EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0112R(02)

2004/112/KE: Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE tat- 13 ta' Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku lid-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

OJ L 76M, 24.3.2009, p. 41–46 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/112/corrigendum/2009-03-24/oj

24.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L NaN/41


Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku lid-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE għandha taqra:

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2004/112/KE

tat-13 ta' Diċembru 2004

li tadatta għall-progress tekniku lid-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE tas-6 ta’ Ottubru 1995 dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9a tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta’ Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq (2) stabbilixxiet regoli uniformi għat-trasport ta’ merkanzija perikoluża fil-Komunità.

(2)

L-Annessi għad-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE huma relatati mal-Annessi għad-Direttiva 94/55/KE. L-addattament għall-progress xjentifiku u tekniku tal-Annessi għad-Direttiva 94/55/KE jista’ jkollu effett fuq l-Annessi għad-Direttiva 95/50/KE.

(3)

Sabiex tingħata kunsiderazzjoni lid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/28/KE tas-7 ta’ April 2003 li taddatta għar-raba’ darba għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq, għandhom jiġu emendati l-Annessi għad-Direttiva 95/50/KE.

(4)

Il-miżuri li hemm provediment għalihom f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża mwaqqaf permezz tad-Direttiva 94/55/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 95/50/KE qed tiġi emendata kif ġej:

L-Annessi I, II u III qed jiġu sostitwiti mill-Annessi I, II u III għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membru għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessjarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sena wara l-pubblikazzjoni tagħha. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkompanjati minn referenza bħal din fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif se ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 13 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Membru tal-Kummissjoni

ANNESS I

Image

Image

ANNESS II

VJOLAZZJONIJIET

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-lista mhux eżawrjenti li ġejja, klassifikata f’tlett kategoriji ta' riskju (il-Kategorija I hija l-aktar serja) tagħti linja gwida dwar dak li għandu jitqies bħala vjolazzjoni.

Għad-determinazzjoni tal-kategorija tar-riskju xierqa għandha tingħata kunsiderazzjoni liċ-ċirkustanzi partkolari u titħalla għad-diskrezzjoni tal-korp/uffiċjal tal-infurzar fit-triq.

Nuqqasijiet li mhumiex elenkati taħt il-kategoriji tar-riskju għandhom jiġu klassifikati skont id-deskrizzjoni tal-kategoriji.

Fil-każ li jkun hemm diversi vjolazzjonijiet għal kull unità tat-trasport, il-kategorija tar-riskju l-aktar serja biss (kif indikat taħt entrata 39 fl-Anness I għal din id-Direttiva) għandha tiġi applikata għall-finijiet tar-rappurtaġġ (Anness III għal din id-Direttiva).

1.   Kategorija tar-Riskju I

Fejn in-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ADR rilevanti joħloq riskju ta’ livell għoli ta’ mewt, korriment personali serju jew danni sinifikanti lill-ambjent it-tali nuqqasijiet normalment iwasslu għat-teħid ta’ miżuri korrettivi immedjati u xierqa bħall-immobilizzazzjoni tal-vettura.

Il-nuqqasijiet huma:

(1)

Hemm projbizzjoni fuq it-trasport tal-merkanzija perikoluża li qed tinġarr;

(2)

Likiġ ta’ sustanzi perikolużi;

(3)

Ġarr permezz ta’ mod jew mezz projbit ta’ trasport;

(4)

Ġarr ta’ volumi f’kontejner li mhuwiex strutturalment tajjeb għas-servizz;

(5)

Ġarr f’vettura mingħajr ċertifikat xieraq ta’ approvazzjoni;

(6)

Il-vettura ma għadhiex tikkonforma mal-istandards ta’ approvazzjoni u tippreżenta perikolu immedjat (inkella taqa’ taħt il-kategorija tar-riskju II);

(7)

Qed jintuża ppakkjar mhux approvat;

(8)

L-ippakkjar ma jikkonformax mal-istruzzjoni applikabbli tal-ippakkjar;

(9)

Nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet speċjali dwar l-ippakkjar imħallat;

(10)

Nuqqas ta’ konformità mar-regoli li jirregolaw l-irbit u l-istivar tat-tagħbija;

(11)

Nuqqas ta’ konformità mar-regoli li jirregolaw it-tagħbija mħallta ta’ pakketti;

(12)

Nuqqas ta’ konformità mal-livelli permissibbli tal-mili tat-tankijiet jew tal-pakketti;

(13)

Nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-kwantitajiet li jinġarru f’unità waħda tat-trasport;

(14)

Il-ġarr ta’ merkanzija perikoluża mingħajr indikazzjoni tal-preżenza tagħhom (pereżempju dokumenti, immarkar u ttikkettar tal-pakketti, plakards u marki fuq il-vettura …);

(15)

Ġarr mingħajr plakards u marki fuq il-vettura;

(16)

Nuqqas tal-informazzjoni rilevanti dwar is-sustanza li qed tinġarr li tippermetti d-determinazzjoni tar-riskju (pereżempju n-numru NU, id-denominazzjoni, il-grupp tal-ippakkjar …);

(17)

Is-sewwieq ma għandux ċertifikat ta’ taħriġ vokazzjonali validu;

(18)

Qed jintuża nar jew dawl mhux protett;

(19)

Il-projbizzjoni fuq it-tipjip mhix qed tiġi osservata.

