EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02020R2015-20201210

Consolidated text: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2015 tal-21 ta’ Awwissu 2020 li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2015/2020-12-10

  The HTML format is unavailable in your User interface language.

02020R2015 — MT — 10.12.2020 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2015

tal-21 ta’ Awwissu 2020

li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023

(ĠU L 415 10.12.2020, p. 22)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 158, 6.5.2021, p.  23 (2020/2015)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2015

tal-21 ta’ Awwissu 2020

li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd fl-Ilmijiet tal-Punent għall-perjodu 2021-2023



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art

Fl-ilmijiet tal-Majjistral (is-subżona 5 tal-ICES (minbarra d-diviżjoni 5a u l-ilmijiet tal-Unjoni biss tad-diviżjonijiet 5b), 6 u 7) u fl-ilmijiet tal-Lbiċ (is-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES (l-ilmijiet madwar l-Azores), u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF (l-ilmijiet madwar Madeira u l-Gżejjer Kanarji), l-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fis-sajd demersali u pelaġiku f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-perjodu 2021-2023.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  

“Pannell Fjamming” tfisser l-aħħar parti tal-malja tax-xibka tat-tkarkir bi travu, li tidjieq għal xejn u li:

— 
il-parti ta’ wara tagħha tkun imqabbda direttament mal-manka;
— 
il-partijiet ta’ fuq u ta’ taħt tax-xbieki jkunu magħmula minn malji b’daqs ta’ mill-inqas 120 mm meta jitkejlu bejn għoqda u oħra; u
— 
it-tul imġebbed ikun mill-inqas 3 m.
2.  

“Pannell Seltra” tfisser apparat tas-selettività li:

— 
hu magħmul minn pannell ta’ fuq b’daqs tal-malja mill-inqas 270 mm (malja maqrut) jew minn pannell ta’ fuq b’daqs tal-malja mill-inqas 300 mm (malja kwadra), imqiegħed f’sezzjoni f’forma ta’ kaxxa b’erba’ pannelli, fil-parti dritta ta’ manka;
— 
ikun twil mill-inqas 3 metri;
— 
jitqiegħed mhux aktar minn 4 m ’l bogħod mis-siegla tal-għeluq; u
— 
jkun daqs il-wisa’ kollu tas-saff ta’ fuq tax-xibka tas-sezzjoni f’forma ta’ kaxxa tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).
3.  
“Apparat ta’ selettività tan-Netgrid” tfisser apparat ta’ selettività li jikkonsisti f’sezzjoni magħmula minn erba’ pannelli mdaħħla f’xibka tat-tkarkir b’żewġ pannelli b’xibka inklinata ta’ malja maqrut b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 200 mm, li twassal għal toqba minn fejn jaħrab il-ħut fil-parti ta’ fuq tax-xibka tat-tkarkir;
4.  
“Netgrid tas-CEFAS” tfisser apparat ta’ selettività tan-Netgrid żviluppat minn The Centre for Environment, Fisheries and Aquaculture Science għall-qabdiet ta’ awwisti fil-Baħar Irlandiż;
5.  
“Xibka tat-tkarkir flip-flap” tfisser xibka tat-tkarkir mgħammra bi grilja ta’ xbieki żviluppata biex tnaqqas il-qabdiet ta’ bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda u merlangu fis-sajd għall-iskampu;
6.  
“Ħabel flip-up” tfisser irkaptu tax-xbieki tat-tkarkir bi travu demersali modifikat biex jgħin sabiex ġebel u blat kbir lixx ma jitħallewx jidħlu fix-xibka u jikkawżaw ħsara kemm lill-irkaptu u kif ukoll lill-qabdiet;
7.  
“Pannell tar-rilaxx bentiku” tfisser pannell tax-xbieki b’malja ikbar jew b’malja kwadra mwaħħla fil-pannell ta’ isfel ta’ xibka tat-tkarkir, ġeneralment xibka tat-tkarkir bi travu biex jinħareġ kwalunkwe materjal bentiku u fdal ta’ qiegħ il-baħar qabel ma dan jgħaddi fil-manka;
8.  
“Żona ta’ Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku” tfisser l-ilmijiet fid-diviżjonijiet 7f, 7 g tal-ICES u fil-parti ta’ 7j li tinsab fit-Tramuntana tal-latitudni 50° N u fil-Lvant ta’ 11° W.
9.  
Voracera” tfisser xlief bis-sunnara mekkanizzat iddisinjat u mibni lokalment, li jintuża mill-flotta tas-sajd artiġjanali li tistad għall-paġella ħamra fin-Nofsinhar ta’ Spanja fid-diviżjoni 9a tal-ICES.



