Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0085R(01)

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea

/* COM/2012/085 final/2 - 2012/0036 (COD) */

  The HTML format is unavailable in your User interface language.

52012PC0085R(01)

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea /* COM/2012/085 final/2 - 2012/0036 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Kuntest ġenerali

L-għan ta’ din il-proposta għal Direttiva huwa li jkun iktar faċli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jikkonfiskaw u jirkupraw il-profitti li l-kriminali jagħmlu minn kriminalità transkonfinali serja u organizzata. Hija tipprova tattakka l-inċentiv finanzjarju li jixpruna l-kriminalità, tipproteġi l-ekonomija leċita mill-infiltrazzjoni kriminali u mill-korruzzjoni, u trodd il-profitti mill-kriminalità lill-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi għaċ-ċittadini. Hija tirreaġixxi għall-kuntest ekonomiku attwali, fejn kriżi finanzjarja u tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku joħolqu opportunitajiet ġodda għall-kriminali, żieda fil-vulnerabbiltajiet fl-ekonomija u fis-sistema finanzjarja tagħna, kif ukoll sfidi ġodda għall-awtoritajiet pubbliċi marbuta mal-finanzjament ta’ ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu għas-servizzi u għall-assistenza soċjali.

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata huma impriżi illegali maħsuba sabiex jiġġeneraw profitt. Huma jieħdu sehem f’għadd kbir ta’ attivitajiet kriminali transkonfinali – bħat-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar illeċitu fl-armi u l-korruzzjoni – li jiġġeneraw qligħ kbir.

Skont l-istimi tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-livell globali l-ammont tar-rikavat mill-kriminalità fl-2009 kien madwar USD 2.1 triljuni, jew 3.6% tal-PDG globali[1]. M’hemmx stimi affidabbli dwar l-ammont ta' qligħ li ġej mill-kriminalità fl-Unjoni Ewropea[2], iżda fl-Italja l-ħasil tal-flus mill-kriminalità organizzata fl-2011 ġie stmat mill-Bank tal-Italja li kien EUR 150 biljun. Fl-2006, fir-Renju Unit id-dħul mill-kriminalità organizzata ġie stmat li kien GBP 15-il biljun.

Il-profitti derivati minn dawn l-attivitajiet jiġu soġġetti għal laundering (ħasil tal-flus) u investiti mill-ġdid f’attivitajiet leċiti. Il-gruppi tal-kriminalità organizzata qegħdin dejjem iktar jaħbu u jinvestu mill-ġdid l-assi fi Stati Membri oħrajn li ma jkunux dawk fejn tkun twettqet l-attività kriminali[3]. Dan idgħajjef il-ħila tagħna fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali serja u organizzata fl-UE kollha, u jaffettwa l-funzjonament tas-Suq Intern billi joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni man-negozji leġittimi u jdgħajjef il-fiduċja fis-sistema finanzjarja[4]. Fl-aħħar nett, il-kriminalità serja u organizzata ċċaħħad lill-gvernijiet nazzjonali u lill-baġit tal-UE mid-dħul mit-taxxa.

Għalhekk, l-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu sistema effiċjenti għall-iffriżar, għall-immaniġġar u għall-konfiska tal-assi kriminali, appoġġjata mill-istruttura istituzzjonali, kif ukoll mir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa. Madankollu, għalkemm irregolata mil-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali, il-konfiska tal-assi kriminali għadha mhix żviluppata u utilizzata biżżejjed. L-ammont totali rkuprat mill-kriminalità fl-UE għadu wieħed modest meta pparagunat mad-dħul stmat tal-gruppi tal-kriminalità organizzata[5]. Pereżempju, fl-2009 l-assi kkonfiskati fi Franza kellhom valur ta’ EUR 185 miljun, fir-Renju Unit GBP 154 miljun, fil-Pajjiżi l-Baxxi EUR 50 miljun u fil-Ġermanja EUR 281 miljun.

Bħala għodda effikaċi, speċjalment fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u serja, il-konfiska tal-assi kriminali ngħatat prijorità strateġika fil-livell tal-UE. Il-Programm ta’ Stokkolma tal-2009[6] jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħmlu l-konfiska tal-assi kriminali iktar effiċjenti u biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi, li kienu adottati f’Ġunju 2010[7], jistiednu biex jintuża metodu iktar ikkoordinat bejn l-Istati Membri sabiex tinkiseb konfiska tal-assi kriminali iktar effettiva u mifruxa. B’mod partikolari, jistiednu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tisħiħ tal-qafas legali sabiex jinkisbu sistemi iktar effikaċi għall-konfiska ta’ partijiet terzi u għall-konfiska estiża. Huma jenfasizzaw l-importanza tal-fażijiet kollha tal-proċess ta’ konfiska u ta’ rkupru tal-assi u jirrakkomandaw miżuri sabiex jiġi ppreservat il-valur tal-assi waqt dak il-proċess.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni”[8] tiddikjara li l-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex issaħħaħ il-qafas legali tal-UE dwar il-konfiska, b’mod partikolari biex tippermetti iktar konfiski fir-rigward ta’ partijiet terzi[9] u konfiski estiżi, u biex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri ta’ ordnijiet ta’ konfiska li ma jkunux ibbażati fuq kundanna[10].

F’Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew adotta rapport fuq inizjattiva proprja dwar il-kriminalità organizzata li jistieden lill-Kummissjoni biex, mill-iktar fis possibbli, tipproponi leġiżlazzjoni ġdida dwar il-konfiska, b’mod partikolari regoli dwar l-użu effettiv tal-konfiska estiża u tal-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna, regoli li jippermettu l-konfiska ta’ assi trasferiti lil partijiet terzi u regoli li jikkonċernaw il-mitigazzjoni tal-oneru tal-prova wara li awtur ta’ reat jinstab ħati ta’ reat serju li jirrigwarda l-oriġini tal-assi fil-pussess tal-awtur tar-reat[11].

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rikavat mill-kriminalità li ġiet adottata fl-2008[12], il-Kummissjoni ddefiniet prijoritajiet strateġiċi għall-ħidma fil-futur u ssottolineat in-nuqqasijiet fil-qafas legali tal-UE (nuqqas ta’ implimentazzjoni, nuqqas ta’ ċarezza ta’ xi dispożizzjonijiet, nuqqas ta’ koerenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti).

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tipproponi Direttiva li tistabbilixxi regoli minimi għall-Istati Membri fejn jidħol l-iffriżar u l-konfiska tal-assi kriminali permezz ta’ konfiska diretta, konfiska ta’ valur, konfiska estiża, konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna (f’ċirkustanzi limitati), u konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi. L-adozzjoni ta’ dawk ir-regoli minimi se tarmonizza iktar is-sistemi ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-Istati Membri, u b’hekk se tiffaċilita l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni transkonfinali effettiva.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tesplora u tfittex metodi possibbli biex tkun tista’ ssaħħaħ ir-rikonoxxment reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska, filwaqt li tqis b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali. Maż-żmien, l-ordnijiet kollha ta’ konfiska u ta’ ffriżar maħruġa minn Stat Membru għandhom jiġu effettivament infurzati fil-konfront ta’ assi li jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-istrumenti legali eżistenti tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku.

Din il-proposta mhi se timplika l-ebda spiża għall-baġit tal-UE. Ma tikkonċernax l-allokazzjoni baġitarja tar-rikavat mill-konfiska.

1.2.        Dispożizzjonijiet Komunitarji eżistenti f’dan il-qasam

Il-qafas legali attwali tal-UE dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali jikkonsisti f’erba’ Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill (FD – Framework Decisions) u Deċiżjoni tal-Kunsill waħda:

· Id-Deċiżjoni Qafas 2001/500/ĠAI[13], li tobbliga lill-Istati Membri biex jippermettu l-konfiska, jippermettu l-konfiska ta’ valur[14] meta r-rikavat dirett minn attività kriminali ma jkunx jista’ jinqabad u li jiżguraw li t-talbiet mingħand Stati Membri oħrajn jiġu ttrattati bl-istess prijorità bħall-proċeduri domestiċi;

· Id-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI[15], li tarmonizza l-liġijiet dwar il-konfiska. Il-konfiska ordinarja, inkluża l-konfiska ta’ valur, trid tkun disponibbli għall-attivitajiet kriminali kollha punibbli b’sena priġunerija. Il-konfiska estiża[16] trid tkun disponibbli għal ċerti reati serji meta jkunu “saru fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali”;

· Id-Deċiżjoni Qafas 2003/577/ĠAI[17], dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar;

· Id-Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI[18], dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' konfiska; u

· Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI[19] dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu jew jinnominaw Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi nazzjonali bħala punti ta’ kuntatt nazzjonali u ċentrali li jiffaċilitaw, permezz ta’ kooperazzjoni mtejba, it-traċċar l-iktar rapidu possibbli madwar l-UE kollha ta’ assi derivati mill-kriminalità.

Dawn l-istrumenti kienu essenzjalment żviluppati sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità serja u organizzata. Madankollu, minbarra d-dispożizzjonijiet dwar il-konfiska estiża, il-qafas legali attwali tal-UE dwar il-liġi kriminali sostantiva japplika għall-konfiska tar-rikavat minn kwalunkwe reat kriminali punibbli biċ-ċaħda tal-libertà għal iktar minn sena.

