Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D1407

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1407 tat-8 ta’ Lulju 2025 dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026

ST/10351/2025/INIT

ĠU L, 2025/1407, 14.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1407/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1407/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1407

14.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1407

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (3),

Wara li kkunsidra d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (4),

Billi:

(1)

It-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (“UEM”) beda fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kunsill, li ltaqa’ fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 1999 (5).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE (6), il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE (7), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE (8) u 2007/504/KE (9), il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Permezz tad-deċiżjoni 2008/608/KE (10), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2010/416/UE (11), il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2013/387/UE (12), il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-deċiżjoni 2014/509/UE (13), il-Kunsill iddeċieda li l-Litwanja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1211 (14), il-Kunsill iddeċieda li l-Kroazja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

(3)

F’konformità mal-punt 1 tal-Protokoll Nru 16 dwar ċerti dispożizzjonijiet relatati mad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mad-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern f’Edinburgh f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li mhijiex se tipparteċipa fit-tielet stadju tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(4)

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni 98/317/KE, l-Iżvezja hija Stat Membru b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) tat-TFUE. F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, iċ-Ċekja, l-Ungerija u l-Polonja huma Stati Membri b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) tat-TFUE. F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, il-Bulgarija u r-Rumanija huma Stati Membri b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) TFUE.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu tar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta’ Ġunju 1997 (15). Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (16).

(6)

L-Artikolu 140(2) tat-TFUE jistabbilixxi l-proċeduri għall-abrogazzjoni tad-derogi tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrapportaw lill-Kunsill f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 140(1) TFUE.

(7)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandha tiġi adattata skont il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“Statut tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jipprovdu valutazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Bulgarija mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta’ konverġenza anness mat-TFUE, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jfisser li Stat Membru għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma taqbiżx b’aktar minn punt perċentwali u nofs dik ta’, l-aktar, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) definit fir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili relattivament għall-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili mill-perjodu ta’ qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, intuża valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta’ 1,5 punti perċentwali. Fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’April 2025, il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni ġie kkalkolat bħala 2,8 %, bl-Irlanda, il-Finlandja u l-Italja bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, b’rati ta’ inflazzjoni ta’ 1,2 %, 1,3 % u 1,4 %, rispettivament.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE ifisser li fil-waqt tal-analiżi, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-TFUE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea msemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE jirrikjedi li Stat Membru jkun irrispetta l-marġnijiet ta’ fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea, mingħajr tensjonijiet severi, għal mill-inqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. B’mod partikolari, l-Istat Membru m’għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perijodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-valutazzjoni tat-twettiq tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta’ dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perijodu ta’ sentejn li ntemm fid-19 ta’ Mejju 2025.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati tal-imgħax imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jfisser li, osservat matul perijodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru kellu rata tal-imgħax nominali medja fit-tul li ma taqbiżx b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik, l-iktar l-iktar, tat-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Il-kriterju użat biex tiġi vvalutata l-konverġenza tar-rati tal-imgħax kien kumparabbli fuq bonds tal-gvern ta’ referenza ta’ għaxar snin. Biex jiġi vvalutat l-issodisfar tal-kriterju tar-rata tal-imgħax, fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati tal-imgħax nominali fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, flimkien ma’ żewġ punti perċentwali. Il-valur referenzjarju huwa bbażat fuq ir-rati tal-imgħax fit-tul fl-Irlanda (2,8 %), fil-Finlandja (2,9 %) u fl-Italja (3,7 %), u fil-perjodu ta’ 12-il xahar li ntemm f’April 2025 kien ta’ 5,1 %.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 13, id-data użata fil-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni. Id-data baġitarja ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni wara r-rappurtar mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ April 2025, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (18).

(13)

Abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mill-Bulgarija fit-twettiq tal-obbligi tagħha rigward il-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja, ġie konkluż li fil-Bulgarija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(14)

Abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mill-Bulgarija fit-twettiq tal-obbligi tagħha rigward il-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja, huwa konkluż li, fir-rigward tat-twettiq mill-Bulgarija tal-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-erba’ inċiżi tal-Artikolu 140(1) TFUE: ir-rata medja tal-inflazzjoni fil-Bulgarija fil-perjodu ta’ 12-il xahar li ntemm f’April 2025 kienet ta’ 2,7 %, li hija taħt il-valur ta’ referenza, u rieżami ta’ firxa wiesgħa ta’ indikaturi ma tidentifikax kawżi ta’ tħassib rigward is-sostenibbiltà tal-istabbiltà tal-prezzijiet; il-Bulgarija ma hijiex is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv; il-Bulgarija ilha membru tal-ERM II mill-10 ta’ Lulju 2020 u matul is-sentejn ta’ qabel il-valutazzjoni, ir-rata tal-kambju tal-lev (BGN) ma kinitx soġġetta għal tensjonijiet serji u l-Bulgarija ma żvalutatx ir-rata ċentrali bilaterali tal-BGN kontra l-euro fuq inizjattiva tagħha stess. Fl-aħħar nett, fil-perjodu ta’ 12-il xahar li ntemm f’April 2025, ir-rata tal-imgħax fit-tul fil-Bulgarija kienet, bħala medja 3,9 %, li hija ferm taħt il-valur ta’ referenza.

(15)

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà legali u tat-twettiq tal-kriterji ta’ konverġenza kif ukoll il-valutazzjoni ta’ fatturi addizzjonali, il-Bulgarija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija tissodisfa l-kondizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga msemmija fl-Artikolu 5 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 hija abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)  Ir-rapport tal-4 ta’ Ġunju 2025 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-rapport tal-4 ta’ Ġunju 2025 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tat-8 ta’ Lulju 2025 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)   ĠU C, C/2025/3950, 14.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3950/oj.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/317/KE tat-3 ta’ Mejju 1998 f’konformità mal-Artikolu 109j(4) tat-Trattat (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/317(1)/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/427/KE tad-19 ta’ Ġunju 2000 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001 min-naħa tal-Greċja (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/427/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/495/KE tal-11 ta’ Lulju 2006 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja (ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/495/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/503/KE tal-10 ta’ Lulju 2007 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/503/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/504/KE tal-10 ta’ Lulju 2007 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/504/oj).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/608/KE tat-8 ta’ Lulju 2008 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2009 (ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/608/oj).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2010/416/UE) tat-13 ta’ Lulju 2010 f’konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011, (ĠU L 196, 28.7.2010, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/416(1)/oj).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/387/UE tad-9 ta’ Lulju 2013 dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta’ Jannar 2014 (ĠU L 195, 18.7.2013, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/387/oj).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/509/UE tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-adozzjoni tal-euro mil-Litwanja fl-1 ta’ Jannar 2015 (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/509/oj).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1211 tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023 (ĠU L 187, 14.7.2022, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1211/oj).

(15)   ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

(16)   ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/792/oj).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/479/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1407/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top