KAPITOLU II

EŻENZJONIJIET TAS-SOPRAVIVENZA FL-ILMIJIET TAL-MAJJISTRAL

Artikolu 3

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-iskampu

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:

(a) 

Norway lobster (Nephrops norvegicus) caught in pots, traps or creels (gear codes ( 1 ): FPO u FIX u FYK), fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES;

(b) 

l-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 100 mm jew akbar fis-subżona 7 tal-ICES;

(c) 

l-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad fis-subżona 7 tal-ICES, bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 70 sa 99 mm flimkien ma’ alternattivi ta’ rkaptu selettiv ħafna, kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3;

(d) 

l-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 80 sa 110 mm fid-diviżjoni 6a tal-ICES sa tnax-il mil nawtiku mill-kosta.

2.  

L-eżenzjoni permezz tal-paragrafu 1(c) għandha tapplika għall-bastimenti li jistadu fiż-Żona ta’ Protezzjoni tal-Baħar Ċeltiku, sakemm jużaw wieħed mill-irkapti selettivi li ġejjin:

(a) 

pannell b’malja kwadra ta’ mill-inqas 300 mm;

(b) 

pannell b’malja kwadra ta’ mill-inqas 200 mm għal bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12 m;

(c) 

pannell Seltra;

(d) 

Gradilja selettiva bi spazju massimu ta’ 35 mm bejn il-vireg kif definit fil-Parti B tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) jew apparat ta’ selettività tan-Netgrid ekwivalenti;

(e) 

manka ta’ 100 mm b’pannell ta’ malja kwadra ta’ 100 mm;

(f) 

Manka doppja bil-manka ta’ fuq nett mibnija b’malja T90 ta’ mill-inqas 90 mm u mmuntata b’pannell ta’ separazzjoni b’daqs massimu tal-malja ta’ 300 mm.

3.  

L-eżenzjoni permezz tal-paragrafu 1(c) għandha tapplika għall-bastimenti li jistadu fid-diviżjoni 7a tal-ICES, sakemm jużaw wieħed mill-irkapti selettivi li ġejjin:

(a) 

pannell b’malja kwadra ta’ mill-inqas 300 mm;

(b) 

pannell b’malja kwadra ta’ mill-inqas 200 mm għal bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12 m;

(c) 

pannell Seltra;

(d) 

Gradilja selettiva bi spazju massimu ta’ 35 mm bejn il-vireg kif definit fil-Parti B tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(e) 

Netgrid tas-CEFAS;

(f) 

Xibka tat-tkarkir flip-flap.

4.  
Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles sħiħ, minnufih u fiż-żona fejn ikun inqabad.

Artikolu 4

Eżenzjoni tas-sopravivenza għal-lingwata komuni

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika fid-diviżjoni 7d tal-ICES, sa sitt mili nawtiċi mill-kosta iżda barra miż-żoni ta’ tkabbir identifikati, għall-qabdiet tal-lingwata komuni (Solea solea) inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni bl-użu ta’ rkapti tax-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 80-99 mm, minn bastimenti:

(a) 

li għandhom tul massimu ta’ 10 m u potenza massima tal-magna ta’ 221 kW; u

(b) 

li jistadu f’ilmijiet b’fond ta’ 30 m jew inqas u b’ħinijiet ta’ rmunkar sa disgħin minuta.

2.  
Meta tiġi skartata l-lingwata komuni li tinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-lingwata komuni għandha tinħeles minnufih.

