konsumaturi; billi huwa magħruf li sensiela ta' statistiċi, li jifformaw parti essenzjali minnhom l-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur, huma rilevanti sabiex jinftiehem il-proċess inflazzjonarju fuq livell nazzjonali u bejn l-Istati Membri;

    Billi indiċijiet komparabbli tal-prezzijiet għall-konsumatur jistgħu jiġu preżentati minflok jew flimkien ma' indiċijiet simili tal-prezzijiet għall-konsumatur li bħalissa jew 'l quddiem jintużaw mill-Istati Membri;

    Billi l-preżentazzjoni ta' indiċijiet komparabbli tinvolvi spejjeż li għandhom jiġu allokati bejn il-Komunità u l-Istati Membri;

    Billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ħolqien ta' standards statistiċi komuni għall-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur hija biċċa xogħol li tista' tiġi indirizzata effettivament fuq livell Komunitarju biss u billi l-ġbir ta' l-informazzjoni u l-kumpilazzjoni ta' l-indiċijiet komparabbli tal-prezzijiet għall-konsumatur għandu jiġi implimentat fl-Istati Membri kollha taħt l-awspiċi ta' l-organizazzjonijiet u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġbir ta' l-istatistika uffiċjali fuq livell nazzjonali;

    Billi, sabiex jinkiseb l-għan ta' unjoni ekonomika u monetarja, huwa meħtieġ indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur għall-Komunità kollha;

    Billi l-Kumitat tal-Programm Statistiku (SPC), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom ( 5 ), ta opinjoni favorevoli dwar l-abbozz tar-Regolament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



    L-Artikolu 1

    L-Għan

    L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi l-bażijiet statistiċi neċessarji sabiex wieħed jasal għall-kalkolazzjoni ta' l-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur komparabbli fuq livell Komunitarju.

    L-Artikolu 2

    Id-Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) Indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP): l-indiċi komparabbli ta' prezzijiet għall-konsumatur maħruġ minn kull Stat Membru;

    (b) Indiċi Ewropew tal-prezzijiet għall-konsumatur (EICP): l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur maħruġ għall-Komunità mill-Kummissjoni (Eurostat), ibbażat fuq l-HICP ta' l-Istati Membri;

    (ċ) Indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur ta' l-Unjoni Monetarja (MUICP): l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur maħruġ mill-Kummissjoni (Eurostat) fil-kuntest ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u bbażat fuq l-HICP ta' l-Istati Membri mingħajr deroga taħt l-Artikolu 109k tat-Trattat, sakemm ikomplu jeżistu dawk id-derogi.

    L-Artikolu 3

    Il-Kamp

    L-HICP għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet ta' l-oġġetti u s-servizzi disponibbli għax-xiri fit-territorju ekonomiku ta' l-Istati Membri sabiex jiġu direttament sodisfatti il-bżonnijiet tal-konsumatur. Kwistjonijiet dwar il-piż li għandu jingħata lil kull komponent għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 14.

    L-Artikolu 4

    Komparabbiltà

    L-HICP għandhom jitqiesu bħala komparabbli jekk jirriflettu biss id-differenzi fil-bdil tal-prezzijiet jew fil-mudelli ta' konsum bejn pajjiz u ieħor.

    M'għandhomx jiġu kkunsidrati komparabbli dawk l-HICP li huma differenti minħabba differenzi fil-kunċetti, fil-metodi jew fil-prattiċi użati fid-definizzjoni tagħhom.

