EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017D1324-20170718

Consolidated text: Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta' Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1324/2017-07-18

02017D1324 — MT — 18.07.2017 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C1

DEĊIŻJONI (UE) 2017/1324 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Lulju 2017

dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri

▼B

(ĠU L 185 18.7.2017, p. 1)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 232, 8.9.2017, p.  17 (2017/1324)




▼B

▼C1

DEĊIŻJONI (UE) 2017/1324 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Lulju 2017

dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri

▼B



Artikolu 1

Parteċipazzjoni fi PRIMA

►C1  1.  L-Unjoni għandha tipparteċipa fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (“PRIMA”), li jipparteċipaw fiha b'mod konġunt ◄ il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, Iżrael, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, it-Tuneżija u t-Turkija (“Stati Parteċipanti”), f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

2.  L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk għandhom isiru Stati Parteċipanti soġġett għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fi PRIMA.

3.  Kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż terz assoċjat ma' Orizzont 2020, għajr xi wieħed minn dawk elenkati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jista' jieħu sehem fi PRIMA dment li jissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1) u li jikkonforma, b'mod partikolari, mal-Artikolu 11(5).

Stati Membri u pajjiżi terzi assoċjati ma' Orizzont 2020 li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu li jkunu Stati Parteċipanti għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni.

4.  Kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat ma' Orizzont 2020, għajr xi wieħed minn dawk elenkati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jista' jipparteċipa fi PRIMA dment li:

(a) jissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1) u jikkonforma, b'mod partikolari, mal-Artikolu 11(5);

(b) l-istruttura ta' implimentazzjoni għall-PRIMA (“PRIMA-IS”) tapprova l-parteċipazzjoni tiegħu fi PRIMA wara li tkun eżaminat ir-rilevanza tal-parteċipazzjoni tiegħu biex jintlaħqu l-objettivi ta' PRIMA; u

(c) jikkonkludi ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fi PRIMA.

Pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu li jkunu Stati Parteċipanti għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Objettivi ta' PRIMA

1.  F'konformità mal-prijoritajiet ta' Orizzont 2020, l-objettivi ġenerali ta' PRIMA huma li jinbnew il-kapaċitajiet ta' riċerka u innovazzjoni u li jiġu żviluppati l-għarfien u soluzzjonijiet innovattivi komuni għas-sistemi agroalimentari, biex dawn isiru sostenibbli, u għall-provvista u l-ġestjoni integrati tal-ilma fiż-żona tal-Mediterran, biex dawk is-sistemi u dik il-provvista u l-ġestjoni jsiru aktar reżiljenti għall-klima, effiċjenti, kosteffettivi u ambjentalment u soċjalment sostenibbli, u biex isir kontribut biex tinstab soluzzjoni upstream għal problemi marbutin mal-iskarsezza tal-ilma, is-sikurezza alimentari, in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-benesseri u l-migrazzjoni.

2.  Sabiex tikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali stabbiliti fil-paragrafu 1, PRIMA għandha tissodisfa l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) il-formulazzjoni ta' aġenda strateġika fit-tul u komuni fil-qasam tas-sistemi agroalimentari, biex dawn isiru sostenibbli, u fil-qasam tal-provvista u l-ġestjoni integrati tal-ilma;

(b) l-orjentazzjoni ta' programmi nazzjonali rilevanti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni lejn l-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika;

(c) l-involviment tal-atturi rilevanti kollha mis-settur pubbliku u dak privat fl-implimentazzjoni tal-aġenda strateġika billi jinġabru flimkien l-għarfien u r-riżorsi finanzjarji biex tinkiseb il-massa kritika meħtieġa;

(d) it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u tal-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni tal-atturi kollha involuti, inkluż l-SMEs, is-settur akkademiku, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u ċ-ċentri ta' riċerka lokali.

Artikolu 3

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal PRIMA

1.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-approprjazzjonijiet tal-EFTA, għandha tkun daqs il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti għal PRIMA. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż l-EUR 220 000 000 .

