Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32024R1780

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1780 tat-13 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw il-KIRB fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti ta’ tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni

C/2024/1677

ĠU L, 2024/1780, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1780/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1780/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1780

25.6.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1780

tat-13 ta’ Marzu 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw il-KIRB fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti ta’ tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 255(9), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 258(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 juncto l-Artikolu 143(1) ta’ dak ir-Regolament, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw l-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju tagħhom fir-rigward ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni bl-użu tal-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni (“SEC-IRBA”). Skont l-Artikolu 143(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, permess minn qabel biex jintuża l-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni (“approċċ IRB”), inklużi l-istimi proprji tat-Telf fil-Każ ta’ Inadempjenza (“LGD”) u fatturi ta’ konverżjoni, għandhom ikunu meħtieġa għal kull klassi ta’ skopertura u għal kull sistema ta’ klassifikazzjoni u għal kull approċċ għall-istima tal-LGDs u tal-fatturi ta’ konverżjoni użati.

(2)

Skont l-Artikolu 258 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw SEC-IRBA meta jkunu jistgħu jikkalkulaw “KIRB” f’konformità mal-Artikolu 255, (2) sa (5) ta’ dak ir-Regolament. Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw il-KIRB fir-rigward tal-iskoperturi titolizzati f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital għar-riċevibbli mixtrija. Għal dawn il-finijiet, l-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur għandhom jiġu ttrattati bħala riċevibbli mixtrija fil-livell tal-konsumatur u l-iskoperturi mhux fil-livell tal-konsumatur għandhom jiġu ttrattati bħala riċevibbli korporattivi mixtrija. Minħabba n-natura partikolari tal-istruttura tat-titolizzazzjonijiet u tal-iskoperturi li fuqhom huma bbażati dawk it-titolizzazzjonijiet, huwa meħtieġ li jiġu adottati standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ulterjorment il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw il-KIRB għal aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li jitfasslu skont kemm ikun meħtieġ biex ikunu adatti għad-determinazzjoni tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju tal-iskoperturi titolizzati. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet oħra ta’ dawk l-IRB fil-kuntest tat-titolizzazzjoni ma hijiex xierqa, jew minħabba li tali regoli ma humiex rilevanti, minħabba li ma jwasslux għal eżiti prudenti, jew minħabba li jkunu ta’ piż żejjed għall-istituzzjonijiet fil-kuntest tat-titolizzazzjoni. Għalhekk, għall-każijiet kollha, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli alternattivi li huma xierqa fil-kuntest tat-titolizzazzjoni.

(3)

L-applikazzjoni tal-SEC-IRBA skont l-approċċ għar-riċevibbli mixtrija msemmi fl-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li tkun disponibbli biss għal ċerti skoperturi titolizzati kwalifikanti li fir-rigward tagħhom l-istituzzjonijiet għandhom kontroll jew aċċess limitat għall-informazzjoni u għad-data, jew it-tnejn, u, b’riżultat ta’ liema, istituzzjonijiet ma jistgħux japplikaw direttament id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal dawk l-iskoperturi mingħajr l-aġġustamenti meħtieġa. Jenħtieġ li jitqies li hemm aċċess limitat għall-informazzjoni u għad-data dwar l-iskoperturi titolizzati meta l-istituzzjoni ma tkunx qed isservi lil dawk l-iskoperturi kollha, inkluża s-sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni tkun jew investitur f’pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni jew sponsor jew oriġinatur li jżomm pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni fi tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni, u ma sservix lill-iskoperturi sottostanti kollha ta’ dik it-tranżazzjoni. Dan jista’ jkun ukoll il-każ meta l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB tkun is-servizzjant tat-titolizzazzjoni, iżda ma kinitx involuta fil-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligi jew l-obbligi potenzjali li jwasslu għall-iskoperturi titolizzati, jew ma kenitx ikkonkludiethom hi. Madankollu, f’titolizzazzjonijiet b’oriġinaturi multipli, kull oriġinatur li jżomm pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni fit-titolizzazzjoni għandu mnejn ikun jista’ jikkalkola l-KIRB fir-rigward tal-iskoperturi titolizzati li jkun ikkontribwixxa għat-titolizzazzjoni, f’konformità mal-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għalhekk, l-oriġinaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkalkulaw ukoll il-KIRB billi japplikaw dak il-Kapitolu għal skoperturi għajr ir-riċevibbli mixtrija għall-iskoperturi titolizzati li dawk l-oriġinaturi jservu u li fir-rigward tagħhom kienu involuti fl-eżekuzzjoni tal-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligi jew l-obbligi potenzjali tad-debitur jew tad-debitur potenzjali li jwasslu għall-iskoperturi titolizzati.

(4)

Il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fiha terminoloġija li tapplika għar-riċevibbli mixtrija biss, u mhux għall-iskoperturi titolizzati. Sabiex jingħata effett sħiħ lill-għoti tas-setgħa stabbilit fl-Artikolu 255(9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa meħtieġ li t-terminoloġija użata f’dak il-Kapitolu titfassal skont il-kuntest speċifiku tat-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni.

(5)

Sabiex jikkalkulaw il-KIRB separatament għal kull aggregazzjoni, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jenħtieġ li jitħallew jaqsmu l-aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti f’subaggregazzjonijiet omoġeni. Din il-flessibbiltà hija meħtieġa minħabba li l-kompożizzjoni tal-iskoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjoni spiss tkun eteroġena. Madankollu, kull subaggregazzjoni jenħtieġ li tikkonforma bis-sħiħ ma’ dawk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li japplikaw għal aggregazzjonijiet ta’ assi titolizzati kwalifikanti.

(6)

