Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32013R0473
Regulation (EU) No 473/2013 of the European Parliament and of the Council of 21 May 2013 on common provisions for monitoring and assessing draft budgetary plans and ensuring the correction of excessive deficit of the Member States in the euro area
Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro
Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro
ĠU L 140, 27.5.2013, pp. 11–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
Fis-seħħ
|
27.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/11 |
REGOLAMENT (UE) Nru 473/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta' Mejju 2013
dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jesiġi li l-Istati Membri jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta’ interess komuni, li l-politiki baġitarji tagħhom ikunu ggwidati mill-ħtieġa għal finanzi pubbliċi sodi u li l-politiki ekonomiċi tagħhom ma jirriskjawx li jpoġġu fil-periklu t-tħaddim xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja. |
|
(2) |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandu l-għan li jiżgura d-dixxiplina baġitarja madwar l-Unjoni u jfassal il-qafas għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Dan huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu bbażat fuq stabbiltà finanzjarja, u b’hekk tiġi appoġġata l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi s-sistema ta' sorveljanza multilaterali stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (3) kif ukoll il-proċedura għall-prevenzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern stabbilita fl-Artikolu 126 TFUE u speċifikata ulterjorment fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (4). Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir issaħħaħ ulterjorment permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 (6). Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (7) żied sistema ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar effettiva, preventiva u gradwali fil-forma ta’ impożizzjoni ta' sanzjonijiet kontra l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. |
|
(3) |
It-tisħiħ tal-emendi għall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tejjeb il-gwida pprovduta lill-Istati Membri f’termini ta’ tfassil ta’ politika fiskali prudenti, u, għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, irrinforza u għamel aktar awtomatiku l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità mat-tfassil tal-politika fiskali prudenti, sabiex jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet ħolqu qafas aktar komprensiv. |
|
(4) |
Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, is-Semestru Ewropew, kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, jipprovdi qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Is-Semestru Ewropew jinkludi l-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida ġenerali tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika) f'konformità mal-Artikolu 121(2) TFUE; il-formulazzjoni, u l-eżami tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida dwar l-impjiegi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 148(2) TFUE (linji gwida dwar l-impjiegi); il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza tal-Istati Membri skont dak ir-Regolament; il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri li jappoġġaw l-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi u li ġew stabbiliti b’konformità mal-linji gwida ġenerali, mal-linji gwida dwar l-impjiegi u mal-linji gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni (l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir) u mill-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza; u s-sorveljenza biex jiġu preklużi u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (8). Fejn opportun, opinjonijiet maħruġa fil-kuntest ta’ programm ta’ sħubija ekonomika, kif stabbilit b’dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu wkoll. |
|
(5) |
Biex jgħin lill-Unjoni toħroġ aktar b’saħħitha, kemm internament kif ukoll fil-livell internazzjonali, billi tingħata spinta qawwija lill-kompetittività, it-tkabbir potenzjali, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza ekonomika, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, adotta strateġija ġdida tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi li fiha wkoll objettivi fl-oqsma tal-faqar, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-ambjent. |
|
(6) |
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja, it-TFUE jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi fiż-żona tal-euro li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kollha biex jissaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom. Din il-koordinazzjoni u din is-sorveljanza msaħħa għandhom ikunu akkompanjati minn involviment fl-istess miżura tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, kif ikun xieraq. Fejn xieraq u meħtieġ għandu jsir użu attiv tal-miżuri speċifiċi li huma previsti fl-Artikolu 136 TFUE. |
|
(7) |
L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tosserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE, u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prattika u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. Dan ir-Regolament jikkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod korrispondenti ma jaffettwax id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi u li jieħu azzjoni kollettiva skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali. |
|
(8) |
L-Artikolu 9 TFUE jipprovdi li, meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti konnessi mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija tal-protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-eskluzjoni soċjali, u livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. |
|
(9) |
Sorveljanza u koordinazzjoni msaħħa gradwalment, kif stipulat f’dan ir-Regolament, se jikkompletaw ulterjorment is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, se jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u jsaħħu s-sorveljanza tal-politiki baġitarji u ekonomiċi fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Proċedura ta’ monitoraġġ imsaħħa gradwalment għandha tikkontribwixxi għal eżiti baġitarji u ekonomiċi aħjar, solidità makrofinanzjarja u konverġenza ekonomika, għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro. Bħala parti minn proċedura msaħħa gradwalment, monitoraġġ aktar mill-qrib huwa partikolarment ta’ valur għall-Istati Membri li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv. |
|
(10) |
Previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji preġudikati u mhux realistiċi jistgħu jfixklu konsiderevolment l-effikaċja tal-ippjanar baġitarju u konsegwentement ixekklu l-impenn favur id-dixxiplina baġitarja. Previżjonijiet makroekonomiċi mhux preġudikati u realistiċi jistgħu jingħataw minn korpi indipendenti jew korpi li jgawdu awtonomija funzjonali fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji ta' Stat Membru u li jistrieħu fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali. Tali previżjonijiet għandhom jintużaw tul il-proċedura baġitarja kollha. |
|
(11) |
Finanzi pubbliċi f'saħħithom jiġu żgurati l-aħjar fl-istadju tal-ippjanar u l-iżbalji grassi għandhom jiġu identifikati kmieni kemm jista’ jkun. L-Istati Membri għandhom jibbenefikaw mhux biss minn l-iffissar ta’ prinċipji ta’ gwida u miri baġitarji imma wkoll minn monitoraġġ sinkronizzat tal-politiki baġitarji tagħhom. |
|
(12) |
L-istipular ta’ skeda ta’ żmien baġitarja komuni għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandu jissinkronizza aħjar il-passi ewlenin fit-tħejjija tal-baġits nazzjonali, u b'hekk jikkontribwixxi favur l-effikaċja tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan għandu jwassal għal sinerġiji aktar b’saħħithom billi tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-politika fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u billi jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jiġu integrati kif xieraq fil-proċedura baġitarja tal-Istati Membri. Dik il-proċedura għandha tkun konsistenti mal-qafas għall-koordinazzjoni ekonomika u politika fil-kuntest taċ-ċiklu annwali tas-sorveljanza, li jinkludi, b'mod partikolari, il-gwida ġenerali għall-istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu. Il-politiki baġitarji tal-Istati Membri għandhom ikunu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u, fejn opportun, ma’ rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanja, inkluża l-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u ma' opinjonijiet dwar il-programmi ta’ sħubija ekonomika, kif stabbiliti b'dan ir-Regolament. |
|
(13) |
Bħala l-ewwel pass ta’ dik l-iskeda ta’ żmien baġitarja komuni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubbliku l-pjan fiskali nazzjonali ta’ terminu ta’ żmien medju fl-istess ħin mal-programmi ta’ stabbiltà tagħhom preferibbilment sal-15 ta' April u mhux aktar tard mit-30 ta’ April. Dawk il-pjani fiskali għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar kif ir-riformi u l-miżuri stipulati huma mistennija jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri u l-impenji nazzjonali stabbiliti fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Il-pjan fiskali nazzjonali ta’ terminu medju u l-programm ta’ stabbiltà jistgħu jkunu l-istess dokument. |
|
(14) |
Stadju importanti ta' dik l-iskeda ta’ żmien baġitarja komuni għandu jkun il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' baġit tal-gvern ċentrali sal-15 ta' Ottubru. Peress li l-konformità mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandha tiġi żgurata fil-livell tal-amministrazzjoni pubblika u l-kisba tal-objettivi baġitarji teħtieġ ibbaġitjar konsistenti fost is-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika, il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' baġit tal-gvern ċentrali għandha tkun akkumpanjata bil-pubblikazzjoni tal-parametri prinċipali tal-abbozz ta' baġits tas-sottosetturi l-oħra kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Tali parametri għandhom jinkludu, b'mod partikolari, r-riżultati tal-baġit proġettati tas-sottosetturi l-oħra, is-suppożizzjonijiet prinċipali sottostanti ta' dawn il-projezzjonijiet u r-raġunijiet għat-tibdiliet mistennija fir-rigward tas-suppożizzjonijiet għall-programm ta' sStabbiltà. |
|
(15) |
L-iskeda ta’ żmien baġitarja komuni tipprevedi wkoll li l-baġit għandu jiġi adottat jew stipulat annwalment sal-31 ta’ Diċembru flimkien mal-paramentri baġitarji prinċipali aġġornati għas-sottosetturi l-oħra tal-amministrazzjoni pubblika. Fejn, għal raġunijiet oġġettivi barra mill-kontroll tal-gvern, il-baġit ma jiġix adottat sal-31 ta’ Diċembru, għandu jkun hemm fis-seħħ proċeduri ta’ baġit reviżjonarji biex jiġi żgurat li l-gvern ikun għadu kapaċi jwettaq id-dmirijiet essenzjali tiegħu. Tali arranġamenti jistgħu jinkludu pereżempju l-implimentazzjoni tal-abbozz ta' baġit tal-gvern, tal-baġit approvat tas-sena ta' qabel, jew ta' miżuri speċifiċi approvati mill-parlament. |
|
(16) |
Bil-għan li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-ippjanar tal-ħruġ tad-dejn nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw ex ante dwar il-pjani tal-ħruġ tad-dejn pubbliku tagħhom lill-Grupp tal-euro u lill-Kummissjoni. |
|
(17) |
Ir-rispett ta’ oqfsa fiskali effettivi bbażati fuq regoli jistgħu jkunu importanti fl-appoġġ ta' politiki fiskali tajba u sostenibbli. Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (9) stabbiliet li l-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli fiskali numeriċi speċifiċi skont il-pajjiż għandu jkun appoġġat fil-livell nazzjonali minn korpi indipendenti jew korpi li jgawdu awtonomija funzjonali. Huwa importanti li jiġi nnutat li minħabba d-diversità ta’ arranġamenti potenziali u eżistenti, filwaqt li ma tkunx l-alternattiva preferita, għandu jkun permess li wieħed ikollu iktar minn korp indipendenti wieħed li jieħu ħsieb il-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk ir-regoli, sakemm ikun hemm allokazzjoni ċara tar-responsabilità u sakemm ma jkunx hemm irduppjar ta’ kompetenzi dwar aspetti speċifiċi tal-monitoraġġ. Frammentazzjoni istituzzjonali eċċessiva tal-kompiti ta’ monitoraġġ għandha tiġi evitata. Sabiex il-korpi ta’ monitoraġġ jissodisfaw il-mandat tagħhom b’mod effikaċi, id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali għandhom ikunu fil-bażi ta’ tali korpi. Fit-tfassil ta’ dawk il-korpi ta’ monitoraġġ għandhom jiġu kkunsidrati s-sitwazzjoni istituzzjonali eżistenti u l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat. Partikolament, għandu jkun possibbli li korp adegwat ta’ istituzzjoni eżistenti jingħata awtonomija funzjonali, sakemm tali korp ikun maħtur biex iwettaq il-kompiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, ikollu reġim statutorju distint u jkun konformi mal-prinċipji l-oħrajn imsemmijin f'din il-premessa. |
|
(18) |
Dan ir-Regolament ma jinponix fuq l-Istati Membri rekwiżiti jew obbligi addizzjonali fir-rigward ta’ regoli fiskali numeriċi speċifiċi skont il-pajjiż li jeżistu fil-liġi tal-Unjoni. Regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż li jkunu b’saħħithom u konsistenti mal-objettivi baġitarji fil-livell tal-Unjoni u sorveljati minn korpi indipendenti jikkostitwixxu pilastru importanti tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja msaħħa tal-Unjoni. Ir-regoli li dawk il-korpi għandhom jirrispettaw, u l-kompiti speċifiċi tagħhom, huma stabbiliti f'dan ir-Regolament. |
|
(19) |
