This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 01992L0085-20190726
Council Directive 92/85/EEC of 19 October 1992 on the introduction of measures to encourage improvements in the safety and health at work of pregnant workers and workers who have recently given birth or are breastfeeding (tenth individual Directive within the meaning of Article 16 (1) of Directive 89/391/EEC)
Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
01992L0085 — MT — 26.07.2019 — 003.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 (ĠU L 348 28.11.1992, p. 1) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 165 |
21 |
27.6.2007 |
||
|
DIRETTIVA 2014/27/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014 |
L 65 |
1 |
5.3.2014 |
|
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
|
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/85/KEE
tad-19 ta' Ottubru 1992
dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
IT-TAQSIMA I
SKOP U TIFSIRIET
L-Artikolu 1
Skop
1. L-iskop ta' din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta' ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.
2. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE, ħlief għall-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom japplikaw kollha fl-intier tagħhom għas-settur kollu li jaqa' taħt paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva.
3. Din id-Direttiva ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas il-livell ta' protezzjoni mogħtija lil ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu, meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti f'kull Stat Membru fid-data meta tiġi adottata din id-Direttiva.
L-Artikolu 2
Tifisiriet
Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:
(a) ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;
(b) ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;
(ċ) ħaddiema li qiegħda tredda'tfisser ħaddiema li qiegħda tredda' fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;
IT-TAQSIMA II
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
L-Artikolu 3
Linji ta' Gwida
1. Wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni trid tfassal linji ta' gwida dwar l-istima ta' l-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurta' jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens ta'l-Artikolu 2.
Il-linji ta' gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta' stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2.
2. L-għan tal-linji ta' gwida msemmija fil-paragrafu 1 huwa li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1).
Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom iġibu dawn il-linji ta' gwida għall-attenzjoni ta' kull min iħaddem u l-ħaddiema nisa kollha u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-Istati Membri rispettivi.
L-Artikolu 4
Stima u Informazzjoni
1. Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta' espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta' l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE, sabiex:
— issir stima ta' kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2,
— jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 u ħaddiema li x'aktarx ikunu f'xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati bir-riżultati ta' l-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
L-Artikolu 5
Azzjoni wara r-riżultati ta' l-istima
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta' l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta' ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta' dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.
2. Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.
3. Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.
4. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-każ meta ħaddiema li qed tagħmel attività projbita skond l-Artikolu 6 toħroġ tqila jew tibda tredda' u tinforma lil min iħaddimha dwar dan.
L-Artikolu 6
Sitwazzjonijiet fejn hi pprojbita l-espożizzjoni
Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħaddiema, partikolarment dawk relatati mal-limiti għal espożizzjoni fuq ix-xogħol:
1. ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirijiet li għalihom l-stima irrivelat riskju ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għal aġenti u kondizzjonijiet fuq xogħol elenkati fl-Anness II, it-Taqsima A;
2. ħaddiema li qegħdin ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ), ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirjiet li dwarhom l-stima irrivelat risku ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għall-aġenti u l-kondizzjonijiet tax-xogħol mniżżla fl-Anness II, it-Taqsima B.
L-Artikolu 7
Ix-Xogħol ta' bil-Lejl
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux imġiegħla li jagħmlu xogħol ta' bil-lejl waqt it-tqala tagħhom u għal żmien wara t-twelid li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà u s-saħħa, soġġett għas-sottomissjoni, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, għal test mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata.
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-possibilità, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, li:
(a) taqleb għal xogħol bi nhar; jew
(b) ikun hemm leave mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità meta dan it-trasferiment mhux teknikament u/jew oġġettivament possibbli u ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati.
L-Artikolu 8
Leave tal-Maternità
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.
2. Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta' mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.
L-Artikolu 9
Dispensa għal eżamijiet ta' qabel it-twelid
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li ħaddiema tqal fis-sens ta'l-Artikolu 2(a) ikunu ntitolati li, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, jkollhom dispensa mix-xogħol, mingħajr telf ta' paga, sabiex jattendu għal eżamijiet ta' qabel it-twelid, jekk dawn l-eżamijiet għandhom isiru waqt il-ħin tax-xogħol.
L-Artikolu 10
Il-Projbizzjoni ta' Tkeċċija
Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:
1. l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta' ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorita' kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;
2. jekk ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta' tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.
L-Artikolu 11
Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg
Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f' dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:
1. fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta' impjieg relatati mal-kuntratt ta' l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta' ħlas ta', u/jew l-intitolament għal benefiċċju adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;
2. fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:
(a) id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta' l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f'punt (b) hawn taħt;
(b) il-manteniment ta' ħlas ta', u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2;
3. l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta' saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;
4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta' eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.
Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta' impjieg preċedenti iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.
L-Artikolu 12
Il-Ħarsien tad-Drittijiet
L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra.