    Il-Kummissjoni (Eurostat), għandha tadotta regoli li wieħed irid jimxi magħhom sabiex tiġi żgurata l-paragunabilità tal-HICP taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    L-Artikolu 5

    Orarju u derogi minnu

    1.  Il-miżuri neċessarji sabiex jinkisbu indiċijiet komparabbli tal-prezzijiet għall-konsumatur għandhom jiġu implimentati fl-istadji segwenti:

    (a)  L-Ewwel Stadju:

    Sa mhux aktar tard minn Marzu 1996, il-Kummissjoni (Eurostat), għandha, b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, tipproduċi sett provviżorju ta' indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur għal kull Stat Membru għall-finijiet tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 109j tat-Trattat (“kriterji ta' konverġenza”). Dawn l-indiċijiet għandhom ikunu kompletament ibbażati fuq informazzjoni li fuqha huma bbażati l-indiċijiet tal-prezzijiet nazzjonali tal-konsumatur, iżda aġġustati partikolarment kif ġej:

    (i) tiġi eskluża abitazzjoni okkupata mis-sid;

    (ii) jiġu esklużi servizzi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni;

    (iii) jiġu esklużi ċerti affarijiet oħra li mhumiex koperti jew ittrattati b'mod differenti minn numru ta' Stati Membri.

    (b)  It-Tieni Stadju:

    L-HICP għandu jibda bl-indiċi ta' Jannar 1997. Il-perjodu komuni ta' referenza ta' l-indiċi għandu jkun is-sena 1996. L-estimi ta' bdil fil-prezzijiet għall-perjodu ta' tnax-il xahar qabel Jannar 1997 u għax-xhur sussegwenti għandu jiġi stabbilit abbażi ta' l-indiċijiet ta' l-1996.

    2.  Fejn neċessarju il-Kummissjoni (Eurostat) tista', fuq talba ta' Stat Membru u wara li tikkonsulta ma' l-EMI, tagħti derogi mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għal perjodu li ma jeċċedix sena fejn l-Istat Membru kkonċernat ikollu jagħmel aġġustamenti sinifikanti għas-sistema ta' l-istatistika sabiex jadempixxi l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament.

    3.  Wara konsultazzjoni ma' l-EMI skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 għandhom jiġu adottati l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament billi jiġi żgurat li l-HICP ikunu komparabbli u sabiex jinżammu u jittejbu r-rilevanza tagħhom u kemm wieħed jista' jserraħ fuqhom.

    L-Artikolu 6

    Informazzjoni bażika

    L-informazzjoni bażika għanda tkun dawk il-prezzijiet u piżijiet relattivi ta' l-oġġetti u servizzi li huma neċessarji sabiex tinkiseb il-paragunabilità ta' l-indiċijiet kif definita fl-Artikolu 4.

    Dik l-informazzjoni għandha tinkiseb mill-unitajiet statistiċi kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta' Marzu 1993 dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità ( 6 ) jew minn sorsi oħra, sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti ta' paragunabilità ta' l-indiċijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 7

    Egħjun

    L-unitajiet statistiċi li jiġu mitluba mill-Istati Membri biex jikkooperaw sabiex tinġabar jew tingħata l-informazzjoni dwar prezzijiet, huma obbligati li jippermettu l-osservazzjoni tal-prezzijiet attwalment mitluba u li jagħtu informazzjoni onesta u kompleta fil-ħin meta tintalab.

    L-Artikolu 8

    Frekwenza

    1.  L-HICP, l-EICP u l-MUICP għandhom jiġu kumpilati kull xahar.

    2.  Il-frekwenza mitluba ta' ġbir ta' prezzijiet għandha tkun darba fix-xahar. Il-Kummissjoni (Eurostat) tista' tippermetti eċċezzjonijiet għall-ġbir fix-xahar jekk il-ġbir anqas frekwenti ma jipprekludix il-preżentazzjoni ta' HICP li tilħaq ir-rekwiżiti ta' komparabblità msemmija fl-Artikolu 4. Dan il-paragrafu ma jipprekludix li l-prezzijiet jinġabru aktar ta' spiss.

    3.  Il-piżijiet ta' l-HICP għandhom jinżammu aġġornati bi frekwenza suffiċjenti sabiex jintlaħaq ir-rekwizit ta' komparabbiltà stabbilit fl-Artikolu 4. Dan il-paragrafu m'għandux jitlob li jitweqqtu sondaġġi fil-familji aktar spiss minn darba kull ħames snin, ħlief f'dawk l-Istati Membri illi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14, jiġu identifikati li qed jgħaddu minn kambjamenti fil-mudelli ta' konsum li jinneċessita sondaġġi aktar spissi.