1.3.        Konsistenza ma’ politiki oħrajn

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 jinkludi l-proposta attwali bħala inizjattiva strateġika, bħala parti minn inizjattiva politika usa’ li għandha l-għan li tipproteġi l-ekonomija leċita mill-infiltrazzjoni kriminali. Dik l-inizjattiva tinkludi miżuri sabiex tkun indirizzata l-korruzzjoni fl-UE[20] u strateġija tal-UE kontra l-Frodi[21], li ġew adottati f’Ġunju 2011. Peress li tipproteġi l-ekonomija leċita, din il-proposta se tagħti kontribut għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-Ewropa u se tgħin biex jiġi ffaċilitat it-tkabbir sostenibbli f’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020[22].

Il-pakkett kontra l-korruzzjoni li ġie adottat mill-Kummissjoni f’Ġunju 2011 stabbilixxa metodu ta’ politika msaħħa kontra l-korruzzjoni f’medda wiesgħa ta’ politiki interni u esterni tal-UE, u waqqaf mekkaniżmu ġdid għar-rappurtar biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati b’regolarità l-isforzi li jagħmlu l-Istati Membri kontra l-korruzzjoni, li għandu jibda fl-2013. Il-Komunikazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE stiednet lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm sejbien u prosekuzzjoni effikaċi u li jkun hemm riżultati stabbili tul iż-żmien b'rabta ma' penali dissważivi u l-irkupru ta' assi miksuba permezz tal-kriminalità f'każijiet ta' korruzzjoni. Enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-UE jkollha qafas legal rivedut dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi biex ikun żgurat li l-qrati fl-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonfiskaw b'mod effikaċi l-assi li ġejjin mill-kriminalità u li b'xi mod huma relatati mal-kriminalità u jirkupraw kompletament il-valur ekwivalenti tagħhom, anki fil-każijiet li jinvolvu l-korruzzjoni.

Fl-istess kuntest ta' protezzjoni tal-ekonomija leċita, il-Kummissjoni fl-2011 nediet diversi inizjattivi bil-għan li tipprovdi salvagwardji aħjar, fil-livell tal-UE, għall-flus tal-kontributuri tat-taxxa kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Dawn jinkludu proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat il-qafas legali tal-OLAF[23], il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi[24], u l-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS). L-implimentazzjoni tal-CAFS titwettaq b’koordinazzjoni mill-qrib mal-ħidma fir-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni. Dan tal-aħħar se jiffoka fuq l-infurzar tal-politiki kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri, filwaqt li l-CAFS jiffoka fuq miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni u fil-ġlieda kontrihom, b’mod partikolari meta jseħħu fir-rigward tal-fondi tal-UE.

Din il-proposta hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus, notevolment it-Tielet Direttiva tal-UE Kontra l-Ħasil tal-Flus[25] u hija relatata ma’ inizjattivi li qed jittieħdu f'dan il-qasam mill-Kummissjoni, minn istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u mill-Istati Membri.

2.           Riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

2.1.        Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Il-proposta tħejjiet skont il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni. Fit-tħejjija ta’ din il-proposta u fil-valutazzjoni tal-impatt intlaħqu l-istandards minimi għal konsultazzjoni tal-partijiet interessati.

Saru konsultazzjonijiet u diskussjonijiet estiżi mal-esperti fil-laqgħa plenarja tan-Netwerk Camden ta’ Bejn l-Aġenziji għall-Irkupru tal-Assi[26] (Camden Asset Recovery Inter-Agency Network) (Settembru 2010) kif ukoll fi tmien laqgħat tal-Pjattaforma informali tal-UE dwar l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi bejn l-2009 u l-2011.

Ma saret l-ebda konsultazzjoni bil-miftuħ fuq l-Internet, peress li l-konfiska huwa suġġett speċjalizzat fejn l-għarfien espert disponibbli huwa limitat. Ġew stabbiliti kuntatti mas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari mal-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-legalità, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità[27].

L-esperti bejniethom ukoll jiddiskutu b’mod wiesa’ kwistjonijiet relatati mal-konfiska tal-assi kriminali. Qed jiżdiedu l-laqgħat u s-seminars strateġiċi għall-professjonisti fil-livell internazzjonali dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi[28]. Il-professjonisti jikkunsidraw li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet inklużi fil-proposta jirriflettu l-aħjar prattiki kif inhuma stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet maħruġa min-Netwerk Camden ta’ Bejn l-Aġenziji għall-Irkupru tal-Assi bejn l-2005 u l-2010. Id-dispożizzjonijiet huma wkoll konformi mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-konfiska mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) tal-OECD[29].

L-Istati Membri esprimew il-pożizzjoni tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet fl-2010 fil-Konlużjonijiet tal-Kunsill ĠAI msemmija iktar ’il fuq. Għalkemm kien hemm qbil ġenerali dwar il-parti l-kbira tal-kwistjonijiet, xi ftit mill-Istati Membri esprimew xi riżervi dwar il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna. Min-naħa l-oħra, dwar kwistjonijiet oħrajn (pereżempju, il-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi, l-immaniġġar tal-assi) l-Istati Membri qablu li kienet meħtieġa reazzjoni iktar b’saħħitha min-naħa tal-UE.

L-avukati difensuri esprimew preokkupazzjonijiet dwar żieda fis-setgħat għal konfiski estiżi, għal konfiski li ma jkunux ibbażati fuq kundanna u għal konfiski fir-rigward ta’ partijiet terzi minħabba dubji dwar id-drittijiet fundamentali (il-possibbiltà ta’ limitazzjoni għad-dritt għall-proprjetà u għad-dritt għal smigħ xieraq). Kif ġie spjegat iktar ’l isfel, dawn il-preokkupazzjonijiet ġew indirizzati b’attenzjoni fil-proposta.

2.2.        Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-politika tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi tal-politika msejsa fuq studju estern li tlesta f’Marzu 2011[30].

L-istudju estern jissejjes fuq konsultazzjoni wiesgħa tal-professjonisti u tal-esperti, inklużi intervisti ma’ wħud mill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tan-Netwerk Camden ta’ Bejn l-Aġenziji għall-Irkupru tal-Assi. Kif intwera mill-pożizzjoni li ħadu meta kienu qed jinnegozjaw il-Konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija iktar ’il fuq, l-Istati Membri ġeneralment jaqblu dwar il-ħtieġa li jkun hemm regoli tal-UE iktar b’saħħithom fir-rigward tal-irkupru tal-assi.

Il-valutazzjoni tal-impatt hija wkoll imsejsa fuq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ studju ieħor, li ġie ffinalizzat fl-2009[31]. Huwa janalizza l-prattiki tal-Istati Membri fil-konfiska, fejn jiffoka b’mod partikolari fuq dak li ntwera li kien effettiv fil-livell nazzjonali bil-għan li jiġu promossi u skambjati l-aħjar prattiki. L-istudju identifika diversi ostakoli għal konfiska effettiva, bħal tradizzjonijiet legali kunfliġġenti, li jirriżultaw f’nuqqas ta’ metodu komuni fir-rigward tal-miżuri ta’ konfiska, f’diffikultajiet sabiex ikunu maqbuda u miżmuma l-assi, f’nuqqas ta’ riżorsi u ta’ taħriġ, f’kuntatti limitati minn aġenzija għall-oħra u f’nuqqas ta’ statistika koerenti u li tista’ titqabbel.

Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni tal-impatt hija bbażata fuq ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni dwar l-atti legali eżistenti tal-UE. Ir-rapporti dwar id-Deċiżjonijiet Qafas 2005/212/ĠAI[32], 2003/577/ĠAI[33] u 2006/783/ĠAI[34] juru li l-Istati Membri damu biex ittrasponewhom u li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ spiss ġew implimentati b’mod mhux komplut jew skorrett. Jista’ jiġi kkunsidrat bħala moderatament sodisfaċenti biss il-grad ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI fl-Istati Membri[35].

Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat diversi alternattivi ta’ politika li jirrappreżentaw gradi differenti ta’ intervent fil-livell tal-UE: alternattiva mhux leġiżlattiva, alternattiva leġiżlattiva minima (li tikkorreġi n-nuqqasijiet fil-qafas legali eżistenti tal-UE li ma jħalluhx jiffunzjona kif kien intiż) u alternattiva leġiżlattiva massima (li tmur lil hinn mill-miri tal-qafas legali eżistenti tal-UE). Fi ħdan din tal-aħħar, ġew analizzati żewġ subalternattivi leġiżlattivi massimi, waħda b’azzjoni fil-livell tal-UE b’rabta mar-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska bejn l-Istati Membri u l-oħra mingħajr azzjoni ta’ dan it-tip.

L-alternattiva ta’ politika ppreferuta hija l-alternattiva leġiżlattiva massima. Din l-alternattiva għandha ttejjeb b’mod konsiderevoli l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-konfiska u l-infurzar, fost l-oħrajn billi temenda d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-konfiska estiża, u tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda dwar il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna u l-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi u billi tintroduċi regoli iktar effettivi dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska.

Fost drittijiet fundamentali oħrajn, il-valutazzjoni tal-impatt analizzat l-impatti fuq il-protezzjoni tad-dejta personali, li ma kinux ikkunsidrati bħala sostanzjali.

