Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52023IP0472

P9_TA(2023)0472 — Relazzjonijiet UE-Tajwan fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment — Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Tajwan fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment (2023/2829(RSP))

ĠU C, C/2024/4174, 2.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4174/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4174/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4174

2.8.2024

P9_TA(2023)0472

Relazzjonijiet UE-Tajwan fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Tajwan fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment (2023/2829(RSP))

(C/2024/4174)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tajwan,

wara li kkunsidra l-eżiti tat-tieni djalogu dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u t-Tajwan, li sar fit-28 ta’ April 2023,

wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar l-Inizjattiva Kummerċjali bejn l-Istati Uniti u t-Tajwan għas-Seklu XXI, li ilhom li bdew mis-27 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidra l-iffirmar, fit-8 ta’ Novembru 2023, ta’ sħubija kummerċjali msaħħa bejn ir-Renju Unit u t-Tajwan;

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-16 ta’ Settembru 2021 intitolata “L-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku” (JOIN(2021)0024),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-20 ta’ Ġunju 2023 intitolata “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika” (JOIN(2023)0020),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni intitolata “Relazzjonijiet UE-Tajwan fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment” (O-000046/2023 – B9-0037/2023),

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

A.

billi l-UE tkompli żżomm il-pożizzjoni tagħha favur politika ta’ “Ċina Waħda”;

B.

billi l-UE u t-Tajwan huma sħab tal-istess fehma u jaqsmu flimkien l-istess valuri fundamentali bħar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

C.

billi t-Tajwan impenja ruħu favur sistema bbażata fuq ir-regoli fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); billi t-Tajwan ilu membru tad-WTO mill-2002 u parti tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku tad-WTO mill-2009;

D.

billi t-Tajwan għandu għadd ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, ftehimiet bilaterali ta’ investiment u djalogi ekonomiċi ma’ pajjiżi tar-reġjun Indo-Paċifiku, b’mod partikolari mal-Istati Uniti, mal-Awstralja, mal-Ġappun, mal-Malażja, ma’ New Zealand, ma’ Singapore u mal-Vjetnam kif ukoll Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Ekonomika maċ-Ċina;

E.

billi t-Tajwan appoġġa s-sanzjonijiet tal-UE fil-konfront tar-Russja relatati mal-gwerra fl-Ukrajna;

F.

billi l-istrateġija Indo-Paċifika tal-UE tindika li l-UE se żżomm ir-relazzjonijiet approfonditi tagħha fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment mat-Tajwan;

G.

billi l-UE hija r-raba’ sieħba kummerċjali l-aktar importanti tat-Tajwan wara ċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-Ġappun; billi fl-2022, it-Tajwan kien it-12-il sieħeb kummerċjali l-aktar importanti tal-UE; billi l-UE hija s-sors prinċipali ta’ investiment dirett barrani fit-Tajwan; billi l-investimenti Tajwaniżi fl-UE għadhom inferjuri għall-potenzjal tagħhom;

H.

billi fl-2022, l-importazzjonijiet tal-UE mit-Tajwan ammontaw għal EUR 49,2 biljun għall-merkanzija u s-EUR 6,4 biljun għas-servizzi, filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn it-Tajwan ammontaw għal EUR 35,1 biljun għall-merkanzija u EUR 6,9 biljun għas-servizzi;

I.

billi t-tneħħija tal-ostakli attwali għall-kummerċ mat-Tajwan tkun ta’ benefiċċju għar-relazzjonijiet kummerċjali UE-Tajwan;

1.

Jirrikonoxxi li t-Tajwan huwa sieħeb ekonomiku u ta’ investiment importanti għall-UE, peress li l-kummerċ fil-merkanzija laħaq livell rekord ta’ total ta’ EUR 84,2 biljun fl-2022 u l-UE tirrappreżenta s-sors prinċipali ta’ investiment dirett barrani fit-Tajwan; jemmen li dawn iċ-ċifri għandhom potenzjal kbir li jiżdiedu;

2.

Jenfasizza li t-Tajwan huwa kruċjali għall-ktajjen tal-provvista tal-UE u dinjin; jisħaq fuq l-importanza strateġika tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mat-Tajwan li, fil-kuntest ġeopolitiku attwali, huwa sieħeb affidabbli u tal-istess fehma, bi qbil mal-istateġija ta’ sigurtà ekonomika tal-UE;

3.