Artikolu 5

Eżenzjoni tas-sopravivenza għar-rebekkini u r-raj

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għar-rebekkini u r-raj (Rajiformes) li jinqabdu b’xi rkaptu tas-sajd fl-Ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 6 u 7 tal-ICES).
2.  
Kull sena, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju, li tappoġġja l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta dik l-informazzjoni xjentifika sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
3.  
L-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għar-raja kukù. Member States having a direct management interest shall submit, every year as soon as possible and not later than by 1 May, additional scientific information supporting that exemption including provisional information on Cuckoo ray catches, Cuckoo ray discards and the progress of Cuckoo ray vitality or survival research in relevant fisheries. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta qabel il-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
4.  
Meta jiġu skartati r-rebekkini u r-raj li jinqabdu fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinħelsu minnufih.

Artikolu 6

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-barbun tat-tbajja’

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal:

(a) 

il-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) li jinqabad fid-diviżjonijiet 7d sa 7 g tal-ICES bil-pariti (kodiċijiet tal-irkaptu: GTR, GTN, GEN, GN);

(b) 

il-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) li jinqabad fid-diviżjonijiet 7d sa 7 g tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX);

(c) 

il-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) li jinqabad fid-diviżjonijiet 7a sa 7 g tal-ICES minn bastimenti b’potenza massima tal-magna akbar minn 221 kW, u li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) immuntati b’ħabel flip-up jew b’pannell tar-rilaxx bentiku;

(d) 

il-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) li jinqabad fid-diviżjonijiet 7a sa 7 g tal-ICES minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB), b’potenza massima tal-magna ta’ 221 kW jew tul massimu ta’ 24 metru, mibnija biex jistadu sa 12-il mil nawtiku mill-kosta u b’medja ta’ ħin tal-irmunkar sa disgħin minuta;

(e) 

il-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa) li jinqabad fid-diviżjoni 7d tal-ICES bit-tartaruni Daniżi (kodiċi tal-irkaptu: SDN).

2.  
Għall-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti (c) u (d), l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, li tappoġġja dawn l-eżenzjonijiet, inkluż informazzjoni provviżorja dwar il-qabdiet tal-barbun tat-tbajja’, l-iskartar u l-progress tar-riċerka dwar il-vitalità jew is-sopravivenza fis-sajd rilevanti. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ukoll skeda taż-żmien għat-tlestija tal-pjan direzzjonali maqbul sal-1 ta’ Mejju 2021. L-STECF għandu jivvaluta dik l-informazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021.
3.  
Meta jiġi skartat il-barbun tat-tbajja’ fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 7

Eżenzjoni tas-sopravivenza għal speċijiet li jinqabdu fin-nases u fil-kavetti

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għal speċijiet li jinqabdu bin-nases u bil-kavetti (kodiċijiet tal-irkaptu: FPO, FIX, FYK) fis-subżoni 5 (minbarra 5a u inkluż 5b għall-ilmijiet tal-Unjoni biss), 6 u 7 tal-ICES.
2.  
Meta jiġi skartat il-ħut li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-ħut għandu jinħeles minnufih.

Artikolu 8

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-ispeċijiet pelaġiċi

1.  

L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-kavalli u tal-aringi fis-sajd bit-tartarun tal-borża fis-subżona 6 tal-ICES, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

il-qabda tinħeles qabel ma jingħalaq ċertu persentaġġ (stabbilit fil-paragrafi 2 u 3 hawn taħt) tas-sajd bit-tartarun tal-borża (“il-punt tal-irkupru”);

(b) 

l-irkaptu tas-sajd bit-tartarun tal-borża jkun immuntat b’bagi li jidhru li jimmarkaw b’mod ċar il-limitu għall-punt tal-irkupru;

(c) 

il-bastiment u l-irkaptu tas-sajd bit-tartarun tal-borża jkunu mgħammra b’sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u b’dokumentazzjoni meta, fejn u sa liema punt ikun ġie rmunkat il-bastiment bit-tartarun tal-borża għall-operazzjonijiet tas-sajd kollha.

