EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sigurtà tal-prodotti: regoli ġenerali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-direttiva, magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (DSĠP), tirrikjedi li d-ditti jiżguraw li oġġetti mqiegħda għall-bejgħ huma siguri u biex jieħdu azzjoni korrettiva meta jinstab li ma jkunx il-każ.

Hija tintroduċi sistema ta’ twissija rapida tal-UE għal prodotti* perikolużi mhux marbuta mal-ikel. Dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jaqsmu l-informazzjoni fil-pront dwar kwalunkwe miżura meħuda biex jirtiraw tali prodotti mill-bejgħ.

PUNTI EWLENIN

  • Il-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE għandhom ikunu sikuri.
  • Huma għandu jkollhom fuqhom l-informazzjoni li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu traċċati, bħall-identità tal-manifattur u referenza tal-prodott. Fejn ikun meħtieġ għal użu sikur, il-prodotti għandhom ikunu akkumpanjati minn twissijiet u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju inerenti.
  • Prodott jitqies bħala sikur jekk jissodisfa rekwiżiti nazzjonali speċifiċi jew standards tal-UE. Jekk ma jeżistux tali rekwiżiti jew standards, il-valutazzjoni tas-sikurezza għandha tkun ibbażata fuq:
    • il-linji gwida tal-Kummissjoni;
    • l-aqwa prassi fis-settur ikkonċernat;
    • l-aktar stat avvanzat u t-teknoloġija;
    • l-aspettattivi raġonevoli rigward is-sigurtà tal-konsumaturi.
  • L-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali għandhom setgħat sabiex jimmonitorjaw is-sigurtà tal-prodotti u jieħdu azzjoni xierqa kontra oġġetti perikolużi.
  • Sistema ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni, ġestita mill-Kummissjoni, tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jwissu lill-kontropartijiet tagħhom malajr dwar kwalunkwe prodott li jikkawża riskju serju għas-saħħa u s-sigurtà. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea (RAPEX) dwar is-sigurtà tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha, stabbilita bid-Direttiva 2001/95/KE. Hemm fis-seħħ arranġamenti separati għall-ikel, għall-prodotti farmaċewtiċi u għat-tagħmir mediku.
  • Meta jużaw is-sistema ta’ twissija rapida, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprovdu informazzjoni li tidentifika l-oġġett u d-disponibbiltà tiegħu fi bnadi oħra fl-Ewropa, dettalji tar-riskji li jippreżenta u kwalunkwe azzjoni meħuda sabiex tipproteġi lill-pubbliku.
  • Il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri rapidi mifruxa mal-UE kollha għal massimu ta’ sena (li jistgħu jiġu mġedda) jekk prodott speċifiku jikkawża riskju serju.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal antikitajiet jew għal oġġetti li għandhom bżonn jissewwew jew jiġu rikondizzjonati.

META DAĦLET FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA?

Din ilha fis-seħħ mill-15 ta’ Jannar 2002 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-15 ta’ Jannar 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodott: kwalunkwe oġġett intiż għall-bejgħ lil, jew li x’aktarx jintuża minn, konsumaturi, kemm jekk huwa ġdid, użat jew rikondizzjonat.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4-17)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/95/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 tat-8 ta’ Novembru 2018 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 121-187)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/15/UE tas-16 ta’ Diċembru 2009 li tistabbilixxi l-linji gwida għall-immaniġġjar tas-Sistema tal-Informazzjoni Rapida tal-Komunità RAPEX stabbilita skont l-Artikolu 12 u tal-proċedura ta’ notifika stabbilita skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/95/KE (id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti) (ĠU L 22, 26.1.2010, p. 1-64)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU C 38, 17.2.2009, p. 11-14)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (KUMM(2008) 905 finali tal-14 ta’ Jannar 2009)

l-aħħar aġġornament 14.09.2015

Top