Jinkoraġġixxi lit-Tajwan jikkoopera b’mod kostruttiv f’riforma ambizzjuża tad-WTO u tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tiegħu; jistieden lit-Tajwan jikkunsidra li jsir membru, fil-frattemp, tal-Arranġament Proviżorju ta’ Arbitraġġ tal-Appell bejn Bosta Partijiet;

4.

Iqis li r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali huma vitali għat-tranżizzjoni ekoloġika u għal dik diġitali, peress li t-Tajwan huwa wieħed mill-produtturi ewlenin ta’ oġġetti tat-teknoloġija avvanzata, partikolarment ta’ semikondutturi u ta’ prodotti elettroniċi;

5.

Jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lit-Tajwan isaħħu l-kooperazzjoni bil-għan li jkomplu jqawwu r-rabtiet ekonomiċi, kummerċjali u ta’ investiment biex b’hekk iwessgħu l-kooperazzjoni teknoloġija f’oqsma bħall-enerġiji rinnovabbli u l-industriji sostenibbli;

6.

Jilqa’ pożittivament il-fatt li, fl-ambitu tat-tieni djalogu dwar il-kummerċ u l-investiment, iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jrawmu r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali u jindirizzaw il-kwistjonijiet kummerċjali kruċjali, bħall-parks eoliċi offshore u l-aċċess tal-prodotti agrikoli tal-UE fis-suq Tajwaniż, il-miżuri li jaġevolaw il-kummerċ diġitali u l-aspetti kummerċjali u tal-investiment marbuta mas-sigurtà; jitlob li jsir progress malajr biex dawn l-impenji jsiru operattivi u jiġu implimentati l-bidliet neċessarji; jisħaq fuq il-bżonn ta’ progress simili biex tissolva l-kwistjoni tal-ostakli relatati mar-rekwiżiti għall-kontenut lokali;

7.

Japprezza r-rieda komuni ta’ kooperazzjoni favur l-allinjament bejn is-sanzjonijiet tal-UE u tat-Tajwan fil-konfront tar-Russja u l-impenn tat-Tajwan biex isostni lill-Ukrajna fid-dawl tal-aggressjoni brutali u inġustifikata tar-Russja;

8.

Jilqa’ pożittivament l-organizzazzjoni annwali tal-Forum tal-Investimenti tal-UE fit-Tajwan u jinkoraġġixxi li jsiru aktar investimenti bilaterali fiż-żewġ direzzjonijiet;

9.

Jerġa’ jitlob lill-UE tagħmel pass lil hinn mid-djalogu dwar il-kummerċ u l-investiment u tkabbar il-kooperazzjoni fil-kummerċ u fl-investiment mat-Tajwan permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali formali, partikolarment bl-inklużjoni ta’ ftehim dwar ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, u jtenni l-appell tiegħu għal ftehim bilaterali ta’ investiment;

10.

Jerġa’ jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiżviluppaw strateġija ta’ reżiljenza u jibdew jaħdmu malajr fuq ftehim mat-Tajwan dwar il-ktajjen tal-provvista reżiljenti bil-għan li jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet rispettivi b’mod reċiprokament vantaġġuż u li titħares is-sigurtà tat-Tajwan billi tissaħħaħ it-“tarka tas-siliċju” tiegħu;

11.

Iqis li jeżistu opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika kif ukoll fil-qasam tal-ġlieda kontra l-koerċizzjoni ekonomika u tas-sigurtà ekonomika; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa fil-kummerċ diġitali, fid-dwana u fiċ-ċiberreżiljenza, essenzjali għall-protezzjoni tal-flussi kummerċjali prevedibbli u bla xkiel;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-iskambji kulturali u edukattivi biex tiġi promossa l-kollaborazzjoni xjentifika u universitarja fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment usa’;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tal-kumpaniji u tal-organizzazzjonijiet Tajwaniżi fil-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu l-appoġġ tagħhom lit-Tajwan biex jitħalla jkun preżenti fil-fora multilaterali u internazzjonali;

15.

Jenfasizza r-rwol tad-dimensjoni parlamentari biex jiġu ffaċilitati relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment aktar b’saħħithom mat-Tajwan;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ul-Politika ta’ Sigurtà u lill-awtoritajiet Tajwaniżi.

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4174/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Fuq