2.  
►C1  Il-punt tal-irkupru fis-sajd għall-kavalli għandu jkun meta t-tartarun tal-borża jkun 80 % magħluq u fis-sajd għall-aringi għandu jkun meta t-tartarun tal-borża jkun 90 % magħluq. ◄
3.  
►C1  Jekk il-ġliba ħut imdawra tkun tikkonsisti f’taħlita taż-żewġ speċijiet, il-punt tal-irkupru għandu jkun meta t-tartarun tal-borża jkun 80 % magħluq. ◄
4.  
Għandu jiġi pprojbit li l-qabdiet tal-kavalli u tal-aringi jinħelsu wara l-punt tal-irkupru.
5.  
Għandu jittieħed kampjun tal-ġliba ħut imdawra qabel tinħeles, biex jiġu stmati l-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, il-kompożizzjoni tad-daqs tal-ħut u l-kwantità tal-ħut.
6.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-kavalli u tal-aringi fis-sajd bit-tartarun tal-lampara li jimmira għal speċijiet pelaġiċi li mhumiex soġġetti għal kwoti fid-diviżjonijiet 7e u 7f tal-ICES, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament jiġu ssodisfati mutatis mutandis.



KAPITOLU III

EŻENZJONIJIET TAS-SOPRAVIVENZA FL-ILMIJIET TAL-LBIĊ

Artikolu 9

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-iskampu

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, TBB, OT, PT u TX).
2.  
Meta jiġi skartat l-iskampu li jinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinħeles minnufih fiż-żona fejn ikun inqabad.

Artikolu 10

Eżenzjoni tas-sopravivenza għar-rebekkini u r-raj

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għar-rebekkini u r-raj (Rajiformes) li jinqabdu bl-irkapti kollha fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES.
2.  
Meta jiġu skartati r-rebekkini u r-raj li jinqabdu fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinħelsu minnufih.
3.  
L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika sal-31 ta’ Lulju 2022.
4.  

L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika għar-raja kukù:

(a) 

li tinqabad bil-pariti fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja din l-eżenzjoni għar-raja kukù li tinqabad bil-pariti. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika sal-31 ta’ Lulju 2022;

(b) 

li tinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-subżona 8 tal-ICES sal-31 ta’ Diċembru 2021. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2021, li tappoġġja din l-eżenzjoni għar-raja kukù li tinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika sal-31 ta’ Lulju 2021.

Artikolu 11

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-paġella ħamra

1.  
L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) li tinqabad bl-irkaptu artiġjanali voracera użat fid-diviżjoni 9a tal-ICES u għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) li tinqabad bis-snanar u x-xlief (kodiċijiet tal-irkaptu: LHP, LHM, LLS, LLD) sal-31 ta’ Diċembru 2022 fis-subżoni 8 u 10 tal-ICES u fid-diviżjoni 9a tal-ICES.
2.  
L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, li tappoġġja l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għall-paġella ħamra li tinqabad bis-snanar u x-xlief fis-subżona 8 tal-ICES u fid-diviżjoni 9a tal-ICES. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022.
3.  
Meta tiġi skartata l-paġella ħamra li tinqabad fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, din għandha tinħeles minnufih.

Artikolu 12

Eżenzjoni tas-sopravivenza għall-inċova, għas-sawrell u għall-kavalli

L-eżenzjoni tas-sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika għall-qabdiet tal-inċova (Engraulis encrasicolus), tas-sawrell (Trachurus spp.) u tal-kavalli (Scomber scombrus) fis-sajd bit-tartarun tal-borża (PS), diment li x-xibka ma tkunx kompletament abbord.



KAPITOLU IV

EŻENZJONIJIET DE MINIMIS FL-ILMIJIET TAL-MAJJISTRAL

Artikolu 13

Eżenzjonijiet de minimis fl-Ilmijiet tal-Majjistral

1.  

B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin fl-Ilmijiet tal-Majjistral skont l-Artikolu 15(5)(c) ta’ dak ir-Regolament, soġġetti għall-paragrafi 2 sa 7:

(a) 

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni b’daqs tal-malja ta’ 80 mm jew akbar (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX), ix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) u x-xbieki tat-tkarkir bi travu (BT2) b’daqs tal-malja ta’ 80-119 mm fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES;

(b) 

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw il-pariti u l-għeżula (GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF) biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d sa 7 g tal-ICES;

(c) 

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw l-irkaptu TBB b’daqs tal-malja ta’ 80-119 mm mgħammra b’pannell Fjamming, biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7d sa 7h tal-ICES;

