Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex
Document 32022R0922
Council Regulation (EU) 2022/922 of 9 June 2022 on the establishment and operation of an evaluation and monitoring mechanism to verify the application of the Schengen acquis, and repealing Regulation (EU) No 1053/2013
Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013
Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013
ST/7609/2022/INIT
ĠU L 160, 15.6.2022, pp. 1-27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
care este în vigoare
15.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 160/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/922
tad-9 ta’ Ġunju 2022
dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni tiddependi mill-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri. Dak l-acquis jinkludi miżuri fil-qasam tal-fruntieri esterni, miżuri ta’ kumpens għan-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni u qafas ta’ monitoraġġ b’saħħtu, li flimkien isaħħu l-moviment liberu u jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà, ġustizzja u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni tad-data personali. |
(2) |
L-evalwazzjoni u l-monitoraġġ bejn il-pari tal-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen ilhom elementi ewlenin taż-żona Schengen sa mill-1998 u jikkontribwixxu biex jinżamm livell għoli ta’ obbligu ta’ rendikont u appartenenza proprja tar-riżultati u biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri. |
(3) |
Ġie stabbilit mekkaniżmu speċifiku ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (2) u dan sar operattiv fl-2015. |
(4) |
Sabiex jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen jenħtieġ li jittejjeb. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ rivedut ikollu l-għan li jżomm livell għoli ta’ fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri billi jiżgura li l-Istati Membri japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod effettiv f’konformità mal-istandards komuni maqbula, il-prinċipji u n-normi fundamentali, u b’hekk jikkontribwixxi għal żona Schengen li taħdem sew. |
(5) |
Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jikseb l-għanijiet tiegħu permezz ta’ evalwazzjonijiet oġġettivi u imparzjali li jkunu jistgħu jidentifikaw f’qasir żmien in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen li jistgħu jfixklu l-funzjonament korrett taż-żona Schengen, jiżguraw li dawk in-nuqqasijiet jiġu indirizzati minnufih, u jipprovdu l-bażi għal djalogu dwar il-funzjonament taż-żona Schengen kollha kemm hi. F’konformità mal-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja trid issir mill-Istati Membri f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni. Dan jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, distribuzzjoni bilanċjata ta’ responsabbiltajiet kondiviżi u li tinżamm in-natura tar-rieżami bejn il-pari tas-sistema. Jirrikjedi wkoll rwol imsaħħaħ għall-Kunsill u involviment mill-qrib tal-Parlament Ewropew. Minħabba l-portata tal-bidliet, għall-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, jenħtieġ li dak ir-Regolament jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid. |
(6) |
Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ikun jista’ jkopri l-oqsma kollha tal-acquis ta’ Schengen - preżenti u futuri, b’mod partikolari l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-politika dwar il-viżi, ir-ritorn, is-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira li jappoġġaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-protezzjoni tad-data - ħlief dawk fejn diġà jeżisti mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni speċifiku taħt id-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jinkorpora l-leġiżlazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali rilevanti kollha li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen u li jikkontribwixxu għall-funzjonament taż-żona Schengen. |
(7) |
Il-funzjonament korrett tal-awtoritajiet li japplikaw l-acquis ta’ Schengen jenħtieġ li jitqies fl-evalwazzjonijiet kollha f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta’ Marzu 2012. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkopri wkoll il-prattiki tal-entitajiet privati, bħal-linji tal-ajru jew il-fornituri esterni tas-servizzi, sa fejn ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen jew affettwati minnha meta jikkooperaw mal-Istati Membri. |
(8) |
Minħabba r-rwol li qed jikber tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jappoġġa l-ivverifikar tal-attivitajiet ta’ dawk il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sakemm iwettqu funzjonijiet f’isem l-Istati Membri biex jassistu fl-applikazzjoni operazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen. L-ivverifikar ta’ dawk l-attivitajiet f’dan ir-rigward jenħtieġ li jkun inkorporat fl-evalwazzjoni tal-Istati Membri, rifless fir-rapport, u jenħtieġ li jitwettaq mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet attribwiti lill-Kummissjoni u l-korpi ta’ governanza rilevanti tal-aġenziji, l-uffiċċji u l-korpi kkonċernati skont ir-regolamenti tal-istabbiliment tagħhom u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ tagħhom stess li jinsabu fihom, kif ukoll b’mod li jirrispetthom bis-sħiħ. Fejn l-evalwazzjonijiet jidentifikaw nuqqasijiet b’rabta mal-funzjonijiet imwettqa jew appoġġati mill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-korpi ta’ governanza rilevanti tagħhom, kif ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. |
(9) |
Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ikunu mmirati, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjonijiet preċedenti, l-analiżijiet tar-riskju, il-leġiżlazzjoni l-ġdida, l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, jekk rilevanti, ir-riżultati tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità. Jenħtieġ li dawn ikunu appoġġati permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen sabiex jiġu pprovduti informazzjoni u għarfien espert rilevanti għall-ippjanar jew għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ, l-involviment sistematiku ta’ tali korpi, uffiċċji u aġenziji fl-evalwazzjonijiet ta’ Schengen, inkluż billi jiġu nnominati osservaturi biex jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet, u permezz ta’ analiżijiet tar-riskju u kondiviżjoni ta’ informazzjoni mtejjba, inkluż dwar il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, sa fejn dawn jistgħu jimminaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri. Tali kooperazzjoni u involviment jikkonċernaw b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”), li hija rregolata mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (6), u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Jenħtieġ ukoll li l-kooperazzjoni ssir aktar reċiproka u li l-aġenziji ma jkunux biss kontributuri iżda jibbenefikaw ukoll mill-involviment tagħhom fil-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, biex b’hekk jiġi żgurat ir-rispons operazzjonali msaħħaħ tagħhom. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess, meta l-attivitajiet ta’ korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni involuti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, sa fejn dawn iwettqu funzjonijiet f’isem l-Istati Membri biex jassistu fl-applikazzjoni operazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, jiġu vverifikati bħala parti mill-evalwazzjoni ta’ Stat Membru, jenħtieġ li l-osservaturi minn korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni ma jipparteċipawx fid-diskussjonijiet dwar is-sejbiet relatati mal-attività ta’ dak il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni. |
(10) |
Il-valutazzjoni tal-vulnerabilità mwettqa mill-Frontex hija mekkaniżmu komplementari għall-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit b’dan ir-Regolament biex jiżgura l-kontroll tal-kwalità fil-livell tal-Unjoni u jiżgura li kemm il-livell tal-Unjoni, kif ukoll dak nazzjonali, ikunu lesti jirrispondu għal kwalunkwe sfida fuq il-fruntieri esterni. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tal-vulnerabilità titqies fit-tħejjija tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ, biex b’hekk jiġi żgurat għarfien aġġornat tas-sitwazzjoni. Iż-żewġ mekkaniżmi jikkostitwixxu komponent tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Jenħtieġ li s-sinerġiji bejn il-valutazzjoni tal-vulnerabilità u l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jiġu mmassimizzati bl-għan li tiġi stabbilita stampa mtejjba tas-sitwazzjoni dwar il-funzjonament taż-żona Schengen, u jiġu evitati, sa fejn ikun possibbli, l-isforzi doppji u r-rakkomandazzjonijiet kunfliġġenti. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun hemm skambju ta’ informazzjoni regolari bejn il-Frontex u l-Kummissjoni dwar ir-riżultati taż-żewġ mekkaniżmi. Sabiex jiżdied il-fokus strateġiku u jinkiseb tfassil aktar immirat tal-evalwazzjoni, huwa meħtieġ ukoll li jiżdiedu b’mod ulterjuri s-sinerġiji mal-mekkaniżmi u l-pjattaformi rilevanti li jintużaw mill-aġenziji tal-Unjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, bħall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), u bis-sorveljanza mwettqa mill-Kummissjoni bl-appoġġ ta’ eu-LISA fir-rigward tat-tħejjija tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT rilevanti kif ukoll bis-sejbiet tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, jekk ikunu rilevanti. |
(11) |
Matul l-evalwazzjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-ivverifikar tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, minbarra l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretti tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-acquis ta’ Schengen imwettqa permezz ta’ evalwazzjonijiet separati. Jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni li jidentifika l-ksur tad-drittijiet fundamentali fl-oqsma ta’ politika rilevanti. Jenħtieġ li l-evalwaturi ta’ Schengen jitħarrġu kif suppost f’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti mill-FRA tiġi użata aħjar u jenħtieġ li l-esperti tagħha jkunu involuti aħjar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-evalwazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li fil-programmazzjoni u fit-tfassil tal-evalwazzjonijiet, jittieħed kont ta’ evidenza li toħroġ fil-pubbliku jew li tiġi pprovduta permezz ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ indipendenti jew minn partijiet terzi rilevanti, fuq inizjattiva tagħhom stess, bħal ombudspersons, awtoritajiet li jwettqu monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, organizzazzjonijiet nongovernattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Fl-implimentazzjoni tal-evalwazzjonijiet, pereżempju fit-twettiq taż-żjarat, l-entitajiet u l-partijiet terzi li jappoġġaw lill-Istati Membri jenħtieġ li jinftiehmu bħala dawk li huma marbuta ma’ dawn tal-aħħar legalment jew b’kuntratt, u jitħallew iwettqu ċerti kompiti f’isimhom fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Fit-tħejjija tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, jenħtieġ li titqies biss l-informazzjoni vverifikata matul l-attività ta’ evalwazzjoni. |
(12) |
Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jistabbilixxi regoli trasparenti, effiċjenti u ċari dwar il-forom u l-metodi li għandhom jiġu applikati għall-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, l-użu ta’ esperti bi kwalifiki għolja u s-segwitu għas-sejbiet tal-evalwazzjonijiet. |
(13) |