2.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE ( 1 ), u b'mod partikolari mill-Parti II “Tmexxija industrijali” u mill-Parti III “Sfidi tas-soċjetà”, f'konformità mal-punt (c)(vi) tal-Artikolu 58(1) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tintuża minn -PRIMA-IS biex:

(a) tiffinanzja l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1);

(b) tkopri l-ispejjeż amministrattivi ta' PRIMA-IS, sa massimu ta' 6 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal PRIMA

1.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tingħata b'dawn il-kondizzjonijiet:

(a) l-Istati Parteċipanti għandhom juru li PRIMA ġiet stabbilita f'konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(b) l-Istati Parteċipanti, jew l-organizzazzjonijiet maħturin mill-Istati Parteċipanti, għandhom jinnominaw entità b'personalità ġuridika, kif imsemmi fil-punt (c)(vi) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, bħala PRIMA-IS, li għandha tkun responsabbli biex timplimenta PRIMA b'mod effiċjenti, biex tirċievi, talloka u timmonitorja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti, fejn xieraq, u biex tiżgura li jitwettqu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta' PRIMA;

(c) kull Stat Parteċipanti għandu jimpenja ruħu li jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' PRIMA b'kontribuzzjoni adegwata mir-riżorsi nazzjonali rilevanti għall-objettivi ta' PRIMA;

(d) PRIMA-IS għandha turi li hija kapaċi timplimenta PRIMA, inkluż li tirċievi, talloka u twettaq monitoraġġ b'rabta mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni fil-qafas tal-ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-Artikoli 58, 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(e) l-istabbiliment ta' mudell ta' governanza effiċjenti għal PRIMA f'konformità mal-Artikolu 12;

(f) l-adozzjoni minn PRIMA-IS, wara li tikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni, tal-prinċipji komuni msemmija fl-Artikolu 6(9).

2.  Matul l-implimentazzjoni ta' PRIMA, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha wkoll tingħata b'dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-implimentazzjoni minn PRIMA-IS tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2, u tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6;

(b) iż-żamma ta' mudell ta' governanza xieraq u effiċjenti f'konformità mal-Artikolu 12;

(c) il-konformità ta' PRIMA-IS mar-rekwiżiti tar-rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(d) it-twettiq mill-Istati Parteċipanti tal-impenji msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-twettiq tal-impenji meħudin mill-Istati Parteċipanti, b'mod partikolari permezz tal-ewwel żewġ pjanijiet ta' ħidma annwali. Wara dik il-valutazzjoni, il-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tista' tiġi rieżaminata f'konformità mal-Artikolu 9.

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti għal PRIMA

1.  L-Istati Parteċipanti għandhom jagħmlu l-arranġamenti biex huma, jew il-korpi ta' finanzjament nazzjonali tagħhom, jagħmlu kontribuzzjonijiet, finanzjarji jew in natura, ta' mill-inqas EUR 220 000 000 matul il-perijodu mis-7 ta' Awwissu 2017 sal-31 ta' Diċembru 2028.

2.  Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti għandhom jikkonsistu minn dawn li ġejjin:

(a) fejn xieraq, kontribuzzjonijiet finanzjarji għal PRIMA-IS bil-ħsieb tal-finanzjament tal-azzjonijiet indiretti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1);

(b) kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1); u

(c) kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura għall-baġit amministrattiv ta' PRIMA-IS mhux koperti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(3).

3.  Il-kontribuzzjonijiet in natura msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonsistu mill-ispejjeż li l-Istati Parteċipanti jġarrbu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1), wara li titnaqqas kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja diretta jew indiretta tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż.

4.  Il-kontribuzzjonijiet in natura msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandhom jikkonsistu mill-ispejjeż li l-Istati Parteċipanti jġarrbu b'rabta mal-baġit amministrattiv ta' PRIMA-IS, wara li titnaqqas kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja diretta jew indiretta tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż.