(d) 

għall-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi li tinqabad:

(i) 

minn bastimenti li joperaw b’daqs tal-malja ta’ 100 mm jew akbar għax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u għat-tartaruni kollha (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN SPR, SX, SV, TBN, TBS, TB, TX) fid-diviżjonijiet 7b, 7c u 7e sa 7k tal-ICES b’qabdiet li jinkludu mhux aktar minn 30 % ta’ skampu u għajr ix-xbieki tat-tkarkir bi travu,

(ii) 

minn bastimenti li joperaw b’daqs tal-malja ta’ 80 mm jew akbar fid-diviżjonijiet 7b, 7c u 7e sa 7k tal-ICES b’qabdiet li jinkludu mhux aktar minn 30 % ta’ skampu,

(iii) 

minn bastimenti li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir bi travu b’daqs tal-malja ta’ 80 mm jew akbar fid-diviżjonijiet 7b, 7c u 7e sa 7k tal-ICES flimkien mal-użu ta’ pannell Fjamming;

(e) 

fis-sajd demersali mħallat li jsir minn bastimenti li jimmiraw għall-gambli tar-ramel u li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b’daqs tal-malja ta’ 31 mm jew aktar fid-diviżjoni 7a tal-ICES:

kwantità kkombinata ta’ speċijiet ta’ ħut inqas mill-MCRS, sa 0,85 % tal-qabdiet annwali totali tal-barbun tat-tbajja’ u sa 0,15 % tal-qabdiet annwali totali tal-merlangu fis-sajd demersali mħallat;

(f) 

għall-pixxi trumbetta (Caproidae), sa massimu ta’ 0,5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) fid-diviżjonijiet 7b, 7c u 7f sa 7k tal-ICES;

(g) 

għall-megrim (Lepidorhombus spp.) inqas mill-MCRS, sa massimu ta’ 4 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b’daqs tal-malja ta’ 80-119 mm (BT2) fis-subżona 7 tal-ICES; u bl-użu tax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

fid-diviżjonijiet tal-ICES 7f, 7 g, il-parti ta’ 7h fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ fit-Tramuntana u l-parti ta’ 7j fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ fit-Tramuntana u fil-Lvant tal-lonġitudni 11° fil-Punent, għal bastimenti TR2 b’qabdiet li jikkonsistu f’aktar minn 55 % ta’ merlangu jew 55 % ta’ petriċa, merluzz jew megrim flimkien;

(ii) 

fis-subżona 7 tal-ICES, barra ż-żona msemmija hawn fuq, għall-bastimenti TR2.

(h) 

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu b’daqs tal-malja ta’ 80-119-il mm (BT2) b’żieda fis-selettività (pannell Fjamming) fid-diviżjoni 7a tal-ICES;

(i) 

għall-arġentina silus (Argentina silus), li tinqabad minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) b’daqs tal-malja ta’ 100 mm jew akbar (TR1) fid-diviżjoni 5b tal-ICES (ilmijiet tal-UE) u fis-subżona 6 tal-ICES, sa 0,6 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi mill-irkapti kollha f’dawk iż-żoni;

(j) 

għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet, li jinqabdu fis-sajd demersali mħallat, minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, it-tartaruni u x-xbieki tat-tkarkir bi travu (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBB, TBN, TBS, TB, TX) fis-subżona 6 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES;

(k) 

għall-kavalli (Scomber scombrus), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dik l-ispeċi, li tinqabad fis-sajd demersali mħallat, minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, it-tartaruni u x-xbieki tat-tkarkir bi travu (OTB, OTT, OT, PTB, PT, SSC, SDN, SPR, SX, SV, TBB, TBN, TBS, TB, TX) fis-subżona 6 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 7b sa 7k tal-ICES;

(l) 

għall-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja sa 119 mm (OTB, OTT, OT, TBN, TB) fis-sajd għall-iskampu (Nephrops Norvegicus) fil-Punent tal-Iskozja fid-diviżjoni 6a tal-ICES, sakemm il-bastimenti jużaw l-alternattivi ta’ rkaptu selettiv ħafna deskritti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament;