Ir-rapport sħiħ dwar il-valutazzjoni tal-impatt huwa disponibbli minn: http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/crime/crime_confiscation_en.htm

2.3.        Bażi legali

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-TFUE.

L-għoti tal-kompetenzi relatat mal-konfiska u mal-irkupru tal-assi nbidel wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Peress li l-bażi legali prinċipali għal din il-proposta hija l-Artikolu 83(1) TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għar-reati fl-oqsma elenkati f’dak l-Artikolu, jiġifieri t-terroriżmu, it-traffikar ta’ bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ droga, il-money laundering (il-ħasil tal-flus), il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata. It-traffiku illeċitu ta’ armi huwa kopert meta dik l-attività kriminali titwettaq fil-kuntest ta’ kriminalità organizzata.

Wieħed mill-oqsma ta’ kriminalità elenkati huwa l-“kriminalità organizzata”. B’hekk, il-proposta se tkopri attivitajiet kriminali oħrajn li mhumiex speċifikament elenkati fl-Artikolu 83(1) meta dawk l-attivitajiet jitwettqu permezz ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali kif ġiet iddefinita fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata[36].

Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta għall-oqsma tal-kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1), inklużi l-attivitajiet kriminali mwettqa permezz ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, timplika li d-dispożizzjonijiet eżistenti tar-regoli dwar il-konfiska tal-UE għandhom jibqgħu fis-seħħ sabiex jinżamm grad ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet kriminali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għaldaqstant, il-proposta żżomm fis-seħħ l-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI.

2.4.        Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

Skont l-Artikolu 5(3) TUE, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk l-azzjoni proposta ma tkunx tista’ tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. L-Artikolu 67 TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha tipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurtà billi tipprevjeni u tiġġieled il-kriminalità. Il-konfiska tal-assi kriminali qed tiġi rrikonoxxuta dejjem iktar bħala għodda importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li ferm ta’ spiss ikollha natura transnazzjonali u b’hekk jeħtieġ li tiġi indirizzata fuq bażi komuni. Għalhekk, l-UE qiegħda f’pożizzjoni aħjar minn dik tal-Istati Membri individwali biex tirregola l-iffriżar u l-konfiska tal-assi kriminali.

L-assi tal-gruppi tal-kriminalità organizzata qed jiġu moħbija u investiti dejjem iktar barra mill-pajjiż ta’ appartenenza tagħhom (ta’ spiss f’diversi pajjiżi)[37]. Din id-dimensjoni transkonfinali doppja (tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata u tal-investimenti tagħhom) tiġġustifika ulterjorment l-azzjoni tal-UE sabiex fil-mira jkun hemm l-assi tal-gruppi tal-kriminalità organizzata.

Id-dispożizzjonijiet kollha jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għall-proprjetà, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża, id-dritt għal smigħ ġust, id-dritt għal smigħ xieraq u pubbliku fi żmien raġonevoli, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem qorti u d-dritt li tingħata informazzjoni dwar kif jiġi eżerċitat, id-dritt li jiġu rispettati l-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat darbtejn jew jingħata piena doppja fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità tar-reati kriminali.

B’mod partikolari, l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet armonizzati dwar il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna hija prevista biss f’ċirkustanzi ferm limitati, jiġifieri meta l-imputat ma jkunx jista’ jiġi soġġett għal prosekuzzjoni minħabba li jkun miet, ikun marid jew ikun ħarab. Il-konfiska estiża tiġi permessa biss jekk qorti tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ fatti speċifiċi, li persuna misjuba ħatja ta’ reat ikollha fil-pussess tagħha assi li jkun ferm iktar probabbli li jkunu ġew derivati minn attivitajiet kriminali simili milli minn attivitajiet oħrajn. Il-persuna misjuba ħatja tingħata possibbiltà effettiva li tirribatti fatti speċifiċi bħal dawn. Barra minn hekk, is-setgħat estiżi ta’ konfiska ma jistgħux jiġu applikati fir-rigward ta' rikavat li allegatament ikun ġej minn attivitajiet kriminali u li fir-rigward tagħhom il-persuna tkun ġiet illiberata fi proċess li jkun seħħ preċedentement jew f'każijiet oħrajn fejn japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Il-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi tiġi permessa biss f’kundizzjonijiet speċifiċi, jiġifieri meta l-parti terza li tkun għamlet l-akkwist tkun ħallset ammont iżgħar mill-valur fis-suq u kellha tissuspetta li l-assi kienu rikavati minn attività kriminali, u dan wara li ssir valutazzjoni li turi li probabbilment il-konfiska tal-assi direttament mingħand il-persuna li ttrasferithom ma tirnexxix. Fl-aħħar nett, fil-proposta ġew inklużi salvagwardji u rimedji ġudizzjarji speċifiċi sabiex ikun żgurat livell indaqs ta’ protezzjoni u ta’ rispett għad-drittijiet fundamentali. Dawn jinkludu d-dritt li tingħata informazzjoni dwar il-proċeduri, id-dritt għal rappreżentazzjoni minn avukat, l-obbligu li kwalunkwe deċiżjoni li taffettwa l-proprjetà tiġi kkomunikata mill-iktar fis possibbli u d-dritt għall-possibbiltà effettiva li deċiżjoni bħal din tiġi appellata. Dawn ir-rimedji speċifiċi huma previsti mhux biss għall-persuna akkużata jew issuspettata imma anki għal persuni oħrajn fil-kuntest ta’ konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi.

Għalkemm evitat li tagħti sentenzi dwar il-kwistjoni ta’ prinċipju tal-kompatibilità ta’ konfiski li ma jkunux ibbażati fuq kundanna u ta’ reġimi ta’ konfiska estiżi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tat diversi sentenzi favur l-applikazzjoni taghom f’każijiet partikolari. Proċeduri nazzjonali li ma jkunux ibbażati fuq kundanna li jinvolvu inverżjoni tal-oneru tal-prova dwar il-kwistjoni tal-leġittimità tal-assi (li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva) ġew approvati mill-ECHR f'każijiet speċifiċi, sakemm dawn ikunu ġew applikati b'mod ġust fil-każ partikolari u bis-salvagwardji kollha xierqa għall-persuna milquta. Pereżempju, tqies li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana kienet restrizzjoni proporzjonata tad-drittijiet tal-bniedem peress li hija "arma meħtieġa" fil-ġlieda kontra l-Mafja[38]. F’każ ieħor, instab li l-applikazzjoni min-naħa tar-Renju Unit ta’ reġim ta’ konfiska ċivili ma kienx qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[39].

2.5.        L-għażla ta’ strumenti

Sabiex ikunu emendati d-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-armonizzazzjoni, l-uniku strument vijabbli huwa Direttiva li tissostitwixxi l-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u, b’mod parzjali d-Deċiżjonijiet Qafas 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI.

2.6.        Dispożizzjonijiet speċifiċi

- L-għan (Artikolu 1)

Din id-dispożizzjoni tipprovdi kjarifika fis-sens li d-Direttiva tistipula biss regoli minimi (il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun iktar ambizzjuża) u li tikkonċerna l-konfiska tar-rikavat u tal-mezzi strumentali fi kwistjonijiet kriminali.

- Definizzjonijiet (Artikolu 2)

Il-parti l-kbira tad-definizzjonijiet ittieħdu minn Deċiżjonijiet Qafas tal-UE preċedenti jew minn konvenzjonijiet internazzjonali. Id-definizzjoni ta’ “rikavat” ġiet estiża meta pparagunata mad-definizzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI sabiex tkun inkluża l-possibbiltà li jiġu kkonfiskati l-benefiċċji ta’ valur kollha li jirriżultaw mir-rikavat minn attività kriminali, inkluż ir-rikavat indirett.

Id-definizzjoni ta’ “reat kriminali” tirreferi b’mod inkroċjat għal definizzjonijiet preċiżi fl-oqsma tal-kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1) TFUE kif ġew stabbiliti fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

- Il-konfiska (Artikolu 3)

Din id-dispożizzjoni tinkorpora (parti minn) l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI u (parti minn) l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/500/ĠAI. Hija teżiġi li l-Istati Membri jippermettu l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat minn attività kriminali wara kundanna definittiva u jippermettu l-konfiska ta’ proprjetà b’valur ekwivalenti għar-rikavat minn attività kriminali.