Jenħtieġ li l-forom tal-evalwazzjonijiet u l-metodi jsiru aktar flessibbli biex tiżdied l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ u l-kapaċità tiegħu li jadatta għal ċirkostanzi ġodda u żviluppi leġiżlattivi u biex jiġi ssimplifikat l-użu tar-riżorsi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet perjodiċi permezz ta’ żjarat ikunu l-mezz primarju ta’ evalwazzjoni. L-evalwazzjonijiet għall-għarrieda u l-evalwazzjonijiet tematiċi jenħtieġ li jintużaw b’mod bilanċjat, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, wara l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida jew fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-forom tal-evalwazzjonijiet jiġu definiti b’mod ċar. Skont il-qasam ta’ politika u n-natura tal-attività ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jenħtieġ li jipprevedi l-evalwazzjoni ta’ diversi Stati Membri simultanjament u, f’każijiet eċċezzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li jwettaq evalwazzjonijiet mill-bogħod fl-intier tagħhom jew parzjalment u jgħaqqad flimkien l-evalwazzjoni tal-oqsma ta’ politika. Jenħtieġ li, taħt il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, ikun possibbli li jiġu prodotti rapporti ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri li jkunu komprensivi u li jivvalutaw il-prestazzjoni kumplessiva tal-Istat Membru fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. |
(14) |
Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet tematiċi jintużaw biex jipprovdu analiżi tal-prattiki tal-Istat Membri fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Jenħtieġ li dawn isiru biex jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ bidliet leġiżlattivi kbar malli jibdew japplikaw u ta’ inizjattivi ġodda, kif ukoll biex jivvalutaw kwistjonijiet minn fost l-oqsma ta’ politika jew il-prattiki tal-Istati Membri li jkunu qegħdin jaffaċċjaw sfidi simili. |
(15) |
Jenħtieġ li ż-żjarat għall-għarrieda, skont il-fini tagħhom, isiru biss b’notifika qasira minn qabel jew mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat u jkunu bbażati fuq analiżijiet tar-riskju jew raġunijiet rilevanti oħra, kif xieraq. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu organizzati żjarat għall-għarrieda biex jiġu evalwati l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fuq il-fruntieri interni, kif ukoll il-problemi emerġenti jew sistemiċi li potenzjalment jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-funzjonament taż-żona Schengen, jew fejn ikun hemm raġunijiet biex jitqies li Stat Membru jkun qed jittraskura serjament l-obbligi taħt l-acquis ta’ Schengen. Iż-żjarat għall-għarrieda għandhom normalment isiru b’notifika minn qabel ta’ mill-inqas 24 siegħa. Iż-żjarat għall-għarrieda mingħajr notifika minn qabel jenħtieġ li jsiru biex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligi taħt l-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari fuq il-fruntieri interni u b’rispons għal indikazzjonijiet sostanzjati fir-rigward ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. F’każijiet bħal dawn, l-għoti ta’ notifika minn qabel ixejjen l-objettiv taż-żjara. Jenħtieġ li jkun possibbli li ż-żjarat għall-għarrieda li jevalwaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen applikabbli fuq il-fruntieri interni jkunu jistgħu jivverifikaw, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż li l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija jew kwalunkwe setgħa pubblika oħra eżerċitata fiż-żona tal-fruntiera interna ma jkollhiex effett ekwivalenti għall-verifiki fuq il-fruntieri. |
(16) |
L-ipprogrammar tal-attivitajiet imwettaq taħt dan ir-Regolament permezz tal-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali diġà wera l-valur miżjud tiegħu fl-iżgurar tal-prevedibbiltà u ċ-ċertezza. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri jenħtieġ li tadotta l-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali. Dawk il-programmi jenħtieġ ukoll li jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa biex maż-żmien ikunu jistgħu jadattaw għan-natura dinamika tal-acquis ta’ Schengen. Fl-eventwalità ta’ force majeure, jenħtieġ li jsiru aġġustamenti għall-programmi bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat mingħajr il-ħtieġa ta’ emenda formali tal-programmi. Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali, adottat għal seba’ snin, jenħtieġ li jkun jista’ jidentifika, fejn ikun rilevanti, l-oqsma prijoritarji speċifiċi, minn fost l-oqsma ta’ politika, li għandhom jiġu koperti mill-evalwazzjonijiet perjodiċi. Dan l-approċċ huwa mistenni li jagħti lok għal aktar flessibilità, prijoritizzazzjoni aħjar u użu aktar bilanċjat u strateġiku tal-għodod kollha disponibbli. L-estensjoni tal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali minn ħames snin għal seba’, hija mistennija li twassal ukoll biex isir aktar monitoraġġ tal-Istati Membri u biex dan ikun aktar mill-qrib u aktar immirat mingħajr ma jitnaqqas il-livell ta’ skrutinju. |
(17) |
Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ isiru minn timijiet magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u esperti maħtura mill-Istati Membri. Dawk ir-rappreżentanti u l-esperti jenħtieġ li jkollhom kwalifiki adegwati, inkluż għarfien teoretiku u esperjenza solidi, u jenħtieġ li jkunu għamlu t-taħriġ eżistenti rilevanti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jiġu organizzati korsijiet ta’ taħriġ għall-evalwaturi ta’ Schengen fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, inkluż il-komponenti tad-drittijiet fundamentali u l-funzjonament korrett tal-awtoritajiet. It-taħriġ li l-esperti jirċievu biex isiru evalwaturi ta’ Schengen jenħtieġ li jkun jista’ jippermetti r-rikonoxximent fil-livell nazzjonali tal-ħiliet, l-għarfien u l-kapaċitajiet tagħhom miksuba matul tali taħriġ. Jekk ma jkun disponibbli l-ebda kors ta’ taħriġ għal qasam ta’ politika, u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ esperti mħarrġa, jenħtieġ li espert li jaspira li jsir evalwatur ta’ Schengen ikun jista’ jakkumpanja missjoni ta’ evalwazzjoni bħala espert trainee. |
(18) |
Sabiex ikun żgurat li jieħdu sehem biżżejjed esperti b’esperjenza b’mod aktar rapidu u sempliċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tistabbilixxi u tiġġestixxi grupp ta’ esperti. Il-grupp jenħtieġ li jkun is-sors primarju minn fejn jinġiebu l-esperti għall-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. Jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar mill-inqas espert wieħed għal kull qasam ta’ politika li jiġi evalwat fih sakemm il-ħatra ma taffettwax sostanzjalment it-twettiq ta’ kompiti nazzjonali. |
(19) |
Jenħtieġ li tingħata aktar flessibilità fir-rigward tad-daqs tat-timijiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ sabiex tiżdied l-effiċjenza u jonqos il-piż amministrattiv. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi u tadatta d-daqs tat-timijiet skont il-ħtiġijiet u l-isfidi relatati ma’ kull attività ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ filwaqt li żżomm il-bilanċ bejn l-għadd ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u esperti tal-Istati Membri, sabiex tirrifletti l-prinċipji ta’ responsabbiltà kondiviża u responsabbiltà bejn il-pari. Jenħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-prinċipji ta’ responsabbiltà kondiviża u prevedibbiltà u l-ħtieġa għal flessibbiltà matul il-proċess tal-għażla tal-esperti. Għalhekk, meta jiġu stabbiliti t-timijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, sa fejn ikun possibbli, li jkun hemm bilanċ ġeografiku, profili varjati u rotazzjoni tal-membri. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-ħatra ta’ esperti fl-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ma jkunx piż eċċessiv fuq l-Istati Membri jew għas-sitwazzjoni individwali tal-esperti. L-esperti mistiedna għal evalwazzjonijiet speċifiċi u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom huma mistennija jwieġbu b’mod pożittiv għall-istediniet; jenħtieġ li jkun possibbli stedina tiġi rifjutata biss jekk dan ikun iġġustifikat kif dovut minħabba raġunijiet professjonali jew personali serji. |
(20) |
L-ispejjeż operazzjonali marbuta mal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, bħall-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ikel, jenħtieġ li jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li kwalunkwe per diem addizzjonali tal-esperti nazzjonali li jieħdu sehem fil-missjonijiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ u l-kostijiet tal-persunal ta’ dawk li jissostitwixxu lil dawk l-esperti fin-nuqqas tagħhom jkunu jistgħu jiġu koperti mill-programmi nazzjonali tal-Istati Membri taħt il-fondi tal-Unjoni rilevanti, f’konformità mal-objettivi u r-regoli applikabbli ta’ dawk il-fondi. |
(21) |
Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jenħtieġ li jkunu konċiżi u fil-qosor. Jenħtieġ li jiffokaw fuq in-nuqqasijiet li jkollhom impatt sinifikanti u jenfasizzaw l-oqsma fejn jista’ jsir titjib sinifikanti. Is-sejbiet minuri ma għandhomx jagħmlu parti mir-rapporti. Madankollu jenħtieġ li t-tim jikkomunika dawk is-sejbiet lill-Istat Membru evalwat fi tmiem l-attività ta’ evalwazzjoni, inkluż lill-awtoritajiet responsabbli għall-mekkaniżmu nazzjonali rilevanti ta’ kontroll tal-kwalità. Jenħtieġ li t-tim ifittex b’mod attiv li jidentifika l-aħjar prattiki, li jenħtieġ li jiżdiedu fir-rapporti. b’mod partikolari, jenħtieġ li miżuri ġodda u innovattivi li jtejbu b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-regoli komuni u li jistgħu jiġu implimentati minn Stati Membri oħra jiġu enfasizzati bħala l-aħjar prattiki għall-finijiet tar-rapport. |
(22) |
Jenħtieġ li, bħala regola, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet identifikati inkluż il-ksur tad-drittijiet fundamentali u jiġu adottati f’att uniku mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni bi proċedura ta’ eżami f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) mingħajr dewmien. Il-konsolidazzjoni tar-rapport u r-rakkomandazzjonijiet f’dokument uniku u soġġetta għal proċedura unika ta’ adozzjoni tirrinforza r-rabta intrinsika bejn is-sejbiet tal-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni simultanja tar-rapport u r-rakkomandazzjonijiet hija mistennija li tippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqasijiet b’mod aktar rapidu u b’aktar effiċjenza. Fl-istess waqt, l-użu tal-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li jiżgura l-involviment tal-Istati Membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jwassal għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. |
(23) |