(m) 

għall-istokkafixx (Micromesistius poutassou), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali fis-sajd industrijali b’bastiment tat-tkarkir pelaġiku li jimmira għal dik l-ispeċi fis-subżoni 5b, 6 u 7 tal-ICES u għall-ipproċessar ta’ dik l-ispeċi abbord biex tinkiseb bażi tas-surimi;

(n) 

għall-alonga (Thunnus alalunga) fis-sajd dirett għall-alonga, sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali bl-użu tax-xbieki tat-tkarkir pelaġiku bil-paranzi (PTM) fis-subżona 7 tal-ICES;

(o) 

għall-kavalli (Scomber scombrus), għas-sawrell (Trachurus spp.), għall-aringi (Clupea harengus) u għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta’ 1 % tal-qabdiet annwali totali fis-sajd pelaġiku b’bastimenti tat-tkarkir pelaġiku b’tul kumplessiv sa 25 metru, bl-użu tax-xibka tat-tkarkir pelaġiku (OTM u PTM), li jimmira għall-kavalli, għas-sawrell u għall-aringi fid-diviżjoni 7d tal-ICES.

2.  
L-eżenzjonijiet de minimis stipulati fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2021. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2021, dwar il-kompożizzjoni tal-qabdiet. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2021.
3.  
L-eżenzjonijiet de minimis stipulati fil-punt (g) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, dwar l-ispejjeż tal-megrim inqas mill-MCRS li tinħażen fuq il-bastimenti u data dwar il-flotot. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022.
4.  
L-eżenzjonijiet de minimis stipulati fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fl-eżenzjoni de minimis għandhom jippreżentaw informazzjoni addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, dwar is-selettività u l-użu ta’ din l-eżenzjoni de minimis. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022.
5.  
L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022, dwar is-selettività u l-ispejjeż sproporzjonati, li tappoġġja l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti (f) u (i) sa (k) tal-paragrafu 1. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2022.
6.  
L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023, dwar ix-xejriet tas-sajd, li tappoġġja l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti (m), (n) u (o) tal-paragrafu 1. L-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika pprovduta sal-31 ta’ Lulju 2023.
7.  
L-eżenzjonijiet de minimis stipulati fil-punti (d), (f) u (i) sa (l) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022.



KAPITOLU V

EŻENZJONIJIET DE MINIMIS FL-ILMIJIET TAL-LBIĊ

Artikolu 14

Eżenzjonijiet de minimis fl-Ilmijiet tal-Lbiċ

1.  

B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin fl-Ilmijiet tal-Lbiċ skont l-Artikolu 15(5)(c) ta’ dak ir-Regolament:

(a) 

għall-merluzz (Merluccius merluccius), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir u t-tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTM, PTM, OTT, OTB, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, SDN, SX, SV) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(b) 

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku, ix-xbieki tat-tkarkir bi travu u x-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (kodiċijiet tal-irkaptu: OTM, PTM, OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TBB, OT, PT u TX) fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES;

(c) 

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw il-pariti u l-għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR u GEN) fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES;

(d) 

għall-fonsa ħamra (Beryx spp.), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet minn bastimenti li jużaw is-snanar u x-xlief (kodiċijiet tal-irkaptu: LHP, LHM, LLS, LLD) fis-subżona 10 tal-ICES;

(e) 

għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ sawrell minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TBB, OT, PT, TX, SSC, SPR, SDN, SX, SV) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(f) 

għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali tas-sawrell minn bastimenti li jużaw l-għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GND, GNC, GTR, GTN) fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u fiż-żoni 34.1.1, 34.1.2, 34.2.0 tas-CECAF;

(g) 

għall-kavalli (Scomber scombrus), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TBB, OT, PT, TX, SSC, SPR, SDN, SX, SV) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(h) 

għall-kavalli (Scomber scombrus), sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw l-għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GND, GNC, GTR, GTN) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES u fiż-żoni 34.1.1, 34.1.2, 34.2.0 tas-CECAF;