- Setgħat estiżi ta’ konfiska (Artikolu 4)

Konfiska estiża tfisser il-kapaċità li jiġu kkonfiskati assi li jmorru lil hinn mir-rikavat dirett minn attività kriminali. Wara li persuna tinstab ħatja ta’ reat kriminali tista’ ssir konfiska (estiża) mhux biss tal-assi assoċjati mal-attività kriminali speċifika, imma ta’ assi addizzjonali li l-qorti tiddetermina li jkunu r-rikavat minn attivitajiet kriminali simili oħrajn.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tipprovdi għal setgħat estiżi ta’ konfiska. Id-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI tobbliga lill-Istati Membri biex jippermettu l-konfiska tal-assi li jappartjenu direttament jew indirettament lil persuni kkundannati għal ċerti attivitajiet kriminali serji (relatati ma’ attivitajiet ta’ kriminalità organizzata u ta’ terroriżmu). Madankollu, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi sett minimu u alternattiv ta’ regoli għall-konfiska estiża, u tħalli lill-Istati Membri ħielsa li japplikaw alternattiva waħda, żewġ alternattivi, jew it-tlieta li huma. Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Kummissjoni wera li dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex ċari u wasslu għal traspożizzjoni frammentarja. Barra minn hekk, l-alternattivi l-oħrajn għall-konfiska estiża rrestrinġew il-kamp ta’ applikazzjoni għar-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ konfiska. L-awtoritajiet fi Stat Membru wieħed jeżegwixxu l-ordnijiet ta’ konfiska maħruġa minn Stat Membru ieħor biss jekk dawn ikunu bbażati fuq l-istess għażliet alternattivi applikati f’dak l-Istat Membru. Għaldaqstant, ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ibbażati fuq konfiska estiża huwa problematiku.

Din il-proposta tintroduċi l-konfiska estiża fir-rigward tad-delitti elenkati fl-Artikolu 83(1) TFUE, kif stipulati fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni. Hija tissimplifika wkoll is-sistema eżistenti ta’ għażliet alternattivi għall-konfiska estiża billi tipprovdi għal standard minimu wieħed. Il-konfiska estiża tista’ titwettaq jekk qorti tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ fatti speċifiċi, li persuna misjuba ħatja ta’ reat kopert minn din id-Direttiva, ikollha fil-pussess tagħha assi li jkun ferm iktar probabbli li jkunu ġew derivati minn attivitajiet kriminali oħrajn ta' natura jew gravità simili milli minn attivitajiet oħrajn. Il-konfiska estiża hija eskluża meta attivitajiet kriminali simili ma setgħux ikunu soġġetti għal proċeduri kriminali minħabba preskrizzjoni skont il-liġi kriminali nazzjonali. Il-proposta teskludi wkoll mill-konfiska r-rikavat minn attivitajiet allegatament kriminali li fir-rigward tagħhom il-persuna milquta tkun ġiet illiberata fi proċess preċedenti quddiem qorti kriminali (b’hekk tiġi rispettata l-preżunzjoni ta’ innoċenza mħarsa bl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) jew f’sitwazzjonijiet fejn japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

- Konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna (Artikolu 5)

Din id-dispożizzjoni tintroduċi dispożizzjonijiet dwar il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna f’ċirkostanzi limitati, sabiex ikunu indirizzati każijiet fejn ma tkunx tista’ ssir prosekuzzjoni kriminali. Għaldaqstant, hija tikkonċerna l-konfiska b’rabta ma’ reat kriminali, imma tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jagħżlu jekk il-konfiska għandhiex tkun imposta minn qrati kriminali u/jew ċivili/amministrattivi. Il-proċeduri li ma jkunux ibbażati fuq kundanna jippermettu li assi jiġi ffriżat u kkonfiskat mingħajr ma sidhom ikun ġie preċedentement ikkundannat f’qorti kriminali.

Sabiex tissodisfa r-rekwiżit tal-proporzjonalità, il-proposta m’għandhiex tintroduċi, fil-każijiet kollha, konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna imma din għandha tkun possibbli biss f’ċirkostanzi fejn ma tkunx tista’ tinkiseb kundanna kriminali minħabba li l-persuna ssuspettata tkun mietet, tkun marida b’mod permanenti jew ma tkunx tista’ ssir prosekuzzjoni effettiva f’perjodu ta’ żmien raġonevoli minħabba li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet jew mardet u jinħoloq ir-riskju li l-prosekuzzjoni ma tkunx tista’ ssir minħabba li tiġi preskritta.

Din id-dispożizzjoni tirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni. Sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-konfiska, il-Konvenzjoni tinkoraġġixxi lill-Istati li huma partijiet għall-Konvenzjoni biex jikkunsidraw it-teħid ta’ miżuri meħtieġa ħalli f’każijiet fejn il-persuna li tkun wettqet ir-reat ma tkunx tista’ tiġi soġġetta għal prosekuzzjoni minħabba li tkun mietet, tkun ħarbet jew tkun assenti jew f’każijiet xierqa oħrajn, ir-rikavat mill-korruzzjoni jkun jista’ jiġi kkonfiskat mingħajr kundanna kriminali (Artikolu 54(1)(c)). Hija wkoll imsejsa fuq il-ħidma tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) tal-OECD, li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi membri tagħha biex jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ miżuri li jippermettu li r-rikavat minn attività kriminali jew il-mezzi strumentali jiġu kkonfiskati mingħajr ma tkun meħtieġa kundanna kriminali, jew miżuri li jobbligaw lil min hu preżunt li wettaq reat li jagħti prova tal-oriġini legali tal-proprjetà li allegatament tkun tista’ tiġi kkonfiskata (Rakkomandazzjoni nru. 3). Din id-dispożizzjoni hija wkoll imsejsa fuq il-fehmiet espressi mill-Grupp Lyon-Roma tal-G8 f’rapport li jenfasizza li, filwaqt li fil-prinċipju għandu jitfittex li jkun hemm konfiska li tkun ibbażata fuq kundanna, hemm każijiet meta l-prosekuzzjoni kriminali ma tkunx possibbli minħabba li l-imputat ikun miet jew ikun ħarab jew minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed provi li jkunu meħtieġa sabiex tinbeda prosekuzzjoni kriminali jew minħabba raġunijiet tekniċi oħrajn[40]. L-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-konfiska mingħajr kundanna kriminali ngħatat appoġġ anki minn professjonisti miġbura fin-Netwerk Camden ta’ Bejn l-Aġenziji għall-Irkupru tal-Assi u fil-Pjattaforma dwar l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi.

- Konfiska ta’ partijiet terzi (Artikolu 6)

Il-kriminali, sabiex jevitaw il-konfiska, ta’ spiss jittrasferixxu l-assi tagħhom lil partijiet terzi kompliċi malli jibdew jiġu investigati. Il-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi tinvolvi l-konfiska ta’ assi li jkunu ġew ittrasferiti minn persuna investigata jew ikkundannata lil partijiet terzi. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-konfiska ta’ partijiet terzi huma diverġenti. Dan ifixkel ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska fir-rigward tal-assi ttrasferiti lil parti terza.

Sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti tal-proporzjonalità u tiġi protetta l-pożizzjoni ta’ parti terza li takkwista proprjetà in bona fide, il-proposta ma tintroduċix dispożizzjonijiet dwar armonizzazzjoni minima fir-rigward tal-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi fil-każijiet kollha. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi tkun tista’ tintuża fir-rigwad tar-rikavat minn attività kriminali jew ta’ proprjetà oħra tal-imputat li jkunu ġew riċevuti għal prezz li jkun iktar baxx mill-valur fis-suq u li persuna raġonevoli fil-pożizzjoni tal-parti terza kieku tissuspetta li huma derivati minn attività kriminali jew li ġew ittrasferiti sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ konfiska. Hija tiċċara wkoll li t-test tal-persuna raġonevoli jrid jissejjes fuq fatti u ċirkostanzi konkreti sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet arbitarji. Barra minn hekk, il-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi għandha tkun possibbli biss wara valutazzjoni, ibbażata fuq fatti speċifiċi, li mhuwiex probabbli li l-konfiska tal-proprjetà tal-persuna misjbua ħatja, issuspettata jew akkużata tirnexxi, jew f’sitwazzjonijiet fejn ikun jeħtieġ li oġġetti uniċi jingħataw lura lis-sid proprju tagħhom.

- Iffriżar (Artikolu 7)

L-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jeżiġi li l-Istati Membri jippermettu l-iffriżar ta’ proprjetà jew ta’ mezzi strumentali li jkunu fil-periklu li jintnefqu, li jiġu moħbija jew ittrasferiti barra mill-ġuriżdizzjoni fid-dawl tal-possibbiltà li sussegwentement jiġu kkonfiskati. Huwa jiċċara li miżuri bħal dawn għandhom jiġu ordnati minn qorti.

L-introduzzjoni tal-possibilità li jintużaw setgħat ta’ ffriżar f’każijiet urġenti sabiex jiġi evitat l-infiq tal-assi f’sitwazzjonijiet meta l-istennija għal ordni maħruġa minn qorti kieku tipperikola l-possibbiltajiet ta’ ffriżar, hija prijorità li ilha tħasseb lill-prosekuturi u lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. It-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu jeżiġi li l-Istati Membri jkollhom stabbiliti miżuri sabiex jiżguraw irwieħhom li l-assi li fir-rigward tagħhom ikun hemm il-periklu li jiġu minfuqa, moħbija jew ittrasferiti barra mill-ġuriżdizzjoni tagħhom ikunu jistgħu jiġu ffriżati immedjatament mill-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jippruvaw jiksbu ordni tal-qorti jew sakemm issir it-talba għaliha.

- Salvagwardji (Artikolu 8)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-proprjetà mhumiex assoluti. Huma jistgħu jiġu leġittimament soġġetti għal restrizzjonijiet sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ikunu pprovduti bil-liġi u – bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità – ikunu meħtieġa u ġenwinament jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali jew jissodisfaw il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, bħal fil-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata.