Is-servizzjar ta’ skoperturi titolizzati minn partijiet terzi u l-aċċess limitat għal informazzjoni u data relatati maż-żmien tal-oriġinazzjoni ta’ dawk l-iskoperturi jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-motivaturi tar-riskju kkunsidrati rilevanti għad-differenzjazzjoni tar-riskju, u fuq il-kwantifikazzjoni tal-parametri tar-riskju assenjati lil gradi jew aggregazzjonijiet individwali. Għalhekk, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB f’konformità mal-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li jużaw mudell intern li jintuża esklużivament biex tiġi dderivata l-probabbiltà ta’ inadempjenza (“PD”), it-telf fil-każ ta’ inadempjenza (“LGD”), it-telf mistenni (“EL”), jew stimi tal-fattur ta’ konverżjoni għall-fini speċifiku tal-kalkolu tal-KIRB f’konformità ma’ dak l-Artikolu. Għalhekk, jenħtieġ li dak il-mudell intern ma jintużax biex jiġu kkalkulati l-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju fil-każ ta’ skoperturi, kemm titolizzati kif ukoll mhux titolizzati, li l-istituzzjoni sservi u li fir-rigward tagħhom hija l-oriġinatur, kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (3)(a), tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew mutwanti oriġinali, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (20), ta’ dak ir-Regolament. Tali separazzjoni bejn is-sistemi ta’ klassifikazzjoni għall-immudellar ġenerali tar-riskju ta’ kreditu u għall-mudelli interni għall-kalkolu tal-KIRB fir-rigward ta’ parteċipazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti f’konformità mal-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 hija meħtieġa wkoll biex jiġi żgurat li l-istandards ta’ stima tal-IRB miksuba fuq l-iskoperturi li l-istituzzjoni sservi u li fir-rigward tagħhom hija l-mutwanti oriġinali jew l-oriġinatur ma jkunux preġudikati, kompromessi jew inkella aggravati mill-istandards ta’ ġestjoni u d-data differenti użati fir-rigward ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti. Madankollu, fil-każ ta’ skoperturi titolizzati mhux fil-livell tal-konsumatur, l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB jenħtieġ li għall-istima tal-PD titħalla tuża s-sistema ta’ klassifikazzjoni eżistenti approvata li tintuża għall-iskoperturi oriġinati tagħha stess li jaqgħu taħt il-firxa ta’ applikazzjoni li taqa’ taħt l-iskoperturi titolizzati mhux fil-livell tal-konsumatur, dment li l-istituzzjoni jkollha biżżejjed informazzjoni biex tapplika dik is-sistema ta’ klassifikazzjoni, li jista’ jkun il-każ għall-iskoperturi għal korporattivi kbar. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, minħabba li l-prattiki ta’ rkupru u l-istandards tas-servizzjar jistgħu jvarjaw, l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB jenħtieġ li ma titħalliex tibbaża fuq l-istima tal-LGD mis-sistema ta’ klassifikazzjoni eżistenti approvata użata għall-iskoperturi oriġinati tagħha stess meta ma tkunx is-servizzjant.

(7)

L-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistipula li l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw il-KIRB fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjoni f’konformità, fost l-oħrajn, mal-Artikolu 143 ta’ dak ir-Regolament. Dak l-Artikolu jirrikjedi li l-istituzzjonijiet, għal kull sistema ta’ klassifikazzjoni, jiksbu l-permess tal-awtorità kompetenti kkonċernata biex jużaw l-approċċ IRB, u biex jiksbu l-permess għal bidliet materjali fil-firxa ta’ applikazzjoni ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni li l-istituzzjoni tkun irċeviet permess biex tuża. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 529/2014 (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-estensjonijiet u tal-bidliet fl-approċċ IRB, inklużi l-modalitajiet tan-notifiki ta’ tali estensjonijiet u bidliet. Minn dan jirriżulta li r-Regolament Delegat (UE) Nru 529/2014 japplika wkoll meta jseħħu bidliet f’mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB għal skoperturi titolizzati kwalifikanti. Barra minn hekk, l-Artikolu 143(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedi permess minn qabel mill-awtorità kompetenti biex tuża l-approċċ IRB għal kull sistema ta’ klassifikazzjoni. Madankollu, fil-kuntest tal-kalkolu tal-KIRB għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, istituzzjoni ma tkunx tista’ tikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit fir-rigward tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti minħabba li tali skoperturi qatt ma jistgħu jiġu ġestiti b’mod omoġenu fl-ambitu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni IRB ordinarja bħala skoperturi simili, jew titolizzati jew mhux titolizzati, li huma servuti u oriġinati mill-istituzzjoni kkonċernata. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi previst li l-permess biex jintuża l-SEC-IRBA f’konformità ma’ mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB jenħtieġ li jkun soġġett biss għall-kundizzjoni li l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB tkun irċeviet permess li tuża l-approċċ IRB fir-rigward ta’ mill-anqas sistema ta’ klassifikazzjoni waħda fil-klassi tal-iskoperturi li għaliha huma assenjati l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti.

(8)

Meta istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 258(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tapplika għal permess biex tuża mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB fir-rigward ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 145(1) ta’ dak ir-Regolament li l-istituzzjoni għandha tkun ilha tuża dak il-mudell intern għal mill-anqas 3 snin qabel ma tapplika għal permess jenħtieġ li ma japplikax għall-finijiet tal-SEC-IRBA, minħabba li l-esperjenza miksuba mill-istituzzjoni bl-użu ta’ mill-anqas sistema waħda ta’ klassifikazzjoni fil-klassi rilevanti ta’ skopertura IRB jenħtieġ li titqies suffiċjenti għal dawk il-finijiet.

(9)

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom l-għan li jiżguraw li, meta tikkwantifika l-parametri tar-riskju għar-riċevibbli mixtrija, l-istituzzjoni akkwirenti teżerċita livell minimu suffiċjenti ta’ kontroll fuq dawk ir-riċevibbli fuq bażi kontinwa, ikollha aċċess kontinwu għal data u informazzjoni relatati mar-riskju tar-riċevibbli, inkluż mill-bejjiegħ u mis-servizzjant tar-riċevibbli, u tqis fuq bażi kontinwa l-karatteristiċi u l-imġiba tal-bejjiegħ u tas-servizzjant li jistgħu jaffettwaw ir-riskju tar-riċevibbli. Dawk ir-rekwiżiti operazzjonali u ta’ diliġenza dovuta jridu jiġu ssodisfati biex tiġi żgurata applikazzjoni prudenti u akkurata biżżejjed tal-approċċ IRB fuq ir-riċevibbli mixtrija. Sabiex jiġi żgurat li l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti jkunu soġġetti għal rekwiżiti simili, huwa meħtieġ li r-rekwiżiti tal-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu adattati għall-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB fir-rigward ta’ dawk l-iskoperturi. Meta jkun hemm entità bi skop speċjali (“SSPE”) ta’ titolizzazzjoni, l-SSPE jenħtieġ li jkollha sjieda fuq l-iskoperturi titolizzati u teżerċita kontroll fuq ir-rimessi fi flus, direttament jew permezz ta’ fiduċjarju jew entità li twettaq kompiti simili f’isimha. L-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB jenħtieġ li twettaq diliġenza dovuta fuq is-servizzjant tal-iskoperturi titolizzati u, meta l-istituzzjoni nnifisha ma tkunx l-oriġinatur tat-tranżazzjoni, fuq l-oriġinatur tat-titolizzazzjoni, peress li l-istandards u l-imġiba tal-oriġinatur u tas-servizzjant huma motivaturi tar-riskju fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti għat-tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni. Huwa possibbli li l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB iżżomm, f’konformità mal-Artikoli 153 u 154 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, riċevibbli mixtrija fil-karta bilanċjali tagħha, u li tkun irċeviet skont tax-xiri rimborżabbli, garanziji kollaterali jew parzjali li jipprovdu protezzjoni tal-ewwel telf għal telf minħabba inadempjenza, telf ta’ dilwizzjoni, jew it-tnejn. F’dak il-każ, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jitħallew jittrattaw dawk ir-riċevibbli mixtrija bħala skoperturi titolizzati kwalifikanti u, meta japplikaw dik l-għażla, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jeżerċitaw diliġenza dovuta fuq is-servizzjant, meta applikabbli, u fuq il-bejjiegħ, peress li l-istandards u l-imġiba tas-servizzjant u tal-bejjiegħ huma motivaturi tar-riskju fir-rigward ta’ dawk l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti.