Madankollu, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, biex ikun żgurat li dawn jiġu kkoordinati aħjar fil-livell tal-Unjoni u biex tiġi rinforzata l-pressjoni bejn il-pari, jenħtieġ li s-setgħa ta’ implimentazzjoni biex jiġu adottati r-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni rimedjali f’ċerti każijiet, u biex jingħalqu l-pjanijiet ta’ azzjoni f’ċerti każijiet, tiġi kkonferita lill-Kunsill, minħabba r-rwol politiku tiegħu fl-eżerċitar ta’ tali pressjoni bejn il-pari. Tali setgħa ta’ implimentazzjoni hija ġustifikata mill-fatt li tali setgħat speċifiċi kienu kkonferiti lill-Kunsill, taħt l-Artikolu 70 TFUE, fil-qasam ta’ evalwazzjoni reċiproka tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan jirrifletti b’mod adegwat il-fini ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni bbażat fuq din il-lex specialis, li huwa, f’dan il-qasam partikolari, li jissodisfa funzjoni komplementari ta’ monitoraġġ tal-effettività tal-implimentazzjoni prattika tal-politiki tal-Unjoni permezz ta’ rieżami bejn il-pari. Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet f’każijiet ta’ importanza politika u interess ġenerali għall-funzjonament taż-żona Schengen. Jenħtieġ li tali każijiet jitqiesu li jinqalgħu meta l-Istat Membru evalwat jikkontesta b’mod sostanzjali l-kontenut tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew in-natura ta’ xi sejba, u b’hekk juri li setgħu qamu problemi potenzjali matul l-evalwazzjoni. L-istess jenħtieġ li japplika meta evalwazzjoni tikkonkludi li jeżisti nuqqas serju, f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet tematiċi, jew f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet tal-ewwel darba. Bl-istess mod, bħala parti mir-rwol tiegħu fil-fażi ta’ monitoraġġ tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u monitoraġġ, il-Kunsill jenħtieġ li jadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li japprovaw l-għeluq tal-pjanijiet ta’ azzjoni f’każ ta’ nuqqasijiet serji u evalwazzjonijiet tal-ewwel darba. |
(24) |
Barra minn hekk, meta l-evalwazzjonijiet jidentifikaw nuqqas serju, jenħtieġ li japplikaw dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi żgurata l-adozzjoni fil-pront ta’ miżuri rimedjali. Minħabba r-riskju li jirriżulta minn tali nuqqasijiet, malli l-Istat Membru evalwat jiġi informat dwar nuqqas serju, jenħtieġ li huwa jibda jimplimenta minnufih l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni biex jirrimedja n-nuqqas, inkluż, meta meħtieġ, billi jimmobilizza l-mezzi operazzjonali u finanzjarji kollha xierqa. Jenħtieġ li l-azzjoni rimedjali tkun soġġetta għal skadenzi aktar stretti u monitoraġġ u skrutinju politiku aktar mill-qrib tul il-proċess. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma minnufih lill-Kunsill meta evalwazzjoni tidentifika nuqqas serju, inkluż fejn nuqqas serju jitqies li jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika fiż-żona Schengen. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat ir-rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u torganizza żjara ġdida mhux aktar tard minn sena mid-data tal-evalwazzjoni biex tivverifika jekk Stat Membru jkunx irrimedja n-nuqqasijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li, wara ż-żjara l-ġdida, il-Kummissjoni tippreżenta rapport taż-żjara lill-Kunsill. |
(25) |
L-identifikazzjoni ta’ nuqqas serju tirrikjedi valutazzjoni bir-reqqa każ b’każ abbażi ta’ kriterji ċari rigward in-natura, l-iskala u l-impatt potenzjali tal-problemi, li jaf ikunu differenti għal kull qasam ta’ politika. Elementi ewlenin differenti għall-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u taħlita differenti ta’ fatturi jistgħu jwasslu biex sejba tiġi kklassifikata bħala nuqqas serju. Madankollu, jekk jitqies li nuqqas identifikat jista’ jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali jew kellu, jew jista’ jkollu, impatt negattiv sinifikanti fuq Stat Membru wieħed jew aktar jew fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, jenħtieġ li tali nuqqas jitqies bħala nuqqas serju. Meta, f’rapport ta’ evalwazzjoni, jiġi identifikat nuqqas serju fit-twettiq tal-kontroll fuq il-fruntieri esterni, jistgħu japplikaw l-Artikoli 21 u 29 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
(26) |
Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jinkludi komponent robust ta’ segwitu u monitoraġġ. Dak il-komponent jenħtieġ li jiġi żgurat mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill, u l-Parlament Ewropew fejn rilevanti, mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għall-atturi involuti. Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet jiġu segwiti bi pjanijiet ta’ azzjoni. Jenħtieġ li meta jfasslu l-pjanijiet ta’ azzjoni, l-Istati Membri jqisu kompletament il-possibiltajiet ta’ finanzjament pprovduti mill-Unjoni u jagħmlu l-aqwa użu minn dawk ir-riżorsi. Biex jitħaffef il-proċess, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi rieżamijiet dwar l-adegwatezza tal-pjanijiet ta’ azzjoni, pereżempju f’forma ta’ ittra. Sabiex jiġi żgurat segwitu fil-pront, jekk is-servizzi tal-Kummissjoni ma jqisux li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut fi żmien xahar minn mindu jasallu r-rieżami. Il-frekwenza tar-rappurtar ta’ segwitu mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, jenħtieġ li, bħala regola, tkun kull sitt xhur. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tindika frekwenza differenti ta’ rappurtar, inkluż frekwenza ta’ rappurtar imnaqqsa, pereżempju f’każijiet fejn l-evalwazzjoni tkun identifikat biss sejbiet “jenħtieġ titjib”. |
(27) |
Bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni torganizza żjarat ġodda u żjarat ta’ verifika. Jenħtieġ li jiġu organizzati żjarat ġodda biex isir monitoraġġ tal-progress tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni wara evalwazzjoni li tkun identifikat nuqqas serju jew wara evalwazzjoni tal-ewwel darba li tkun ikkonkludiet li l-Istat Membru evalwat ma ssodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa biex japplika l-acquis ta’ Schengen fil-qasam ta’ politika rispettiv evalwat. Jenħtieġ li r-rapport taż-żjara l-ġdida jippreżenta l-progress li jkun sar biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet u jikkonkludi jekk in-nuqqas serju jkunx ġie indirizzat. Jenħtieġ li jkun possibbli li r-rapport ikun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet, jekk ikun meħtieġ. Bħala mezz biex jeżerċita pressjoni bejn il-pari, il-Kunsill jenħtieġ li jkun jista’ jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-rapport u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet. |
(28) |
Jenħtieġ li jkun possibbli li jsiru żjarat ta’ verifika biex iwettqu monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni b’segwitu għal evalwazzjoni li ma tkunx identifikat nuqqas serju, fejn jitqies li jkun meħtieġ. Jenħtieġ li ż-żjarat ta’ verifika jiġu organizzati dejjem qabel l-għeluq ta’ pjan ta’ azzjoni li jsegwi evalwazzjoni li tkun identifikat nuqqas serju u evalwazzjoni tal-ewwel darba. F’termini ta’ rekwiżiti organizzazzjonali u ta’ rappurtar, jenħtieġ li ż-żjarat ta’ verifika jkunu inqas esiġenti miż-żjarat ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkunu jinkludu timijiet iżgħar u ma jwasslux għal sejbiet ġodda jew jirrikjedu l-adozzjoni ta’ rapport. Jenħtieġ li l-Kunsill ikun involut b’mod aktar attiv fil-fażi ta’ monitoraġġ, jiġi infurmat mill-Kummissjoni bil-miktub, pereżempju fil-forma ta’ ittra, bl-eżitu taż-żjarat ta’ verifika u japprova l-għeluq tal-pjanijiet ta’ azzjoni f’każijiet ta’ nuqqasijiet serji u evalwazzjonijiet tal-ewwel darba, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni. |
(29) |
Huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jorganizzaw diskussjonijiet b’mod regolari sabiex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u jħeġġu lill-Istati Membri biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati, kif xieraq. B’mod partikolari, il-Kunsill għandu jeżerċita r-rwol politiku tiegħu fir-rigward tal-governanza taż-żona Schengen billi jiddiskuti r-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni u jorganizza diskussjonijiet politiċi dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u l-funzjonament tajjeb taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi kontribut adegwat biex tiffaċilita dawk id-diskussjonijiet inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ rapport annwali komprensiv li jkopri l-evalwazzjonijiet imwettqa matul is-sena preċedenti u l-istat ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dak ir-rapport u dawk ir-riżultati, jenħtieġ li l-Kunsill ikollu diskussjonijiet orizzontali sabiex jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar effiċjenti u rapida tar-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet rimedjali korrelatati tagħhom. |
(30) |
Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jaqdi funzjoni komplementarja ta’ monitoraġġ tal-effettività tal-implimentazzjoni prattika tal-politiki tal-Unjoni permezz ta’ rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li s-setgħa ġenerali tal-Kummissjoni biex tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ proċeduri ta’ ksur ma tiġix affettwata. |
(31) |
L-istatus tal-klassifikazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ żjara ġdida jenħtieġ li jkun ‘sensittiv mhux klassifikat’ f’konformità mar-regoli tas-sigurtà applikabbli stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (10). Jenħtieġ li dawn jiġu kklassifikati bħala ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ skont it-tifsira tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (11), fejn tali klassifikazzjoni tkun meħtieġa skont l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni jew wara talba ġustifikata mill-Istat Membru evalwat. |
(32) |
Fid-dawl tar-rwol partikolari fdat lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 70 TFUE, kif issottolinjat fl-Artikolu 12, punt (c), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali, jenħtieġ li l-Kunsill u l-Kummissjoni jinformaw lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali dwar il-kontenut u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tippreżenta proposta biex temenda dan ir-Regolament, il-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 19(7), punt (h) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (12), jikkonsulta lill-Parlament Ewropew sabiex jikkunsidra l-opinjoni tiegħu, kemm jista’ jkun possibbli, qabel ma jadotta test finali. |
(33) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fis-27 ta’ Lulju 2021 (13). |
(34) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri meta jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni meta jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament. |
(35) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali, biex tistabbilixxi u taġġorna kwestjonarju standard u biex tadotta rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ żjarat ġodda. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. |
(36) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament meta, f’każijiet debitament ġustifikati relatati ma’ nuqqas serju, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza. |
(37) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha. |
(38) |
L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (15). |
(39) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (16), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (17). |
(40) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (18), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (19). |
(41) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (20), li jaqgħu fl-ambitu msemmi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (21). |
(42) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija, u l-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, rispettivament. |
(43) |
Billi l-verifika f’konformità mal-proċeduri applikabbli tal-evalwazzjoni ta’ Schengen fir-rigward tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, diġà ġiet ikkompletata taħt l-Atti ta’ Adeżjoni rispettivi tagħhom, il-verifika taħt l-Artikolu 1(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li ma ssirx fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ għall-fini li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod effettiv, effiċjenti u korrett, u b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u għall-funzjonament tajjeb ta’ żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.
2. Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit għandu jipprevedi attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ oġġettivi u imparzjali bl-għan li:
(a) |
jivverifikaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-Istati Membri li għalihom japplika b’mod sħiħ kif ukoll fl-Istati Membri li għalihom, f’konformità mal-Protokolli rilevanti annessi mat-TUE u mat-TFUE, l-acquis ta’ Schengen japplika parzjalment; |
(b) |
jivverifikaw li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen ikunu ġew issodisfati f’dawk l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom ma tteħditx deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen għandhom japplikaw b’mod sħiħ jew parzjalment, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li l-evalwazzjoni tagħhom tkun diġà tlestiet fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
3. L-evalwazzjonijiet jistgħu jkopru l-aspetti kollha tal-acquis ta’ Schengen u jikkunsidraw il-funzjonament tal-awtoritajiet li japplikaw l-acquis ta’ Schengen. L-evalwazzjonijiet jistgħu jkopru b’mod partikolari l-oqsma ta’ politika li ġejjin: il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-politika dwar il-viżi, ir-ritorn, sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira li jappoġġaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-protezzjoni tad-data.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“acquis ta’ Schengen” tfisser id-dispożizzjonijiet integrati fil-qafas tal-Unjoni f’konformità mal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u t-TFUE, flimkien mal-atti li jibnu fuqhom jew li huma b’xi mod ieħor relatati magħhom; |
(2) |
“evalwazzjoni tal-ewwel darba” tfisser evalwazzjoni biex tivverifika jekk Stat Membru marbut mill-acquis ta’ Schengen u li għalih ma jkunux tneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni jissodisfax il-kondizzjonijiet biex japplika għalkollox l-acquis ta’ Schengen jew, fil-każ ta’ Stat Membru li ma jipparteċipax fl-acquis ta’ Schengen u li jkun ġie awtorizzat mill-Kunsill li japplika partijiet mill-acquis ta’ Schengen, biex tivverifika jekk l-Istat Membru jissodisfax il-kondizzjonijiet biex japplika l-acquis ta’ Schengen parzjalment; |
(3) |
“evalwazzjoni perjodika” tfisser evalwazzjoni inkluża fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali u fil-programmi ta’ evalwazzjoni annwali li tivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen minn Stat Membru bl-għan li tivvaluta l-prestazzjoni globali tal-Istat Membru fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen; |
(4) |
“evalwazzjoni għall-għarrieda” tfisser evalwazzjoni, mhux inkluża fil-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali, li tivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen minn Stat Membru wieħed jew aktar f’qasam ta’ politika wieħed jew aktar; |
(5) |
“evalwazzjoni tematika” tfisser evalwazzjoni inkluża fil-programm ta’ evalwazzjoni annwali, li għandha l-għan li tipprovdi analiżi tal-leġiżlazzjoni jew tal-prattiki tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, jew l-applikazzjoni ta’ partijiet speċifiċi tiegħu f’bosta Stati Membri; |
(6) |
“żjara” tfisser żjara fi Stat Membru jew fil-konsolati tiegħu bil-fini li twettaq attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ; |
(7) |
“żjara ġdida” tfisser żjara supplimentari mwettqa b’segwitu għal evalwazzjoni li tkun identifikat nuqqas serju jew b’segwitu għal evalwazzjoni tal-ewwel darba li tkun ikkonkludiet li l-Istat Membru evalwat ma ssodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa biex japplika l-acquis ta’ Schengen; |
(8) |
“żjara ta’ verifika” tfisser żjara supplimentari, li mhijiex żjara ġdida u li ssir biex tagħmel monitoraġġ tal-progress tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni; |
(9) |
“sejba mhux konformi” tfisser valutazzjoni ta’ sejba li skontha, il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi nazzjonali, jew l-implimentazzjoni tagħhom, ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti tal-acquis ta’ Schengen; |
(10) |
“nuqqas serju” tfisser valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni attribwita għal sejba mhux konformi waħda jew aktar dwar l-applikazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u li individwalment jew flimkien, dawn is-sejbiet jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali jew ikollhom, jew maż-żmien jista’ jkollhom, impatt negattiv fuq Stat Membru wieħed jew aktar jew fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni; |
(11) |
“tim” tfisser grupp magħmul minn esperti maħtura mill-Istati Membri u rappreżentanti tal-Kummissjoni li jwettqu l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ; |
(12) |
“osservatur” tfisser espert maħtur minn korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 li jieħu sehem f’attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ; |
(13) |
“espert trainee” tfisser espert maħtur minn Stat Membru jew rappreżentant tal-Kummissjoni li għandu jitħarreġ biex isir evalwatur ta’ Schengen. |
Artikolu 3
Responsabbiltajiet u dmir ta’ kooperazzjoni
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, bil-kontribut tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7 f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali fir-rigward tal-istabbiliment tal-programmi ta’ evalwazzjoni annwali u pluriennali, l-abbozzar tal-kwestjonarji, l-iffissar tal-iskedi taż-żjarat, it-twettiq taż-żjarat u l-abbozzar tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u tar-rakkomandazzjonijiet. Għandha tiżgura wkoll li l-attivitajiet ta’ segwitu u monitoraġġ jitwettqu.
3. Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqasijiet serji, evalwazzjonijiet tal-ewwel darba, evalwazzjonijiet tematiċi u fejn l-Istat Membru evalwat jikkontesta b’mod sostanzjali l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkun fih abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet. Bħala parti mill-fażi ta’ monitoraġġ tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar l-għeluq tal-pjanijiet ta’ azzjoni f’każijiet ta’ nuqqasijiet serji u evalwazzjonijiet tal-ewwel darba.
Il-Kunsill għandu jwettaq ir-rwol politiku tiegħu fir-rigward tal-governanza taż-żona Schengen billi jiddiskuti r-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 25 inkluż dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni u billi jorganizza diskussjonijiet politiċi dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u l-funzjonament tajjeb taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkooperaw bis-sħiħ matul l-istadji kollha tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ mwettqa taħt dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill informazzjoni rilevanti u f’waqtha rigward l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ.
4. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-evalwazzjonijiet sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.
5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, biex jappoġġaw u jassistu lill-Kummissjoni u lit-timijiet fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni u t-timijiet li jwettqu l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv, b’mod partikolari billi jippermettu li l-Kummissjoni u t-timijiet jindirizzaw mistoqsijiet lill-persuni rilevanti direttament u billi jipprovdu aċċess sħiħ u bla xkiel għaż-żoni, binjiet u dokumenti kollha meħtieġa għall-attività’ ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ, inkluż linji gwida u struzzjonijiet nazzjonali u interni. L-aċċess għall-informazzjoni klassifikata rilevanti għandu jingħata lill-membri tat-tim u lill-osservaturi li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà adatta maħruġa minn awtorità kompetenti.
6. Il-Kummissjoni għandha tkun inkarigata mill-arranġamenti meħtieġa għall-ivvjaġġar lejn u mill-Istat Membru li ssir iż-żjara fih għar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-esperti tal-Istat Membru fit-timijiet.
Il-Kummissjoni għandha ġġarrab l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tal-esperti li jieħdu sehem fiż-żjarat u għall-espert trainee imsemmi fl-Artikolu 16(2).
L-Istat Membru li fih issir iż-żjara għandu jkun responsabbli biex jipprovdi t-trasport meħtieġ fuq il-post, ħlief għal żjarat għall-għarrieda.
Artikolu 4
Forom ta’ evalwazzjoni
1. L-evalwazzjonijiet jista’ jkollhom xi waħda mill-forom li ġejjin:
(a) |
evalwazzjonijiet tal-ewwel darba; |
(b) |
evalwazzjonijiet perjodiċi; |
(c) |
evalwazzjonijiet għall-għarrieda; |
(d) |
evalwazzjonijiet tematiċi. |
2. Il-Kummissjoni għandha torganizza evalwazzjonijiet tal-ewwel darba wara li Stat Membru jiddikjara li huwa lest biex jiġi evalwat.
3. Il-Kummissjoni tista’ torganizza evalwazzjonijiet għall-għarrieda, b’mod partikolari:
(a) |
biex tevalwa l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen applikabbli fuq il-fruntieri interni; |
(b) |
meta ssir taf b’xi problemi li feġġew jew problemi sistematiċi li potenzjalment jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż ċirkostanzi li jikkostitwixxu theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna f’dik iż-żona; |
(c) |
meta jkollha raġunijiet biex tqis li Stat Membru jkun qiegħed jittraskura serjament l-obbligi tiegħu taħt l-acquis ta’ Schengen inkluż meta jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ksur serju tad-drittijiet fundamentali. |
4. Il-Kummissjoni tista’ torganizza evalwazzjonijiet tematiċi, b’mod partikolari biex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ bidliet leġiżlattivi sinifikanti, malli jibdew japplikaw, u ta’ inizjattivi ġodda, jew biex tivvaluta kwistjonijiet minn fost l-oqsma ta’ politika jew il-prattiki tal-Istati Membri li jkunu qegħdin jaffaċċjaw sfidi simili.