5.  Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 2, l-ispejjeż għandhom jiġu ddeterminati f'konformità mal-prattiki kontabilistiċi normali tal-Istati Parteċipanti jew tal-korpi ta' finanzjament nazzjonali kkonċernati, l-istandards kontabilistiċi applikabbli tal-Istat Parteċipanti fejn hemm stabbiliti l-korpi ta' finanzjament nazzjonali kkonċernati u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju applikabbli. L-ispejjeż għandhom jiġu ċċertifikati minn awditur indipendenti maħtur mill-Istati Parteċipanti jew mill-korpi ta' finanzjament nazzjonali kkonċernati. Jekk ikun hemm xi inċertezza li tirriżulta miċ-ċertifikazzjoni, il-metodu tal-valutazzjoni jista' jiġi vverifikat minn PRIMA-IS. Fil-każ li jifdal xi inċertezzi, il-metodu tal-valutazzjoni jista' jiġi awditjat minn PRIMA-IS.

6.  Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li jgħoddu bħala kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti għandhom isiru wara l-adozzjoni tal-pjan ta' ħidma annwali. Jekk il-pjan ta' ħidma annwali jiġi adottat matul is-sena ta' referenza msemmija fl-Artikolu 6(2), il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li jgħoddu bħala kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti inklużi fil-pjan ta' ħidma annwali, jistgħu jinkludu l-kontribuzzjonijiet li jkunu saru mill-1 ta' Jannar ta' dik is-sena. Madankollu, il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li jgħoddu bħala kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti inklużi fl-ewwel pjan ta' ħidma annwali, jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet li jkunu saru wara s-7 ta' Awwissu 2017.

Artikolu 6

Attivitajiet u implimentazzjoni ta' PRIMA

1.  PRIMA għandha tappoġġa firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni, kif deskritt fil-pjan ta' ħidma annwali tagħha, permezz ta':

(a) azzjonijiet indiretti fit-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 iffinanzjati minn PRIMA-IS f'konformità mal-Artikolu 7 ta' din id- Deċiżjoni, prinċipalment fil-forma ta' għotjiet wara sejħiet għal proposti transnazzjonali, miftuħa u kompetittivi, organizzati minn PRIMA-IS, inkluż:

(i) azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni, kif ukoll azzjonijiet ta' innovazzjoni;

(ii) azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ li jiffokaw fuq id-disseminazzjoni u l-komunikazzjoni għall-promozzjoni ta' PRIMA u biex jiġu massimizzati l-impatti tagħha;

(b) attivitajiet iffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) li jikkonsistu fi:

(i) attivitajiet magħżula wara sejħiet għal proposti transnazzjonali, miftuħa u kompetittivi, organizzati minn PRIMA-IS, ġestiti mill-korpi ta' finanzjament nazzjonali taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Parteċipanti, li jipprovdu appoġġ finanzjarju prinċipalment fil-forma ta' għotjiet;

(ii) attivitajiet taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Parteċipanti inkluż proġetti transnazzjonali.

2.  PRIMA għandha tiġi implimentata abbażi ta' pjanijiet ta' ħidma annwali li jkopru l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fil-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' sena partikolari (“sena ta' referenza”). PRIMA-IS għandha tadotta l-pjanijiet ta' ħidma annwali sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' referenza, wara li tikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni. Fl-adozzjoni tal-pjanijiet ta' ħidma annwali, kemm PRIMA-IS kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jaġixxu mingħajr dewmien żejjed. PRIMA-IS għandha tqiegħed il-pjan ta' ħidma annwali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.  L-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jistgħu jitniedu biss fis-sena ta' referenza u biss wara l-adozzjoni tal-pjan ta' ħidma annwali għal dik is-sena.