(10)

Fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, l-istandards u l-karatteristiċi tas-self tal-oriġinatur jew, meta applikabbli, tal-mutwanti oriġinali u l-istandards u l-karatteristiċi tas-servizzjar tas-servizzjant huma motivaturi tar-riskju essenzjali fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti għat-titolizzazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-motivaturi tar-riskju dejjem jiġu vvalutati bħala fatturi ta’ riskju potenzjali meta jiġi żviluppat mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB fir-rigward ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti, sakemm ma jkunx iġġustifikat li jiġu injorati. L-implikazzjonijiet ta’ tali motivaturi tar-riskju jistgħu jiġu riflessi jew billi jiġu kkunsidrati meta l-iskoperturi jiġu assenjati fi gradi jew aggregazzjonijiet, jew billi jintużaw segmenti ta’ kalibrazzjoni differenti għal oriġinaturi u għal servizzjanti differenti. Meta l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB fir-rigward ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti tkun hija stess l-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali jew is-servizzjant tat-titolizzazzjoni, jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa tqis l-istandards u l-karatteristiċi tagħha stess bħala motivatur tar-riskju addizzjonali.

(11)

L-Artikolu 259(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti lill-istituzzjonijiet jistabbilixxu l-LGD medju ponderat skont l-iskopertura skont l-SEC-IRBA għal 50 % biex jikkalkulaw il-parametru p tal-formula SEC-IRBA meta s-sehem tal-akbar skopertura sottostanti fl-aggregazzjoni ma jkunx ta’ aktar minn 3 %. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dak l-Artikolu, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għal skoperturi titolizzati kwalifikanti jenħtieġ li jitħallew ukoll jistabbilixxu l-LGD medju ponderat skont l-iskopertura tal-aggregazzjoni għal 50 % fil-każ ta’ skoperturi titolizzati fil-livell tal-konsumatur. Huwa xieraq li jiġi applikat valur tal-LGD ta’ 50 % f’dak il-każ minħabba li l-iskoperturi titolizzati fil-livell tal-konsumatur tipikament juru livelli għoljin ta’ granularità. L-Artikolu 161(1), il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jispeċifika l-LGDs għal riċevibbli korporattivi mixtrija superjuri u subordinati meta l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tistma l-PDs jew meta dawk l-istimi ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti. Fil-kuntest ta’ titolizzazzjoni, dawk l-LGDs jenħtieġ li jitfasslu għal skoperturi titolizzati kwalifikanti superjuri u subordinati, fejn l-LGD ta’ skoperturi titolizzati mhux fil-livell tal-konsumatur superjuri jenħtieġ li ma jkunux anqas mil-LGD stabbilit ta’ skoperturi titolizzati fil-livell tal-konsumatur, meta jitqies il-livell ta’ granularità ġeneralment ogħla ta’ aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati fil-livell tal-konsumatur.

(12)

L-Artikolu 153(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti lill-istituzzjonijiet japplikaw għar-riċevibbli korporattivi mixtrija tagħhom l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għall-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur fejn ikun ta’ piż bla bżonn għal dawk l-istituzzjonijiet li jużaw l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għall-iskoperturi korporattivi, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 154(5) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li dak l-istess trattament ikun disponibbli wkoll għal skoperturi titolizzati kwalifikanti u, għal dawk il-finijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod espliċitu kriterji ta’ eliġibbiltà li huma xierqa għal dawk l-iskoperturi.

(13)

Skont l-Artikolu 154(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, biex ir-riċevibbli mixtrija jkunu eliġibbli għat-trattament fil-livell tal-konsumatur stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, huwa fost l-oħrajn meħtieġ li l-istituzzjoni tixtri dawk ir-riċevibbli minn partijiet terzi mhux relatati, li l-iskopertura tal-istituzzjoni għall-obbligant tar-riċevibbli ma tinkludi l-ebda skopertura li toriġina direttament jew indirettament mill-istituzzjoni nnifisha, li r-riċevibbli mixtrija jiġu ġġenerati fuq bażi distakkata bejn il-bejjiegħ u l-obbligant, u li l-portafoll ikun diversifikat biżżejjed. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jitfasslu għal skoperturi titolizzati kwalifikanti. Għalhekk huwa xieraq li l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jintalbu jivverifikaw li l-iskoperturi titolizzati jinxtraw minn partijiet terzi mhux relatati, ma joriġinawx direttament jew indirettament mill-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB,u jiġu ġġenerati fuq bażi distakkata.

(14)

Peress li l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għall-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur huma anqas onerużi milli għall-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju mhux fil-livell tal-konsumatur, l-Artikolu 154(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprevjeni lill-istituzzjonijiet milli japplikaw dawk l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju fil-livell tal-konsumatur anqas onerużi għal skoperturi mhux fil-livell tal-konsumatur li jkunu oriġinaw fil-kuntest ta’ riċevibbli mixtrija sakemm ma jissodisfawx sett ta’ kundizzjonijiet. Madankollu, fil-kuntest ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti fil-livell tal-konsumatur, l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB ma tkunx tista’ tissodisfa l-Artikolu 154(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jirrikjedi li l-iskoperturi ma jkunux oriġinati mill-istituzzjoni nnifisha, u b’hekk jipprevjeni lill-oriġinatur milli japplika l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju fil-livell tal-konsumatur għal skoperturi titolizzati li ma jkunx qed iservi iżda li jkun oriġina huwa stess u kklassifika bħala skoperturi fil-livell tal-konsumatur f’konformità mal-qafas tar-riskju ta’ kreditu tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji ta’ eliġibbiltà li jippermettu lil istituzzjoni oriġinatriċi li tikkalkula l-KIRB tapplika l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju fil-livell tal-konsumatur għal skoperturi titolizzati fil-livell tal-konsumatur li ma tkunx qed isservi iżda li oriġinat hi stess u kklassifikat bħala skoperturi fil-livell tal-konsumatur f’konformità mal-qafas tar-riskju ta’ kreditu tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għal dak il-għan, dawk l-iskoperturi jenħtieġ li jkunu meħtieġa biss li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 154(5), il-punti (b) sa (d), u l-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, imfassla kif xieraq għall-karatteristiċi speċifiċi tal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti. B’kuntrast għal dan, meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, imfassla għall-pekuljaretajiet tal-iskoperturi titolizzati, jiġu ssodisfati iżda l-iskoperturi titolizzati fil-livell tal-konsumatur ma humiex eliġibbli għall-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju fil-livell tal-konsumatur, l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB jenħtieġ li tkun meħtieġa tikkalkula l-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju bil-mod speċifikat għall-iskoperturi korporattivi fl-Artikolu 153 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(15)

Għal skoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur li huma eliġibbli għat-trattament fil-livell tal-konsumatur, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jenħtieġ li jkunu meħtieġa jivverifikaw u jikkalkulaw il-valuri tal-iskopertura pendenti għal grupp ta’ klijenti konnessi biex jikkonformaw mar-rekwiżit dwar id-diversifikazzjoni tal-aggregazzjoni. Madankollu, tali verifika u kalkolu jistgħu jkunu diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ data rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB tkun meħtieġa biss li twettaq tali verifika u kalkolu fl-aħjar ġudizzju tagħha, bħal abbażi ta’ informazzjoni dwar id-debituri li tkun inkisbet mill-oriġinatur, mill-bejjiegħ, jew mill-mutwanti oriġinali, fil-ħin tal-oriġinazzjoni tal-iskoperturi, jew ta’ informazzjoni miksuba mis-servizzjant jew meta jservi l-iskoperturi jew matul il-proċedura tiegħu ta’ ġestjoni tar-riskju.

