Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62019TJ0246

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tad-9 ta’ Novembru 2022.
Kingdom of Cambodia u Cambodia Rice Federation (CRF) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Miżuri ta’ salvagwardja – Suq tar-ross – Importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma – Regolament (UE) Nru 978/2012 – Kunċett ta’ ‘produtturi tal-Unjoni’ – Kunċett ta’ ‘prodotti simili jew li jikkompetu direttament’ – Diffikultajiet serji – Drittijiet tad-difiża – Fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-246/19.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2022:694

Kawża T‑246/19

Ir-Renju tal-Kambodja
u
Cambodia Rice Federation (CRF)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea,

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tad‑9 ta’ Novembru 2022

“Miżuri ta’ salvagwardja – Suq tar-ross – Importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma – Regolament (UE) Nru 978/2012 – Kunċett ta’ ‘produtturi tal-Unjoni’ – Kunċett ta’ ‘prodotti simili jew li jikkompetu direttament’ – Diffikultajiet serji – Drittijiet tad-difiża – Fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”

  1. Rikors għal annullament – Motivi – Motivi li jistgħu jitqajmu kontra deċiżjoni kkontestata – Motiv mhux imqajjem fl-istadju tal-proċedura amministrattiva – Ammissibbiltà

    (Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punt 38)

  2. Politika kummerċjali komuni – Miżuri ta’ difiża kummerċjali – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (Artikolu 207(1) TFUE)

    (ara l-punti 40-42, 117)

  3. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Miżuri ġenerali ta’ salvagwardja – Stabbiliment mil-ġdid tad-dazji tat-tariffa doganali komuni – Importazzjoni ta’ prodott ikkonċernat f’volumi u/jew prezzijiet li joħolqu diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament – Determinazzjoni tal-prodotti simili jew li jikkompetu direttament – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju ta’ oriġini applikabbli għall-prodott importat li jibbenefika minn preferenzi tariffarji – Inammissibbiltà

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikoli 22(1) u (2), u 33)

    (ara l-punti 70-77)

  4. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Salvagwardji ġenerali – Stabbiliment mil-ġdid tad-dazji tat-tariffa doganali komuni – Importazzjoni ta’ prodott ikkonċernat f’volumi u/jew prezzijiet li joħolqu diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament – Kunċetti ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament – Kriterji

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 22(1) u (2))

    (ara l-punti 80-82)

  5. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Salvagwardji ġenerali – Stabbiliment mil-ġdid tad-dazji tat-tariffa doganali komuni – Importazzjoni ta’ prodott ikkonċernat f’volumi u/jew prezzijiet li joħolqu diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni li jimmanifaturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni – Kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz – Paragun tal-prezzijiet ta’ importazzjoni u tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni – Aġġustament – Oneru tal-prova – Obbligi li jaqgħu fuq il-Kummissjoni

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 22(1) u (2))

    (ara l-punti 124, 125, 144)

  6. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Salvagwardji ġenerali – Stabbiliment mil-ġdid tad-dazji tat-tariffa doganali komuni – Importazzjoni ta’ prodott ikkonċernat f’volumi u/jew prezzijiet li joħolqu diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw prodotti simili jew li jikkompetu direttament – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni – Kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet – Obbligu ta’ paragun ġust bejn il-prezz tal-prodott inkkonċernat u l-prezz tal-prodott simili – Paragun imwettaq bejn prezzijiet miksuba fi stadji kummerċjali differenti – Ksur

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 22(1) u (2))

    (ara l-punt 128)

  7. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Irtirar temporanju tal-benefiċċju tas-sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-Kummissjoni – Komunikazzjoni tad-dettalji sottostanti għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħha – Kundizzjoni – Talba tal-partijiet ikkonċernati – Assenza

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1083/2013, Artikolu 17)

    (ara l-punti 171-176, 186)

  8. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi – Proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti li jistabbilixxu miżuri ta’ salvagwardja – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati – Obbligu li tinstema’ l-parti kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju – Portata

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1083/2013, Artikolu 17)

  9. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Irtirar temporanju tal-benefiċċju tas-sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-Kummissjoni – Komunikazzjoni tad-dettalji sottostanti għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħha – Ksur – Proċedura amministrattiva li setgħet wasslet għal riżultat differenti fl-assenza ta’ din l-irregolarità – Annullament tal-att inkwistjoni

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1083/2013, Artikolu 17)

    (ara l-punti 205-207)

  10. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Irtirar temporanju tal-benefiċċju tas-sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-Kummissjoni – Komunikazzjoni tad-dettalji sottostanti għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħha – Portata

