EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Qafas għas-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2021/2167 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Tarmonizza r-regoli għas-servizzjanti tal-kreditu* u xerrejja tal-kreditu* tad-drittijiet ta’ kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu improduttiv.
  • L-għan tagħha huwa li tappoġġja l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal self improduttiv* fl-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li jiġi żgurat li l-bejgħ ta’ self bħal dan ma jimminax id-drittijiet tal-mutwatarji.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva, apparti xi eżenzjonijiet definiti b’mod ċar, tapplika kemm għal servizzjanti tal-kreditu kif ukoll għal xerrejja tal-kreditu ta’ drittijiet tal-kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu improduttiv.

Awtorizzazzjoni ta’ servizzjanti tal-kreditu

Is-servizzjanti tal-kreditu għandhom:

  • jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali rilevanti;
  • jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet (in-nuqqas li jagħmlu dan huwa raġuni għal rifjut ta’ applikazzjoni), notevolment:
    • ikunu persuna ġuridika u jkollhom l-uffiċċju reġistrat jew prinċipali tagħhom f’dak l-Istat Membru tal-UE,
    • juru li l-membri tal-korpi maniġerjali jew amministrattivi tagħhom huma ta’ reputazzjoni tajba b’kondotta tal-pulizija nadifa, ma ġewx iddikjarati falluti u għandhom l-għarfien u l-esperjenza biex jaġixxu b’mod kompetenti u responsabbli,
    • għandhom fis-seħħ governanza robusta u kontrolli interni adegwati,
    • isegwu regoli għall-protezzjoni u t-trattament ġust u diliġenti tal-mutwatarji u għar-reġistrazzjoni u t-trattament tal-ilmenti tagħhom mingħajr ħlas,
    • japplikaw proċeduri adegwati kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,
    • ikunu soġġetti għal rappurtar nazzjonali u rekwiżiti ta’ divulgazzjoni pubblika.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom:

  • japplikaw proċedura ta’ awtorizzazzjoni għas-servizzjanti tal-kreditu li teħtieġ li dawn jagħtu prova li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha;
  • jiddeċiedu fi żmien 90 jum jekk jagħtux jew jirrifjutawx awtorizzazzjoni;
  • ikollhom setgħat superviżorji, investigattivi u ta’ sanzjoni u jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, jirtiraw awtorizzazzjoni;
  • iżommu reġistru online aċċessibbli għall-pubbliku tas-servizzjanti tal-kreditu kollha;
  • jippermettu, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, lis-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati fi Stat Membru wieħed jipprattikaw xi mkien ieħor fl-UE.

Ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu, fit-trattativi tagħhom mal-mutwatarji, għandhom:

  • jaġixxu in bona fede, b’mod ġust u professjonali;
  • jipprovdu informazzjoni lill-mutwatarji li ma tkunx qarrieqa, ambigwa jew falza;
  • jirrispettaw u jipproteġu l-informazzjoni personali u l-privatezza tal-mutwatarji;
  • ma jagħtux fastidju, iġiegħlu jew jinfluwenzaw b’mod mhux debitu lill-mutwatarji;
  • jipprovdu lill-mutwatarji l-informazzjoni li ġejja wara t-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur u qabel l-ewwel ġbir ta’ dejn, jew kull meta jitlob hekk il-mutwatarju:
    • id-data tat-trasferiment u l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tax-xerrej tal-kreditu,
    • l-ammonti tad-dejn tal-mutwatarju, imqassma f’kapital, imgħax, tariffi u imposti oħra,
    • dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-liġijiet rilevanti kollha tal-UE u nazzjonali għadhom japplikaw,
    • l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

Dritt għall-informazzjoni

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom:

  • jipprovdu lix-xerrejja prospettivi tal-kreditu informazzjoni dwar id-drittijiet tal-kreditur sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw huma stess il-probabbiltà li jirkupraw is-self pendenti;
  • jagħtu informazzjoni, bħad-dettalji tax-xerrejja tal-kreditu u l-bilanċ pendenti aggregat tal-portafolli tal-kreditu trasferiti, inkluż in-numru u d-daqs tagħhom, lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom darbtejn fis-sena.

Ix-xerrejja tal-kreditu li jittrasferixxu d-drittijiet ta’ kreditur għandhom, darbtejn fis-sena u possibilment kull tliet xhur, jagħtu lill-awtoritajiet rilevanti dettalji dwar ix-xerrej il-ġdid u informazzjoni bħall-bilanċ pendenti aggregat.

L-Istati Membri huma responsabbli biex jistabbilixxu pieni amministrattivi u miżuri ta’ rimedju xierqa għall-ksur tad-direttiva.

L-Awtorità Bankarja Ewropea toħroġ linji gwida u standards tekniċi dwar aspetti dettaljati tad-direttiva.

Id-direttiva temenda d-Direttiva 2008/48/KE (ara s-sommarju) u d-Direttiva 2014/17/UE (ara s-sommarju).

Il-Kummissjoni Ewropea tissottometti rapporti dwar:

META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?

  • Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-28 ta’ Diċembru 2021. Dawn ir-regoli japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2023.
  • Skont il-liġi nazzjonali fit-30 ta’ Diċembru 2023, entitajiet li diġà qed iwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu se jitħallew ikomplu jagħmlu dan fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom sad-29 ta’ Ġunju 2024 jew sad-data li fiha jiksbu awtorizzazzjoni skont din id-direttiva, skont liema minnhom ikun l-ewwel.

SFOND

  • Self bankarju ġeneralment jitqies bħala improduttiv meta jgħaddu aktar minn 90 jum mingħajr ma l-mutwatarju jħallas ir-ripagamenti parzjali jew l-imgħax miftiehem, jew meta jsir improbabbli li jiġi rimborżat.
  • Ġestjoni effiċjenti ta’ self improduttiv tnaqqas ir-riskji fil-karti tal-bilanċ tal-banek, u tippermettilhom jiffokaw fuq is-self lin-negozji u lill-individwi.

TERMINI EWLENIN

Servizzjant tal-kreditu. Persuna ġuridika li timmaniġġja u tinforza d-drittijiet u l-obbligi ta’ kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu improduttiv.
Xerrej tal-kreditu. Persuna fiżika jew ġuridika, minbarra istituzzjoni ta’ kreditu, li tixtri drittijiet ta’ kreditur taħt kuntatt ta’ kreditu improduttiv jew il-kuntratt innifsu.
Self improduttiv. Self bankarju suġġett għal ripagament tard jew mhux probabbli li jitħallas lura mill-mutwatarju.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE (ĠU L 438, 8.12.2021, pp. 1–37).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, pp. 34–85).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/17/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, pp. 1–337).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 1–11).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, pp. 12–47).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, pp. 66–92).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 27.04.2022

Top