L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma partikolarment suġġetti għal effetti sekondarji mill-politika baġitarja ta' xulxin. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lil xulxin qabel ma jadottaw kwalunkwe pjan maġġuri ta’ riforma fil-politika fiskali b'effetti sekondarji potenzjali, sabiex jippermettu l-possibilità ta’ valutazzjoni tal-impatt possibbli fuq iż-żona tal-euro b’mod ġenerali. Huma għandhom iqisu wkoll l-pjani baġitarji tagħhom bħala ta’ interess komuni u jippreżentawhom lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ monitoraġġ qabel il-pjani isiru vinkolanti. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tipproponi linji gwida fil-forma ta’ qafas armonizzat għall-ispeċifikazzjoni tal-kontenut tal-abbozz tal-pjani baġitarji. |
|
(20) |
Fil-każijiet eċċezzjonali fejn, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tidentifika fl-abbozz ta’ pjan baġitarju nuqqas ta’ konformità serju mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni, fl-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju, għandha titlob abbozz ta’ pjan baġitarju rivedut, skont dan ir-Regolament. Dan se jkun il-każ b’mod partikolari fejn l-implimentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju tpoġġi l-istabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat f’riskju jew tirriskja li tpoġġi f’periklu l-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, jew fejn l-implimentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju tinvolvi ksur sinifikanti u ovvju tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(21) |
L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju għandha tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Novembru, filwaqt li jiġu kkunsidrati, sa fejn dan ikun possibbli, l-iskeda fiskali nazzjonali u l-proċeduri parlamentari, sabiex jiġi żgurat li l-gwida fil-linji politiċi tal-Unjoni fil-qasam baġitarju tkun tista' tiġi integrata adegwatament fil-preparazzjonijiet baġitarji nazzjonali. Partikolarment, l-opinjoni għandha tinkludi valutazzjoni dwar jekk il-pjani baġitarji jindirizzawx adegwatament ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fil-qasam baġitarju. Fuq talba tal-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tkun lesta li tippreżenta l-opinjoni tagħha lill-Parlament li jagħmel it-talba, wara li tkun ġiet magħmula pubblika. L-Istati Membri huma mistiedna jqisu, fil-proċess tal-adozzjoni tal-liġi tal-baġit tagħhom, l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tagħhom. |
|
(22) |
Il-punt sa fejn din l-opinjoni tkun tqieset fil-liġi tal-baġit ta' Stat Membru għandu jkun parti mill-valutazzjoni, jekk u meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet, u dan iwassal għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat. F'każ tali, in-nuqqas ta’ segwitu tal-gwida bikrija mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala fattur aggravanti. |
|
(23) |
Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva tal-abbozzi tal-pjani baġitarji min-naħa tal-Kummissjoni, il-Grupp tal-euro għandu jiddiskuti s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro b’mod ġenerali. |
|
(24) |
L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li huma soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib, biex tiġi żgurata korrezzjoni sħiħa, sostenibbli u fil-ħin tad-defiċit eċċessiv. Monitoraġġ aktar mill-qrib permezz ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali, għandu jiżgura l-prevenzjoni u l-korrezzjoni bikrija ta’ kwalunkwe devjazzjoni mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv. Tali monitoraġġ għandu jikkomplimenta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1467/97. Dawk ir-rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali għandhom ikunu proporzjonati għall-istadju tal-proċedura li għalih ikun soġġett l-Istat Membru, kif previst fl-Artikolu 126 TFUE. Bħala l-ewwel pass, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu valutazzjoni komprensiva ta’ eżekuzzjoni baġitarja tas-sena għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riskji finanzjarji b'mod partikolari assoċjati mal-obbligazzjonijiet kontinġenti b'impatti potenzjalment kbar fuq baġits pubbliċi. |
|
(25) |
Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom jippermettu skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni, u bħala konsegwenza, l-identifikazzjoni ta’ riskji fil-konformità ta’ Stat Membru mad-data ta’ skadenza li ġiet stabbilita mill-Kunsill biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu. Fil-każ li jiġu identifikati tali riskji, il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat li tistipula l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu f' qafas ta’ żmien partikolari. Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rakkomandazzjoni tagħha lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat. Il-konformità mar-rakkomandazzjoni għandha twassal għal korrezzjoni immedjata ta’ kwalunkwe żvilupp li jpoġġi fir-riskju l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-qafas tal-iskadenza stabbilita. |
|
(26) |
Il-valutazzjoni tal-konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għandha tkun parti mill-valutazzjoni kontinwa mill-Kummissjoni tal-azzjoni effettiva biex tikkoreġi defiċit eċċessiv. Meta jiddeċiedi jekk ittiħditx azzjoni effettiva biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu wkoll jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq jekk l-Istat Membru kkonformax mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li jikkunsidra b’mod dovut l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. |
|
(27) |
Fil-fatt, ir-Regolament Stabbiltà(KE) Nru 1467/97, li tistipula fid-dettall il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv abbażi tal-Artikolu 126 TFUE, jistabbilixxi fil-fond elementi ta’ flessibilità li jippermettu l-kunsiderazzjoni ta’ avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija. L-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament jipprevedu li jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva f’konformità ma’, rispettivament, rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew deċiżjoni li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, u jseħħu avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b’konsegwenzi maġġuri żvantaġġjużi għall-finanzi tal-gvern wara l-adozzjoni ta’ dik ir-rakkomandazzjoni jew deċiżjoni li jingħata avviż, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew id-deċiżjoni riveduta li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE. Ir-rakkomandazzjoni riveduta jew id-deċiżjoni riveduta li jingħata avviż, li tqis il-fatturi rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 tista’, b’mod partikolari, testendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena bħala regola. Il-Kunsill għandu jivvaluta l-eżistenza ta’ avvenimenti ekonomiċi negattivi imprevisti b’konsegwenzi maġġuri żvantaġġjużi għall-finanzi tal-gvern, kontra t-tbassir ekonomiku fir-rakkomandazzjoni jew id-deċiżjoni li jingħata avviż inizjali tiegħu. Fil-każ ta' tnaqqis gravi fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni b’mod ġenerali, il-Kunsill jista' wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew id-deċiżjoni riveduta li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, kemm-il darba dak ma jipperikolax is-sostenibilità fiskali għall-perjodu medju. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 jipprevedi li, fl-implimentazzjoni tal-benchmark għall-aġġustament tal-proporzjon tad-dejn, għandha tiġi kkunsidrata l-influwenza taċ-ċiklu fuq il-pass ta’ tnaqqis tad-dejn. Għalhekk, Stat Membru ma jitqiesx li jkun kiser il-kriterju dwar id-dejn stipulat fl-Artikolu 126(2)(b) TFUE jekk dak ikun biss minħabba kundizzjonijiet ċikliċi negattivi. |