2.   Kategorija tar-Riskju II

Meta n-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ADR rilevanti joħloq riskju ta’ korriment personali jew dannu lill-ambjent it-tali nuqqasjiet normalment iwasslu għat-teħid ta’ miżuri korrettivi xierqa bħal talba ta’ retifikazzjoni fuq il-post tal-kontroll jekk possibbli u xieraq, iżda mhux aktar tard minn x'ħin jitlesta l-moviment tat-trasport kurrenti.

In-nuqqasijiet huma:

(1)

L-unità tat-trasport fiha aktar minn trejler/semi-trejler wieħed;

(2)

Il-vettura ma għadhiex tikkonforma mal-istandards ta’ approvazzjoni iżda ma tippreżentax periklu immedjat;

(3)

Il-vettura mhux qed iġġor tagħmir għat-tifi tan-nar operattiv kif meħtieġ; it-tagħmir għat-tifi tan-nar jista’ jibqa jitqies bħala operattiv jekk is-siġill preskritt biss u/jew id-data tal-għeluq huma nieqsa; madankollu, dan ma japplikax jekk jidher biċ-ċar li t-tagħmir għat-tifi tan-nar ma għadux operattiv, pereżempju il-kejl tal-pressjoni jindika żero;

(4)

Il-vettura ma fihiex it-tagħmir meħtieġ mill-ADR jew mill-istruzzjonjiet bil-miktub;

(5)

Hemm nuqqas ta’ konformità mad-dati tat-testijiet u tal-ispezzjoni u l-perjodi ta’ użu tal-ippakkjar, l-IBCs jew ippakkjar kbir;

(6)

Qed jinġarru pakketti b'ippakkjar bil-ħsara, IBCs jew ippakkjar kbir jew vojt, bil-ħsara, u mhux imnaddaf, bil-ħsara;

(7)

Merkanzija ppakkjata qed tinġarr f’kontejner li mhuwiex strutturalment tajjeb għas-servizz;

(8)

It-tankijiet/kontejners tank (inklużi dawk li huma vojta u mhux imnaddfa) ma jingħalqux sew;

(9)

Ġarr ta’ ippakkjar kombinat li għandu ippakkjar ta' barra li mhuwiex magħluq sew;

(10)

It-tikkettar, l-immarkar jew il-plakards mhumiex korretti;

(11)

M’hemmx istruzzjonijiet bil-miktub li jikkonformaw mal-ADR, jew l-istruzzjonijiet bil-miktub mhumiex rilevanti għall-merkanzija li qed tinġarr;

(12)

Il-vettura mhijiex superviżjonata jew ipparkjata sew.

3.   Kategorija tar-Riskju III

Fejn in-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti jirriżulta f’riskju ta’ livell baxx ta’ korriment personali jew ta’ dannu lill-ambjent u fejn il-miżuri korrettivi xierqa m’għandhomx bżonn jittieħdu fit-triq iżda jistgħu jiġu indirizzati aktar tard fil-post tal-intrapriża.

In-nuqqasijiet huma:

(1)

Id-daqs tal-plakards jew tat-tikketti jew id-daqs tal-ittri, il-figuri jew is-simboli fuq il-plakards jew it-tikketti ma jikkonformawx mar-regolamenti;

(2)

L-informazzjoni fid-dokumentazzjoni tat-trasport minbarra dik fil-kategorija tar-riskju I/(16) mhijiex disponibbli;

(3)

Iċ-ċertifikat tat-taħriġ mhuwiex abbord il-vettura iżda hemm evidenza li s-sewwieq għandu wieħed.

ANNESS III

MUDELL TAL-FORMOLA STANDARD GĦAR-RAPPORT LI GĦANDU JINTBAGĦAT LILL-KUMMISSJONI DWAR IL-VJOLAZZJONIJIET U L-PENALITAJIET

Image


(1)  ĠU L 249, 17.10.1995, p. 35. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/26/KE (ĠU L 168, 23.6.2001, p. 23).

(2)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/28/KE (ĠU L 90, 8.4.2003, p. 45).


Top