(16)

Għall-kwantifikazzjoni akkurata tal-parametri tar-riskju li għandhom jiġu assoċjati ma’ skoperturi sottostanti għal titolizzazzjoni, il-popolazzjoni tal-iskoperturi rrappreżentati fid-data użata għall-istima u l-istandards tas-self li ġġeneraw dik id-data jenħtieġ li tkun komparabbli mal-aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti u mal-istandards tas-self li applikaw fl-oriġinazzjoni ta’ dawk l-iskoperturi. Il-komparabbiltà tad-data użata għall-istima u l-istandards tas-self applikati fl-oriġinazzjoni jenħtieġ li tiġi vvalutata biss skont l-iskoperturi u l-istandards tal-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB meta dik l-istituzzjoni kienet involuta fil-ftehim oriġinali li wassal għall-iskoperturi sottostanti għat-titolizzazzjoni, jew ikkonkludiet dan, iżda ma hijiex is-servizzjant ta’ dawk l-iskoperturi.

(17)

L-Artikolu 180(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedi li, għall-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur, l-istituzzjonijiet iqisu d-data interna għall-assenjazzjoni tal-iskoperturi fi gradi jew aggregazzjonijiet bħala s-sors primarju ta’ informazzjoni għall-istima tal-karatteristiċi tat-telf. Madankollu, meta l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB ma kinitx involuta fil-ftehim oriġinali li wassal għall-iskoperturi titolizzati kwalifikanti, jew ma kkonkludietx dan, u ma hijiex is-servizzjant ta’ dawk l-iskoperturi, id-data interna tal-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB jenħtieġ li ma titqiesx bħala l-aħjar data disponibbli għat-tqabbil mal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti biex jiġu kkwantifikati l-parametri tar-riskju. Għaldaqstant, id-data esterna relatata mal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti jenħtieġ li minflok titqies bħala s-sors primarju ta’ informazzjoni għal dawk il-finijiet.

(18)

L-Artikolu 255(9), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti l-użu ta’ data proxy meta ma tkunx disponibbli data akkurata jew affidabbli biżżejjed dwar l-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti. Id-data proxy għal dawk il-finijiet jenħtieġ li tinftiehem bħala kwalunkwe data li ma tirreferix direttament għall-iskoperturi titolizzati, jew għall-portafoll sottoskritt abbażi ta’ standards ta’ sottoskrizzjoni simili tal-oriġinatur jew tal-mutwanti oriġinali li minnu jkunu ġew estratti. Barra minn hekk, il-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tipprevedi li tista’ tintuża data interna, esterna u aggregata għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital għar-riċevibbli mixtrija skont l-approċċ tar-riskju ta’ kreditu. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-data tkun permessa wkoll bħala data proxy għall-kalkolu tal-KIRB ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti.

(19)

Skont l-Artikolu 171(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, anqas ma l-istituzzjoni jkollha informazzjoni, aktar trid tkun konservattiva l-assenjazzjoni tagħha ta’ skoperturi għal gradi jew aggregazzjonijiet ta’ obbliganti u faċilitajiet. Għalhekk, l-assenjazzjoni ta’ skoperturi titolizzati għal gradi jew aggregazzjonijiet hija ta’ tħassib partikolari meta tintuża data proxy. Dan huwa saħansitra aktar rilevanti meta jkun hemm differenza bejn id-definizzjoni ta’ inadempjenza użata mill-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB fil-mudell intern tagħha għall-kalkolu tal-KIRB u d-definizzjoni ta’ inadempjenza użata fid-data esterna li tikkorrispondi għall-iskoperturi titolizzati, għall-portafoll sottoskritt abbażi ta’ standards ta’ sottoskrizzjoni simili tal-oriġinatur jew tal-mutwanti oriġinali li minnu jkunu ġew estratti, jew għad-data proxy. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-aġġustamenti li għandhom isiru fid-data, u dwar il-marġni ta’ konservattiviżmu li għandu jiġi adottat meta jiġu stmati l-parametri tar-riskju fil-kuntest tal-kalkolu tal-KIRB għal skoperturi titolizzati kwalifikanti.

(20)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

(21)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali, u talbet il-pariri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw il-KIRB fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjoni skont l-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“żvilupp tal-mudell” tfisser il-parti mill-proċess tal-istima tal-parametri tar-riskju li twassal għal differenzjazzjoni xierqa tar-riskju billi jiġu speċifikati l-motivaturi rilevanti tar-riskju, jinbnew metodi statistiċi jew mekkaniċi biex jiġu assenjati skoperturi għal gradi jew aggregazzjonijiet ta’ obbliganti jew ta’ faċilitajiet, u jiġu stmati l-parametri intermedji tal-mudell, meta rilevanti;

(b)

“segment ta’ kalibrazzjoni” tfisser subsett identifikat b’mod uniku tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mudell ta’ probabbiltà ta’ inadempjenza (“PD”) jew telf fil-każ ta’ inadempjenza (“LGD”) li jiġi kkalibrat b’mod konġunt;

(c)

“skoperturi titolizzati kwalifikanti” tfisser kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ skoperturi titolizzati li ġejjin:

(i)

skoperturi titolizzati li għalihom l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB ma tkunx is-servizzjant;

(ii)

skoperturi titolizzati li għalihom l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB hija s-servizzjant u tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

l-istituzzjoni ma kinitx involuta fil-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligi jew l-obbligi potenzjali tad-debitur jew tad-debitur potenzjali, jew ma kenitx hi li kkonkludietu;

(2)

l-istituzzjoni għandha aċċess limitat għad-data u għall-informazzjoni dwar dawk l-iskoperturi titolizzati;

(d)

“mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB” tfisser sistema ta’ klassifikazzjoni għall-kalkolu tal-KIRB imsemmija fl-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-mudelli tal-PD u tal-LGD għandhom jinkludu d-data u l-metodi kollha użati bħala parti minn sistema ta’ klassifikazzjoni li tittratta, rispettivament:

(a)

id-differenzjazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-istimi proprji tal-PD, meta tali data u metodi jintużaw biex jiġi vvalutat ir-riskju ta’ inadempjenza għal kull obbligant jew skopertura koperta mill-mudell tal-PD;

(b)

id-differenzjazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-istimi proprji tal-LGD, u l-aħjar stima tat-telf mistenni (“ELBE”), meta tali data u metodi jintużaw biex jiġi vvalutat il-livell ta’ telf fil-każ ta’ inadempjenza għal kull faċilità koperta mill-mudell tal-LGD.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu:

(a)

“bejjiegħ ta’ riċevibbli mixtrija” u “bejjiegħ”, fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 relatati ma’ riċevibbli mixtrija u sakemm ikun hemm SSPE, għandhom jinqraw bħala “oriġinatur”;

(b)

“istituzzjoni akkwirenti” fl-Artikolu 154(7), l-Artikolu 162(2), il-punt (e), u l-Artikolu 179(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandha tinqara bħala “istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB f’konformità mal-Artikolu 255(4) ta’ dan ir-Regolament”;

(c)

“skoperturi u standards tal-istituzzjoni” fl-Artikolu 179(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandha tinqara bħala “skoperturi u standards titolizzati applikati għal dawk l-iskoperturi”;

(d)

“tip ta’ skoperturi” fl-Artikolu 142(1), il-punt (2), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandha tinqara bħala “aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati li kienu jiġu ġestiti b’mod omoġenu mill-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB kieku ma ġewx titolizzati.

2.   Għal aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati mhux omoġenji, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB f’konformità ma’ dan ir-Regolament jista’ jkollhom bżonn jaqsmu tali aggregazzjonijiet f’subaggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati omoġenji biex jiddeterminaw l-ammont tal-iskopertura ponderat għar-riskju separatament għal kull subaggregazzjoni għall-kalkolu tal-KIRB f’konformità mal-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-referenzi għal “raggruppamenti” f’dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu s-subaggregazzjonijiet, meta xieraq.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet għall-kalkolu tal-KIRB bl-użu ta’ sistemi ta’ klassifikazzjoni speċifiċi għall-KIRB

Għall-finijiet tal-Artikolu 143 u l-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu biss lil istituzzjoni l-permess li tikkalkula l-KIRB għal skoperturi titolizzati bl-użu ta’ sistemi ta’ klassifikazzjoni speċifiċi tal-KIRB bħala parti mill-approċċ IRB tal-istituzzjoni meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-firxa ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ klassifikazzjoni speċifika tal-KIRB tkun tinkludi biss skoperturi titolizzati kwalifikanti;

(b)

l-istituzzjoni tkun ingħatat permess biex tuża l-approċċ IRB fir-rigward ta’ mill-anqas sistema waħda ta’ klassifikazzjoni fil-klassi tal-iskoperturi li għaliha jkunu assenjati l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti;

(c)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 relatati mas-sistemi ta’ klassifikazzjoni, soġġett għall-punt (d) ta’ dan l-Artikolu;

(d)

l-istituzzjoni tkun tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 15 ta’ dan ir-Regolament minflok mal-kundizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif stabbilit f’kull wieħed minn dawk l-Artikoli ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet jistgħu jikkalkulaw il-KIRB bl-użu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni li tkun ġiet approvata għall-użu fil-każ tal-iskoperturi oriġinati minnhom stess

Istituzzjoni tista’ tikkalkula l-KIRB f’konformità mal-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bl-użu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni li tkun ġiet approvata għall-użu fil-każ tal-iskoperturi oriġinati minnhom stess meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-sistema ta’ klassifikazzjoni tintuża biss għall-kalkolu tal-PD ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur;

(b)

jekk ma jkunux titolizzati, l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur jaqgħu fil-firxa ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ klassifikazzjoni li se tintuża;

(c)

l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB tuża l-valuri tal-LGD stabbiliti fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament;

(d)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 relatati mas-sistemi ta’ klassifikazzjoni, soġġett għall-punt (e) ta’ dan l-Artikolu;

(e)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-riċevibbli mixtrija tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-kuntest partikolari tat-titolizzazzjoni, minflok ir-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f’dak ir-Regolament, kif stabbilit f’kull wieħed minn dawk l-Artikoli ta’ dan ir-Regolament;

(f)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-użu tad-data.

Artikolu 6

Esperjenza minn qabel meta jiġu kkalkulati l-KIRB

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, istituzzjoni li tkun irċeviet permess biex tapplika l-approċċ IRB għal mill-anqas sistema ta’ klassifikazzjoni waħda għal skoperturi oriġinati minnha stess fil-klassi tal-iskoperturi li għaliha jkunu assenjati l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti għandha titqies li tkun kisbet l-esperjenza meħtieġa mill-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 7

Rekwiżiti għal skoperturi titolizzati kwalifikanti

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, meta jiġu kkwantifikati l-parametri tar-riskju li għandhom jiġu assoċjati ma’ gradi jew aggregazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni għal skoperturi titolizzati kwalifikanti, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu.

L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jistgħu jiżguraw il-konformità mal-paragrafi 2 sa 7 permezz ta’ parti għat-titolizzazzjoni li taġixxi f’isem l-investituri fit-titolizzazzjoni, u fl-interess tagħhom, f’konformità mat-termini tad-dokumenti ta’ titolizzazzjoni relatati.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, meta jikkwantifikaw il-parametri tar-riskju li għandhom jiġu assoċjati ma’ gradi jew aggregazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni għal skoperturi titolizzati kwalifikanti, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jiżguraw li l-istruttura tat-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-SSPE jew l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għandha sjieda u kontroll effettivi tar-rimessi fi flus kollha mill-iskoperturi titolizzati;

(b)

is-sjieda tal-iskoperturi titolizzati u tal-irċevuti ta’ flus hija protetta kontra moratorji fallimentari jew rikorsi legali li jistgħu jfixklu materjalment il-kapaċità tal-SSPE jew tal-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB biex tillikwida jew tassenja l-iskoperturi titolizzati jew iżżomm kontroll fuq l-irċevuti ta’ flus.

3.   Meta obbligant jagħmel pagamenti direttament lil oriġinatur jew lil servizzjant, l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għandu jkollha stabbiliti proċeduri biex tivverifika regolarment li dawk il-pagamenti jintbagħtu kompletament u skont it-termini miftiehma permezz ta’ kuntratt.