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal smigħ xieraq. Meta l-ordnijiet ta’ ffriżar jew ta’ konfiska jinterferixxu fid-dritt għall-proprjetà jew fi drittijiet fundamentali oħrajn, huma jridu jkunu jistgħu jiġu kkontestati mill-partijiet milquta skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan l-Artikolu.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (pereżempju, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI) tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu jeżistu rimedji legali adegwati għall-persuni milquta.

Sabiex ikun hemm konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan l-Artikolu jintroduċi salvagwardji minimi fil-livell tal-UE. Dawn għandhom il-għan li jiggarantixxu r-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, id-dritt għal smigħ xieraq (inkluż il-prinċipju ta’ ne bis in idem), l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi quddiem qorti u d-dritt li tingħata informazzjoni dwar kif jiġu eżerċitati dawn ir-rimedji.

- Determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-konfiska u tal-eżekuzzjoni effettiva (Artikolu 9)

Intwera li l-persuni li jkunu ssuspettati li jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet kriminali rnexxielhom jaħbu l-assi tagħhom, ta’ spiss bil-benefiċċju ta’ pariri mingħand professjonisti ta’ ħila. L-investigazzjonijiet dwar l-assi fid-dawl tal-possibbiltà ta’ konfiska sussegwenti ġeneralment jieħdu fit-tul u jeħtieġ li jitwettqu fil-perjodu ta’ żmien meta jsiru l-proċeduri kriminali fir-rigward tagħhom.

F’każ li tkun inħarġet ordni ta’ konfiska, imma ma tkun ġiet skoperta l-ebda proprjetà jew ma tkun ġiet skoperta proprjetà insuffiċjenti u l-ordni ta’ konfiska ma setgħetx tkun eżegwita, dan l-Artikolu jeżiġi li l-Istati Membri jippermettu li jsiru investigazzjonijiet finanzjarji dwar l-assi tal-persuna sakemm dan ikun meħtieġ sabiex ordni bħal din tiġi eżegwita b’mod sħiħ. Din id-dispożizzjoni tindirizza l-problema tal-esklużjoni tal-attivitajiet ta’ konfiska fi tmiem il-proċedura kriminali u tippermetti li fir-rigward ta’ assi preċedentement moħbija li sadanittant ikunu “reġgħu tfaċċaw”, anki meta l-proċeduri kriminali jkunu ġew finalizzati, jiġu applikati ordnijiet ta’ konfiska li ma jkunux ġew eżegwiti jew li jkunu ġew eżegwiti parzjalment.

- Il-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata (Artikolu 10)

Din id-dispożizzjoni hija intiża biex tiffaċilita l-ġestjoni tal-proprjetà li tkun ġiet iffriżata fid-dawl tal-possibbiltà ta’ konfiska sussegwenti. Hija teżiġi li l-Istati Membri jintroduċu miżuri li jkollhom l-għan li jiżguraw ġestjoni adegwata ta’ proprjetà bħal din, b’mod partikolari billi tagħti setgħat sabiex il-proprjetà ffriżata tkun tista’ tinbiegħ, għall-inqas meta din ikun jista’ jonqsilha l-valur tagħha jew ma jibqax iktar ekonomiku li tinżamm.

- L-effikaċja u l-obbligi ta’ rappurtar (Artikolu 11)

Din id-dispożizzjoni tintroduċi obbligi ta’ rappurtar għall-Istati Membri, li għandhom jgħinu sabiex tiġi ġġenerata statistika li għandha tintuża għal finijiet ta’ valutazzjoni.

2012/0036 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[41],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[42],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-raġuni ewlenija għall-kriminalità organizzata transkonfinali hija l-gwadann finanzarju. Sabiex ikunu effettivi, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom jingħataw il-mezzi sabiex jitraċċaw, jiffriżaw, jiġġestixxu u jikkonfiskaw ir-rikavat mill-kriminalità.

(2)       Il-gruppi tal-kriminalità organizzata joperaw mingħajr fruntieri u qed jakkwistaw dejjem iktar assi fi Stati Membri oħrajn u f’pajjiżi terzi. Hemm ħtieġa dejjem ikbar għal kooperazzjoni internazzjonali effettiva fl-infurzar tal-liġi dwar l-irkupru tal-assi kif ukoll għal assistenza legali reċiproka.

(3)       Għalkemm l-istatistika eżistenti hija limitata, jidher li l-ammonti rkuprati mill-assi kriminali fl-Unjoni mhux biżżejjed meta pparagunati mar-rikavat stmat minn attività kriminali. Studji wrew li, għalkemm irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-UE u mil-liġijiet nazzjonali, il-proċeduri ta’ konfiska għadhom mhux użati biżżejjed.

(4)       Il-Programm ta’ Stokkolma[43] u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi, li kienu adottati f’Ġunju 2010, jenfasizzaw l-importanza li l-identifikazzjoni, il-konfiska u l-użu mill-ġdid tal-assi kriminali ikun iktar effikaċi.

(5)       Il-qafas legali attwali tal-Unjoni dwar l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-assi jikkonsisti fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità[44]; Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza[45]; fid-Deċiżjoni Qafa tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità[46]; Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ konfiska[47].

(6)       Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas 2005/212/ĠAI, 2003/577/ĠAI u 2006/783/ĠAI juru li s-sistemi eżistenti għall-konfiska estiża u għar-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska mhumiex totalment effettivi. Il-konfiska hija ostakolata minħabba differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.

(7)       Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI. Dawn id-Deċiżjonijiet Qafas għandhom jiġu parzjalment sostitwiti f’dak li jirrigwarda l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva,

(8)       Jeħtieġ li jitwessa' l-kunċett eżistenti ta' rikavat biex jinkludi r-rikavat dirett minn attività kriminali u l-benefiċċji indiretti kollha, inklużi l-investiment mill-ġdid jew it-trasformazzjoni li jsiru sussegwentement tar-rikavat dirett, il-valur ta’ kwalunke obbligi evitati u kwalunkwe benefiċċju ta’ valur.

(9)       Il-konfiska tal-mezzi strumentali u r-rikavat wara li tittieħed deċiżjoni finali minn qorti u tal-proprjetà li jkollha valur ekwivalenti għar-rikavat, għandha għalhekk tagħmel referenza għal dan il-kunċett imwessa’ ta’ reati kriminali koperti minn din id-Direttiva. Id-Deċiżjoni Qafas 2001/500/ĠAI kienet teżiġi li l-Istati Membri jippermettu li ssir il-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità wara kundanna definittiva u jippermettu li ssir il-konfiska ta’ proprjetà b’valur ekwivalenti għar-rikavat mill-kriminalità. Dawn l-obbligi għandhom jinżammu fir-rigward ta’ reati kriminali mhux koperti minn din id-Direttiva.

(10)     Il-gruppi kriminali jwettqu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali. Sabiex l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata jkunu indirizzati b’mod effettiv, jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn ikun xieraq li wara kundanna kriminali issir konfiska mhux biss tal-proprjetà assoċjata ma’ attività kriminali speċifika, imma anki ta’ proprjetà addizzjonali li l-qorti tiddetermina li tkun derivata minn attivitajiet kriminali oħrajn. Dan il-metodu jissejjaħ konfiska estiża. Id-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI tipprovdi għal tliet settijiet differenti ta’ rekwiżiti minimi li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu sabiex japplikaw il-konfiska estiża. Għaldaqstant, fil-proċess ta’ traspożizzjoni, l-Istati Membri għamlu għażliet differenti li rriżultaw f’kunċetti diverġenti ta’ konfiska estiża fil-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali. Dik id-diverġenza tfixkel il-kooperazzjoni transkonfinali rilevanti għall-każijiet ta’ konfiska. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu armonizzati iktar id-dispożizzjonijiet dwar il-konfiska estiża billi jiġi ffissat standard minimu wieħed. Il-konfiska estiża għandha tapplika meta qorti nazzjonali, fuq il-bażi ta’ fatti speċifiċi bħal dawk relatati man-natura tar-reat kriminali, mad-dħul legali ta’ persuna kkundannata, mad-differenza bejn is-sitwazzjoni finanzjarja u l-livell ta’ għajxien ta’ dik il-persuna jew ma’ fatti oħrajn, tikkonkudi li huwa ferm iktar probabbli li l-proprjetà kkonċernata kienet ġiet derivata minn reati kriminali oħrajn, ta’ natura jew ta’ gravità simili għar-reat kriminali li tiegħu l-persuna tkun instabet ħatja, milli minn attivitajiet oħrajn.

(11)     Skont il-prinċipju ta’ ne bis in idem, huwa xieraq li r-rikavat minn attivitajiet allegatament kriminali jiġi eskluż mill-konfiska estiża meta l-persuna milquta tkun ġiet illiberata definittivament fi proċess preċedenti quddiem qorti kriminali jew f'każijiet fejn japplika l-prinċipju ta' ne bis in idem. Il-konfiska estiża għandha tiġi eskluża wkoll meta attivitajiet kriminali simili ma setgħux ikunu soġġetti għal proċeduri kriminali minħabba preskrizzjoni skont il-liġi kriminali nazzjonali.

