EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/979 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 dwar l-istandards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni finanzjarja ewlenija fis-sommarju ta’ prospett, il-pubblikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-prospetti, ir-reklami għal titoli, is-supplimenti għal prospett, u l-portal ta’ notifika

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/980 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/528 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-kontenut minimu ta’ informazzjoni tad-dokument li għandu jiġi ppubblikat għall-eżenzjoni ta’ prospett b’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) 2017/1129 (ir-regolament dwar il-prospett), kif issupplimentat bir-Regolamenti Delegati (UE) 2019/979, (UE) 2019/980 u (UE) 2021/528, għandu l-għan li jgħin lill-kumpaniji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jaċċessaw forom differenti ta’ finanzjament fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan jagħmel hekk billi jissimplifika u jintegra r-regoli u l-proċeduri għat-tfassil, l-approvazzjoni u t-tqassim tal-prospett* li jippubblikaw meta joffru t-titoli* lill-pubbliku jew ammissjoni ta’ titoli għall-kummerċ f’suq regolat.
  • Il-leġiżlazzjoni tnaqqas il-burokrazija żejda għalja u ta’ piż għall-kumpaniji u tippermetti lill-investituri jieħdu d-deċiżjoni t-tajba dwar l-investiment billi tipprovdi informazzjoni komprensibbli, faċli biex tiġi analizzata u konċiża.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament:

  • ineħħi l-ħtieġa ta’ prospett għal kwalunkwe offerta ta’ titoli lill-pubbliku inklużi proġetti ta’ finanzjament kollettiv (ġbir ta’ flus minn grupp kbir ta’ persuni, spiss permezz tal-Internet), ta’ inqas minn €1 miljun (preċedentement il-limitu kien ta’ €100,000);
  • jippermetti lill-Istati Membri tal-UE jkunu eżenti mill-ħtieġa ta’ prospett għal offerti ta’ titoli sa €8 miljun, sakemm ma jkunux jeħtieġu notifika (“passaport”);
  • jistabbilixxi regoli biex titrażżan it-tendenza li l-prospetti jiġu mgħobbija żżejjed b’fatturi ta’ riskju ġeneriċi;
  • isaħħaħ il-konverġenza superviżorja billi jarmonizza l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospetti (inklużi l-iskedi taż-żmien applikabbli) fl-UE kollha;
  • jippermetti lill-kumpaniji li spiss joħorġu titoli biex jużaw id-dokument tar-reġistrazzjoni universali sabiex jiżguraw approvazzjoni mgħaġġla minn superviżuri fi żmien 5 ijiem;
  • jintroduċi wkoll bażi tad-data Ewropea online, imħaddma mingħajr ħlas mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li fiha l-prospetti kollha approvati fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Ir-Regolament jirrikjedi prospett li jippermetti lil investitur jagħmel deċiżjoni informata. Dan għandu jinkludi:

  • assi, obbligi, profitti, telf, pożizzjoni finanzjarja u prospetti għall-emittent u kwalunkwe garanti;
  • drittijiet assoċjati mat-titoli;
  • raġunijiet biex jinħarġu t-titoli u l-impatt tagħhom fuq l-emittent;
  • sommarju ċar u preċiż ta’ seba’ paġni (ħlief għall-ammissjoni għall-kummerċ ta’ titoli mhux ta’ ekwità mmirati biss għal investituri kwalifikati), li jipprovdi:
    • introduzzjoni bi twissijiet, li l-investitur jista’ jitlef il-kapital investit kollu jew parti minnu,
    • informazzjoni ewlenija dwar it-titoli, inkluż it-tip u l-klassi tat-titoli u d-drittijiet assoċjati mat-titoli,
    • informazzjoni dwar l-emittent,
    • deskrizzjoni qasira tan-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ garanzija.

Ir-Regolament jistabbilixxi prospett ta’ tkabbir tal-UE standardizzat u ssimplifikat għal:

  • SMEs, definiti fid-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva MiFID II) (ara s-sommarju) bħala kumpaniji li jissodisfaw mill-inqas tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin:
    • numru medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja ta’ inqas minn 250,
    • karta tal-bilanċ totali li ma taqbiżx €43 miljun,
    • fatturat nett annwali li ma jaqbiżx €50 miljun;
  • emittenti, għajr l-SMEs, li t-titoli tagħhom huma nnegozjati jew għandhom jiġu nnegozjati f’suq tat-tkabbir tal-SMEs (suq li joffri aċċess għall-kapital għall-SMEs), b’kapitalizzazzjoni tas-suq medja (valur tas-suq tal-ishma tal-kumpanija) ta’ inqas minn €500 miljun;
  • offerenti ta’ titoli maħruġa minn emittenti msemmija fiż-żewġ punti preċedenti;
  • kumpaniji mhux elenkati (mhux elenkati fi kwalunkwe suq tal-istokks) li joffru titoli lill-pubbliku ta’ inqas minn €20 miljun fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar, diment li dawn ikollhom inqas minn 500 impjegat;
  • emittenti, minbarra l-SMEs, li joffru ishma lill-pubbliku u fl-istess ħin ifittxu l-ammissjoni ta’ dawk l-ishma għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, sakemm:
    • tali emittenti ma jkollhom ebda ishma diġà ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs,
    • il-valur magħqud tal-prezz finali tal-offerta (jew, jekk ma jkunx disponibbli, il-prezz massimu) u n-numru totali ta’ ishma pendenti immedjatament wara l-offerta tal-ishma lill-pubbliku jkun inqas minn €200 miljun.