Artikolu 13
Emendi għall-Anness I
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għall-Anness I, sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku, il-bidliet fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u s-sejbiet ġodda.
Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċi tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 13b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Artikolu 13a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 13b
Proċedura ta’ urġenza
1. L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.
2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13a(6). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
L-Artikolu 14
Dispożizzjonijiet Finali
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tagħha jew jiżguraw li, mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, iż-żewġ partijiet ta' l-industrija jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim kollettiv, u l-Istati Membri jkunu obbligati li jagħmlu d-dispożizzjonijiet neċessarji kollha biex ikunu dejjem garantiti r-riżultati stabbiliti minn din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn iridu jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet essenzjali tal-liġi nazzjonali li jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fis-settur irregolat minn din id-Direttiva.
▼M1 —————
L-Artikolu 15
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
L-ANNESS I
LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI, PROĊESSI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL
imsemmija fl-Artikolu 4(1)
A. Aġenti
1. Aġenti fiżiċi fejn dawn huma meqjusa bħala aġenti li jikkawżaw leżjonijiet fil-fetu u/jew li x'aktarx jiddisturbaw attakkament tal-plaċenta, u partikolarment:
(a) taħbit qawwi, vibrazzjonijiet jew ċaqliq
(b) il-ġarr manwali ta' piżijiet li jimplikaw riskji, partikolarment ta' natura dorsolumbari;
(ċ) storbju;
(d) radjazzjoni jonizzanti ( *1 );
(e) radjiazzoni non-jonizzanti;
(f) estremi ta' bard jew sħana;
(g) ċaqliq jew qagħad, ivvjaġġar — jew ġewwa jew barra l-istabbiliment — għeja fiżika jew mentali u piżijiet oħra fiżiċi konnessi ma' l-attivita tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva.
2. Aġenti Bijoloġiċi
Aġenti bijoloġiċi fil-gruppi ta’ riskju 2, 3 u 4 skont it-tifsira tal-punti 2, 3 and 4 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), sa fejn huwa magħruf li tali aġenti jew il-miżuri terapewtiċi meħtieġa minnhom jipperikolaw is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija li għadha fil-ġuf, u sa fejn dawn ma jidhrux fl-Anness II.
3. Aġenti Kimiċi
L-aġenti kimiċi li ġejjin inkwantu hu magħruf jpoġġu is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija mhux mitwielda fil-perikolu inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II:
(a) sustanzi u taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji dwar il-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) f’waħda jew aktar minn dawn il-klassijiet ta’ periklu u kategoriji perikolużi li ġejjin b’waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet ta’ periklu li ġejjin, sa fejn dawn ma jidhrux fl-Anness II:
— mutaġeni għaċ-ċelloli ġerminali, kategorija 1 A, 1B jew 2 (H340, H341);
— karċinoġeniċità, kategorija 1 A, 1B jew 2 (H350, H350i, H351);
— tossiċità riproduttiva, kategorija 1 A, 1B jew 2 jew il-kategorija addizzjonali għal effetti fuq jew permezz tat-treddigħ (H360, H360D, H360FD, H360Fd, H360Df, H361, H361d, H361fd, H362);
— tossiċità f’organi speċifiċi wara espożizzjoni waħda, kategorija 1 jew 2 (H370, H371);
(b) aġenti kimiċi fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );
(ċ) merkurju u derivativi tal-merkurju;
(d) drogi antimitotiċi;
(e) monossidu tal-karbonju;
(f) Aġenti kimiċi li l-assorbiment mill-ġilda huwa magħruf u perikoluż.
B. Proċessi
Proċessi industrijali elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva 2004/37/KE.
Ċ. Kundizzjonijiet tax-xogħol
Xogħol fil-mini taħt l-art.
L-ANNESS II
LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL
imsemmija fl-Artikolu 6
A. Ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a)
1. Aġenti
(a)
Xogħol f'atmosfera iperbarika, p.e. taħt pressjoni, u għadis taħt l-ilma.
(b)
L-aġenti bijoloġiċi li ġejjin:
— toxoplasma,
— il-virus tar-rubella,
kemm-il darba m'hemmx prova li l-ħaddiema tqal huma protetti kif xieraq kontra dan l-aġent permezz ta' l-immunizzazzjoni.
(ċ) Aġenti kimiċi
Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman.
2. Kundizzjonijiet ta' xogħol;
Xogħol fil-mini taħt l-art.
B. Ħaddiema li qed ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ)
1. Aġenti
(a)
Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman.
2. Kundizzjonijiet ta' xogħol
Xogħol fil-mini taħt l-art.
( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
( *1 ) Ara Direttiva 80/836/Euratom (ĠU L 246, tas-17.9.1980, p. 1).
( 2 ) Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq ix-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21).
( 3 ) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
( 4 ) Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).