Artikolu 5
Forom ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ
L-attivitajiet ta’ monitoraġġ jistgħu jinkludu xi waħda mill-forom li ġejjin:
(a) |
ir-rieżami tal-pjanijiet ta’ azzjoni u tar-rapporti ta’ segwitu ppreżentati mill-Istati Membri evalwati; |
(b) |
iż-żjarat ġodda; |
(c) |
iż-żjarat ta’ verifika. |
Artikolu 6
Metodi ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ
L-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 jistgħu jitwettqu permezz ta’ żjarat, u kwestjonarji jew, eċċezzjonalment, b’metodi oħra mill-bogħod.
Kull metodu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jista’ jintuża b’mod indipendenti jew imħallat ma’ metodu ieħor, kif xieraq.
Artikolu 7
Kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif ukoll mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).
Il-Kummissjoni tista’ tagħmel arranġamenti ma’ dawk il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 biex jipprovdu, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, informazzjoni, data statistika jew analiżijiet tar-riskju, inkluż dwar korruzzjoni u kriminalità organizzata, sa fejn dawn jistgħu jimminaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri, biex jittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/1896 rigward l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri.
L-Istat Membru evalwat jista’ jikkummenta dwar l-informazzjoni provduta skont l-ewwel subparagrafu.
Artikolu 8
Kooperazzjoni mal-Frontex
1. Sal-31 ta’ Awwissu kull sena, il-Frontex għandha tippreżenta analiżi tar-riskju lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-fini li jiġi stabbilit il-programm ta’ evalwazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 13.
L-analiżi tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkopri l-aspetti rilevanti kollha relatati mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, u għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntieri esterni, punti speċifiċi ta’ qsim tal-fruntieri, u siti speċifiċi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) fl-Istati Membri li għandhom jiġu evalwati fis-sena ta’ wara, f’konformità mal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali stabbilit skont l-Artikolu 12.
2. Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Frontex għandha tippreżenta analiżi tar-riskju separata lill-Kummissjoni li jkun fiha rakkomandazzjonijiet għall-evalwazzjonijiet għall-għarrieda fis-sena ta’ wara, irrispettivament mill-ordni tal-Istati Membri li għandhom jiġu evalwati kull sena, f’konformità mal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali stabbilit skont l-Artikolu 12.
Ir-rakkomandazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu jistgħu jirrigwardaw kwalunkwe reġjun jew żona speċifika u għandhom jinkludu lista ta’ minn tal-anqas 10 sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntieri esterni, minn tal-anqas 10 punti speċifiċi ta’ qsim tal-fruntiera u minn ta’ lanqas 10 siti speċifiċi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-Direttiva 2008/115/KE, kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra.
Artikolu 9
Kooperazzjoni mal-Europol
F’konformità mal-Artikolu 4(1), punt (s), tar-Regolament (UE) 2016/794, l-Europol għandha tipprovdi għarfien espert, analiżi, rapporti u informazzjoni rilevanti oħra biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 10
Sinerġiji ma’ attivitajiet oħra ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ
1. Il-Kummissjoni għandha tuża r-riżultati ta’ mekkaniżmi u strumenti rilevanti, inkluż attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari l-Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà, u tal-FRA, kif ukoll ta’ mekkaniżmi u korpi nazzjonali indipendenti ta’ monitoraġġ, fit-tħejjija tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, biex jittejjeb l-għarfien dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni u jiġu evitati sforzi doppji u miżuri kunfliġġenti. Il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istat Membru evalwat, tuża r-riżultati tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, meta dawn ikunu disponibbli.
2. Ir-rakkomandazzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu komplementari għar-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 32(7) tar-Regolament (UE) 2019/1896 fl-ambitu tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità.
3. Il-Kummissjoni tista’ tikkondividi mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’mod sigur u f’waqtu, dettalji tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, tal-pjanijiet ta’ azzjoni u aġġornamenti dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni.
Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssir f’konformità mal-mandati tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni kkonċernati.
Artikolu 11
Informazzjoni minn partijiet terzi
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, il-Kummissjoni tista’ tqis informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, provduta minn partijiet terzi, inkluż minn awtoritajiet indipendenti, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bl-informazzjoni pprovduta minn partijiet terzi li hija tidentifika bħala rilevanti għall-ipprogrammar tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. L-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità jikkummentaw dwar is-sustanza ta’ dik l-informazzjoni.
KAPITOLU II
PROGRAMMAR
Artikolu 12
Programm ta’ evalwazzjoni pluriennali
1. Il-Kummissjoni, fejn xieraq, wara li tikkonsulta lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7, għandha tistabbilixxi programm ta’ evalwazzjoni pluriennali li jkopri perijodu ta’ seba’ snin minn tal-inqas tmien xhur qabel jibda l-perijodu ta’ seba’ snin ta’ wara.
F’kull ċiklu ta’ evalwazzjoni pluriennali, kull Stat Membru għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni perjodika waħda, u, fejn xieraq, għal evalwazzjoni tematika jew evalwazzjoni għall-għarrieda waħda jew aktar, fuq il-bażi ta’ analiżijiet tar-riskju, leġiżlazzjoni ġdida jew informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11.
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).
Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali jista’ jidentifika, fejn ikun rilevanti, oqsma prijoritarji speċifiċi fi ħdan l-oqsma ta’ politika msemmija fl-Artikolu 1(3) li għandhom jiġu koperti mill-evalwazzjonijiet perjodiċi u għandu jinkludi skeda taż-żmien proviżorja ta’ dawk l-evalwazzjonijiet.
Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali għandu jistabbilixxi lista proviżorja ta’ Stati Membri li għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet perjodiċi, mingħajr preġudizzju għall-aġġustamenti taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, f’sena partikolari. L-ordni proviżorju li fih l-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni perjodika għandu jqis iż-żmien li jkun għadda mill-evalwazzjoni perjodika preċedenti. Għandu jqis ukoll l-eżitu tal-evalwazzjonijiet preċedenti, ir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni u informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, miġbura f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11, fir-rigward tal-prattiki tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.
4. Fl-eventwalità ta’ force majeure li timpedixxi t-twettiq tal-evalwazzjonijiet f’konformità mal-iskeda ta’ żmien proviżorja stabbilita taħt il-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, tagħmel aġġustamenti fl-iskeda ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet ikkonċernati.
Il-Kummissjoni għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-avvenimenti msemmijin fl-ewwel subparagrafu u dwar l-impatt mistenni tagħhom fuq l-iskedar tal-evalwazzjonijiet fl-ambitu tal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali.
Artikolu 13
Programm ta’ evalwazzjoni annwali
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, programm ta’ evalwazzjoni annwali sal-15 ta’ Novembru tas-sena li tippreċedi dik li tirrigwarda l-programm. Dak il- programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jiġi bbażat, b’mod partikolari, fuq l-analiżijiet tar-riskju u informazzjoni oħra miksuba mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).
2. Il-programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jinkludi skeda taż-żmien proviżorja tal-evalwazzjonijiet segwenti:
(a) |
evalwazzjonijiet perjodiċi tal-Istati Membri kif speċifikat fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali; |
(b) |
evalwazzjonijiet tal-ewwel darba ta’ Stat Membru; |
(c) |
meta jkun xieraq, evalwazzjonijiet tematiċi, inkluż it-tema tagħhom, l-Istati Membri li għandhom jiġu evalwati u l-metodi maħsuba. |
3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-programm ta’ evalwazzjoni annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien.
Fl-eventwalità ta’ force majeure li timpedixxi t-twettiq tal-evalwazzjonijiet f’konformità mal-iskeda taż-żmien proviżorja stabbilita taħt il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, tagħmel aġġustamenti fl-iskeda taż-żmien għall-evalwazzjonijiet ikkonċernati.
Il-Kummissjoni għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-avvenimenti msemmija fit-tieni subparagrafu u dwar l-impatt mistenni tagħhom fuq l-iskedar tal-evalwazzjonijiet fl-ambitu tal-programm ta’ evalwazzjoni annwali.
Artikolu 14
Kwestjonarju standard
1. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi u taġġorna kwestjonarju standard. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).
Fit-tfassil tal-kwestjonarju, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7.
2. Il-kwestjonarju standard għandu jkopri l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti kif ukoll il-mezzi organizzattivi u tekniċi disponibbli għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, inkluż dawk imsemmija fil-manwali, il-katalgi ta’ Schengen u d-data statistika rilevanti.
3. Sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-kwestjonarju standard lil dawk l-Istati Membri li jkunu ser ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet perjodiċi fis-sena ta’ wara, f’konformità mal-programm ta’ evalwazzjoni annwali.
L-Istati Membri msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jipprovdu t-tweġibiet tagħhom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru tal-istess sena.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tweġibiet imsemmijin fit-tieni subparagrafu disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.
4. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri evalwati għandhom jaġġornaw it-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju standard u jwieġbu, jekk jintalbu jagħmlu dan, mistoqsijiet kumplimentari qabel evalwazzjonijiet speċifiċi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll is-sejbiet tal-mekkaniżmi nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità u l-awditi interni, meta jkunu rilevanti.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦAT-TWETTIQ TA’ EVALWAZZJONIJIET U ATTIVITAJIET TA’ MONITORAĠĠ
Artikolu 15
Membri tat-tim u osservaturi
1. Il-membri tat-tim u l-osservaturi li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ għandu jkollhom kwalifiki xierqa, inkluż għarfien teoretiku solidu u esperjenza fl-oqsma koperti mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, flimkien ma’ għarfien sod tal-prinċipji, il-proċeduri u t-tekniki ta’ evalwazzjoni, u għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv b’lingwa komuni.
2. Esperti mill-Istati Membri li, f’konformità mal-Att ta’ Adeżjoni rilevanti, ikunu marbuta bl-acquis ta’ Schengen iżda jkunu għadhom ma japplikawhx b’mod sħiħ, għandhom jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen.