4.   L-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għandha timmonitorja kemm il-kwalità tal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti kif ukoll il-kundizzjoni finanzjarja tal-oriġinatur, tal-bejjiegħ, u tas-servizzjant. Għal dak il-għan, l-istituzzjoni għandha b’mod partikolari:

(a)

tivvaluta l-korrelazzjoni bejn il-kwalità tal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti, inkluż il-potenzjal ta’ rkupru fil-każ ta’ inadempjenza, u l-kundizzjoni finanzjarja tal-oriġinatur, tal-bejjiegħ u tas-servizzjant;

(b)

ikollha stabbiliti politiki u proċeduri interni li jipprovdu salvagwardji adegwati biex jipproteġu kontra kwalunkwe kontinġenza, inkluża l-assenjazzjoni ta’ klassifikazzjoni interna tar-riskju lill-oriġinatur, lill-bejjiegħ u lis-servizzjant;

(c)

ikollha politiki u proċeduri ċari u effettivi għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ oriġinatur, bejjiegħ u servizzjant;

(d)

twettaq rieżamijiet perjodiċi tal-oriġinaturi, tal-bejjiegħa u tas-servizzjanti biex tivverifika jekk ir-rapporti ta’ dawk l-oriġinaturi, bejjiegħa jew servizzjanti humiex akkurati, biex tidentifika frodi jew dgħufijiet operazzjonali u biex tivverifika l-kwalità tal-politiki ta’ kreditu tal-oriġinatur jew tal-bejjiegħ u l-politiki u l-proċeduri ta’ ġbir tas-servizzjant, u għandha tiddokumenta s-sejbiet ta’ dawk ir-rieżamijiet perjodiċi;

(e)

tivvaluta:

(1)

il-karatteristiċi tal-aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti, inklużi s-sovravvanzi;

(2)

l-istorja tal-arretrati tal-oriġinatur jew tal-bejjiegħ, tad-djun dubjużi u tal-koperturi għal telf;

(3)

it-termini tal-ħlas u l-kontrokontijiet potenzjali tal-aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti;

(f)

ikollha stabbiliti politiki u proċeduri effettivi għall-monitoraġġ, fuq bażi aggregata, ta’ konċentrazzjonijiet ta’ obbligant wieħed kemm fl-aggregazzjonijiet ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti kif ukoll bejniethom;

(g)

tiżgura li tirċievi mingħand l-oriġinatur, il-bejjiegħ, jew is-servizzjant rapporti f’waqthom u dettaljati biżżejjed tal-maturazzjoni u d-dilwizzjonijiet tal-iskoperturi titolizzati;

(h)

ikollha stabbiliti sistemi u proċeduri biex tidentifika fi stadju bikri deterjoramenti fil-kundizzjoni finanzjarja tal-oriġinatur jew tal-bejjiegħ u fil-kwalità tal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti u biex tindirizza problemi emerġenti b’mod proattiv.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (g), ir-rapporti għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti:

(a)

biex tiġi vvalutata l-konformità tal-iskoperturi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà tat-titolizzazzjoni u mal-politiki ta’ avvanz li jirregolaw tali skoperturi titolizzati kwalifikanti;

(b)

biex jiġu mmonitorjati u kkonfermati t-termini tal-bejgħ u tad-dilwizzjoni tal-oriġinatur jew tal-bejjiegħ.

5.   L-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għandu jkollha stabbiliti politiki, proċeduri, u sistemi ta’ informazzjoni ċari u effettivi biex timmonitorja l-ksur tal-patt, biex tibda azzjonijiet legali u biex tittratta l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti problematiċi.

6.   L-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għandu jkollha politiki u proċeduri ċari u effettivi għall-monitoraġġ jew, meta applikabbli, għall-kontroll tal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti, tal-kreditu u tal-flus, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(a)

politiki interni bil-miktub li jispeċifikaw l-elementi materjali kollha tat-titolizzazzjoni, inklużi r-rati ta’ avvanz, il-kollateral eliġibbli, id-dokumentazzjoni meħtieġa, il-limiti ta’ konċentrazzjoni, u l-mod kif għandhom jiġu ttrattati l-irċevuti ta’ flus;

(b)

politiki u proċeduri effettivi biex jiġi żgurat li l-elementi materjali msemmija fil-punt (a) iqisu l-fatturi rilevanti u materjali kollha, inklużi l-kundizzjoni finanzjarja tal-oriġinatur, tal-bejjiegħ u tas-servizzjant, il-konċentrazzjonijiet tar-riskju u x-xejriet fil-kwalità tal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti u l-bażi tal-klijenti tal-oriġinatur;

(c)

sistemi interni biex jiġi żgurat li l-fondi jkunu avvanzati biss kontra kollateral u dokumentazzjoni ta’ sostenn speċifikati.

7.   L-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għandu jkollha stabbilit proċess intern biex tivvaluta l-konformità mal-politiki u l-proċeduri interni msemmija fil-paragrafi 3 sa 6, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(a)

awditi regolari tal-fażijiet kritiċi kollha tat-titolizzazzjoni;

(b)

verifika tas-separazzjoni tad-dmirijiet għall-valutazzjonijiet tal-oriġinatur, tal-bejjiegħ u tas-servizzjant, imsemmija fil-paragrafu 4, minn naħa waħda, u tal-obbligant, min-naħa l-oħra;

(c)

verifika tas-separazzjoni tad-dmirijiet rispettivi għall-valutazzjonijiet tal-oriġinatur, tal-bejjiegħ u tas-servizzjant, imsemmija fil-paragrafu, 4 mill-awditu fuq il-post tal-oriġinatur, tal-bejjiegħ u tas-servizzjant;

(d)

evalwazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-back-office tal-istituzzjoni, inklużi l-kwalifiki, l-esperjenza, il-livelli ta’ persunal u s-sistemi tal-IT ta’ appoġġ tagħhom.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet ġenerali għad-differenzjazzjoni tar-riskju

1.   Meta jassenjaw skoperturi għal gradi jew aggregazzjonijiet, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jikkunsidraw l-istandards ta’ sottoskrizzjoni tal-oriġinatur jew, meta l-oriġinatur ikun kiseb l-iskoperturi titolizzati mill-mutwanti oriġinali, dawk tal-mutwanti oriġinali u l-prattiki ta’ rkupru u l-istandards ta’ servizzjar tas-servizzjant oriġinali, bħala motivaturi potenzjali tar-riskju, sakemm dawk l-istituzzjonijiet ma jużawx, għall-kwantifikazzjoni tal-parametri tar-riskju assoċjati ma’ dawk il-gradi jew l-aggregazzjonijiet, segmenti ta’ kalibrazzjoni differenti għal oriġinaturi, mutwanti oriġinali, u servizzjanti differenti.

2.   L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jistgħu jistabbilixxu l-LGD għal 50 % għal skoperturi titolizzati kwalifikanti fil-livell tal-konsumatur.

3.   L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jistgħu jistabbilixxu l-valuri li ġejjin għal-LGD, minflok il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 161(1), il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013:

(a)

50 % għal skoperturi titolizzati superjuri mhux fil-livell tal-konsumatur;

(b)

100 % għal skoperturi titolizzati subordinati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur.