(12)     Il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ konfiska ġeneralment jeżiġi kundanna kriminali. F’uħud mill-każijiet, anki meta ma tkunx tista’ tinkiseb kundanna kriminali, xorta għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġu kkonfiskati l-assi sabiex jiġu sfrattati l-attivitajiet kriminali u sabiex ikun żgurat li l-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet kriminali ma jiġux investiti mill-ġdid fl-ekonomija leċita. Uħud mill-Istati Membri jippermettu li ssir konfiska meta ma jkunx hemm provi suffiċjenti għal prosekuzzjoni kriminali, jekk qorti tikkunsidra, fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet, li l-proprjetà jkollha oriġini illeċita, u anki f’sitwazzjonijiet fejn persuna ssuspettata jew akkużata taħrab sabiex tevita l-prosekuzzjoni, ma tkunx tista’ titressaq għal proċess quddiem qorti kriminali minħabba raġunijiet oħrajn jew tkun mietet qabel ma jkunu ntemmu l-proċeduri kriminali. Din tissejjaħ konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna. Għandha ssir dispożizzjoni biex il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna tkun permessa fl-Istati Membri kollha mill-inqas fiċ-ċirkustanzi limitati li ssemmew l-aħħar. Dan huwa konformi mal-Artikolu 54.1.c) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, li tistipula li kull Stat li jkun Parti għall-Konvenzjoni għandu jikkunsidra li jieħu l-miżuri meħtieġa biex ikun possibbli li l-proprjetà miksuba b’mod illeċitu tkun tista’ tiġi kkonfiskta anki jekk ħadd ma jinstab ħati, anki f’każijiet meta l-awtur tar-reat ma jkunx jista’ jinġieb quddiem qorti minħabba li jkun miet, ħarab jew ma jkunx jista’ jinstab.

(13)     Il-prattika li persuna ssuspettata jew akkużata tittrasferixxi proprjetà lil parti terza kompliċi sabiex tevita li tiġi kkonfiskata hija komuni u dejjem iktar mifruxa. Il-qafas legali attwali tal-Unjoni ma jinkudix regoli vinkolanti dwar il-konfiska tal-proprjetà ttrasferita lil partijiet terzi. Għalhekk, qed isir dejjem iktar meħtieġ li jkun permess li ssir il-konfiska tal-proprjetà ttrasferita lil partijiet terzi, li normalment għandha ssir meta persuna akkużata ma jkollhiex proprjetà li tkun tista’ tiġi kkonfiskata. Huwa xieraq li ssir dispożiżżjoni biex tkun tista’ ssir konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi, f’ċerti kundizzjonjiet, wara li ssir valutazzjoni, ibbażata fuq fatti speċifiċi, li mhuwiex probabbli li l-konfiska tal-proprjetà tal-persuna kkundannata, issuspettata jew akkużata tirnexxi, jew f’sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ li oġġetti uniċi jingħataw lura lis-sid proprju tagħhom. Barra minn hekk, sabiex ikunu protetti l-interessi ta’ partijiet terzi f’bona fide, konfiska ta’ dan it-tip għandha tkun possibbli jekk il-parti terza kienet taf jew missha kienet taf li l-proprjetà kienet miksuba permezz tal-kriminalità jew li ġiet ittrasferita sabiex ikun evitat li tiġi kkonfiskata u ngħatat mingħajr ħlas jew ġiet ittrasferita għal ammont iktar baxx mill-valur fis-suq tagħha.

(14)     Għandu jkun hemm miżuri provviżorji sabiex ikun żgurat li l-proprjetà tibqa’ disponibbli bil-għan li tiġi kkonfiskata fi stadju ulterjuri. Dawn il-miżuri ta’ ffirżar għandhom jiġu ordnati minn qorti. Sabiex jiġi evitat li l-proprjetà tintnefaq qabel toħroġ l-ordni ta’ ffirżar mill-qorti, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa li jipprojbixxu b'effett immedjat kwalunkwe trasferiment, konverżjoni, disponiment jew moviment tal-proprjetà li fir-rigward tagħha jkun hemm il-periklu li tinħeba jew tiġi trasferita barra mill-ġuriżdizzjoni, fuq talba għall-ħruġ ta' ordni ta' ffiżar li tinkludi l-possibilità ta' konfiska sussegwenti waqt li l-qorti tkun għadha qed tiddeċiedi dwar il-każ.

(15)     Il-persuni suspettatti jew akkużati ta’ spiss jaħbu l-proprjetà sakemm idumu għaddejjin il-proċeduri kriminali. Għaldaqstant, l-ordnijiet ta’ konfiska ma jkunux jistgħu jiġu eżegwiti, b’mod li dawk soġġetti għal ordnijiet ta’ konfiska jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proprjetà tagħhom wara li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun possibbli li jiġi ddetermiat b’mod preċiż sa liema punt għandha tiġi kkonfiskata l-proprjetà anki wara sejbien ta' ħtija għal reat kriminali, sabiex l-ordnijiet ta’ konfiska jkunu jistgħu jiġu eżegwiti kompletament meta għall-bidu ma tkun ġiet skoperta l-ebda proprjetà jew il-proprjetà li tkun ġiet skoperta ma tkunx biżżejjed u l-ordni ta’ konfiska tkun baqgħet ma ġietx eżegwita. Minħabba li l-ordnijiet ta’ ffirżar joħolqu limitazzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà, dawn il-miżuri provviżjori m’għandhomx jinżammu fis-seħħ iktar minn kemm ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata d-disponibilità tal-proprjetà biex tkun tista' tiġi kkonfiskata fil-futur. Dan jista’ jkun jeħtieġ li ssir reviżjoni regolari mill-qorti sabiex jiġi żgurat li l-għan tagħhom li l-proprjetà ma tintnefaqx ikun għadu validu.

(16)     Il-proprjetà ffriżata bil-ħsieb li tiġi kkonfiskata sussegwentement għandha tkun ġestita b’mod adegwat sabiex ma titlifx il-valur ekonomiku tagħha. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż il-bejgħ jew it-trasferiment tal-proprjetà, sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun it-telf ta’ din ix-xorta. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri rilevanti, bħall-istabbiliment ta’ Uffiċċji tal-Immaniġġar tal-Assi nazzjonali u ċentralizzati jew ta’ mekkaniżmi ekwivalenti (pereżempju meta funzjonijiet bħal dawn ma jkunux ċentralizzati), sabiex jimmaniġġaw kif xieraq l-assi ffriżati qabel il-konfiska u jippreservaw il-valur tagħhom, sakemm tittieħed deċiżjoni minn qorti.

(17)     L-għejun affidabbli ta’ dejta dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali huma skarsi. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni ta’ din id-Direttiva, jeħtieġ li jinġabar sett minimu paragunabbli ta’ dejta statistika xierqa dwar l-attivitajiet ta’ traċċar tal-assi, dwar l-attivitajiet ġudizzjarji u dwar l-attivitajiet ta’ disponiment tal-assi.

(18)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà, id-dritt li jiġu rispettati l-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża, id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat darbtejn jew jingħata piena doppja fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati kriminali. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u ma’ dawn il-prinċipji.

(19)     Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva jolqtu b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni, mhux biss ta’ dawk issusspettati jew akkkużati iżda anki ta’ partijiet terzi li ma jkunux qed jiġu pproċessati. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkun hemm salvagwardji speċifiċi u rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħhom meta ssir l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(20)     Peress li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-konfiska tal-proprjetà fil-qasam kriminali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif inhu stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(21)     F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva] jew [u bla ħsara għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

(22)     F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

L-GĦAN U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Is-suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement u dwar il-konfiska tal-proprjetà fi kwistjonijiet kriminali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) ‘rikavat’ tfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku derivat minn reat kriminali; dan jista’ jikkonsisti fi kwalunkwe forma ta’ proprjetà u jinkludi kwalunkwe investiment mill-ġdid jew kwalunkwe trasformazzjoni li jsiru sussegwentement ta’ rikavat dirett minn persuna ssuspettata jew akkużata u kwalunkwe benefiċċju ta’ valur;

(2) ‘proprjetà’ tfisser proprjetà ta’ kwalunkwe deskrizzjoni, kemm jekk materjali kif ukoll jekk immaterjali, mobbli jew immobbli u d-dokumenti jew l-istrumenti legali li jixhdu dritt jew interess fi proprjetà bħal din;

(3) ‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, totalment jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminal;

(4) ‘konfiska’ tfisser piena jew miżura, ordnata minn qorti wara proċeduri marbuta ma’ reat kriminali li finalment jirriżultaw fiċ-ċaħda mill-proprjetà;

(5) ‘iffriżar’ tfisser il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, tal-qerda, tal-konverżjoni, tad-disponiment jew tal-moviment ta’ proprjetà jew l-assunzjoni temporanja ta’ kustodja jew ta’ kontroll ta’ proprjetà;

(6) ‘reat kriminali’ tfisser reat kriminali kopert minn:

(a) il-Konvenzjoni mfassla skont l-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[48],

(b) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2000/383/ĠAI tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar iż-żieda fil-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħrajn kontra l-iffalsifikar b’konnessjoni mad-dħul tal-euro[49],

(c) Id-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti[50],

(d) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[51], kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tad-9 ta’ Diċembru 2008[52],

(e) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità[53],

(f) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat[54],

(g) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi[55],

(h) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni[56],

(i) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata[57],

(j) Id-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI[58],

(k) Id-Direttiva 2011/92/UE tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI[59].