Artikolu 16
Taħriġ ta’ esperti, osservaturi u esperti trainees
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7, għandhom jiżguraw li l-esperti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni jirċievu taħriġ adegwat biex isiru evalwaturi ta’ Schengen.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-korsijiet ta’ taħriġ għall-evalwaturi ta’ Schengen jiġu organizzati għall-oqsma ta’ politika rilevanti kollha u jinkludu l-funzjonament korrett tal-awtoritajiet kif ukoll komponenti tad-drittijiet fundamentali żviluppati bil-parteċipazzjoni tal-FRA.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7, għandha żżomm aġġornati l-kurrikuli tat-taħriġ inizjali u fejn meħtieġ tipprovdi taħriġ ta’ segwitu u aġġornament.
2. F’każijiet debitament ġustifikati, kull tim li jwettaq evalwazzjonijiet perjodiċi jista’ jinkludi espert trainee wieħed minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.
3. L-osservaturi għandu jkollhom taħriġ adegwat.
Artikolu 17
Grupp ta’ esperti mill-Istati Membri
1. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi, kull sena, grupp ta’ esperti li l-isfondi professjonali tagħhom ikopru l-oqsma ta’ politika, jew, fejn rilevanti, l-oqsma prijoritarji speċifiċi li jinsabu fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali.
2. B’mod parallel għall-istabbiliment tal-programm ta’ evalwazzjoni annwali f’konformità mal-Artikolu 13(1), meta jiġu mistiedna mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jaħtru espert kwalifikat wieħed jew aktar għal kull qasam ta’ politika għall-grupp ta’ esperti tas-sena ta’ wara. Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun disponibbli tal-inqas espert maħtur wieħed għal kull qasam ta’ politika matul sena kalendarja. L-Istat Membru jista’ jindika l-perijodu ta’ sitt xhur li fih espert maħtur ikun disponibbli u l-preferenzi għal evalwazzjoni partikolari. Il-Kummissjoni għandha tqis dawn il-preferenzi sa fejn ikun possibbli.
L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa jiddeżinjaw esperti fl-oqsma li fihom, għal raġunijiet oġġettivi, ma jiġux evalwati, jew, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jekk id-deżinjazzjoni tkun taffettwa b’mod sostanzjali t-twettiq ta’ kompiti nazzjonali. Jekk Stat Membru jinvoka tali sitwazzjoni, huwa għandu jipprovdi, bil-miktub, raġunijiet u informazzjoni dwar is-sitwazzjoni eċċezzjonali lill-Kummissjoni.
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-punt ta’ kuntatt nazzjonali maħtur għall-komunikazzjoni dwar l-istazzjonament ta’ esperti.
3. Skont l-evalwazzjonijiet inklużi fil-programm ta’ evalwazzjoni annwali, fl-istedina, il-Kummissjoni għandha tkompli tispeċifika r-rekwiżiti professjonali għall-esperti li għandhom jiġu ddeżinjati.
4. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw esperti fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievu l-istedina msemmija fil-paragrafu 2.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti ddeżinjati jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 u r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-istedina biex jiġi stabbilit il-grupp ta’ esperti.
6. L-esperti li jkunu rċevew it-taħriġ xieraq kif imsemmi fl-Artikolu 16 għandhom jiġu ddeżinjati, fejn possibbli, biex jagħmlu parti mill-grupp ta’ esperti stabbilit għas-sena ta’ wara dik li fiha jkunu rċevew il-kors ta’ taħriġ rilevanti.
7. Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 biex jiddeżinjaw osservaturi għall-grupp ta’ esperti.
8. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-esperti ddeżinjati u tikkonferma l-għażla tal-esperti biex jagħmlu parti mill-grupp ta’ esperti fi żmien ġimgħa mid-deżinjazzjoni tagħhom. Fi żmien xahar mill-istabbiliment tal-grupp ta’ esperti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-għażla ta’ esperti għall-evalwazzjonijiet ippjanati fis-sena li jmiss, b’kont meħud tad-disponibbiltà u l-preferenzi espressi għal evalwazzjoni partikolari.
9. F’każ li ħadd mill-esperti għall-oqsma ta’ politika ma jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat jaħtar espert ġdid għall-qasam ta’ politika kkonċernat.
10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti maħtura jkunu disponibbli għall-evalwazzjonijiet sakemm ma jkunux iffaċċjati b’sitwazzjoni eċċezzjonali bħal sitwazzjoni li taffettwa b’mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali jew sitwazzjoni personali. Jekk Stat Membru jinvoka tali sitwazzjoni eċċezzjonali, huwa għandu jipprovdi, bil-miktub, raġunijiet u informazzjoni dwar is-sitwazzjoni lill-Kummissjoni.
Jekk xi espert ma jibqax disponibbli biex jifforma parti mill-grupp ta’ esperti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar sostitut fi żmien raġonevoli.
11. Il-Kummissjoni għandha żżomm aġġornata l-lista ta’ esperti li jifformaw parti mill-grupp ta’ esperti u tinforma lill-Istati Membri dwar l-għadd ta’ esperti u l-profili tagħhom maħtura għal kull Stat Membru.
Artikolu 18
Stabbiliment tat-timijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-għadd ta’ esperti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni li jieħdu sehem f’tim abbażi tal-partikolaritajiet u l-ħtiġijiet tal-attività ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. L-għadd massimu ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni li jieħdu sehem f’tim għandu jkun tnejn. L-għadd minimu ta’ esperti mill-Istati Membri f’tim li jieħdu sehem fi żjara b’notifika minn qabel jew żjara għall-għarrieda għandu jkun tlieta. Il-Kummissjoni għandha tagħżel esperti minn grupp ta’ esperti biex isiru membri ta’ tim.
Meta jistabbilixxu t-timijiet għal żjarat ġodda u żjarat ta’ verifika fi Stat Membru partikolari, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li tal-inqas nofs l-esperti tal-Istati Membri fit-tim ikunu l-istess bħal dawk li ħadu sehem fl-evalwazzjoni.
2. Meta tagħżel l-esperti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-profili meħtieġa għal attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ partikolari filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku u bilanċ tal-esperjenza professjonali kif ukoll il-kapaċità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.
L-esperti tal-Istati Membri ma għandhomx jieħdu sehem f’tim li jwettaq attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ tal-Istat Membru li jkunu impjegati fih.
3. Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-esperti magħżula immedjatament wara li tiġi ffissata d-data tal-attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ u mhux aktar tard minn 10 ġimgħat qabel ma tkun skedata li tibda l-attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ. L-esperti mistiedna għandhom iwieġbu fi żmien ġimgħa minn meta jirċievu l-istedina, bi qbil mal-awtoritajiet li jkunu ħatruhom.
L-istedina msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tintbagħat permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura.
4. Fil-każ ta’ żjarat għall-għarrieda, il-Kummissjoni għandha tibgħat l-istediniet permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel ma tkun skedata li tibda ż-żjara. L-esperti mistiedna għandhom iwieġbu fi żmien 72 siegħa minn meta jirċievu l-istedina, bi qbil mal-awtoritajiet li jaħtruhom.
5. Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 biex jaħtru rappreżentant b’esperjenza rilevanti professjonali u fil-qasam biex jieħu sehem bħala osservatur f’attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ f’qasam kopert mill-mandat tagħhom. Għall-istedina u għat-tweġiba għandhom japplikaw l-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.
6. Jekk Stat Membru jkun jixtieq jaħtar espert trainee għall-finijiet tat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 16(2), dan għandu jikkomunikah lill-Kummissjoni minn tal-inqas sitt ġimgħat qabel ma tkun skedata li tibda l-evalwazzjoni.
7. L-osservaturi msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jappoġġaw lit-tim kif mitlub mill-esperti prinċipali, iżda ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess intern tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tat-tim.
L-esperti trainees msemmija fil-paragrafu 6 ma għandhomx jieħdu sehem b’mod attiv fl-attività ta’ evalwazzjoni.
8. Jekk il-Kummissjoni ma jirnexxilhiex tikseb konferma tal-parteċipazzjoni tal-għadd meħtieġ ta’ esperti mill-grupp ta’ esperti tal-inqas sitt ġimgħat qabel ma tkun skedata li tibda l-attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ, jew tal-inqas ġimgħa qabel żjara għall-għarrieda, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tistieden lill-Istati Membri kollha jiddeżinjaw esperti kwalifikati minn barra l-grupp ta’ esperti biex jimlew il-postijiet neqsin. L-Istati Membri għandhom iwieġbu fi żmien 72 siegħa minn meta jirċievu dik l-istedina.
9. Il-Kummissjoni għandha taħtar espert prinċipali mill-Kummissjoni u tipproponi l-espert prinċipali mill-Istati Membri. L-espert prinċipali mill-Istati Membri għandu jinħatar mill-membri tat-tim mill-aktar fis possibbli wara li jiġi stabbilit it-tim.
L-esperti prinċipali għandhom ikunu responsabbli b’mod partikolari għall-ippjanar ġenerali, l-attivitajiet preparatorji, l-organizzazzjoni tat-tim, it-twettiq tal-evalwazzjoni, il-koordinazzjoni tal-abbozzar tar-rapport ta’ evalwazzjoni, il-preżentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet, il-verifika tal-kwalità u s-segwitu, kif ukoll għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ rilevanti meta jkun xieraq.
Artikolu 19
Twettiq taż-żjarat
1. It-timijiet għandhom jagħmlu l-attivitajiet ta’ tħejjija kollha meħtieġa biex jiżguraw li ż-żjarat ikunu effiċjenti, akkurati u konsistenti.
2. Il-programm dettaljat għaż-żjarat fi Stat Membru jew fil-konsolati tiegħu għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti prinċipali u l-Istat Membru kkonċernat.
Il-programm dettaljat imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jinkludi żjarat u laqgħat ma’ awtoritajiet u korpi nazzjonali, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet, aġenziji u korpi oħra li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.
3. Għaż-żjarat b’notifika minn qabel, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta u tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-iskeda ta’ żmien u l-programm dettaljat tal-inqas sitt ġimgħat qabel ma tkun ser issir iż-żjara. Għandha tipprovdi minn qabel l-ismijiet tal-membri tat-tim u tal-osservaturi. L-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar punt ta’ kuntatt biex jagħmel l-arranġamenti prattiċi għaż-żjara.