|
(28) |
Barra minn hekk, peress li l-miżuri tal-baġit jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw korrezzjoni dejjiema tad-defiċit ekonomiku, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li huma soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom jippreżentaw programm ta’ sħubija ekonomika u jagħtu dettalji dwar il-miżuri tal-politika u r-riformi strutturali meħtieġa biex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u dejjiema, billi jibnu fuq l-aktar aġġornament reċenti tal-programm ta’ riforma nazzjonali tagħhom u l-programm ta’ sStabbiltà tagħhom. |
|
(29) |
Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-governanza ekonomika involva djalogu aktar mill-qrib mal-Parlament Ewropew. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontropartijiet tal-Parlament Ewropew fil-qafas tad-djalogu huma l-istituzzjonijiet relevanti tal-Unjoni u r-rappreżentanti tagħhom, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità li jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet lil Stat Membru li jkun is-suġġett ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ opinjoni tal-Kunsill f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru f’tali skambju ta' fehmiet hija volontarja. |
|
(30) |
Sabiex jiġi speċifikat sa fejn għandhom jaslu l-obbligi ta’ rappurtar għall-Istati Membri fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv, is-setgħa sabiex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut u l-ambitu ta’ dan ir-rappurtar. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
|
(31) |
Is-setgħa biex jiġu adottati l-opinjonijiet dwar il-programmi ta’ sħubija ekonomika prevista f'dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Dawk l-opinjonijiet huma kumplimentari għall-proċedura ta' defiċit eċċessiv stabbilita skont l-Artikolu 126 TFUE skont liema l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv u dwar il-miżuri meħtieġa biex dan jitwaqqaf. |
|
(32) |
Filwaqt li fakkru fl-importanza ta’ finanzi pubbliċi sodi, fir-riforma strutturali u investiment immirat għal tkabbir sostenibbli, il-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-Istat Membri iffirmaw il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi fid-29 ta’ Ġunju 2012, biex jagħtu prova tad-determinazzjoni tagħhom li jistimulaw it-tkabbir li joħloq l-impjiegi parallelament mal-impenn tagħhom favur finanzi pubbliċi sodi. Il-Patt jinkludi, b'mod partikolari miżuri biex tingħata spinta lill-finanzjament tal-ekonomija. Qegħdin jiġu mobilizzati EUR 120 000 miljun (ekwivalenti għal madwar 1 % tad-Dħul Gross Nazzjonali tal-Unjoni) għal miżuri ta' tkabbir li jaġixxu malajr. Kif ġie rakkomandat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fl-2012 u l-2013, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex iżommu pass adegwat ta’ konsolidament fiskali filwaqt li jippreservaw investiment immirat lejn il-kisba tal-għanijiet ta’ Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi. |
|
(33) |
Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-impatt tal-limitazzjonijiet stretti tal-baġit fuq l-infiq pubbliku li jsaħħaħ it-tkabbir u fuq l-investiment pubbliku. Il-qafas fiskali tal-Unjoni joffri ambitu biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali: filwaqt li jiġi rispettat bis-sħiħ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-possibilitajiet offruti mill-qafas fiskali eżistenti tal-Unjoni biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali jkunu jistgħu jiġu sfruttati fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrapporta dwar l-ambitu għal azzjoni potenzjali fi ħdan il-parametri tal-qafas fiskali eżistenti tal-Unjoni. |
|
(34) |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 bl-isem “Pjan ta’ Azzjoni għal-UEM Profonda u Ġenwina” jiddelinjaw, rispettivament, il-fehmiet tal-Parlament Ewropewu tal-Kummissjoni dwar il-passi meħtieġa biex tintlaħaq unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda u integrata aħjar. Wara r-Rapport “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina”, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu f’Diċembru 2012, stipula l-fehmiet tiegħu dwar numru ta’ kwistjonijiet bil-ħsieb li jkompli jsaħħaħ l-UEM, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ imsaħħaħ tal-politika baġitarji fiż-żona tal-euro u għall-iżgurar li l-baġits nazzjonali jkunu konsistenti mal-gwida dwar il-politika ekonomika maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tas-sorveljanza tal-politika ekonomika, billi:
|
(a) |
jikkomplimenta s-Semestru Ewropew, kif stabbilit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, bi skeda ta’ żmien baġitarja komuni; |
|
(b) |
jikkomplimenta l-proċedura għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, kif ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011; |
|
(c) |
jikkomplimenta s-sistema ta' sorveljanza multilaterali tal-politiki baġitarji, kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1466/97, b'rekwiżiti ta’ monitoraġġ addizzjonali sabiex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-Unjoni fil-qasam baġitarju jiġu integrati adegwatament fil-preparazzjonijiet baġitarji nazzjonali; |
|
(d) |
jikkomplimenta l-proċedura tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ta’ Stat Membru, kif stabbilit mill-Artikolu 126 TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1467/97, b'monitoraġġ aktar mill-qrib tal-politiki baġitarji tal-Istati Membri taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv sabiex tiġi żgurata l-korrezzjoni dejjiema u f'waqtha tad-defiċit eċċessiv. |
|
(e) |
jiggarantixxi l-konsistenza bejn il-politiki baġitarji u l-miżuri u r-riformi magħmula fil-kuntest tal-proċedura għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 u, fejn xieraq, fil-kuntest ta’ programm ta' sħubija ekonomika kif imsemmi fl-Artikolu 9. |
2. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tosserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prattika u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. Skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi u li jieħu azzjoni kollettiva skont il-liġi u l-prattika nazzjonali.
