Ir-rwol taż-żoos fil-konservazzjoni tal-bijodiversità
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 1999/22/KE dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żoo
SOMMARJU
X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?
-
Hija tippromwovi l-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimali selvaġġi billi ssaħħaħ ir-rwol taż-żoos fil-konservazzjoni tal-bijodiversità.
-
Hija tinkludi regoli għall-ħruġ ta’ liċenzji u l-ispezzjoni taż-żoos sabiex ikun żgurat li dawn jirrispettaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u protezzjoni meħtieġa.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
-
“Żoo” huwa definit bħala stabbiliment permanenti fejn jinżammu annimali selvaġġi ħajjin għall-wiri pubbliku għal 7 ijiem fis-sena jew aktar.
-
Il-ħwienet ta’ annimali domestiċi u ċ-ċirkli huma esklużi mid-direttiva.
-
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeżentaw ukoll lil ċerti stabbilimenti minn din id-direttiva jekk dawn ma jkollhomx għall-wiri pubbliku numru sinifikanti ta’ annimali jew speċi għall-pubbliku u sakemm din l-eżenzjoni ma timminax l-għanijiet tad-direttiva.
Kundizzjonijiet
Id-direttiva titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jieħdu miżuri li jikkonċernaw l-għoti ta’ liċenzji u t-twettiq ta’ spezzjonijiet regolari fiż-żoos bil-għan li jivverifikaw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tagħhom huma ssodisfati.
Sabiex jiksbu liċenzja għall-operat tagħhom, iż-żoos għandhom:
-
jipparteċipaw f’riċerka li mir-riżultati tagħha jibbenifikaw il-preservazzjoni tal-ispeċi, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi u/jew ir-riproduzzjoni fil-maqbud (ripopolazzjoni, riintroduzzjoni tal-ispeċi fis-selvaġġ, eċċ.);
-
jippromwovu l-edukazzjoni pubblika u l-għarfien tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, partikolarment billi jingħata tagħrif dwar l-ispeċi esibiti u l-abitat naturali tagħhom;
-
jakkomodaw lill-annimali tagħhom f’kundizzjonijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet bijoloġiċi u ta’ konservazzjoni tal-ispeċi individwali billi:
-
jipprovdu titjib speċifiku għall-ispeċi tal-postijiet magħluqa, u
-
iżommu standard għoli ta' maniġġar għaqli tal-annimali bi programmi żviluppati ta’ kura preventiva u kurattiva veterinarja u ta' nutriment;
-
il-prevenzjoni ta’ ħrib tal-annimali biex jiġi evitat theddidiet ekoloġiċi possibbli (eż. speċi aljeni invażivi) għall-ispeċi indiġeni, kif ukoll sabiex jipprevjenu d-dħul minn barra ta’ insetti qerrieda;
-
iżommu rekords aġġornati tal-annimali fl-istabbiliment, li jvarjaw skont l-ispeċi.
Liċenzjar u spezzjoni
-
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jadottaw regoli għall-liċenzjar u l-ispezzjoni taż-żoos sabiex b’hekk jiżguraw li l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa jitħarsu.
-
Iż-żoos kollha għandu jkollhom liċenzja.
-
Kull liċenzja għandu jkun fiha kondizzjonijiet biex jiġu infurzati l-miżuri ta’ konservazzjoni u protezzjoni meħtieġa.
-
L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE għandhom iwettqu spezzjoni qabel jagħtu, jirrifjutaw, jestendu jew jimmodifikaw sostanzjalment liċenzja.
-
F’każ li żoo ma jikkonformax kompletament jew parzjalment mar-rekwiżiti legali, l-awtorità kompetenti għandha tipprojbixxi l-aċċess pubbliku għaż-żoo kollu jew għall-parti kkonċernata.
-
F’każ ta’ għeluq parzjali jew komplet ta’ żoo, l-annimali involuti għandhom jiġu ttrattati jew jitneħħew mill-post taħt kundizzjonijiet li l-pajjiż tal-UE kkonċernat iqis li huma xierqa u kompatibbli mar-regoli tad-direttiva.
Prattiki tajbin
Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-dokument ta’ prattiki tajbin rigward id-direttiva tal-UE dwar iż-żoos. Dan huwa maħsub biex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jtejbu l-konformità mar-rekwiżiti tad-direttiva permezz tal-kondiviżjoni ta’ esperjenza u prattika tajba.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Hija bdiet tapplika mid-9 ta’ April 1999. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sad-9 ta’ April 2002.
ATT
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta’ Marzu 1999 dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żoo (ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24-26)
l-aħħar aġġornament 06.06.2016
Top