4. Iż-żjarat għall-għarrieda għandhom isiru b’notifika minn qabel ta’ mill-inqas 24 siegħa lill-Istat Membru kkonċernat. Iż-żjarat għall-għarrieda fuq il-fruntieri interni għandhom isiru mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat. Iż-żjarat għall-għarrieda jistgħu jsiru mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat f’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha raġunijiet sostanzjati biex tqis li hemm ksur serju tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Jistgħu wkoll isiru żjarat ta’ verifika mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-programm dettaljat għaż-żjarat għall-għarrieda. Meta l-Istati Membri jkunu ġew notifikati bi żjara għal għarrieda, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat dwar l-iskeda ta’ żmien u l-programm iddettaljat.
Artikolu 20
Rapporti ta’ evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet
1. It-tim għandu jabbozza rapport ta’ evalwazzjoni wara kull evalwazzjoni.
Meta jħejju r-rapport ta’ evalwazzjoni, it-timijiet għandhom iqisu t-tweġibiet għall-kwestjonarju standard, kull informazzjoni addizzjonali miksuba f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11 u vverifikata matul l-attività ta’ evalwazzjoni, u s-sejbiet tal-attività ta’ evalwazzjoni. Ir-rapporti ta’evalwazzjoni jistgħu jinkludu materjal ta’ dokumentazzjoni u diġitali bħala sostenn għas-sejbiet. Meta evalwazzjoni ssir permezz ta’ żjara, it-tim għandu jabbozza r-rapport ta’ evalwazzjoni matul iż-żjara.
It-tim għandu jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-abbozzar tar-rapport ta’ evalwazzjoni u għall-iżgurar tal-integrità u l-kwalità tiegħu. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, it-tim għandu jagħmel ħiltu biex isib kompromess.
Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkun ikopri l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet, lill-Istat Membru evalwat, fi żmien erba’ ġimgħat minn meta tintemm l-attività ta’ evalwazzjoni. L-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċevih. Fuq talba tal-Istat Membru evalwat, għandha ssir laqgħa ta’ abbozzar, mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jaslu l-kummenti tal-Istat Membru evalwat. Il-kummenti tal-Istat Membru evalwat għandhom jiġu riflessi fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni meta jkun rilevanti.
2. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu janalizza l-aspetti kwalitattivi, kwantitattivi, operazzjonali, amministrattivi u organizzattivi u għandu jelenka n-nuqqasijiet, l-oqsma għat-titjib u l-aħjar prattiki identifikati matul l-evalwazzjoni.
3. Is-sejbiet jistgħu jiġu vvalutati bħala waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
prattika tajba; |
(b) |
jenħtieġ titjib; |
(c) |
mhux konformi. |
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta r-rapport ta’ evalwazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2). Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi adottat mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni.
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun fih rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-oqsma għat-titjib identifikati matul l-evalwazzjoni u jagħti indikazzjoni tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jistabbilixxi skadenzi raġonevoli stabbiliti f’kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Meta l-evalwazzjoni tidentifika nuqqas serju, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 22.
Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn 14-il jum wara li jkun ġie adottat ir-rapport.
5. Fejn, fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mil-laqgħa ta’ abbozzar, l-Istat Membru evalwat jikkontesta b’mod sostanzjali l-kontenut tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew in-natura ta’ xi sejba, ir-rapport li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni għandu jkun limitat għas-sejbiet u ma għandux ikun fih rakkomandazzjonijiet. F’każijiet bħal dawn, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni, proposta separata lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Il-proposta tista’ tistabbilixxi skadenzi raġonevoli stabbiliti f’kooperazzjoni mal-Istat Membru għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, u għandha tagħti indikazzjoni tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom.
Il-Kunsill għandu jadotta r-rakkomandazzjonijiet u jibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.
Artikolu 21
Segwitu u monitoraġġ
1. Fi żmien xahrejn mill-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni inkluż rakkomandazzjonijiet, skont l-Artikolu 20(4), jew mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, skont l-Artikolu 20 (5),, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha. L-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu mistiedna jikkummentaw dwar il-pjan ta’ azzjoni.
2. Wara li tikkonsulta lit-tim li jkun wettaq l-attività ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru evalwat rieżami tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tiegħu.
Jekk il-Kummissjoni ma tqisx li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut fi żmien xahar minn meta jirċievi r-rieżami. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll ir-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni lill-Kunsill.
3. L-Istat Membru evalwat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu kull sitt xhur mid-data tan-notifika tal-wasla tar-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni sakemm il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ azzjoni ikun implimentat b’mod sħiħ. Skont in-natura tan-nuqqasijiet u l-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istat Membru evalwat, tista’ titlob frekwenza ta’ rappurtar differenti mill-Istat Membru evalwat.
Jekk l-Istat Membru evalwat ma jirrappurtax regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li l-Istat Membru evalwat ma jkunx qed iwettaq l-obbligi tiegħu.
Il-Kummissjoni tista’ twettaq żjarat ta’ verifika biex timmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.
Fejn il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ azzjoni ikun implimentat b’mod sħiħ, hija għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.
KAPITOLU IV
NUQQAS SERJU U FOROM SPEĊIFIĊI TA’ EVALWAZZJONI
Artikolu 22
Dispożizzjonijiet speċifiċi f’każ ta’ nuqqas serju identifikat fir-rapport ta’ evalwazzjoni
1. Fi tmiem l-attività ta’ evalwazzjoni, l-esperti prinċipali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membru, f’isem it-tim, għandhom jinformaw bil-miktub lill-Istat Membru evalwat li ġie identifikat nuqqas serju. Il-Kunsill għandu wkoll jiġi informat mingħajr dewmien.
L-Istat Membru evalwat għandu jieħu azzjonijiet rimedjali immedjati inkluż, fejn meħtieġ, billi jimmobilizza l-mezzi operazzjonali u finanzjarji xierqa kollha. L-Istat Membru evalwat għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-azzjonijiet rimedjali immedjati meħuda jew ippjanati. B’mod parallel, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 dwar in-nuqqas serju bil-ħsieb li huma possibbilment jipprovdu appoġġ lill-Istat Membru evalwat.
2. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni abbozzat f’konformità mal-Artikolu 20(1), (2) u (3) għandu jinkludi bħala prijorità s-sejbiet li jkunu wasslu għad-determinazzjoni ta’ nuqqas serju. It-titlu u l-konklużjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni għandhom jindikaw b’mod ċar li hemm nuqqas serju jew li hemm nuqqasijiet serji. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet inkluż dwar azzjonijiet rimedjali immedjati. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Istat Membru evalwat fi żmien ġimagħtejn minn meta tintemm l-attività ta’ evalwazzjoni.
L-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol minn meta jirċevih. Fuq talba tal-Istat Membru evalwat, għandha ssir laqgħa ta’ abbozzar, mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jaslu l-kummenti tal-Istat Membru evalwat.
3. Abbażi ta’ raġunijiet ta’ urġenza imperattivi ġustifikati kif dovut li jirrigwardaw nuqqas serju, il-Kummissjoni għandha tadotta rapport ta’ evalwazzjoni mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(3). Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew.
4. Fid-dawl tas-sejbiet, it-tim għandu jabbozza rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali bl-għan li jindirizzaw in-nuqqas serju identifikat fir-rapport ta’ evalwazzjoni.
Fi żmien sitt ġimgħat mill-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill ir-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien ma’ proposta għal rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali mmirati biex jindirizzaw in-nuqqasijiet serji identifikati matul l-evalwazzjoni u indikazzjoni tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom.
Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta.
Il-Kunsill għandu jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.
Il-Kunsill għandu jistabbilixxi limiti taż-żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati ma’ nuqqas serju u jispeċifika l-frekwenza tar-rappurtar mill-Istat Membru evalwat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu.
5. Jekk żjara tidentifika nuqqas serju li huwa meqjus li jikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, jew identifikat abbażi ta’ riskju ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.
Il-Kunsill għandu jiddiskuti l-kwistjoni b’mod urġenti, u għandu jagħmel ħiltu biex jadotta, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, rakkomandazzjonijiet li jistipulaw miżuri xierqa biex jirrimedjaw jew jillimitaw l-impatt tan-nuqqas serju fuq l-ordni pubbliku jew fuq is-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, jew il-ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali, fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi l-proposta. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti r-rakkomandazzjonijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/399 u l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
Il-Kunsill għandu jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew.
6. L-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta l-pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. L-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu mistiedna jikkummentaw dwar il-pjan ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan ta’ azzjoni lill-Parlament Ewropew.
Wara konsultazzjoni mat-tim li jkun wettaq l-attività ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru evalwat b’rieżami tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni fi żmien ġimagħtejn mill-preżentazzjoni tiegħu. Jekk il-Kummissjoni ma tqisx li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi r-rieżami.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni lill-Kunsill u tibagħtu lill-Parlament Ewropew.
L-Istat Membru evalwat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu sakemm il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pjan ta’ azzjoni jkun implimentat b’mod sħiħ.
7. Biex tivverifika l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati man-nuqqas serju, il-Kummissjoni għandha torganizza żjara ġdida li għandha ssir mhux aktar tard minn sena mid-data tal-attività ta’ evalwazzjoni.
It-tim għandu jabbozza rapport taż-żjara l-ġdida f’konformità mal-Artikolu 20(1) li jivvaluta l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u jikkonkludi jekk in-nuqqas serju jkunx ġie indirizzat.
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, rapport taż-żjara l-ġdida. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport taż-żjara l-ġdida lill-Kunsill.
8. Il-Kunsill jista’ jesprimi l-pożizzjoni tiegħu u, fejn xieraq, jista’ jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali mmirati biex jindirizzaw in-nuqqas serju persistenti identifikat fir-rapport taż-żjara l-ġdida. F’dan il-każ, għandhom japplikaw il-paragrafi 6 u 7.
9. Meta l-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq, hija għandha torganizza żjara ta’ verifika u tinforma lill-Kunsill dwar l-eżitu taż-żjara ta’ verifika. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq.
Il-Kunsill għandu jadotta, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni u b’kont meħud tal-eżitu taż-żjara ta’ verifika, deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tapprova l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.