Il-kumpaniji msemmijin hawn fuq jistgħu jibbenefikaw minn dan il-prospett imfassal apposta diment li huma ma jkollhom l-ebda titolu ammess għan-negozjar f’suq regolat.

Ir-Regolament jipprevedi prospett issimplifikat għall-kumpaniji elenkati għal mill-inqas 18-il xahar f’suq regolat jew suq tat-tkabbir tal-SMEs u li jixtiequ joħorġu ishma addizzjonali jew jiġbru d-dejn (ħruġ sekondarju).

Ir-regolament jarmonizza l-kontenut minimu ta’ informazzjoni tad-dokument li għandu jiġi ppubblikat għall-eżenzjoni ta’ prospett b’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni.

Regolamenti ta’ emenda

  • Ir-Regolament (UE) 2019/2115 għandu l-għan li jippromwovi l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs billi jnaqqas il-formalitajiet u l-piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs f’termini ta’ obbligi ta’ żvelar u prospett simplifikat.
  • Ir-Regolament (UE) 2020/1503 jintroduċi eżenzjoni tal-prospett għal offerti ta’ titoli lill-pubbliku magħmula minn fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li ma jaqbżux il-limitu ta’ €5 miljun skont il-kundizzjonijiet speċifikati f’dak ir-regolament.
  • Ir-Regolament (UE) 2021/337 jintroduċi “prospett ta’ rkupru tal-UE” ġdid biex jgħin lill-kumpaniji jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19. Dan il-prospett iqsar, b’tul massimu ta’ 30 paġna flimkien ma’ sommarju ta’ żewġ paġni, jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex jiġbru l-kapital biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom, filwaqt li jiżgura li tingħata informazzjoni adegwata lill-investituri. Il-prospett ta’ rkupru se jkun disponibbli għal żidiet fil-kapital sa massimu ta’ 150 % tal-kapital pendenti f’perjodu ta’ 12-il xahar u japplika sal-aħħar tal-2022.

Atti delegati

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-atti li ġejjin.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/980 li jistabbilixxi d-dettalji tal-kontenut preċiż u l-format tal-prospett, kif ukoll dwar l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/979 li jistabbilixxi d-dettalji tal-informazzjoni finanzjarja ewlenija fis-sommarju tal-prospett, il-pubblikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-prospett, ir-reklamar għat-titoli u s-suppliment għal prospett.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1273 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2019/980.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1272 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2019/979.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/528 li jistabbilixxi l-kontenut minimu ta’ informazzjoni tad-dokument li għandu jiġi ppubblikat għall-eżenzjoni ta’ prospett b’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni.

Rapport

Il-Kummissjoni Ewropea hija meħtieġa tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni qabel il-21 ta’ Lulju 2022.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (UE) 2017/1129 u r-Regolamenti Delegati (UE) 2019/979 u (UE) 2019/980 ilhom japplikaw mill-21 ta’ Lulju 2019.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/528 ilu japplika mill-15 ta’ April 2021.

SFOND

  • Id-Direttiva 2003/71/KE tfasslet sabiex tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex jiġġeneraw kapital madwar l-UE fuq il-bażi ta’ approvazzjoni minn superviżur nazzjonali wieħed biss. Din tat “passaport” lill-prospetti li fihom offerti transfruntiera. Ir-Regolament (UE) 2017/1129, li jħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 2003/71/KEE, jindirizza l-oqsma ta’ inċertezza legali u piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati li kienu ħarġu maż-żmien. Dan huwa meqjus bħala pass kbir lejn unjoni tas-swieq kapitali Ewropej.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prospett. Dokument legali li jiddeskrivi l-linja ta’ negozju ewlenija, il-finanzi u l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ kumpanija. L-investituri potenzjali jużawh biex jiddeċiedu jekk jixtrux it-titoli li toffri kumpanija.
Titoli. Ishma, bonds u derivattivi.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, pp. 12–82).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1129 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/979 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni finanzjarja ewlenija fis-sommarju ta’ prospett, il-pubblikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-prospetti, ir-reklami għal titoli, is-supplimenti għal prospett, u l-portal ta’ notifika, u li jħassar ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 382/2014 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/301 (ĠU L 166, 21.6.2019, pp. 1–25).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (ĠU L 166, 21.6.2019, pp. 26–176).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/528 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu ta’ informazzjoni tad-dokument li għandu jiġi ppubblikat għall-eżenzjoni ta’ prospett b’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni (ĠU L 106, 26.3.2021, pp. 32–46).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/337 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji u d-Direttiva 2004/109/KE fir-rigward tal-użu tal-format elettroniku uniku għar-rapportar għar-rapporti finanzjarji annwali, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID 19 (ĠU L 68, 26.2.2021, pp. 1–13).

Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, pp. 1–49).

Ir-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda d-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu ta’ swieq tat-tkabbir tal-SMEs (ĠU L 320, 11.12.2019, pp. 1–10).

l-aħħar aġġornament 22.11.2021

Top