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1083/2013, Artikolu 17)

    (ara l-punti 225, 226)

  11. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati favur pajjiżi li qed jiżviluppaw – Irtirar temporanju tal-benefiċċju tas-sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati – Assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-elementi li jiġġustifikaw in-natura ġusta tal-paragun bejn il-prezz tal-importazzjoni u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni – Ksur tad-drittijiet tad-difiża

    (Regolament Nru 978/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1083/2013, Artikolu 17)

    (ara l-punti 234-241, 243, 244)

Sunt

Sa mill‑2012, bis-saħħa tal-arranġament “Kollox minbarra l-armi”, intiż li jiffavorixxi l-iżvilupp tal-pajjiżi inqas avvanzati, l-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma kienu jibbenefikaw minn sospensjoni totali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni.

Skont investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet fl-2018 li r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar / Burma kien importat f’volumi u bi prezzijiet li kienu jikkawżaw diffikultajiet serji lill-industrija tal-Unjoni. B’hekk, permezz tar-Regolament 2019/67 ( 1 ) tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ dan ir-ross għal perijodu ta’ tliet snin u stabbilixxiet tnaqqis progressiv tar-rata tad-dazji applikabbli.

Adita mir-Renju tal-Kambodja u mill-Cambodia Rice Federation, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra r-regolament ikkontestat. Fis-sentenza tagħha, hija tinterpreta, għall-ewwel darba, l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament SPĠ ( 2 ) u, b’mod partikolari, il-kunċetti relatati mal-“produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament” kif ukoll iċ-ċirkustanzi madwar il-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji kkawżati lill-industrija tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabel kollox, fir-rigward tal-kunċett ta’ “prodotti simili jew li jikkompetu direttament” u tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tosserva b’mod preliminari li, fl-investigazzjonijiet ta’ salvagwardja għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-produtturi tal-Unjoni ta’ “prodotti simili” kif ukoll il-produtturi ta’ prodotti “li jikkompetu direttament”.

Sussegwentement, hija tikkonstata li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, ikkunsidrat, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħu mmagħhom il-produtturi tal-Unjoni, li r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy kkultivat jew maħsud fl-Unjoni kien jikkostitwixxi l-“prodott simili jew li jikkompeti direttament”.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni tiżbalja billi tikkunsidra li l-“prodotti simili jew li jikkompetu direttament”, fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament SPĠ, għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjoni ta’ oriġini tal-prodotti importati minn pajjiżi li jibbenefikaw minn preferenzi tariffarji, fis-sens tal-Artikolu 33 tar-Regolament SPĠ u tar-Regolament Delegat 2015/2446 ( 3 ).

Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għar-regoli ta’ oriġini biss fid-dawl tal-prodotti importati. Barra minn hekk, l-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament SPĠ ma jindikax li l-analiżi tal-effett tal-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju fuq is-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-prodotti mmanifatturati minn dawn tal-aħħar u b’hekk tillimita dawk il-produtturi tal-Unjoni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tqis li r-ross Indika mitħun jew nofsu mitħun prodott fl-Unjoni għandu jiġi kklassifikat bħala prodott simili jew li jikkompeti direttament mar-ross Indica mitħun jew nofsu nitħun li joriġina mill-Kambodja indipendentement mill-oriġini tal-materja prima li minnha ġie pproċessat.

Fil-fatt, ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun, irrispettivament mill-oriġini ta’ din il-materja prima, għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali u għandu l-istess użu. Għaldaqstant huwa interkambjabbli jew sostitwibbli ma’ ross Indica ieħor mitħun jew nofsu mitħun, kemm għat-taħħana tal-Unjoni kif ukoll għall-konsumaturi.

B’hekk, il-Kummissjoni kienet obbligata, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet tar-ross Indicali mill-Kambodja fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni t-taħħana kollha tal-Unjoni li jimmanifatturaw ross Indica mitħun jew nofsu mitħun, indipendentement mill-oriġini tar-ross paddy li huma jipproċessaw.