Artikolu 23
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjonijiet tal-ewwel darba
1. Fid-dawl tas-sejbiet, ir-rapport ta’ evalwazzjoni li jsegwi evalwazzjoni tal-ewwel darba abbozzata f’konformità mal-Artikolu 20(1) sa (4) għandu jkun akkumpanjat minn abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni.
2. Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet. Huwa jista’ jistabbilixxi limiti ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi.
Il-Kunsill għandu jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.
3. L-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha.
Wara li tikkonsulta lit-tim li jkun wettaq l-attività ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru evalwat rieżami tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tiegħu.
Jekk il-Kummissjoni ma tqisx li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut.
L-Istat Membru evalwat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu kull sitt xhur mid-data tan-notifika tal-wasla tar-rieżami.
4. Fejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni jkun jikkonkludi li l-Istat Membru evalwat ma jissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa biex japplika l-acquis ta’ Schengen, il-Kummissjoni għandha torganizza żjara ġdida waħda jew aktar.
It-tim għandu jabbozza rapport taż-żjara l-ġdida f’konformità mal-Artikolu 20(1) sa (4) li jivvaluta l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ir-rapport taż-żjara l-ġdida. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport taż-żjara l-ġdida u proposta għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, jekk ikun xieraq, lill-Kunsill għall-adozzjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.
5. Meta tqis li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq, il-Kummissjoni għandha torganizza żjara ta’ verifika qabel l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-eżitu taż-żjara ta’ verifika. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq.
Il-Kunsill għandu, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni u b’kont meħud tal-eżitu taż-żjara ta’ verifika, jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tapprova l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.
6. L-Istati Membri li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ Schengen għandhom japplikaw b’mod sħiħ, għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-Artikolu 1(2), il-punt (a) sa mhux aktar tard minn sena wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen f’dak l-Istat Membru. Il-programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jiġi aġġornat għal dan il-għan.
Artikolu 24
Dispożizzjoni speċifika għall-evalwazzjonijiet tematiċi
L-Artikolu 23(1), (2) u (3) għandu japplika għall-evalwazzjonijiet tematiċi.
Jekk l-evalwazzjoni tematika tidentifika nuqqas serju, għandu japplika l-Artikolu 22.
KAPITOLU V
GOVERNANZA TA’ SCHENGEN U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 25
Rappurtar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull sena rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li għandu jsir pubbliku, dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa skont dan ir-Regolament matul is-sena preċedenti. Dak ir-rapport għandu jsir pubbliku.
Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi informazzjoni dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa matul is-sena preċedenti, dwar il-funzjonament tal-grupp tal-esperti, inkluż id-disponibbiltà tal-esperti tal-Istat Membru, dar il-konklużjonijiet li jkunu nsiltu minn dawk l-evalwazzjonijiet u dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet rimedjali meħuda mill-Istati Membri. Dak ir-rapport għandu, abbażi tar-riżultati tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ imwettqa skont dan ir-Regolament, jidentifika kwistjonijiet komuni, l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet innovattivi sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Ir-rapport għandu jqis is-sinerġiji ma’ għodod u mekkaniżmi oħra ta’ monitoraġġ sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.
Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-parlamenti nazzjonali mingħajr dewmien. Il-Kunsill għandu jiddiskuti r-rapport, filwaqt li jqis il-kontribut tal-evalwazzjonijiet għall-funzjonament taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-inqas darbtejn f’sena dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni mfassla mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprovdi informazzjoni dwar ir-rieżamijiet tagħha tal-adegwatezza tal-pjanijiet ta’ azzjoni u dwar l-eżitu taż-żjarat ġodda u taż-żjarat ta’ verifika, kif ukoll l-osservazzjonijiet tagħha fejn tqis li kien hemm nuqqas konsiderevoli ta’ progress fl-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni.
Artikolu 26
Gwida għall-Evalwazzjoni ta’ Schengen
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi u, jekk meħtieġ, taġġorna linji gwida dwar, b’mod partikolari:
(a) |
ir-responsabbiltajiet marbuta mat-taħriġ tal-esperti, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-osservaturi; |
(b) |
l-attivitajiet ta’ tħejjija għall-evalwazzjonijiet; |
(c) |
it-twettiq taż-żjarat, inkluż taż-żjarat għall-għarrieda; |
(d) |
it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, inkluż permezz ta’ kwestjonarju, jew f’każijiet eċċezzjonali, b’metodi mill-bogħod oħra; |
(e) |
il-proċess tal-abbozzar u l-inklużjoni ta’ materjal dokumentarju u diġitali fir-rapporti ta’ evalwazzjoni; |
(f) |
il-proċedura ta’ segwitu, b’mod partikolari fir-rigward taż-żjarat ġodda u ż-żjarat ta’ verifika; |
(g) |
sinerġiji ma’ attivitajiet oħra ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ; |
(h) |
kwistjonijiet loġistiċi u finanzjarji relatati mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ; |
(i) |
il-verifika tal-attivitajiet tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sa fejn dawn iwettqu funzjonijiet f’isem l-Istati Membri biex jassistu fl-applikazzjoni operazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen. |
Artikolu 27
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Kunsill fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha fir-rigward tal-evalwazzjonijiet koperti mill-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali adottat f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dak ir-rieżami għandu jkopri l-elementi kollha ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-funzjonament tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti taħt il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew mingħajr dewmien.
Artikolu 28
Informazzjoni sensittiva
1. Il-membri tat-tim, l-osservaturi u l-esperti trainees għandhom iqisu kwalunkwe informazzjoni li jiksbu matul il-qadi ta’ dmirijiethom bħala kunfidenzjali.
2. L-istatus tal-klassifikazzjoni tar-rapporti għandu jkun ‘sensittiv mhux klassifikat’ f’konformità mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Ir-rapporti għandhom jiġu kklassifikati bħala " RESTREINT UE/EU RESTRICTED " skont it-tifsira tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444, fejn tali klassifikazzjoni tkun meħtieġa skont l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni jew wara talba ġustifikata mill-Istat Membru evalwat.
Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat, għandha tiddeċiedi liema parti tar-rapport ta’ evalwazzjoni tista’ ssir pubblika.
3. It-trażmissjoni u t-trattament ta’ informazzjoni u dokumenti klassifikati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom iseħħu f’konformità mar-regoli tas-sigurtà applikabbli. Tali regoli ma għandhomx jipprekludu informazzjoni milli tkun disponibbli għall-Parlament Ewropew u għall-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7.
Artikolu 29
Kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Irlanda
1. L-esperti tal-Irlanda għandhom jieħdu sehem biss fl-evalwazzjoni tal-parti tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ġiet awtorizzata tieħu sehem fiha.
2. L-evalwazzjonijiet għandhom ikopru biss l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti mill-Irlanda tal-parti tal-acquis ta’ Schengen li ġiet awtorizzata tieħu sehem fiha.
3. L-Irlanda għandha tieħu sehem biss fl-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw il-parti tal-acquis ta’ Schengen li ġiet awtorizzata tieħu sehem fiha.
Artikolu 30
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 31
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. L-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali u l-ewwel programm ta’ evalwazzjoni annwali skont dan ir-Regolament għandu jiġi stabbilit sal-1 ta’ Diċembru 2022 u għandu jibda fl-1 ta’ Frar 2023.
L-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali skont dan ir-Regolament għandu jqis l-evalwazzjonijiet kollha mwettqa taħt it-tieni programm ta’ evalwazzjoni pluriennali adottat taħt ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 u għandu jitfassal bħala kontinwazzjoni ta’ dak il-programm.
2. Il-kwestjonarju standard adottat taħt ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 għandu jintuża sakemm jiġi stabbilit il-kwestjonarju standard previst taħt l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.
3. Għal evalwazzjonijiet imwettqa qabel l-1 ta’ Frar 2023, l-adozzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għandha titwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1053/2013. L-attivitajiet ta’ segwitu u monitoraġġ ta’ tali evalwazzjonijiet, li jibdew bis-sottomissjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 32
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 huwa mħassar mill-1 ta’ Ottubru 2022 bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u tar-rakkomandazzjonijiet, li għandhom japplikaw sakemm jiġu adottati r-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-Regolament.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 33
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
É. DUPOND-MORETTI
(1) Opinjoni tas-7 ta’ April 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbiliet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(9) Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(10) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(11) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(12) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325 11.12.2009, p. 35).
(13) ĠU C 337, 23.8.2021, p. 2.
(14) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(15) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(16) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(17) Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(18) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(19) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(20) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(21) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(22) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).
ANNESS
Tabella ta’ korrelazzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1) u (2) |
Artikolu 1(1) u (2) |
Artikolu 1(3) |
Artikolu 15(2) |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
- |
Artikolu 4 |
- |
Artikolu 5 |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 1(3) |
Artikolu 4(2) u (3) |
Artikolu 6 |
Artikolu 8 |
Artikolu 7 |
Artikolu 7 |
Artikolu 8 |
- |
Artikolu 9 |
- |
Artikolu 10 |
- |
Artikolu 11 |
Artikolu 5 |
Artikolu 12 |
Artikolu 6 |
Artikolu 13 |
Artikolu 9 |
Artikolu 14 |
Artikolu 12 |
Artikolu 15(1) |
Artikolu 12 |
Artikolu 16 |
- |
Artikolu 17 |
Artikolu 10 u 11 |
Artikoli 18 |
Artikolu 13 |
Artikolu 19 |
Artikoli 14 u 15 |
Artikolu 20 |
Artikolu 16 |
Artikolu 21 |
- |
Artikolu 22 |
- |
Artikolu 23 |
- |
Artikolu 24 |
Artikolu 20 |
Artikolu 25 |
- |
Artikolu 26 |
Artikolu 22 |
Artikolu 27 |
Artikolu 19 |
- |
Artikolu 17 |
Artikolu 28 |
Artikolu 18 |
Artikolu 29 |
Artikolu 21 |
Artikolu 30 |
Artikolu 23 |
Artikolu 31 |
Artikolu 23 |
Artikolu 32 |
Artikolu 24 |
Artikolu 33 |