Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32024R0885

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/885 tal-20 ta’ Marzu 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2782 li jistabbilixxi l-metodi ta’ kampjunar u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ mikotossini fl-ikel fir-rigward tal-metodu ta’ kampjunar ta’ ħxejjex aromatiċi mnixxfin, infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), tejiet (prodott imnixxef) u ħwawar magħmulin trab

C/2024/1736

ĠU L, 2024/885, 21.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/885/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/885/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/885

21.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/885

tal-20 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2782 li jistabbilixxi l-metodi ta’ kampjunar u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ mikotossini fl-ikel fir-rigward tal-metodu ta’ kampjunar ta’ ħxejjex aromatiċi mnixxfin, infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), tejiet (prodott imnixxef) u ħwawar magħmulin trab

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2782 (2) jistabbilixxi metodi ta’ kampjunar u analiżi li għandhom jintużaw għall-kontroll tal-livelli ta’ mikotossini fl-ikel.

(2)

Ir-riżultati minn riċerka riċenti mwettqa minn grupp ta’ ħidma kkoordinat mill-Istitut Federali Ġermaniż għall-Valutazzjoni tar-Riskju (BfR) jipprovdu evidenza li l-metodu ta’ kampjunar tat-tossini tal-pjanti (applikabbli wkoll għall-kontroll tal-mikotossini) fil-ħxejjex aromatiċi mnixxfin, infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), tejiet (prodott imnixxef) u ħwawar magħmulin trab kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2782 ma jiggarantix il-kisba ta’ kampjun li huwa rappreżentattiv tal-lott kampjunat.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li l-metodu ta’ kampjunar ikun emendat billi jiżdied il-piż meħtieġ tal-kampjuni inkrimentali u aggregati u billi r-regoli applikabbli għall-kampjunar ta’ supplimenti tal-ikel li fihom ħxejjex aromatiċi mnixxfin bl-ingrossa qabel l-ippakkjar f’pakketti tal-imnut/individwali għall-konsumatur isiru aktar preċiżi biex ikun żgurat li l-kampjun miksub ikun rappreżentattiv tal-lott kampjunat.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/2782 jiġi emendat skont dan.

(5)

Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2782 japplika mill-1 ta’ April 2024, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu, biex jiġi evitat li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom japplikaw ir-regoli attwali ta’ dak ir-Regolament għal perjodu qasir ta’ żmien.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2782 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2782 tal-14 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi l-metodi ta’ kampjunar u analiżi għall-kontroll tal-livelli ta’ mikotossini fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 401/2006 (ĠU L, 2023/2782, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2782/oj).


ANNESS

Fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2782, il-parti M hija sostitwita b’dan li ġej:

“M.

METODU TA’ KAMPJUNAR GĦALL-ĦXEJJEX AROMATIĊI MNIXXFIN, GĦALL-INFUŻJONIJIET ERBALI (PRODOTT IMNIXXEF), GĦAT-TEJIET (PRODOTT IMNIXXEF) U GĦALL-ĦWAWAR MAGĦMULIN TRAB

M.1.

Piż tal-kampjun inkrementali

Il-piż tal-kampjun inkrementali għandu jkun ta’ madwar 80 g, sakemm ma jiġix definit mod ieħor f’din il-parti M.

Fil-każ ta’ lottijiet f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut/individwali, il-piż tal-kampjun inkrementali jiddependi mill-piż tal-pakkett għall-bejgħ bl-imnut/individwali.