(i) 

għall-megrim (Lepidorhombus spp.), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali tal-megrim minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TBB, OT, PT, TX, SSC, SPR, SDN, SX, SV) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(j) 

għall-megrim (Lepidorhombus spp.), sa massimu ta’ 4 % tal-qabdiet annwali totali tal-megrim minn bastimenti li jużaw l-għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GND, GNC, GTR, GTN) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(k) 

għall-petriċa kbira (Lophiidae), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali tal-petriċa kbira minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku, ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTM, PTM, OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TBB, OT, PT, TX, SSC, SPR, SDN, SX, SV) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(l) 

għall-petriċa kbira (Lophiidae), sa massimu ta’ 4 % tal-qabdiet annwali totali tal-petriċa kbira minn bastimenti li jużaw l-għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GND, GNC, GTR, GTN) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(m) 

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku, ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TBB, OT, PT, TX, SSC, SPR, SDN, SX, SV) fis-subżona 8 tal-ICES;

(n) 

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta’ 4 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw l-għeżula (kodiċijiet tal-irkaptu: GNS, GND, GNC, GTR, GTN) fis-subżona 8 tal-ICES;

(o) 

għall-inċova (Engraulis encrasicolus), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (OTT, OTB, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, TBB, SDN, SX, SV) fis-subżoni 8 u 9 tal-ICES;

(p) 

għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (OTT, OTB, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, TBB, SDN, SX, SV) fil-parti tal-Golf ta’ Cadiz tas-subżona 9a tal-ICES;

(q) 

għal-lingwata (Solea spp.), sa massimu ta’ 1 % tal-qabdiet annwali totali tal-lingwata minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni (kodiċijiet tal-irkaptu: OTT, OTB, PTB, OT, PT, TBN, TBS, TX, SSC, SPR, TB, TBB, SDN, SX, SV) fil-parti tal-Golf ta’ Cadiz tas-subżona 9a tal-ICES;

(r) 

għall-istokkafixx (Micromesistius poutassou) sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali fis-sajd industrijali b’bastiment tat-tkarkir pelaġiku, li jimmira għall-istokkafixx fis-subżona 8 tal-ICES bl-użu tax-xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM) u x-xbieki tat-tkarkir pelaġiku bil-paranzi (PTM) u għall-ipproċessar ta’ dik l-ispeċi abbord biex tinkiseb bażi tas-surimi;

(s) 

għall-alonga (Thunnus alalunga) sa massimu ta’ 5 % tal-qabdiet annwali totali fis-sajd dirett għall-alonga bl-użu tax-xbieki tat-tkarkir pelaġiku bil-paranzi (PTM) u x-xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM) fis-subżona 8 tal-ICES;

(t) 

għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għall-kavalli (Scomber scombrus) u għas-sawrell (Trachurus spp.) sa massimu ta’ 4 % tal-qabdiet annwali totali fis-sajd bix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku, li jimmira għall-inċova, għall-kavalli u għas-sawrell fis-subżona 8 tal-ICES bl-użu tax-xbieki tat-tkarkir pelaġiku;

(u) 

għas-sawrell (Trachurus spp.) u għall-kavalli (Scomber scombrus) sa massimu ta’ 4 % tal-qabdiet annwali totali u għall-inċova (Engraulis encrasicolus) sa massimu ta’ 1 % tal-qabdiet annwali totali bl-użu tat-tartaruni tal-borża (PS) fis-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 34.1.1, 34.1.2, 34.2.0 tas-CECAF.

2.  
L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, li tappoġġja l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(e) sa (q).
3.  
L-eżenzjonijiet de minimis stipulati fil-punti (m) u (n) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022.



KAPITOLU VI

DOKUMENTAZZJONI TAL-QABDIET

Artikolu 15

Dokumentazzjoni tal-qabdiet għall-flotot pelaġiċi

Il-kwantitajiet ta’ ħut meħlus bl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 8 u r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni meħtieġ skont l-Artikolu 8(5) għandhom jiġu rrapportati fil-ġurnal ta’ abbord.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Tħassir

Ir-Regolamenti Delegati (UE) 2019/2239 u (UE) 2019/2237 jitħassru.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Il-kodiċijiet tal-irkaptu li ntużaw f’dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Għall-bastimenti li l-LOA tagħhom ikun inqas minn 10 m, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f’din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.

( 2 ) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

Top