3. Dan ir-Regolament japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
|
(a) |
"korpi indipendenti" tfisser korpi li huma strutturalment indipendenti jew korpi mogħnija b'awtonomija funzjonali vis à vis l-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru, u li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali, inklużi:
|
|
(b) |
"previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti" tfisser previżjonijiet makroekonomiċi magħmula jew approvati minn korpi indipendenti; |
|
(c) |
"qafas baġitarju ta’ terminu medju" tfisser qafas baġitarju fuq terminu ta’ żmien medju kif deskritt fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/85/UE; |
|
(d) |
"programm ta' stabbiltà" tfisser programm ta’ stabbiltà kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. |
Biex tiġi żgurata konsistenza bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom għall-inqas kull sena, jidħlu fi djalogu tekniku dwar is-suppożizzjonijiet fil-bażi tal-preparazzjoni tal-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/85/UE.
2. Għandhom japplikaw ukoll għal dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet tas-"settur amministrazzjoni pubblika" u tas-“sottosetturi tas-settur amministrazzjoni pubblika” stipulati fil-punt 2.70 tal-Anness A għar-Regolament (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (10).
3. L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hija bla ħsara għall-Artikolu 9 TFUE.
KAPITOLU II
KOORDINAZZJONI TAL-POLITIKA EKONOMIKA
Artikolu 3
Konsistenza mal-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika
Il-proċedura baġitarja tal-Istati Membri għandha tkun konsistenti:
|
(1) |
mal-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, li jinkludi, inter alia, il-gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu; |
|
(2) |
mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; |
|
(3) |
fejn xieraq, mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, inkluż il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011; u |
|
(4) |
fejn xieraq, mal-opinjonijiet tal-Kunsill dwar programm ta’ sħubija ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 9. |
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET BAĠITARJI KOMUNI
Artikolu 4
Skeda ta' żmien baġitarju komuni
1. L-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, jippubblikaw, preferibbilment sal-15 ta’ April iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena, il-pjani fiskali nazzjonali ta’ terminu medju tagħhom skont il-qafas baġitarju ta’ terminu medju. Tali pjani għandhom jinkludu għall-inqas l-informazzjoni kollha li għandha tiġi pprovduta fil-programmi ta’ stabbiltà tagħhom u għandhom jiġu ppreżentati flimkien mal-programmi ta’ riforma nazzjonali u l-programmi ta' stabbiltà. Tali pjani stabbiltàgħandhom ikunu konsistenti mal-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, li jinkludi, inter alia, l-gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu. huma għandhom ukoll ikunu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u, fejn xieraq, mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, inkluż il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u mal-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-programmi ta’ sħubija ekonomika msemmija fl-Artikolu 9.
Il-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju u l-programmi nazzjonali ta’ riforma għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar kif ir-riformi u l-miżuri stipulati huma mistennija jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri u l-impenji nazzjonali stabbiliti fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Barra minn hekk, il-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju jew il-programmi ta’ riforma nazzjonali għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar ir-ritorn ekonomiku mistenni fuq proġetti ta’ investiment pubbliku, minbarra dawk tad-difiża, li jkollhom impatt baġitarju sinifikanti. Il-pjani fiskali nazzjonali ta’ terminu medju u l-programmi ta’ stabbiltà jistgħu jkunu l-istess dokument.
2. L-abbozz ta' baġit għas-sena li jmiss għall-gvern ċentrali u l-parametri ewlenin tal-abbozzi ta' baġit għas-sottosetturi l-oħra kollha tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jiġu ppubblikati kull sena sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru.
3. Il-baġit għall-gvern ċentrali għandu jiġi adottat jew iffissat u pubblikat kull sena sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru flimkien mal-parametri baġitarji ewlenin aġġornati għas-sottosetturi l-oħra tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri baġitarji riversibbli li għandhom jiġu applikati jekk, għal raġunijiet oġġettivi li ma jaqgħux fil-kontroll tal-gvern, il-baġit ma jiġix adottat jew iffissat u ppubblikat sal-31 ta’ Diċembru.
4. Il-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju u l-abbozzi ta' baġit msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bbażati fuq previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti u għandhom jindikaw jekk il-previżjonijiet baġitarji jkunux saru jew ġewx approvati b'mod indipendenti. Dawk il-previżjonijiet għandhom isiru pubbliċi flimkien mal-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju u l-abbozzi ta' baġit nazzjonali li huma msjsa fuqhom.
Artikolu 5
Korpi indipendenti u konformità mar-regoli fiskali
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ korpi indipendenti għall-monitoraġġ tal-konformità ma':
|
(a) |
regoli fiskali numeriċi li jinkorporaw fil-proċessi baġitarji nazzjonali l-objettivi baġitarji ta’ terminu medju tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97; |
|
(b) |
regoli fiskali numeriċi msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/85/UE. |
2. Dawk il-korpi, meta jkun xieraq, għandhom jipprovdu valutazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tar-regoli fiskali nazzjonali, inter alia fir-rigward ta':
|
(a) |
l-okkorrenza ta' ċirkustanzi li jwasslu għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni għal każijiet ta' diverġenza sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien jew mit-triq ta' aġġustament lejh skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97; |
|
(b) |
dwar jekk il-korrezzjoni hijiex qed tipproċedi skont ir-regoli u l-pjani baġitarji; |
|
(c) |
kwalunkwe okkorrenza jew waqfien taċ-ċirkostanzi msemmijin fl-għaxar subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 li jistgħu jippermettu diverġenza temporanja mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien jew mill-mogħdija ta' aġġustament lejn dan, kemm-il darba tali diverġenza ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju ta' żmien. |
KAPITOLU IV
MONITORAĠĠ U VALUTAZZJONI TAL-ABBOZZI TAL-PJANI BAĠITARJI TAL-ISTATI MEMBRI
Artikolu 6
Rekwiżiti tal-monitoraġġ
1. L-Istati Membri kull sena għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-euro abbozz ta’ pjan baġitarju għas-sena sussegwenti sal-15 ta' Ottubru. Dak l-abbozz ta' pjan baġitarju għandu jkun konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u, fejn applikabbli, mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu ta' sorveljanza annwali inkluża l-proċedura tal-iżbilanċi kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u mal-opinjonijiet dwar il-programmi ta' sħubija ekonomika imsemmija fl-Artikolu 9.