Artikolu 9

Eliġibbiltà għat-trattament fil-livell tal-konsumatur ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur

1.   Istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB tista’, għal skoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur, tuża l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur stabbiliti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 6, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun ta’ piż bla bżonn għall-istituzzjoni li tuża l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għall-iskoperturi korporattivi stabbiliti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 6, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin, minflok ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 154(5), il-punti (a) sa (d), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013:

(i)

l-SSPE jew l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB tkun xtrat l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur minn oriġinaturi jew bejjiegħa ta’ partijiet terzi mhux relatati mal-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB, u l-iskopertura tal-SSPE jew tal-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għall-obbliganti fl-aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti ma tkun tinkludi l-ebda skopertura li toriġina direttament jew indirettament mill-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB

(ii)

l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur ikunu ġew iġġenerati fuq bażi distakkata bejn l-oriġinatur jew il-bejjiegħ u l-obbligant u, għaldaqstant, ma jkunx fihom riċevibbli ta’ kontijiet bejn il-kumpaniji u riċevibbli soġġetti għal kontrokontijiet bejn ditti li jixtru u jbigħu lil xulxin;

(iii)

l-SSPE jew l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB ikollha pretensjoni fuq ir-rikavati kollha jew parti minnhom mill-iskoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur jew interess pro rata fir-rikavati;

(iv)

l-aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti tkun diversifikata biżżejjed.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), meta jiġi vvalutat jekk l-użu tal-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għall-iskoperturi korporattivi stabbiliti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 6, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwiex ta’ piż bla bżonn, l-istituzzjonijiet għandhom iqisu l-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-kost tal-użu tal-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għal skoperturi korporattivi fuq skoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur huwiex sproporzjonat;

(b)

jekk l-aċċess tal-istituzzjoni għad-data rilevanti dwar l-iskoperturi titolizzati, u l-kontroll tagħha, humiex soġġetti għal impedimenti sinifikanti meta mqabbla mal-faċilità tal-aċċess għad-data dwar l-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur, u l-kontroll tagħha;

(c)

jekk l-istituzzjoni għandhiex kapaċità limitata li tintegra kwalunkwe data esterna jew proxy f’sistemi eżistenti ta’ riskju u rapportar;

(d)

jekk l-aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati li għalihom għandhom jiġu applikati l-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur hijiex granulari biżżejjed biex tiġġustifika l-valutazzjoni tal-piż żejjed fir-rigward tal-fatturi msemmija fil-punti (a), (b) u (c);

(e)

jekk id-daqs u l-frekwenza tal-iskoperturi tal-istituzzjoni għat-titolizzazzjonijiet joħolqux riskju materjali għal dik l-istituzzjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), istituzzjoni tista’ tqis il-kostijiet tal-iżvilupp ta’ mudell intern mhux fil-livell tal-konsumatur għall-kalkolu tal-KIRB, l-integrazzjoni ta’ segment ta’ kalibrazzjoni ġdid f’wieħed eżistenti, jew l-integrazzjoni tad-data fis-sistemi eżistenti ta’ riskju u rapportar tal-istituzzjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti għandha titqies bħala granulari biżżejjed fejn l-għadd ta’ skoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni li għalihom għandu jiġi applikat it-trattament fil-livell tal-konsumatur jaqbeż il-100 u l-valur aggregat tal-iskopertura tat-tali skoperturi kollha għal obbligant wieħed fl-aggregazzjoni ma jaqbiżx it-2 % tal-valuri tal-iskopertura pendenti aggregati tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti. Għall-finijiet ta’ dak il-kalkolu, is-self jew il-lokazzjonijiet lil grupp ta’ klijenti konnessi li jkunu ġew iffinanzjati mill-SSPE jew mill-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB għandhom jitqiesu bħala skoperturi għal obbligant wieħed.

Artikolu 10

Eliġibbiltà għat-trattament fil-livell tal-konsumatur ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti fil-livell tal-konsumatur

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għall-iskoperturi titolizzati kwalifikanti fil-livell tal-konsumatur li jkunu eliġibbli għall-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għal skoperturi fil-livell tal-konsumatur kif stabbiliti fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 6, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin minflok ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 154(5) ta’ dak ir-Regolament:

(a)

l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti jkunu ġew iġġenerati fuq bażi distakkata bejn l-oriġinatur u l-obbligant u, għaldaqstant, dawk l-iskoperturi ma jkunx fihom riċevibbli ta’ kontijiet bejn il-kumpaniji u riċevibbli soġġetti għal kontrokontijiet bejn id-ditti li jixtru u jbigħu lil xulxin;

(b)

l-SSPE, jew l-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB, ikollha pretensjoni fuq ir-rikavati kollha mill-iskoperturi titolizzati kwalifikanti jew interess pro rata f’dak ir-rikavat;

(c)

l-aggregazzjoni ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti tkun diversifikata biżżejjed.

Artikolu 11

Id-determinazzjoni tar-relazzjoni bejn il-partijiet, il-klijenti distakkati u dawk konnessi

Għall-finijiet tal-Artikolu 9(1), il-punti (b)(i) u (b)(ii), l-Artikolu 9(2), il-punt (d), u l-Artikolu 10, il-punt (a), l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom, kif applikabbli, jivvalutaw ir-relazzjoni bejn il-partijiet, ir-rekwiżit ta’ distakkament, jew il-konnessjoni tal-klijenti, kif imsemmi f’dawk il-punti, sa fejn jafu huma, abbażi ta’ wieħed mit-tipi ta’ informazzjoni li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar id-debituri, miksuba fiż-żmien tal-oriġinazzjoni tal-iskoperturi mill-oriġinatur, mill-bejjiegħ jew mill-mutwanti oriġinali;

(b)

informazzjoni miksuba mis-servizzjant matul is-servizzjar tiegħu tal-iskoperturi jew matul il-proċedura ta’ ġestjoni tar-riskju tiegħu.

Artikolu 12

Kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju, għar-riskju ta’ kreditu ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti

1.   Għall-iskoperturi titolizzati kwalifikanti fil-livell tal-konsumatur li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jikkalkulaw l-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju fil-każ ta’ riskju ta’ kreditu f’konformità mal-Artikoli 154 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u, meta applikabbli, l-Artikolu 156, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

2.   Għall-iskoperturi titolizzati kwalifikanti fil-livell tal-konsumatur li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jikkalkulaw l-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju fil-każ ta’ riskju ta’ kreditu f’konformità mal-Artikolu 153 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u, meta applikabbli, l-Artikolu 156, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

3.   Sabiex jiġu kkalkulati l-KIRB għal skoperturi titolizzati kwalifikanti mhux fil-livell tal-konsumatur, irrispettivament minn jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għall-applikazzjoni tal-istandards ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju fil-livell tal-konsumatur humiex issodisfati fir-rigward ta’ tali skoperturi, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw l-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju fil-każ ta’ riskju ta’ kreditu f’konformità mal-Artikolu 153 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u, meta applikabbli, l-Artikolu 156, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 13

Rekwiżiti dwar id-data u d-data primarja

1.   Meta l-iskoperturi titolizzati kwalifikanti u l-obbliganti ta’ dawk l-iskoperturi ma kinux skoperturi jew obbliganti tal-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB qabel it-trasferiment ta’ tali skoperturi lill-SSPE jew lill-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB, minflok ir-rekwiżit tar-rappreżentattività tad-data użata għall-iżvilupp tal-mudell stabbilit fl-Artikolu 174(c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ir-rappreżentattività tad-data għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti.

