EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1731R(01)

1731/2006/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1731/2006 tat- 23 ta’ Novembru 2006 dwar regoli speċjali għall-applikazzjoni tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni ta' ċerti prodotti ppriservati tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

OJ L 76M, 24.3.2009, p. 343–345 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1731/corrigendum/2009-03-24/oj

24.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L NaN/343


Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1731/2006 tat-23 ta’ Novembru 2006 dwar regoli speċjali għall-applikazzjoni tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni ta' ċerti prodotti ppriservati tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1731/2006 għandu jaqra:

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1731/2006

tat-23 ta’ Novembru 2006

dwar regoli speċjali għall-applikazzjoni tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni ta' ċerti prodotti ppriservati tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1), partikolarment l-Artikolu 33(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kumissjoni (KEE) Nru 2388/84 tal-14 ta' Awwissu 1984 dwar ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rifużjonijiet ta' esportazzjoni fil-każi ta' ċerti prodotti ppriservati taċ-ċanga u l-vitella (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom tista' tingħata rifużjoni partikulari għall-prodotti ppriservati tal-laħam li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 1602 50 31 u 1602 50 39 li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi.

(2)

Partikolarment, huwa previst li dawn il-prodotti ppriservati għandhom jiġu manifatturati fil-qafas tal-iskeda prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 565/80 tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 1980 fuq il-ħlas bil-quddiem ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli (3).

(3)

Ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ħlas bil-quddiem tar-rifużjoni fuq il-prodotti pproċessati fil-kuntest tal-iskema prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 565/80 huma stabbiliti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (4).

(4)

Il-miżuri stabbiliti mir-Regolament (KEE) Nru 565/80 kif ukoll il-miżuri ta' applikazzjoni korrispondenti stabbiliti fil-Kapitolu 3 tat-Titlu II tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 u r-Regolament (KEE) Nru 2388/84 ġew abrogati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1713/2006.

(5)

Barra minn hekk huwa previst ukoll li biex jittieħed benefiċċju mir-rifużjoni tal-esportazzjoni, il-prodotti ppriservati msemmija għandhom ikunu manifatturati minn laħam taċ-ċanga u tal-vitella li għandhom oriġini Komunitarja u jkun fihom persentaġġ minimu ta' ċanga u vitella, minbarra l-interjuri u x-xaħam.

(6)

Sabiex jiġi garantit li l-prodotti ppriservati eleġibbli għar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni jiġu magħmula biss minn laħam taċ-ċanga u tal-vitella u li dan il-laħam huwa ta' oriġini Komunitarju, huwa meħtieġ li din il-produzzjoni tinżamm fil-kontroll tal-awtorità doganali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-kodiċi doganali tal-Komunità (5) u li l-ħlas tar-rifużjonijiet għandu jibqa' marbut mal-konformità ta' dawk il-kundizzjonijiet.

(7)

Sabiex ikun hemm iktar trasparenza u effikaċja f'dawk il-kontrolli, speċjalment f'każ ta' kontroll li jsir wara l-iżdoganar, għandu jkun previst li l-operaturi jżommu reġistri aġġornati tat-tagħrif li jagħti lok għall-monitoraġġ tal-użu tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella għall-produzzjoni ta' prodotti ppriservati skont il-lottijiet ta' produzzjoni tal-prodotti ppriservati.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaċ-Ċanga u l-Vitella.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ambitu

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, il-ħlas ta' rifużjoni tal-esportazzjoni fuq prodotti ppriservati koperti bil-kodiċijiet NM 1602 50 31 9125, 1602 50 31 9325, 1602 50 39 9125 u 1602 50 39 9325 (minn hawn il-quddiem “il-prodotti ppriservati”) għandu jkun suġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati b'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet ġenerali

1.   Il-prodotti ppriservati ma jistgħux jibbenefikaw mir-rifużjoni tal-esportazzjoni ħlief jekk jiġu prodotti taħt sorveljanza tal-awtoritajiet doganali u taħt il-kontroll doganali skont it-tifsira tal-Artikolu 4, punti 13 u 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

2.   Il-produzzjoni u l-esportazzjoni għandhom jitwettqu waqt il-perjodu ta' validità tal-liċenzja għall-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-produzzjoni

1.   L-operatur għandu jressaq dikjarazzjoni quddiem l-awtorità doganali li fiha jistqarr ir-rieda tiegħu li jqiegħed il-laħam taħt il-kontroll doganali minħabba l-manifattura tal-prodotti ppriservati u l-esportazzjoni tagħhom bir-rifużjoni.

Din id-dikjarazzjoni għandha tindika b'mod speċjali l-kwantitajiet, id-dettalji tal-identifikazzjoni u t-tip ta' laħam li se jintuża bħala materja prima kif ukoll il-post tal-ħżin.

Il-laħam għandu jitqiegħed f'kaxxi b'tikketta li tidher ċar u li tista' tiġi assoċjata faċilment mad-dikjarazzjoni ta' miegħu.

2.   Ladarba d-dikjarazzjoni msemmija f'paragrafu 1 tkun aċċettata, il-laħam u l-proċess ta' operazzjoni korrispondenti għandhom jitqiegħdu taħt il-kontroll doganali. Dan il-kontroll isir abbażi ta' kontrolli dokumentali u fiżiċi li jistgħu jitwettqu fuq il-laħam kif jidħol fil-proċedura, jew waqt il-ħżin tiegħu jew waqt il-produzzjoni tiegħu kif ukoll fid-dokumenti korrispondenti speċjalment dawk imsemmija fil-paragrafi 7 u 8.

