Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32019R1692

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1692 tad-9 ta’ Ottubru 2019 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u tal-kondiviżjoni tad-data tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill wara l-iskadenza tad-data finali għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/7132

ĠU L 259, 10.10.2019, pp. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1692/oj

10.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1692

tad-9 ta’ Ottubru 2019

dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u tal-kondiviżjoni tad-data tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill wara l-iskadenza tad-data finali għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 132 tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat piż żejjed fuq awtoritajiet u persuni fiżiċi jew ġuridiċi minħabba x-xogħol li jirriżulta mir-reġistrazzjoni tas-sustanzi li kienu diġà fis-suq intern meta r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 daħal fis-seħħ, l-Artikolu 23 ta’ dak ir-Regolament stabbilixxa reġim tranżizzjonali għas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali. Konsegwentement, ġew stabbiliti diversi skadenzi tranżizzjonali differenti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi bħal dawn. Skont l-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament id-data finali għar-reġistrazzjoni f’dak ir-reġim tranżizzjonali skadiet fl-1 ta’ Ġunju 2018.

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-operaturi tas-suq li jimmanifatturaw jew li jqiegħdu fis-suq sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali u dawk li mhumiex ta’ introduzzjoni gradwali, jeħtieġ li tiġi speċifikata l-applikabbiltà, wara l-iskadenza tar-reġim tranżizzjonali, tad-dispożizzjonijiet li stabbilixxew kundizzjonijiet favorevoli għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali. Għalhekk, għal dawk id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu xieraq, raġonevoli u ċar, u mbagħad jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ma jibqgħux japplikaw jew japplikaw biss f’ċirkostanzi speċifiċi.

(3)

L-Artikolu 3(30) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kalkolu tal-kwantitajiet fis-sena tas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali bbażati fuq il-volumi medji ta’ produzzjoni jew ta’ importazzjoni għat-tliet snin kalendarji preċedenti. Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi tas-suq ikollhom biżżejjed żmien biex jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa fil-metodi tal-kalkolu tagħhom, jenħtieġ li, bħala l-ewwel miżura, dawk il-kundizzjonijiet jibqgħu japplikaw sad-data tal-iskadenza speċifikata. Sabiex titqies id-definizzjoni ta’ “kull sena” fl-Artikolu 3(30) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, huwa xieraq li tiġi stabbilita d-data limitu fi tmiem din is-sena kalendarja (il-31 ta’ Diċembru 2019).

(4)

F’konformità mal-intenzjoni tal-leġiżlatur li jitnaqqas l-impatt possibbli tal-obbligi tar-reġistrazzjoni fuq sustanzi ta’ volum baxx, l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni inqas stretti għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali b’volum baxx, dment li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament, dawk is-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali b’volum baxx kellhom jiġu rreġistrati sad-data finali għar-reġistrazzjoni fl-1 ta’ Ġunju 2018. Madankollu, wara din id-data finali, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali għar-reġistranti li jingħaqdu ma’ reġistrazzjoni jew jaġġornaw id-dossiers tagħhom skont l-Artikolu 12(1)(b), jenħtieġ li dik id-dispożizzjoni, bħala t-tieni miżura, tkompli tapplika wara l-1 ta’ Ġunju 2018.

(5)

Fl-1 ta’ Ġunju 2018, waqaf l-operat formali tal-fora ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar sustanzi (SIEFs). Madankollu, bħala t-tielet miżura, jenħtieġ li jissaħħu l-obbligi tal-kondiviżjoni tad-data tar-reġistranti, u jenħtieġ li r-reġistranti jiġu mħeġġa jużaw pjattaformi ta’ komunikazzjoni informali simili sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tar-reġistrazzjoni u tal-kondiviżjoni tad-data kontinwi kemm skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 kif ukoll skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/9 (2).

(6)

Bħala r-raba’ miżura, huwa xieraq li tiġi stabbilita, li reġistrant potenzjali li jkun irreġistra minn qabel sustanza ta’ introduzzjoni gradwali f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sad-data limitu speċifikata, ma jkunx meħtieġ isegwi l-proċess ta’ inkjesta stabbilit fl-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament għaliex l-għan tal-proċess ta’ inkjesta diġà jkun ġie ssodisfat permezz tar-reġistrazzjoni minn qabel.

(7)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-proċessi tat-tilwim dwar il-kondiviżjoni tad-data jkunu identifikabbli b’mod ċar. Għalhekk jenħtieġ li r-regoli tal-kondiviżjoni tad-data stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jkomplu japplikaw sad-data limitu speċifikata. Wara dik id-data limitu, jenħtieġ li japplikaw biss ir-regoli tal-kondiviżjoni tad-data fl-Artikoli 26 u 27 ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kalkolu tal-kwantitajiet tas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali

Il-metodu speċifiku għall-kalkolu tal-kwantitajiet għal kull sena tas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali, kif stabbilit fl-Artikolu 3(30) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għandu jibqa’ japplika biss sal-31 ta’ Diċembru 2019. Ladarba reġistrant ikun lesta r-reġistrazzjoni ta’ sustanza, imbagħad dak ir-reġistrant għandu jikkalkula l-kwantità tiegħu ta’ dik is-sustanza għal kull sena kalendarja skont l-Artikolu 3(30) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Artikolu 2

Rekwiżiti tar-reġistrazzjoni għal ċerti sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali b’volum baxx

L-iskadenza tar-reġim tranżizzjonali għas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhiex taffettwa l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(1)(b) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 3

Obbligi tal-kondiviżjoni tad-data wara r-reġistrazzjoni

Wara li jirreġistraw sustanza, ir-reġistranti, inklużi dawk li jissottomettu data b’mod konġunt ma’ reġistranti oħra, għandhom ikomplu jissodisfaw l-obbligi tal-kondiviżjoni tad-data b’mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju kif speċifikat fit-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/9. F’dak il-kuntest, ir-reġistranti jistgħu jużaw pjattaformi ta’ komunikazzjoni informali simili għall-fora ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar sustanzi msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Artikolu 4

Dmir li wieħed jistaqsi u l-kondiviżjoni tad-data għas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali

1.   Meta n-negozjati dwar il-kondiviżjoni tad-data li twettqet skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jirriżultaw f’nuqqas ta’ ftehim, id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu għandhom japplikaw biss sal-31 ta’ Diċembru 2019.

2.   Wara l-31 ta’ Diċembru 2019, ir-reġistrazzjonijiet minn qabel magħmula skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jibqgħu validi u l-Artikoli 26 u 27 għandhom japplikaw għas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali kollha.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/9 tal-5 ta’ Jannar 2016 dwar is-sottomissjoni konġunta ta’ data u l-kondiviżjoni ta’ data f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (ĠU L 3, 6.1.2016, p. 41).


Fuq