2.   Minflok ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 180(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom iqisu d-data relatata mal-iskoperturi titolizzati kwalifikanti, id-data tal-portafoll tal-oriġinatur jew tal-mutwanti oriġinali bbażata fuq standards ta’ sottoskrizzjoni simili li minnhom ikunu ġew estratti, u d-data relatata mal-politiki ta’ ġbir u ta’ rkupru adottati mis-servizzjant bħala s-sors primarju ta’ informazzjoni għall-istima tal-parametri tar-riskju għall-iżvilupp tal-mudell, għall-kwantifikazzjoni tal-parametri tar-riskju, u għall-applikazzjoni tal-mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB.

Artikolu 14

L-użu ta’ data proxy

1.   Għall-iżvilupp tal-mudell, għall-kwantifikazzjoni tal-parametri tar-riskju, għall-applikazzjoni tal-mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB, u għat-tlestija tad-data msemmija fl-Artikolu 13(2), l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jistgħu jużaw kwalunkwe data rilevanti għajr id-data msemmija f’dak l-Artikolu bħala data proxy.

2.   Id-data proxy msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tkun data interna, esterna jew aggregata fis-sens użat fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3, it-Taqsima 6, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Meta l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jagħmlu użu minn data proxy matul l-istima tal-parametri tar-riskju, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 179(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-konservattiviżmu għandhom japplikaw ukoll meta l-istituzzjonijiet jużaw data proxy għall-iżvilupp tal-mudell, il-kwantifikazzjoni tal-parametri tar-riskju, u l-applikazzjoni tal-mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB.

4.   L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB li jużaw data proxy għandhom jivvalutaw ir-rappreżentattività ta’ dik id-data proxy fir-rigward tad-data msemmija fl-Artikolu 13(2) u jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa għad-data proxy biex jallinjaw il-kwalità ta’ dik id-data mal-kwalità tad-data msemmija dak l-Artikolu 13(2).

5.   Meta ma jkunx possibbli li tingħeleb id-differenza fil-kwalità permezz ta’ aġġustamenti fid-data proxy, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jadottaw marġni xieraq ta’ konservattiviżmu fl-istima tal-parametri tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 179(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

6.   L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB jistgħu, għall-iżvilupp tal-mudell, għall-kwantifikazzjoni tal-parametri tar-riskju, u għall-applikazzjoni tal-mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB, jużaw id-data dwar l-inadempjenza storika statika u dinamika u l-prestazzjoni tat-telf magħmula disponibbli mill-oriġinaturi u mill-isponsors f’konformità mal-Artikolu 22, mal-Artikolu 24(14) u mal-Artikolu 26d(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402, irrispettivament minn jekk dik id-data tissodisfax ir-rekwiżiti għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati stabbiliti f’dak ir-Regolament.

Artikolu 15

L-użu ta’ data li ma hijiex konsistenti mad-definizzjoni ta’ inadempjenza kif imsemmi fl-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Il-kalibrazzjoni tal-parametri tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq id-definizzjoni ta’ inadempjenza tal-istituzzjoni li hija applikabbli għall-mudell intern rispettiv għall-kalkolu tal-KIRB f’konformità mal-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB li jużaw data esterna jew data proxy għall-kalibrazzjoni tal-parametri tar-riskju għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

huma għandhom jiżguraw li d-definizzjoni ta’ inadempjenza użata fid-data tkun konsistenti mal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

huma għandhom jiżguraw li d-definizzjoni ta’ inadempjenza użata fid-data tkun konsistenti mad-definizzjoni ta’ inadempjenza kif implimentata mill-istituzzjoni li tikkalkula l-KIRB f’konformità mal-Artikolu 255(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-portafoll rilevanti ta’ skoperturi titolizzati kwalifikanti, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

l-għadd u n-numru ta’ jiem wara d-data tal-għeluq li jiskattaw inadempjenza;

(ii)

l-istruttura u l-livell tal-limitu ta’ materjalità għall-obbligi ta’ kreditu wara d-data tal-għeluq;

(iii)

id-definizzjoni ta’ ristrutturazzjoni oneruża li tiskatta inadempjenza;

(iv)

it-tip u l-livell ta’ aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu li jiskattaw inadempjenza;

(v)

il-kriterji għar-ritorn għal status mhux inadempjenti;

(c)

huma għandhom jiddokumentaw is-sorsi tad-data, id-definizzjoni prestabbilita użata f’dik id-data, l-analiżi mwettqa, u d-differenzi identifikati kollha.

2.   Għal kull waħda mid-differenzi identifikati fid-definizzjoni ta’ inadempjenza li tirriżulta mill-valutazzjoni dwar il-konsistenza tad-definizzjoni ta’ inadempjenza msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom:

(a)

jivvalutaw jekk l-aġġustament għad-definizzjoni interna ta’ inadempjenza jwassalx għal rata ta’ inadempjenza akbar jew iżgħar, jew jekk dak huwiex impossibbli li jiġi ddeterminat;

(b)

skont l-eżitu tal-valutazzjoni msemmija fil-punt (a), jew jaġġustaw id-data kif xieraq, jew ikunu jistgħu juru li d-differenza hija negliġibbli f’termini tal-impatt fuq il-parametri kollha tar-riskju u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji, kif xieraq.

3.   Fir-rigward tad-differenzi kollha identifikati fid-definizzjoni ta’ inadempjenza li jirriżultaw mill-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom, u filwaqt li jqisu l-aġġustamenti mwettqa f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (b), jiksbu ekwivalenza wiesgħa mad-definizzjoni interna ta’ inadempjenza użata fil-mudell intern għall-kalkolu tal-KIRB, inkluż, meta possibbli, billi jqabblu r-rata ta’ inadempjenza fid-data interna dwar tip rilevanti ta’ skoperturi ma’ data esterna jew proxy.

4.   Meta l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tidentifika differenzi fid-definizzjoni ta’ inadempjenza li ma humiex negliġibbli iżda mhux possibbli li jingħelbu b’aġġustamenti fid-data, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jadottaw marġni xieraq ta’ konservattiviżmu fl-istima tal-parametri tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 179(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. F’dak il-każ, l-istituzzjonijiet li jikkalkulaw il-KIRB għandhom jiżguraw li tali marġni addizzjonali ta’ konservattiviżmu jirrifletti l-materjalità tad-differenzi li jifdal fid-definizzjoni ta’ inadempjenza u l-impatt possibbli tagħhom fuq il-parametri kollha tar-riskju.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2402/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 529/2014 tat-12 ta’ Marzu 2014 li jissupplementa r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-ivvalutar tal-materjalità ta’ estensjonijiet u ta’ bidliet tal-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjoni Interna u l-Approċċ ta’ Kejl Avvanzat (ĠU L 148, 20.05.2014, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/529/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1780/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Fuq