2. Malli l-abbozzi tal-pjani baġitarji imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni, dawn għabdhom jiġu ppubblikati.
3. L-abbozz tal-pjan baġitarju għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja għas-sena sussegwenti:
|
(a) |
il-bilanċ baġitarju mmirat għall-amministrazzjoni pubblika bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), iddettaljat skont is-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika; |
|
(b) |
il-projezzjonijiet abbażi ta’ ebda bdil fil-politiki għan-nefqa u d-dħul bħala persentaġġ tal-PDG tal-amministrazzjoni pubblika u l-komponenti ewlenin tagħhom, inkluża l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss; |
|
(c) |
in-nefqa u d-dħul fil-mira bħala persentaġġ tal-PDG għall-amministrazzjoni pubblika u l-komponenti ewlenin tagħhom, b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet u l-kriterji tal-istabbiliment tal-perkors tat-tkabbir fin-nefqa netta minn kwalunkwe miżura diskrezzjonarja fid-dħul skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97; |
|
(d) |
informazzjoni relevanti dwar in-nefqa skont il-funzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, fost oħrajn dwar l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-impjiegi, u, meta jkun possibbli, indikazzjonijiet dwar l-impatt distributtiv mistenni tal-miżuri ewlenin tan-nefqa u tad-dħul; |
|
(e) |
deskrizzjoni u kwantifikazzjoni tal-miżuri tan-nefqa u tad-dħul li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz ta' baġit għas-sena sussegwenti fil-livell ta' kull sottosetturkollha sabiex jixxejjen id-distakk bejn il-miri msemmija fil-punt (c) u l-projezzjonijiet abbażi ta' ebda bdil fil-politiki pprovduti skont il-punt (b). |
|
(f) |
is-suppożizzjonijiet ewlenin tat-tbassir makroekonomiku indipendenti u l-iżviluppi ekonomiċi importanti li jkunu rilevanti għall-kisba tal-miri baġitarji; Il-metodoloġija, il-mudelli ekonomiċi u s-suppożizzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe parametru rilevanti ieħor li jsejjes il-previżjonijiet baġitarji għandhom ikunu |
|
(g) |
anness li jkun fih il-metodoloġija, il-mudelli ekonomiċi u s-suppożizzjonijiet u kwalunkwe parametri oħrajn rilevanti li fuqhom ikunu msejjes it-tbassir baġitarju u impatt stmat tal-miżuri baġitarji aggregati fuq it-tkabbir ekonomiku; |
|
(h) |
indikazzjonijiet dwar kif ir-riformi u l-miżuri fl-abbozz tal-pjan baġitarju, fosthom, b'mod partikolari, l-investiment pubbliku, jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet eżistenti lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikoli 121 u 148 TFUE u huma strumentali għall-ilħuq tal-miri stabbiliti mill-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. |
Id-deskrizzjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tista' tkun inqas dettaljata għal miżuri b’impatt baġitarju stmat li jkun inqas minn 0,1 % tal-PDG. Għandha tingħata attenzjoni partikolari u espliċita lill-pjani ewlenin ta’ riforma ta’ politika fiskali b'effetti sekondarji potenzjali għall-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom tkun l-euro;
4. Fejn il-miri baġitarji rrapportati fl-abbozz tal-pjan baġitarju skont il-paragrafu 3 jew il-projezzjonijiet abbażi ta’ ebda bdil fil-politiki jkunu differenti minn dawk tal-programm ta’ stabbiltà l-aktar reċenti, id-differenzi għandhom ikunu spjegati kif xieraq.
5. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kontenut tal-abbozz tal-pjan baġitarju għandhom jiġu stabbiliti f'qafas armonizzat stabbilit mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.
Artikolu 7
Valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ sat-30 ta' Novembru.
2. Minkejja l-paragrafu 1, fejn f'każijiet eċċezzjonali, wara konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fi żmien ġimgħa mil-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju, il-Kummissjoni tidentifika nonkonformità partikolarment serja mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha tadotta l-opinjoni tagħha fi żmien ġimagħtejn mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju. Fl-opinjoni tagħha, l-Kummissjoni għandha titlob li jiġi ppreżentat, malajr kemm jista' jkun jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet ġimgħat mid-data tal-opinjoni tagħha, abbozz ta' pjan baġitarju rivedut. It-talba tal-Kummissjoni għandha tkun motivata u għandha ssir pubblika.
L-Artikolu 6(2), (3) u (4) għandu japplika għall-abbozzi ta' pjani baġitarji riveduti ippreżentati skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.
Il-Kummissjoni għandha tadotta opinjoni ġdida fuq l-abbozz tal-pjan baġitarju rivedut mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sa tliet ġimgħat mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju rivedut.