    L-Artikolu 9

    Preżentazzjoni ta' riżultati

    L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-informazzjoni miġbura sabiex jiġi preżentat l-HICP, li għandu jkun indiċi tat-tip Laspeyres, li jkopri l-kategoriji tal-klassifikazzjoni internazzjonali Coicop (klassifikazzjoni ta' konsum individwali skond l-iskop) ( 7 ), li għandu jiġi addattat taħt il-proċedura fl-Artikolu 14 sabiex jiġu stabbilit HICP komparabbli. Il-metodi, il-proċeduri u l-formuli sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu ir-rekwiżiti ta' paragunabilità għandhom jiġu stabbiliti bl-istess proċedura.

    L-Artikolu 10

    Trasmissjoni ta' riżultati

    L-Istati Membri għandhom jittrasmettu l-HICP lill-Kummissjoni (Eurostat) f'perjodu li ma jeċċedix tletin ġurnata mit-tmiem tax-xahar kalendarju li miegħu huma relatati l-indiċijiet.

    L-Artikolu 11

    Pubblikazzjoni

    L-HICP, l-EICP, l-MUICP u s-subindiċijiet korrispondenti għal sett ta' kategoriji f'dawk imsemmija fl-Artikolu 9, magħżula skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14, għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni (Eurostat) mhux aktar tard minn ħamest ijiem mit-tmiem tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 10.

    L-Artikolu 12

    Paragunabilità ta' l-informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) fuq talba tagħha, b'informazzjoni, inter alia dik miġbura skond l-Artikolu 6, f'dak il-livell ta' dettall li huwa neċessarju sabiex tiġi stabbilita konformità mar-rekwiżiti ta' paragunabilità u l-kwalita' tal-HICP.

    L-Artikolu 13

    Finanzjament

    Il-miżuri li jimplimentaw dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati billi jittieħed fl-akbar kunsiderazzjoni l-effettività ta' l-ispiża u bil-kundizzjoni li l-ebda riżorsi maġġuri addizzjonali m'huma meħtieġa fl-Istati Membri, ħlief jekk il-Kummissjoni (Eurostat) iġġorr il-piż ta' żewġ terzi ta' l-ispiża addizzjonali sa tmiem it-tieni sena mill-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri.

    ▼M1

    L-Artikolu 14

    Proċedura

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika, minn hawn il-quddiem referut bħala “il-Kumitat”.

    2.  Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 8 ) għandhom ikunu applikabbli, wara li jkunu meqjusa d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

    ▼B

    L-Artikolu 15

    Reviżjoni

    Wara li tikkonsulta lill-Kumitat, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u f'kull sentejn sussegwenti, tissottometti rapport lill-Kunsill dwar HICP stabbiliti taħt dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar kemm wieħed jista' jorbot fuqhom u l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' paragunabilità.

    F'dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha ssemmi l-opinjoni tagħha dwar l-operat tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 14 u għandha tipproponi dawk l-emendi li tqis xierqa.

    L-Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jiġi ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



    ( 1 ) ĠU C 84, tas-6.4.1995, p. 7.

    ( 2 ) ĠU C 249, tal-25.9.1995.

    ( 3 ) L-opinjoni mogħtija fil-31 ta' Marzu 1995 (ĠU C 236, tal-11.9.1995, p. 11).

    ( 4 ) ĠU C 236, tal-11.9.1995, p. 11.

    ( 5 ) ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

    ( 6 ) ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1.

    ( 7 ) Ippubblikat min-Nazzjoni Uniti, serje F Nru 2, reviżjoni 3, tabella 6.1, emendata minn OECD (DES/NI/86.9), Pariġi 1986.

    ( 8 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

    Top