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 386/90 (6) u l-Artikolu 2(2), l-Artikoli 3, 4, 5 u 6, l-Artikolu 8(1 u 2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11, l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2090/2002 (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

3.   Waqt li l-produzzjoni tkun għadha fil-proċess, il-laħam imsemmi f'paragrafu 1 jinżamm dejjem separat minn kwalunkwe laħam ieħor taċ-ċanga u tal-vitella.

4.   L-operatur iżomm reġistru separat bl-annotazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella maħsub għall-produzzjoni ta' prodotti ppriservati.

5.   L-operatur għandu jinforma lill-awtorità doganali dwar il-postijiet u d-dati tal-produzzjoni tal-prodotti ppriservati u jinnotifika wkoll il-kwantità, id-dettalji tal-identifikazzjoni u t-tip ta' laħam taċ-ċanga u tal-vitella li se jintuża għal dan il-għan.

6.   Waqt il-produzzjoni tal-prodotti ppriservati, il-laħam imsemmi fil-paragrafu 1 biss jista' jkun preżenti fiż-żona ta' produzzjoni.

7.   Għal kull lott ta' prodotti ppriservati li jiġi prodott, l-operaturi għandhom iżommu reġistru aġġornat li jindika

a)

It-tip, id-dettalji tal-identifikazzjoni u l-kwantitajiet ta' laħam użat bħala materja prima u,

b)

In-numru, id-dettalji tal-identifikazzjoni, il-kwalità u t-tip ta' prodotti ppriservati li jiġu prodotti minn dak il-laħam;

It-tagħrif imsemmi fil-punt b) għandu jiġi annotat f'kull dikjarazzjoni imsemmija fl-Artikolu 3(1) taħt il-kontroll doganali.

Għall-iskopijiet ta' dan il-paragrafu “lott ta' prodotti ppriservati” tfisser il-prodotti ppriservati kollha prodotti fl-istess żmien u prattikament fl-istess ċirkustanzi.

8.   Ir-riċetti dettaljali tal-produzzjonijiet differenti li għalihom japplikaw ir-rifużjonijiet fil-qafas ta' dan ir-Regolament, għandhom jinżammu fuq il-post tal-produzzjoni. Dawn id-dokumenti, kif ukoll ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 7 jinżammu mill-operaturi mill-inqas matul it-tliet snin tal-kalendarju wara s-sena ta' produzzjoni. Fejn hu meħtieġ, l-awtoritajiet doganali għandu jkollhom aċċess għal dawn id-dokumenti għal skopijiet ta' kontroll.

9.   Il-prodotti ppriservati jibqgħu taħt kontroll doganali sakemm iħallu t-territorju doganali tal-Komunità jew jiksbu waħda mid-destinazzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

Artikolu 4

Karatteristiċi tal-prodotti ppriservati

Il-prodotti ppriservati għandhom:

Ikunu prodotti minn laħam taċ-ċanga u tal-vitella ta' oriġini Komunitarja, u

ma jkunx fihom anqas minn 80 % ta' ċanga u vitella, esklużi l-interjuri u x-xaħam, u

jitqiegħdu fil-laned b'piż unitarju ta' mhux aktar minn 2 500 grammi netti.

Barra minn hekk, l-isem tal-Istat Membru li fih il-prodott ikun ġie manifatturat għandu jkun stampat b'riljev, bla kodifika, fuq kull waħda mil-laned, li jkun jidher ċar fil-lingwa ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 5

Miżuri addizjonali ta' kontroll

L-Istati Membri jiddeterminaw miżuri iktar dettaljati ta' kontroll tal-produzzjoni tal-prodotti ppriservati u jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. Partikolarment, huma għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jeskludu kwalunkwe possibbiltà ta' sostituzjoni tal-materja prima użata jew tal-prodotti imsemmija.

Artikolu 6

Formalitajiet tal-esportazzjoni

1.   Ladarba l-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni tal-prodotti ppriservati jkunu kompluti, l-awtorità doganali tindika n-numru ta' dikjarazzjoni/jiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 kif ukoll il-kwantitajiet u d-dettalji tal-identifikazzjoni tal-prodotti ppriservati li jikkorrispondu għal kull dikjarazzjoni.

2.   Ladarba l-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni jkunu kompluti, id-dikjarazzjoni/jiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), kompluta/i skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(8) u l-kopja tad-dikjarazzjoni/jiet għall-esportazzjoni għandhom jintbagħtu permezz ta' modi amministrattivi lill-entità responsabbli għall-ħlas tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 221, 18.8.1984, p. 28. Ir-Regolament kif emendat Regolament (KE) Nru 1713/2006 (ĠU L 321, 21.11.2006, p. 11.)

(3)  ĠU L 062, 7.3.1980, p. 5. Ir-Regolament kif emendat Regolament (KE) Nru 1713/2006

(4)  ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11. Ir-Regolament kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1713/2006.

(5)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).

(6)  ĠU L 42, 16.2.1990, p. 6. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 163/1994 (ĠU L 24, 29.1.1994, p. 2).

(7)  ĠU L 322, 27.11.2002, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1454/2004 (ĠU L 269, 17.8.2004, p. 9).


Top