3. L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha ssir pubblika u għandha tiġi ppreżentata lill-Grupp tal-euro. Fuq talba tal-parlament tal-Istat Membru konċernat jew tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-opinjoni tagħha lill-Parlament li jagħmel it-talba.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha, abbażi tal-prospetti baġitarji nazzjonali u l-interazjzoni tagħhom fiż-żona kollha, filwaqt li toqgħod fuq il-previżjonijiet ekonomiċi l-aktar reċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Il-valutazzjoni kumplessiva għandha tinkludi analiżijiet tas-sensittività li jipprovdu indikazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi f’każ ta’ żviluppi ekonomiċi, finanzjarji jew baġitarji negattivi. Għandha wkoll, kif ikun xieraq, tiddeskrivi miżuri biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja u makroekonomika fil-livell taż-żona tal-euro.
Il-valutazzjoni kumplessiva għandha ssir pubblika u għandha titqies fil-gwida ġenerali annwali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni.
Il-metodoloġija (inklużi l-mudelli) u s-suppożizzjonijiet tal-previżjonijiet ekonomiċi l-aktar reċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni għal kull Stat Membru, inklużi l-istimi tal-impatt tal-miżuri baġitarji aggregati fuq it-tkabbir ekonomiku, għandhom jiġu annessi mal-valutazzjoni kumplessiva.
5. Il-Grupp tal-euro għandu jiddiskuti l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjani baġitarji u s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva magħmula mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4. Ir-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet tal-Grupp tal-euro għandhom isiru pubbliċi meta jkun xieraq.
Artikolu 8
Rappurtar dwar il-ħruġ tad-dejn
1. L-Istati Membri għandhom jirrapurtaw ex ante u fil-ħin lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Grupp tal-euro, dwar il-pjani tal-ħruġ tad-dejn nazzjonali tagħhom.
2. Il-format u l-kontenut armoniżżati tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu stipulati mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.
KAPITOLU V
ŻGURAR TAL-KORREZZJONI TAD-DEFIĊIT EĊĊESSIV
Artikolu 9
Programmi ta' sħubija ekonomika
1. Jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont l-Artikolu 126(6) TFUE, jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta programm ta’ sħubija ekonomika lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li jiddeskrivi l-miżuri ta’ politika u r-riformi strutturali meħtieġa biex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, bħala żvilupp tal-programm nazzjonali ta’ riforma tiegħu u tal-programm ta’ stabbiltà tiegħu u filwaqt li jikkunsidra b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tal-Istat Membru konċernat.
2. Il-programm ta’ sħubija ekonomika għandu jidentifika u jagħżel numru ta’ prijoritajiet speċifiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli fuq perjodu twil ta' żmien u li jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fl-Istat Membru konċernat. Dawk il-prijoritajiet għandhom ikunu konsistenti mal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. Fejn ikun xieraq għandhom jiġu identifikati riżorsi finanzjarji potenzjali, inklużi linji ta' kreditu tal-Bank ta' Investiment Ewropew u strumenti finanzjarji relevanti oħra kif ikun xieraq.
3. Il-programm ta’ sħubija ekonomika għandu jiġi ppreżentat fl-istess ħin li fih jiġi ppreżentat ir-rapport previst fl-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.
4. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta opinjoni dwar il-programm ta’ sħubija ekonomika.
5. Pjan ta’ azzjoni korrettiva kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 jista’ jiġi emendatb’konformità mal-Artikolu 9(4) ta' dak ir-Regolament, biex jieħu post il-programm ta’ sħubija ekonomika previst f’dan l-Artikolu. F'każ li jiġi ppreżentat tali pjan ta' azzjoni korrettiva wara l-adozzjoni ta' programm ta' sħubija ekonomika, il-miżuri stipulati fil-programm ta' sħubija ekonomika jistgħu, kif ikun xieraq, jiġu inklużi fil-pjan ta' azzjoni korrettiva.
6. L-implimentazzjoni tal-programm, u l-pjani baġitarji annwali konsistenti miegħu, għandhom jiġu mmonitorjati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.
Artikolu 10
Rekwiżiti ta' rappurtar għall-Istati Membri taħt proċedura tad-defiċit eċċessiv
1. Meta l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) TFUE li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istat Membru konċernat għandu, fuq talba tal-Kummissjoni, ikun soġġett għal rekwiżiti ta' rappurtar skont il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, sakemm tiġi abrogata l-proċedura tad-defiċit eċċessiv.
2. L-Istat Membru għandu jwettaq valutazzjoni komprensiva tal-eżekuzzjoni baġitarja tas-sena kurrenti għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha. Ir-riskji finanzjarji assoċjati mad-debiti kontinġenti b'impatti potenzjalment kbar fuq il-baġits pubbliċi, kif imsemmi fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/85/UE għandhom ukoll ikunu koperti mill-valutazzjoni sal-punt li dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Ir-riżultat ta' dik il-valutazzjoni għandu jkun inkluż fir-rapport ippreżentat skont l-Artikolu 3(4a) jew l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-azzjoni meħuda sabiex tikkorreġi d-defiċit eċċessiv.
3. L-Istat Membru għandu jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha, l-eżekuzzjoni baġitarja fis-sena kurrenti, l-impatt baġitarju ta' miżuri diskrezzjonarji meħuda kemm fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq in-naħa tad-dħul, il-miri tan-nefqa u d-dħul tal-gvern, u informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba sabiex jintlaħqu l-miri. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 li jispeċifika l-kontenut tar-rappurtar regolari msemmi f’dan il-paragrafu.
4. Jekk l-Istat Membru konċernat ikun soġġett għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi ppreżentat għall-ewwel darba sitt xhur wara r-rapport previst fl-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u wara dan kull 6 xhur.
5. Jekk l-Istat Membru konċernat ikun s-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, ir-rapport skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda b'respons għall-avviż speċifiku tal-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat għall-ewwel darba tliet xhur wara r-rapport previst fl-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u wara fuq bażi trimestrali.