4.  Jekk il-pjan ta' ħidma annwali jiġi adottat matul is-sena ta' referenza, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tista' tintuża biex tirrimborża l-ispejjeż amministrattivi ta' PRIMA-IS imġarrba mill-1 ta' Jannar ta' dik is-sena ta' referenza f'konformità mal-pjan ta' ħidma annwali. Madankollu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tista' tirrimborża l-ispejjeż amministrattivi ta' PRIMA-IS imġarrba mis-7 ta' Awwissu 2017 f'konformità mal-ewwel pjan ta' ħidma annwali.

5.  L-attivitajiet jistgħu jiġu ffinanzjati biss taħt PRIMA jekk dawn ikunu stabbiliti fil-pjan ta' ħidma annwali. Il-pjan ta' ħidma annwali għandu jiddistingwi bejn l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-ispejjeż amministrattivi ta' PRIMA-IS. Huwa għandu jipprevedi l-istimi tal-infiq korrispondenti tagħhom kif ukoll l-allokazzjoni baġitarja għal attivitajiet iffinanzjati bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u għal attivitajiet iffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1). Il-pjan ta' ħidma annwali għandu jinkludi wkoll il-valur stmat tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-Istati Parteċipanti, imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(2).

6.  Il-pjanijiet ta' ħidma annwali emendati għal sena ta' referenza u l-pjanijiet ta' ħidma annwali għas-snin ta' referenza sussegwenti għandhom iqisu r-riżultati ta' sejħiet preċedenti għal proposti. Huma għandhom jippruvaw jindirizzaw il-kopertura insuffiċjenti ta' suġġetti xjentifiċi b'mod partikolari dawk indirizzati inizjalment fl-attivitajiet skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 li ma setgħux jiġu ffinanzjati b'mod adegwat.

7.  L-attivitajiet finali li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluż is-sejħiet finali għal proposti skont il-pjanijiet ta' ħidma annwali rilevanti għandhom jitniedu sal-31 ta' Diċembru 2024. F'każijiet debitament iġġustifikati, dawn jistgħu jitniedu sal-31 ta' Diċembru 2025.

8.  L-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) jistgħu jiġu inklużi fil-pjan ta' ħidma annwali biss wara l-eżitu pożittiv tal-evalwazzjoni indipendenti esterna tagħhom minn evalwazzjoni internazzjonali bejn il-pari fir-rigward tal-objettivi ta' PRIMA, kif organizzata minn PRIMA-IS.

9.  L-attivitajiet inklużi fil-pjan ta' ħidma annwali li huma ffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu implimentati f'konformità ma' prinċipji komuni li għandhom jiġu adottati minn PRIMA-IS, wara li tinkiseb l-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Il-prinċipji komuni għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, fit-Titolu VI tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013, b'mod partikolari l-prinċipji ta' trattament ugwali, trasparenza, ta' evalwazzjoni indipendenti bejn il-pari u tal-għażla. PRIMA-IS għandha tadotta wkoll, wara li tikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni, ir-rekwiżiti ta' rapportar tal-Istati Parteċipanti fi PRIMA-IS, fosthom fir-rigward tal-indikaturi inklużi f'kull waħda minn dawk l-attivitajiet.

10.  L-attivitajiet imsemmija fil-punt (b)(i) tal-paragrafu 1 għandhom, flimkien mal-prinċipji komuni msemmija fil-paragrafu 9, jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-proposti għandhom ikunu għal proġetti transnazzjonali, bil-parteċipazzjoni minima ta' mill-inqas tliet entitajiet legali indipendenti stabbiliti fi tliet pajjiżi differenti meqjusa li jkunu Stati Parteċipanti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni sad-data ta' skadenza għall-preżentazzjoni skont is-sejħa għal proposti rilevanti, li minnhom:

(i) mill-inqas waħda tkun stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż terz assoċjat ma' Orizzont 2020u ma taqax taħt il-punt (ii); u

(ii) mill-inqas waħda tkun stabbilita f'pajjiż terz elenkat fl-Artikolu 1(2), jew f'pajjiż terz b'konfini mal-Baħar Mediterran;