TITOLU II

IFFRIŻAR U KONFISKA

Artikolu 3

Konfiska li tkun ibbażata fuq kundanna

1.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat wara kundanna definittiva għal reat kriminali.

2.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkonfiska proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat wara kundanna definittiva għal reat kriminali.

Artikolu 4

Setgħat estiżi ta’ konfiska

1.           Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun ġiet misjuba ħatja ta’ reat kriminali, fejn, fuq il-bażi ta’ fatti speċifiċi, qorti tikkonkludi li huwa ferm iktar probabbli li l-proprjetà kkonċernata tkun nkisbet mill-persuna kkundannata permezz ta’ attivitajiet kriminali simili milli permezz ta’ attivitajiet oħrajn.

2.           M’għandhiex issir konfiska meta l-attivitatjiet kriminali simili msemmija fil-paragrafu 1

(a) ma setgħux ikunu soġġetti għal proċeduri kriminali minħabba il-preskrizzjoni skont il-liġi kriminali nazzjonali; jew

(b) diġà kienu soġġetti għal proċeduri kriminali li wasslu biex il-persuna tinħeles definittivament jew fil-każijiet meta japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

Artikolu 5

Konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkonfiska rikavat u mezzi strumentali mingħajr kundanna kriminali, wara proċeduri li permezz tagħhom, kieku l-persuna ssuspettata jew akkużata setgħet titressaq għal proċess quddiem qorti kriminali, setgħet tinkiseb kundanna kriminali, meta:

(a) il-mewt jew il-mard permanenti tal-persuna ssuspettata jew akkużata tipprevjeni kwalunkwe prosekuzzjoni ulterjuri; jew

(b) il-mard jew il-ħarba mill-prosekuzzjoni jew mill-għoti tas-sentenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata jipprevjenu prosekuzzjoni effettiva f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, u joħolqu riskju serju li l-prosekuzzjoni tista’ tiġi preskritta.

Artikolu 6

Konfiska fir-rigward ta’ parti terza

1.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkonfiska:

(a) ir-rikavat li jkun ġie ttrasferit lil partijiet terzi minn persuna kkundannata jew f’isimha, jew minn persuni ssuspettati jew akkużati fiċ-ċirkostanzi tal-Artikolu 5, jew

(b) proprjetà oħra tal-persuna kkundannata li tkun ġiet ittrasferita lil partijiet terzi sabiex jiġi evitat li tkun kkonfiskata proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat.

2.           Huwa possibli li jiġu kkonfiskati r-rikavat jew il-proprjietà msemmija fil-paragrafu 1, meta l-proprjetà tkun suġġetta li tintradd lura jew meta

(a) minn valutazzjoni, imsejsa fuq fatti speċifiċi relatati mal-persuna kkundannata, issuspettata jew akkużata, jidher li mhuwiex probabbli li l-konfiska tal-proprjetà tal-persuna misjuba ħatja jew tal-persuna ssuspettata jew akkużata fiċ-ċirkustanzi tal-Artikolu 5 tirnexxi, u

(b) ir-rikavat jew il-proprjetà jkunu ġew ittrasferiti mingħajr ħlas jew għal ammont iktar baxx mill-valur fis-suq tar-rikavat jew tal-proprjetà meta l-parti terza:

(i) fil-każ tar-rikavat, kienet taf bl-oriġini illeċita tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ għarfien ta’ dan it-tip, persuna raġonevoli fil-pożizzjoni tagħha kienet tissuspetta li l-oriġini tiegu huwa illeċitu, fuq il-bażi ta’ fatti u ta’ ċirkostanzi konkreti;

(ii) fil-każ ta’ proprjetà oħra, kienet taf li ġiet ittrasferita sabiex ikun evitat li tiġi kkonfiskata proprjetà ta’ valur ekwivalenti għar-rikavat, jew fin-nuqqas ta’ għarfien ta’ dan it-tip, persuna raġonevoli fil-pożizzjoni tagħha kienet tissuspetta li ġiet ittrasferita biex ikun evitat li tiġi kkonfiskata, u dan fuq il-bażi ta’ fatti u ta’ ċirkostanzi konkreti.

Artikolu 7

Iffriżar

1.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ jiffriża proprjetà li tkun fil-periklu li tiġi minfuqa, moħbija jew ittrasferita barra mill-ġuriżdizzjoni fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement. L-ordni għal miżuri bħal dawn għandha tingħata minn qorti.

2.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu jistgħu jiffriżaw immedjatament il-proprjetà meta jkun hemm riskju kbir li dik il-proprjetà tiġi minfuqa, moħbija jew ittrasferita qabel deċiżjoni tal-qorti. Miżuri bħal dawn għandhom jiġu kkonfermati minn qorti mill-iktar fis possibbli.

Artikolu 8

Salvagwardji

1.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-persuni affettwati mill-miżuri pprovduti taħt din id-Direttiva jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u li l-persuni ssuspettati jkollhom id-dritt għal smigħ xieraq, sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

2.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha tiġi ffriżata xi proprjetà tkun debitament motivata, li d-deċiżjoni tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata mill-iktar fis possibbli wara li tiġi eżegwita u li din tibqa’ fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ li l-proprjetà tiġi ppreservata fid-dawl tal-possibilità li tiġi kkonfiskata sussegwentement. Kull Stat Membru għandu jipprovdi l-possibbiltà effettiva li l-persuni li l-proprjetà tagħhom tkun ġiet affettwata jappellaw mid-deċiżjoni ta’ ffriżar quddiem qorti fi kwalunkwe żmien qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-konfiska. Il-proprjetà ffriżata li ma tiġix ikkonfiskata fi stadju ulterjuri għandha tintradd lura immedjatament lis-sid leġittimu tagħha.

3.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni ta’ konfiska tkun debitament motivata u li d-deċiżjoni tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata. Kull Stat Membru għandu jipprovdi l-possibbiltà effettiva li l-persuni li l-proprjetà tagħhom tkun ġiet affettwata jappellaw mid-deċiżjoni ta’ konfiska quddiem qorti.

4.           Fil-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4, il-persuna ssupettata jew akkużata għandu jkollha possibbiltà effettiva li tirribatti l-probabbiltà li fuq il-bażi tagħha il-proprjetà kkonċernata tkun qed tiġi meqjusa bħala rikavat.

5.           Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5, il-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata mid-deċiżjoni ta’ konfiska għandha tkun irrappreżentata minn avukat matul il-proċeduri kollha sabiex ikunu osservati d-drittijiet tad-difiża tal-persuna meta jiġi stabbilit ir-reat kriminali u jiġu ddeterminati r-rikavat u l-mezzi strumentali.

6.           Meta l-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata tkun parti terza, il-persuna jew l-avukat tal-persuna għandhom jiġu infurmati bil-proċeduri li jistgħu jwasslu għal deċiżjoni ta’ konfiska ta’ dik il-proprjetà u għandha titħalla tipparteċipa f’dawk il-proċeduri sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jitħarsu b’mod effettiv id-drittijiet tagħha. Dik il-persuni gandu jkollha, mill-inqas, id-dritt li tinstema’, id-dritt li tistaqsi mistoqsijiet u d-dritt li tippreżenta provi qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva dwar il-konfiska.

Artikolu 9

Determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-konfiska u tal-eżekuzzjoni effettiva

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun possibbli li jiġi ddeterminat eżattament x’għandu jiġi kkonfiskat mill-proprjetà wara li tkun ingħatat kundanna definittiva għal reat kriminali, jew wara proċeduri, kif inhu previst fl-Artikolu 5, li jirriżultaw fid-deċiżjoni li ssir konfiska, u għandu jippermetti li jittieħdu iktar miżuri sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex dik id-deċiżjoni li ssir konfiska tiġi eżegwita b’mod effettiv.

Artikolu 10

Il-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata

1.           Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, bħall-istabbiliment ta’ uffiċċji ċentralizzati nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti, sabiex jiżgura ruħu mill-ġestjoni adegwata tal-proprjetà ffriżata fid-dawl tal-possibbiltà ta’ konfiska sussegwenti.

2.           Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jilħqu l-aħjar valur ekonomiku ta’ proprjetà bħal din, u jkunu jinkludu l-bejgħ jew it-trasferiment ta’ proprjetà li jista’ jonqsilha l-valur tagħha.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Statistika

L-Istati Membri jiġbru u jżommu b’mod regolari statistika komprensiva mill-awtoritajiet rilevanti sabiex issir reviżjoni tal-effikaċja tas-sistemi tagħhom ta’ konfiska. L-istatistika miġbura tintbagħat lill-Kummissjoni kull sena u għar-reati kriminali kollha għandha tinkludi:

(a) l-għadd ta’ ordnijiet ta’ ffriżar eżegwiti,

(b) l-għadd ta’ ordnijiet ta’ konfiska eżegwiti,

(c) il-valur tal-proprjetà ffriżata,

(d) il-valur tal-proprjetà rkuprata,

(e) l-għadd ta’ talbiet għal ordnijiet ta’ ffriżar li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor,

(f) l-għadd ta’ talbiet għal ordnijiet ta’ konfiska li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor,

(g) il-valur tal-proprjetà rkuprata wara eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor,

(h) il-valur tal-proprjetà maħsuba biex tintuża mill-ġdid għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, ta’ prevenzjoni jew għal skopijiet soċjali,

(i) l-għadd ta’ każijiet fejn il-konfiska tkun ġiet ordnata b’korrelazzjoni mal-għadd ta’ kundanni għar-reati kriminali koperti minn din id-Direttiva,

(j) l-għadd ta’ talbiet għal ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska li jkunu ġew miċħuda mill-qrati,

(k) l-għadd ta’ talbiet għal ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska li ma jkunux ġew ikkonfermati wara impunjazzjonijiet legali.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa … [sentejn mid-data tal-adozzjoni]. Huma għandhom jitrażmettu immedjatament lill-Kummissjoni t-test li jkun fih dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkkumpanjati b’referenza ta’ dan it-tip meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test li jkun fih id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha, sa [tliet snin wara d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni] tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn tivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti fuq il-konfiska u l-irkupru tal-assi, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti adegwati.