6. Fuq talba u sal-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni, l-Istat Membru fi proċedura ta' defiċit eċċessiv għandu:
|
(a) |
iwettaq, u jirrapporta dwar, awditu indipendenti komprensiv tal-kontijiet pubbliċi tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika mwettaq preferibbilment b'koordinament mal-istituzzjonijiet supremi nazzjonali tal-awditjar fejn ikun xieraq, bil-għan li jiġu vvalutati l-affidabilità, il-kompletezza u l-akkuratezza ta’ dawk il-kontijiet pubbliċi għall-finijiet tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv data; |
|
(b) |
jipprovdi informazzjoni addizzjonali disponibbli għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-progress lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. |
Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data statistika rrapportata mill-Istat Membru konċernat taħt il-punt (a) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (11).
Artikolu 11
L-Istati Membri f'riskju ta' nonkonformità mal-obbligi tagħhom skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fil-konfront tagħhom
1. Meta jiġi vvalutat jekk il-konformità mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, kif stabbilita mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, tkun mhedda, il-Kummissjoni għandhatibbaża l-valutazzjoni tagħha, inter alia, fuq ir-rapporti pproeżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament.
2. F’każ ta’ riskji ta’ nonkonformità mal-iskadenza biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru konċernat fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri previsti fir-rakkomandazzjoni jew deċiżjoni li jingħata avviż imsemmija fil-paragrafu 1, l-adozzjoni ta' miżuri oħrajn, jew it-tnejn, f'limitu ta' żmien li jkun konsistenti mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tiegħu. Ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għandha ssir pubblika u għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Fuq talba tal-Parlament tal-Istat Membru konċernat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta ir-rakkomandazzjoni lil dak il-parlament.
3. Fiż-żmien stabbilit mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-miżuri adottati b'respons għal dik ir-rakkomandazzjoni flimkien mar-rapporti previsti fl-Artikolu 7(3). Ir-rapport għandu jinkludi l-impatt baġitarju tal-miżuri diskrezzjonarji kollha meħuda, il-miri għan-nefqa u d-dħul tal-gvern, informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba biex jinkisbu l-miri, kif ukoll informazzjoni dwar azzjonijiet oħra meħuda b'respons għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jsir pubbliku u għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.
4. Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-Istat Membru jkunx konformi mar-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 12
Impatt fuq il-proċedura tad-defiċit eċċessiv
1. Għandu jitqies il-punt sa fejn l-Istat Membru konċernat ikun ikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 7(1):
|
(a) |
mill-Kummissjoni meta tagħmel rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE u meta tirrakkomanda l-impożizzjoni ta' depożitu bla mgħax skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011; |
|
(b) |
mill-Kunsill meta jiddeċiedi jekk jeżistix defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126(6) TFUE. |
2. Il-monitoraġġ stabbilit mill-Artikoli 10 u 11 ta' dan ir-Regolament għandu jkun parti integrali mill-monitoraġġ regolari, kif previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 tal-implimentazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Istat Membru konċernat b'respons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew deċiżjonijiet tal-Kunsill li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.
3. Meta tikkunsidra jekk itteħditx azzjoni effettiva b'respons għar-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew għad-deċiżjonijiet li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, il-Kummissjoni għandha tqis il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(4) f’dan ir-Regolament u tista' tirrakkomanda, kif xieraq, li l-Kunsill jieħu deċiżjonijiet skont l-Artikolu 126(8) jew l-Artikolu 126(11) TFUE, kif xieraq, filwaqt li tagħti l-kunsiderazzjoni dovuta lill-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.
Artikolu 13
Konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 (12)
L-Istati Membri soġġetti għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku ma għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikoli 6 sa 12 ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 14
Twettiq tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tliet snin mit-30 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 10(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 15
Djalogu Ekonomiku
1. Biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġu żgurati trasparenza u responsabbiltà akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jistieden, meta jkun xieraq, lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Grupp tal-euro biex jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu:
|
(a) |
l-ispeċifikazzjoni tal-kontenut tal-abbozz tal-pjan baġitarju kif stabbilit f'qafas armonizzat stabbilit skont l-Artikolu 6(5); |
|
(b) |
ir-riżultati tad-diskussjoni tal-Grupp tal-euro dwar l-opinjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu 7(1), sakemm dawn ir-riżultati jkunu saru pubbliċi; |
|
(c) |
il-valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni baġitarja u tal-prospetti fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha, imwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(4); |
|
(d) |
atti tal-Kunsill msemmija fl-Artikolu 9(4) u fl-Artikolu 12(3). |
2. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat li jkun is-suġġett ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2) jew b'atti tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu (d) li jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet.
3. Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sjieda u r-responsabilità tad-deċiżjonijiet meħuda, b’mod partikolari permezz tad-djalogu ekonomiku li jsir skont dan l-Artikolu.
Artikolu 16
Rieżami u rapporti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament
1. Sal-14 ta’ Diċembru 2014, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma', fejn ikun xieraq, proposta għall-emendar ta' danir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dak ir-rapport.
Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:
|
(a) |
l-effikaċja ta' dan ir-Regolament; |
|
(b) |
il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fil-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-TFUE; |
|
(c) |
il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-kisba tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. |
2. Sal-31 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-possibilitajiet offruti mill-qafas fiskali eżistenti tal-Unjoni, biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li dan jiġi rispettat bis-sħiħ.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. L-Istati Membri diġà soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' rappurtar skont l-Artikolu 10 (3), (4) u (5) sal-31 ta’ Ottubru 2013.
2. L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10(2) għandhom japplikaw għall-Istati Membri li diġà huma soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament biss meta rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE, jew deċiżjoni tal-Kunsill biex tgħati avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, jittieħdu wara t-30 ta’ Mejju 2013.
F'dawn il-każijiet, il-programm ta’ sħubija ekonomika għandu jiġi ppreżentat fl-istess waqt li fih jiġi ppreżentat r-rapport skont l-Artikolu 3(4a) jew l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.
3. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 5 sal-31 ta’ Ottubru 2013.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
L. CREIGHTON
(1) ĠU C 141, 17.5.2012, p. 7.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2013.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(7) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(8) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(9) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(10) ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.
(11) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 21 ta’ Mejju 2013 [dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro], (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).