Sa fejn il-Kummissjoni eskludiet parti mill-produtturi mill-evalwazzzjoni tad-dannu, il-Qorti Ġenerali għalhekk tinnota li d-definizzjoni żbaljata tal-produtturi tal-Unjoni vvizzjat bi żball ukoll l-analiżi tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

Fit-tieliet lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, billi limitat id-definizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu b’riferiment għall-oriġini tal-materja prima pproċessata f’ross Indica mitħun jew nofsu mitħun il-Kummissjoni wessgħet de facto l-kamp ta’ protezzjoni għall-kultivaturi tar-ross tal-Unjoni inkwantu dawn tal-aħħar biss huma realment ikkonċernati mir-ross ikkultivat fl-Unjoni. Issa, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni li tinsab fil-premessi 22 u 23 tar-regolament ikkontestat – li jirreferi espliċitament għat-taħħana tal-Unjoni biss.

Minn dak kollu li ntqal il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi limitat arbitrarjament il-kamp tal-investigazzjoni tagħha dwar id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni biss għat-taħħana ta’ ross Indica mitħun jew nofsu mitħun ipproċessat minn ross paddy ikkultivat jew maħsud fl-Unjoni.

Sussegwentement, fir-rigward tal-analiżi tat-twaqqigħ fil-prezzijiet, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq provi, jew indizji, affidabbli u rilevanti li jippermettu li tiġi ssostanzjata d-deċiżjoni tagħha li twettaq aġġustamenti.

L-ewwel, it-tqassim ġeografiku sottostanti għall-“fatt evidenti” li l-kompetizzjoni tar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun fl-Unjoni sseħħ fit-Tramuntana tal-Ewropa ma huwiex issostanzjat minn provi affidabbli u rilevanti. L-istess jgħodd għall-għażla tal-Kummissjoni li tapplika għall-produzzjoni kollha ta’ ross Indica fl-Unjoni r-rata uniformi ta’ EUR 49 għal kull tunnellata bħala spejjeż tat-trasport, mingħajr ma tillimita l-aġġustament għal ċertu proporzjon tal-bejgħ ta’ ross Indica mitħun u nofsu mitħun mill-Unjoni li effettivament jeħtieġ tali trasport min-Nofsinhar lejn it-Tramuntana tal-Ewropa.

It-tieni, il-provi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjoni ma humiex suffiċjentement konvinċenti, jew huma ineżistenti, u ma jistgħux jitqiesu bħala provi, u lanqas bħala indizji konverġenti, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li fuq il-bażi tiegħu sar l-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjoni u li jiġi ddeterminat l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet.

It-tielet, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova insostenn tal-aġġustament tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjonijiet d-differenzi ta’ stadju kummerċjali u sabiex jiġu pparagunati l-prezzijiet tar-ross mitħun mibjugħ sfuż ma’ dawk tar-ross mibjugħ f’pakketti individwali, u lanqas ma’ pproduċiet indizju li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fatturi li għalihom sar dan l-aġġustament u li jiġi ddeterminat l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tikkomunika d-dettalji sottostanti għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hija mmotivat id-deċiżjoni definittiva tagħha fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat Nru 1083/2012 ( 4 ) bl-ebda mod ma jissuġġettaha għal xi tip ta’ talba min-naħa tal-partijiet ikkonċernati. Dan l-obbligu għandu jiġi distint kemm mid-dritt li għandhom il-partijiet ikkonċernati bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat Nru 1083/2013 u tal-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni 2019/339 ( 5 ) li jitolbu aċċess bil-miktub għall-fajl matul il-fażi amministrattiva kif ukoll mill-kwistjoni tal-intervent eventwali ta’ uffiċjal tas-seduta fil-każ ta’ rifjut jew ta’ tilwima dwar il-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tispjega li l-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat Nru 1083/2013 ma fiha ebda indikazzjoni li tippermetti li din il-komunikazzjoni tingħata natura purament indikattiva. Filwaqt li din id-dispożizzjoni għalhekk tipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni li tikkomunika d-dettalji sottostanti għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hija tieħu d-deċiżjonijiet tagħha, tali obbligu huwa meħtieġ, a fortiori, fir-rigward tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali nnifishom.


( 1 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 tas 16 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-[Mjanmar / Burma] (ĠU 2019, L 15, p. 5).

( 2 ) Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU 2012, L 303, p. 1, rettifika ĠU 2015, L 272, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“Regolament SPĠ”).

( 3 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, ĠU 2017, L 101, p. 164, ĠU 2018, L 75, p. 41, ĠU 2021, L 382, p. 60).

( 4 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 tat‑28 ta’ Awwissu 2013, li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta’ preferenzi tariffarji u mal-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali ta’ salvagwardja skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU 2013, L 293, p. 16).

( 5 ) Deċiżjoni (UE) 2019/339 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tal‑21 ta’ Frar 2019, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti kummerċjali (ĠU 2019, L 60, p. 20).

Fuq