(b) il-proposti għandhom jintgħażlu wara sejħiet għal proposti transnazzjonali u għandhom jiġu evalwati bl-għajnuna ta' mill-inqas tliet esperti indipendenti, abbażi tal-kriterji tal-għoti li ġejjin: l-eċċellenza, l-impatt u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni;

(c) il-proposti għandhom jiġu kklassifikati skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni. L-għażla għandha ssir minn PRIMA-IS u għandha ssegwi dik il-klassifikazzjoni. L-Istati Parteċipanti għandhom jaqblu dwar mod ta' finanzjament adegwat li jippermetti l-akbar numru possibbli ta' proposti li jaqbżu l-limitu u li għandhom jiġu ffinanzjati abbażi ta' dik il-klassifikazzjoni, b'mod partikolari billi jiġu pprovduti ammonti ta' riżerva għall-kontribuzzjonijiet nazzjonali għas-sejħiet għal proposti. Fil-każ li proġett wieħed jew aktar ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati, jistgħu jintgħażlu l-proġetti li jsegwuhom direttament fil-klassifikazzjoni.

11.  PRIMA-IS għandha twettaq monitoraġġ u tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha inklużi fil-pjan ta' ħidma annwali.

12.  Kwalunkwe komunikazzjoni jew pubblikazzjoni relatata mal-attivitajiet ta' PRIMA, u li ssir f'kooperazzjoni ma' PRIMA, kemm jekk titwettaq minn PRIMA-IS, minn Stat Parteċipanti jew il-korpi ta' finanzjament nazzjonali tiegħu, jew parteċipanti f'attività, għandu jkollha t-tikketta jew il-kotikketta li ġejja:“[isem l-attività] hi parti mill-programm PRIMA appoġġat mill-Unjoni Ewropea”.

Artikolu 7

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

1.  PRIMA-IS għandha titqies bħala korp ta' finanzjament fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet indiretti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dak ir-Regolament, soġġett għad-derogi stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  B'deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, in-numru minimu ta' parteċipanti għandu jkun ta' tliet entitajiet legali stabbiliti fi tliet pajjiżi differenti meqjusa li jkunu Stati Parteċipanti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni, sad-data ta' skadenza għall-preżentazzjoni skont is-sejħa għal proposti rilevanti, li minnhom:

(a) mill-inqas waħda tkun stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż terz assoċjat ma' Orizzont 2020 u ma taqax taħt il-punt (b); u

(b) mill-inqas waħda tkun stabbilita f'pajjiż terz elenkat fl-Artikolu 1(2), jew f'pajjiż terz b'konfini mal-Baħar Mediterran.

3.  B'deroga mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, f'każijiet debitament iġġustifikati previsti fil-pjan ta' ħidma annwali, il-kondizzjoni minima għandha tkun il-parteċipazzjoni ta' entità legali waħda stabbilita fi Stat Parteċipanti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni sad-data ta' skadenza għall-preżentazzjoni skont is-sejħa għal proposti rilevanti.

4.  B'deroga mill-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, il-parteċipanti li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament minn PRIMA-IS:

(a) kwalunkwe entità legali stabbilita fi Stat Parteċipanti jew maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni;

(b) kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali ta' interess Ewropew, kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013.

5.  Fil-każ ta' organizzazzjoni internazzjonali parteċipanti jew ta' entità legali parteċipanti stabbilita f'pajjiż li mhuwiex Stat Parteċipanti, li l-ebda waħda minnhom ma tkun eliġibbli għal finanzjament skont il paragrafu 4, il-finanzjament minn PRIMA-IS jista' jingħata sakemm waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tkun issodisfata:

(a) PRIMA-IS tqis li l-parteċipazzjoni hi essenzjali għat-twettiq tal-azzjoni;

(b) tali finanzjament jiġi previst taħt ftehim xjentifiku u teknoloġiku bilaterali jew f'xi arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali jew, għal entitajiet stabbiliti f'pajjiż li mhuwiex Stat Parteċipanti, il-pajjiż li fih l-entità legali tkun stabbilita.