Fil-każ ta’ pakkett għall-bejgħ bl-imnut/individwali ta’ > 80 g, dan jirriżulta f’kampjuni aggregati li jiżnu aktar mill-piż meħtieġ indikat fit-Tabelli 1 u 2. Jekk il-piż ta’ pakkett għall-bejgħ bl-imnut/individwali wieħed huwa ta’ >> 80 g, għandhom jittieħdu 80 g minn kull pakkett għall-bejgħ bl-imnut/individwali bħala kampjun inkrementali. Dan jista’ jsir jew meta jittieħed il-kampjun jew fil-laboratorju. Madankollu, f’każijiet li fihom tali metodu ta’ kampjunar jista’ jwassal għal konsegwenzi kummerċjali inaċċettabbli li jirriżultaw minn ħsara lil-lott (minħabba l-forom ta’ imballaġġ, il-mezzi ta’ trasport, eċċ.), jista’ jiġi applikat metodu alternattiv ta’ kampjunar. Pereżempju, f’każ li fih prodott ta’ valur jiġi kkummerċjalizzat f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut/individwali ta’ 500 g jew ta’ 1 kg, il-kampjun aggregat jista’ jinkiseb bl-aggregazzjoni ta’ għadd ta’ kampjuni inkrementali li huwa iżgħar mill-għadd indikat fit-Tabelli 1 u 2, sakemm il-piż tal-kampjun aggregat jikkorrispondi għall-piż meħtieġ tal-kampjun aggregat imsemmi fit-Tabelli 1 u 2.

Meta l-pakketti għall-bejgħ bl-imnut/individwali jkunu inqas minn 80 g u jekk id-differenza tkun żgħira (jiġifieri mhux inqas minn nofs 80 g) pakkett wieħed għall-bejgħ bl-imnut/individwali għandu jitqies bħala kampjun inkrementali wieħed, li jirriżulta f’kampjun aggregat ta’ inqas mill-piż meħtieġ indikat fit-Tabelli 1 u 2. Jekk il-piż tal-pakketti għall-bejgħ bl-imnut/individwali jkun ħafna inqas minn 80 g, kampjun inkrementali wieħed għandu jikkonsisti f’żewġ pakketti għall-bejgħ bl-imnut/individwali jew aktar, fejn it-80 g jiġu approssimati kemm jista’ jkun.

M.2.

Diviżjoni tal-lottijiet f’sublottijiet għall-kampjunar ta’ ħxejjex aromatiċi mnixxfin, infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), tejiet (prodott imnixxef) u ħwawar magħmulin trab

Tabella 1

Suddiviżjoni ta’ lottijiet f’sublottijiet skont il-piż tal-lott

Komodità

Piż tal-lott (tunnellati)

Piż tas-sublottijiet

Għadd ta’ kampjuni inkrementali

Piż tal-kampjun aggregat (kg)

ħxejjex aromatiċi mnixxfin, infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), tejiet (prodott imnixxef), ħwawar magħmulin trab

≥ 15

25 tunnellata

50

4

< 15

3 – 50 (*1)

0,2 – 4,0

M.3.

Metodu ta’ kampjunar għall-ħxejjex aromatiċi mnixxfin, għall-infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), għat-tejiet (prodott imnixxef) u għall-ħwawar magħmulin trab (lottijiet ta’ ≥ 15-il tunnellata)

Sakemm is-sublott jista’ jiġi sseparat fiżikament, kull lott għandu jiġi suddiviż f’sublottijiet skont it-Tabella 1. Jekk jitqies li l-piż tal-lott mhuwiex dejjem multiplu eżatt tal-piż tas-sublottijiet, il-piż tas-sublott jista’ jaqbeż il-piż imsemmi b’massimu ta’ 20 %.

Għandhom jittieħdu kampjuni ta’ kull sublott separatament.

L-għadd ta’ kampjuni inkrementali għandu jkun ta’ 50. Il-piż tal-kampjun aggregat għandu jkun ta’ 4,0 kg.

Jekk ma jkunx possibbli li jitwettaq il-metodu ta’ kampjunar deskritt hawn fuq minħabba l-konsegwenzi kummerċjali inaċċettabbli li jirriżultaw minn ħsara lil-lott (minħabba l-forom ta’ imballaġġ, il-mezzi ta’ trasport, eċċ.) jista’ jiġi applikat metodu alternattiv ta’ kampjunar sakemm dan ikun kemm jista’ jkun rappreżentattiv u deskritt u ddokumentat b’mod sħiħ.