Artikolu 14

Is-sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u tad-Deċiżjonijiet Qafas 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI

1.           L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, l-Artikolu 1(a) u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/500/ĠAI, u l-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI, b’dan qed jiġu sostitwiti f'dak li jirrigwarda l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas fil-liġi nazzjonali.

2.           Fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Azzjoni Konġunta u għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 15 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ wara għoxrin jum mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, “Stima tal-flussi finanzjarji illeċiti li jirriżultaw mit-traffikar tad-drogi u minn kriminalità organizzata transnazzjonali oħra (Estimating illicit financial flows resulting from drug trafficking and other transnational organised crime)”, Ottubru 2011.

[2]               Jeżistu iktar stimi dwar il-valur tas-swieq tal-kriminalità. Skont in-Nazzjonijiet Uniti il-kummerċ globali tad-drogi fl-2005 ġġenera UDS 321 biljuni. Skont il-Kunsill tal-Ewropa it-traffikar tal-bnedmin għandu valur ta’ USD 42.5 biljuni fis-sena. L-OECD stmat li s-suq globali tal-oġġetti ffalsifikati ġie stmat f'valur massimu ta' USD 250 biljuni fis-sena. Il-korruzzjoni fl-UE hija stmata li tiswa sa 1% tal-PDG tal-UE kull sena.

[3]               Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi ta’ Ġunju 2010, Dokument tal-Kunsill 7769/3/10. Għal dikjarazzjonijiet simili, ara s-Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata tal-UE għall-2011 u r-Rapport Annwali tal-Eurojust għall-2010.

[4]               Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Prevenzjoni ta’ Kriżijiet Ekonomiċi u l-Appoġġ għall-Attività Ekonomika, 23.4.2010 (Dokument tal-Kunsill 7881/10), punt 7d.

[5]               Pereżempju, fir-Renju Unit, stima uffiċjali fl-2006 ikkalkulat li d-dħul tal-kriminalità organizzata kien ta’ GBP 15-il biljun, filwaqt li fl-istess sena l-Istat irkupra GBP 125 miljun, ara Home Office (2006) iċċitat fil-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata tal-Europol għall-2010.

[6]               “Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”, Dokument tal-Kunsill 17024/09, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10/11 ta’ Diċembru 2009.

[7]               Dokument tal-Kunsill 7769/3/10.

[8]               COM(2010) 673 finali tat-22.11.2010.

[9]               Il-konfiska fir-rigward ta’ partijiet terzi tinvolvi l-konfiska ta’ assi li jkunu ġew ittrasferiti minn persuna investigata jew ikkundannata lil xi parti terza.

[10]             Il-proċeduri li ma jkunux ibbażati fuq kundanna jippermettu li l-proprjetà tiġi ffriżata u kkonfiskata, indipendentement minn kundanna preċedenti ta’ sidha f’qorti kriminali.

[11]             Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea, adottat fil-25 ta’ Ottubru 2011, Dokument A7-0333/2011 [referenza provviżorja].

[12]             "Ir-rikavat mill-kriminalità organizzata – Jiġi żgurat li l-kriminalità ma tirrendix", COM (2008) 766 finali tal-20.11.2008.

[13]             ĠU L 182 tal-05.07.2001.

[14]             Il-konfiska ta’ valur tinvolvi l-konfiska ta’ ammont ta’ flus ekwivalenti għall-valur tar-rikavat minn attività kriminali.

[15]             ĠU L 68/49 tal-15.3.2005.

[16]             Il-konfiska estiża tinvolvi l-konfiska ta’ assi li jmorru lil hinn mir-rikavat dirett minn attività kriminali u għalhekk ma jkunx hemm għalfejn tiġi stabbilita konnessjoni bejn assi kriminali ssuspettati u kondotta kriminali speċifika.

[17]             ĠU L 196/45 tat-2.8.2003.

[18]             ĠU L 328/59 tal-24.11.2006.

[19]             ĠU L 332/103 tat-18.12.2007.

[20]             COM(2011) 307, 308 u 309 u C(2011) 3673 finali tas-6.6.2011.

[21]             COM(2011) 376 finali tal-24.6.2011.

[22]             COM(2010) 2020 finali tat-3.3.2010. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Prevenzjoni ta’ Kriżijiet Ekonomiċi u l-Appoġġ għall-Attività Ekonomika, 23.4.2010 (Dokument tal-Kunsill 7881/10), punt 7d.

[23]             (COM(2011) 135 finali) tas-17.3.2011.

[24]             (COM(2011) 293 finali) tas-26.5.2011.

[25]             Id-Direttiva 2005/60/KE tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ĠU 309/15 tal-25.11.2005.

[26]             Dan in-netwerk (CARIN), appoġġjat mill-Kummissjoni u mill-Europol, huwa netwerk internazzjonali ta’ professjonisti fil-qasam tal-irkupru tal-assi li jinkludi esperti (punt ta’ kuntatt wieħed għall-infurzar tal-liġi u punt ta’ kuntatt wieħed ġudizzjarju) minn iktar minn 50 pajjiż u ġuriżdizzjoni, inklużi 26 Stat Membru tal-UE. L-għanijiet tiegħu huma l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji f’materji li jikkonċernaw l-irkupru transkonfinali tal-assi.

[27]             Pereżempju, is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw diversi laqgħat bilaterali ma’ rappreżentanti tan-Netwerk FLARE (Freedom, Legality and Rights in Europe – Libertà, Legalità u Drittijiet fl-Ewropa) u man-netwerks assoċjati tiegħu.

[28]             Pereżempju, is-Seminar taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza għat-Taħriġ fl-Irkupru tal-Assi (CEART - Centres of Excellence for Asset Recovery Training) u s-Seminar Strateġiku tal-Eurojust li sar fl-2010.

[29]             Notevolment, ir-Rakkomandazzjoni 4 tar-Rakkomandazzjonijiet FATF li ġew riveduti fi Frar 2012.

[30]             Kuntratt ta’ Qafas ta’ Servizz Nru JLS/2010/EVAL/FW/001/A1, Studju għal Valutazzjoni tal-Impatt dwar proposta għal qafas legali ġdid dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi kriminali (Study for an Impact Assessment on a proposal for a new legal framework on the confiscation and recovery of criminal assets).

[31]             “Il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-prattiki tal-Istati Membri tal-UE fl-identifikazzjoni, fit-traċċar, fl-iffriżar u fil-konfiska tal-assi kriminali (Assessing the effectiveness of EU Member States' practices in the identification, tracing, freezing and confiscation of criminal assets)”, disponibbli minn

                http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/crime/crime_confiscation_en.htm

[32]             Rapport tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 6 tad-deċiżjoni qafas tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-konfiska ta’ rikavati, strumenti u oġġetti relatati mal-kriminalità (2005/212/JAI), COM(2007) 805 finali tas-17.12.2007.

[33]             Rapport mill-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza, COM(2008) 885 finali tat-22.12.2008.

[34]             Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska, COM(2010) 428 finali tat-23.8.2010.

[35]             Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha, COM(2011) 176 finali tat-12.4.2011.

[36]             Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI [tal]-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ĠU L 300/42 tal-11.11.2008.

[37]             Ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2.

[38]             Sentenza Raimondo vs Italy tat-22 ta’ Frar 1994.

[39]             Sentenza Walsh v. Director of the Asset Recovery Agency (Renju Unit) (2005).

[40]             Rapport finali tal-proġett Taljan dwar “Il-konfiska: Kwistjonijiet legali u koperazzjoni internazzjonali” żviluppat fi ħdan is-SottoGrupp għall-Affarijiet Legali Kriminali (CLASG - Criminal Legal Affairs SubGroup) tal-Grupp Roma-Lyon tal-G8.

[41]             ĠU C , , p. .

[42]             ĠU C , , p. .

[43]             “Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”, Dokument tal-Kunsill 17024/09, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10/11 ta’ Diċembru 2009.

[44]             ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1.

[45]             ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45.

[46]             ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49.

[47]             ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59.

[48]             ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2.

[49]             ĠU L 140, 14.6.2000, p. 1.

[50]             ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1.

[51]             ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

[52]             ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21.

[53]             ĠU L 182 of 5.7.2001, p. 1.

[54]             ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.

[55]             ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8.

[56]             ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.

[57]             ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

[58]             ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

[59]             ĠU L 335, 17.12.2001, p. 1.

Top