6.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 u għar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, il-mudell ta' ftehim ta' għotja applikabbli jista' jistipula li anke entitajiet legali stabbiliti f'pajjiżi li ma jkunux Stati Parteċipanti u li jirċievu finanzjament minn PRIMA-IS għandhom jipprovdu garanziji finanzjarji xierqa.

7.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, u b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta' PRIMA, PRIMA-IS tista' tintroduċi fil-pjanijiet ta' ħidma annwali, kondizzjoni addizzjonali għall-parteċipazzjoni sabiex tindirizza t-tip ta' entitajiet li jistgħu jkunu koordinaturi ta' azzjonijiet indiretti.

Artikolu 8

Ftehimiet bejn l-Unjoni u PRIMA-IS

1.  Soġġett għal valutazzjoni ex ante pożittiva ta' PRIMA-IS f'konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-għoti ta' garanziji finanzjarji adegwati f'konformità mal-punt (c)(vi) tal-Artikolu 58(1) ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandha tikkonkludi ftehim ta' delega u ftehimiet annwali għat-trasferiment ta' fondi ma' PRIMA-IS.

2.  Il-ftehim ta' delega msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi konkluż f'konformità mal-Artikolu 58(3) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-Artikolu 40 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012. Fost l-oħrajn, għandu jistabbilixxi wkoll dan li ġej:

(a) ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni ta' PRIMA-IS dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

(b) ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni ta' PRIMA-IS għall-monitoraġġ imsemmi fl-Anness III għad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

(c) l-indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi relatati mal-funzjonament ta' PRIMA-IS;

(d) ir-rekwiżiti għal PRIMA-IS dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ispejjeż amministrattivi u ta' ċifri dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta' PRIMA;

(e) l-arranġamenti dwar l-għoti tad-data meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha ta' disseminazzjoni u rapportar;

(f) l-arranġamenti għall-approvazzjoni jew ir-rifjut mill-Kummissjoni tal-abbozz tal-pjan ta' ħidma annwali, il-prinċipji komuni msemmija fl-Artikolu 6(9) u r-rekwiżiti tar-rapportar tal-Istati Parteċipanti, qabel ma jiġu adottati minn PRIMA-IS; u

(g) dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għal proposti minn PRIMA-IS, b'mod partikolari fuq il-portal uniku għall-parteċipanti, kif ukoll b'mezzi ta' disseminazzjoni elettroniċi oħrajn ta' Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Terminazzjoni, tnaqqis jew sospensjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.  Jekk PRIMA ma tiġix implimentata jew ma tiġix implimentata kif xieraq, jew tiġi implimentata parzjalment jew tard, il-Kummissjoni tista' tittermina, jew tnaqqas jew tissospendi proporzjonalment il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) f'konformità mal-implimentazzjoni attwali ta' PRIMA.

2.  Jekk l-Istati Parteċipanti ma jikkontribwixxux, jew jikkontribwixxu parzjalment jew tard, għall-finanzjament ta' PRIMA, il-Kummissjoni tista' tittermina, jew tnaqqas jew tissospendi proporzjonalment il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), b'kont meħud tal-ammont ta' finanzjament allokat mill-Istati Parteċipanti biex jimplimentaw PRIMA.

Artikolu 10

Awditi ex post

1.  L-awditi ex post tal-infiq fuq l-azzjonijiet indiretti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) ta' din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu minn PRIMA-IS f'konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

2.  Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li twettaq l-awditi msemmija fil-paragrafu 1 hi stess. F'dawn il-każijiet, għandha tagħmel dan f'konformità mar-regoli applikabbli, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012, (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 11

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinkixfu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu ħażin u, meta xieraq, permezz ta' sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  PRIMA-IS għandha tagħti lill-persunal tal-Kummissjoni u lill-persuni oħra awtorizzati mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, aċċess għas-siti u l-bini tagħha u għall-informazzjoni kollha, inkluż informazzjoni f'forma elettronika, li tkun meħtieġa sabiex isiru l-awditi tagħhom.