M.4.

Metodu ta’ kampjunar għall-ħxejjex aromatiċi mnixxfin, għall-infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), għat-tejiet (prodott imnixxef) u għall-ħwawar magħmulin trab (lottijiet ta’ < 15-il tunnellata)

Għal-lottijiet ta’ ħxejjex aromatiċi mnixxfin, infużjonijiet erbali (prodott imnixxef) u tejiet (prodott imnixxef) u ħwawar magħmulin trab ta’ inqas minn 15-il tunnellata, il-pjan ta’ kampjunar għandu jikkonsisti fi 3 sa 50 kampjun inkrementali, skont il-piż tal-lott, li jirriżulta f’kampjun aggregat ta’ 0,2 sa 4,0 kg.

Iċ-ċifri fit-Tabella 2 li ġejja jistgħu jintużaw biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ kampjuni inkrementali li jrid jittieħed.

Tabella 2

Għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali li jrid jittieħed skont il-piż tal-lott ta’ ħxejjex aromatiċi mnixxfin, infużjonijiet erbali (prodott imnixxef), tejiet (prodott imnixxef) u ħwawar magħmulin trab

Piż tal-lott (tunnellati)

Għadd minimu ta’ kampjuni inkrimentali

Piż minimu tal-kampjun aggregat (kg)

≤ 0,1

3

0,2

> 0,1 – ≤ 0,5

10

0,8

> 0,5 – ≤ 5,0

25

2,0

> 5,0 – ≤ 10,0

35

2,8

> 10,0 – ≤ 15,0

50

4,0

M.5.

Kampjunar fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut

Meta jkun possibbli, il-kampjunar tal-oġġetti tal-ikel fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din il-parti M.

Meta dak ma jkunx possibbli, jista’ jintuża metodu alternattiv ta’ kampjunar fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut sakemm dan jiżgura li l-kampjun aggregat ikun rappreżentattiv b’mod suffiċjenti tal-lott li minnu ttieħdu l-kampjuni u jkun deskritt u ddokumentat b’mod sħiħ. Ikun xi jkun il-każ, il-kampjun aggregat għandu jiżen minn tal-inqas 0,2 kg.

M.6.

Il-kampjunar tas-supplimenti tal-ikel li fihom il-ħxejjex aromatiċi mnixxfa bl-ingrossa qabel l-imballaġġ tagħhom f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut/individwali għall-konsumatur finali

Għat-teħid ta’ kampjuni tas-supplimenti tal-ikel li fihom il-ħxejjex aromatiċi mnixxfa bl-ingrossa qabel l-imballaġġ tagħhom f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut/individwali, japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kampjunar previsti f’din il-parti M u għandhom jiġu applikati abbażi tal-piż tal-kontenut ta’ ħxejjex aromatiċi mnixxfa tas-supplimenti tal-ikel bl-ingrossa.

M.7.

Aċċettazzjoni ta’ lott jew sublott

Aċċettazzjoni: meta l-kampjun tal-laboratorju jikkonforma mal-livell massimu, filwaqt li jitqiesu l-korrezzjoni għall-irkupru u l-inċertezza tal-kejl.

Rifjut: meta, mingħajr l-ebda dubju raġonevoli, il-kampjun tal-laboratorju jaqbeż il-livell massimu filwaqt li jitqiesu l-korrezzjoni għall-irkupru u l-inċertezza tal-kejl. Dan huwa l-każ meta r-riżultat analitiku (ikkoreġut għall-irkupru jekk applikabbli) li minnu titnaqqas l-inċertezza estiża tal-kejl li tirriżulta mill-analiżi jkun ogħla mil-livell massimu.”


(*1)  Skont il-piż tal-lott – ara t-Tabella 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/885/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Fuq