3.  L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 2 ) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat, direttament jew indirettament, f'konformità ma' din id-Deċiżjoni.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet dwar għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lil PRIMA-IS, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF, biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Meta l-implimentazzjoni ta' azzjoni tiġi esternalizzata jew sottodelegata, kollha kemm hi jew parzjalment, jew meta tkun teħtieġ l-għoti ta' kuntratt ta' akkwist jew appoġġ finanzjarju lil parti terza, il-kuntratt, il-ftehim ta' għotja jew id-deċiżjoni dwar għotja għandha tinkludi l-obbligu tal-kuntrattur jew tal-benefiċjarju li jimponi fuq kwalunkwe parti terza involuta l-aċċettazzjoni espliċita ta' dawk is-setgħat tal-Kummissjoni, ta' PRIMA-IS, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-OLAF.

5.  Fl-implimentazzjoni ta' PRIMA, l-Istati Parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, regolatorji, amministrattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari biex jiżguraw l-irkupru sħiħ ta' kwalunkwe ammont dovut lill-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012.

Artikolu 12

Governanza ta' PRIMA

1.  Il-korpi ta' PRIMA-IS għandhom jinkludu:

(a) Bord tal-Fiduċjarji, li għandu jkollu President u Ko-President;

(b) Kumitat ta' Tmexxija;

(c) Segretarjat, immexxi minn Direttur;

(d) Kumitat Konsultattiv Xjentifiku.

2.  PRIMA-IS għandha tkun ġestita mill-Bord tal-Fiduċjarji, li fiha huma rrappreżentati l-Istati Parteċipanti kollha. Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jkun il-korp deċiżjonali ta' PRIMA-IS.

Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu, wara li jikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni, jadotta:

(a) il-pjan ta' ħidma annwali;

(b) il-prinċipji komuni msemmija fl-Artikolu 6(9); u

(c) ir-rekwiżiti ta' rapportar tal-Istati Parteċipanti lil PRIMA-IS.

Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jivverifika li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3) u l-punt (c) tal-Artikolu 4(1) u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu japprova l-parteċipazzjoni fi PRIMA ta' kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat ma' Orizzont 2020 għajr dawk elenkati fl-Artikolu 1(2) wara li jeżamina r-rilevanza tal-parteċipazzjoni tiegħu biex jintlaħqu l-objettivi ta' PRIMA.

Kull Stat Parteċipanti għandu jkollu vot wieħed fil-Bord tal-Fiduċjarji. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'kunsens. Meta ma jintlaħaqx kunsens, il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza ta' mill-inqas 75 % tal-voti validi mitfugħa.

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha tkun mistiedna għal-laqgħat kollha tal-Bord tal-Fiduċjarji bħala osservatur, u tista' tieħu sehem fid-diskussjonijiet. Hija għandha tirċievi d-dokumenti neċessarji kollha.

3.  Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jiddetermina l-għadd ta' membri tal-Kumitat ta' Tmexxija, li m'għandux ikun inqas minn ħamsa, u għandu jaħtarhom. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jwettaq monitoraġġ tal-ħidma tad-direttur u jagħti parir lill-Bord tal-Fiduċjarji dwar l-implimentazzjoni ta' PRIMA mis-Segretarjat. B'mod partikolari, huwa għandu jipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni tal-baġit annwali u dwar il-pjan ta' ħidma annwali.

4.  Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jistabbilixxi s-Segretarjat ta' PRIMA-IS bħala l-korp eżekuttiv ta' PRIMA.

Is-Segretarjat għandu:

(a) jimplimenta l-pjan ta' ħidma annwali;

(b) jipprovdi appoġġ lill-korpi l-oħra ta' PRIMA-IS;

(c) iwettaq monitoraġġ u jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' PRIMA;

(d) jiġġestixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Parteċipanti u jirrapporta dwar l-użu tagħhom;

(e) iżid il-viżibbiltà ta' PRIMA permezz ta' promozzjoni u komunikazzjoni;

(f) jaħdem f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni f'konformità mal-ftehim ta' delega msemmi fl-Artikolu 8;

(g) jiżgura t-trasparenza tal-attivitajiet ta' PRIMA.

5.  Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jaħtar Kumitat Konsultattiv Xjentifiku li jikkonsisti minn esperti indipendenti magħrufa, li huma kompetenti f'oqsma rilevanti għal PRIMA. Il-Bord tal-Fiduċjarji għandu jistabbilixxi l-għadd ta' membri tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku, u l-arranġamenti għall-ħatra tagħhom f'konformità mal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013.

Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu:

(a) jagħti pariri lill-Bord tal-Fiduċjarji dwar prijoritajiet u ħtiġijiet strateġiċi;

(b) jagħti pariri lill-Bord tal-Fiduċjarji dwar il-kontenut u l-ambitu tal-abbozz tal-pjan ta' ħidma annwali minn perspettiva xjentifika u teknika;

(c) jirrieżamina l-aspetti xjentifiċi u tekniċi tal-implimentazzjoni ta' PRIMA u jagħti opinjoni dwar ir-rapport annwali tagħha.

Artikolu 13

Komunikazzjoni tal-informazzjoni

1.  Fuq talba tal-Kummissjoni, PRIMA-IS għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 14.

2.  L-Istati Parteċipanti għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz ta' PRIMA-IS, kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni finanzjarja ta' PRIMA.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 14.

Artikolu 14

Evalwazzjoni

1.  Sat-30 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim ta' PRIMA, bl-assistenza ta' esperti indipendenti. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jkun jinkludi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u osservazzjonijiet mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2022.

2.  Sal-31 ta' Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali ta' PRIMA, bl-assistenza ta' esperti indipendenti. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jkun jinkludi r-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni u għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju 2029.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar garanziji finanzjarji għall-Istruttura ta' Implimentazzjoni tal-PRIMA

1. B'rabta mal-inizjattiva PRIMA, fl-Artikolu 58(1)(c)(vi) tiegħu, ir-Regolament Finanzjarju tal-UE jistipula li l-Kummissjoni tista' tħalli l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'idejn korp irregolat mil-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku (l-istruttura ta' implimentazzjoni). It-tali korp irid jipprovdi garanziji finanzjarji adegwati.

2. Sabiex titħares il-ġestjoni finanzarja tajba tal-fondi tal-UE, dawk il-garanziji għandhom ikopru kull dejn li l-istruttura ta' implimentazzjoni jista' jkollha mal-Unjoni b'rabta mal-kompiti kollha ta' implimentazzjoni previsti fil-ftehim ta' delega. Is-soltu l-Kummissjoni tistenna li l-garanti jaċċettaw l-obbligazzjoni in solidum għad-djun tal-istruttura ta' implimentazzjoni.

3. Madankollu, abbażi ta' valutazzjoni ddettaljata tar-riskju, u b'mod partikulari jekk l-eżitu tal-valutazzjoni tal-pilastru ex ante mwettqa fuq l-istruttura ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju titqies li hija adegwata, l-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li jkun qed jieħu ħsieb l-inizjattiva PRIMA se jipprevedi li:

 Il-garanziji finanzjarji li l-istruttura ta' implimentazzjoni tintalab tipprovdi jistgħu jkunu limitati għall-ammont massimu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità.

 Bl-istess mod, l-obbligazzjoni ta' kull garanti tista' tkun proporzjonata mas-sehem tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-inizjattiva PRIMA.

Il-garanti jistgħu jaqblu fuq il-modalitajiet li bihom se jkopru din l-obbligazzjoni fl-ittri rispettivi tagħhom ta' dikjarazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet.



( 1 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

( 3 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

Top