Use quotation marks to search for an "exact phrase". Append an asterisk (*) to a search term to find variations of it (transp*, 32019R*). Use a question mark (?) instead of a single character in your search term to find variations of it (ca?e finds case, cane, care).
Ir-Regolament (UE) 2023/1115 jistabbilixxi regoli vinkolanti għall-operaturi tal-Unjoni Ewropea (UE), l-operaturi downstream u n-negozjanti li jagħmlu disponibbli l-ifrat, il-kawkaw, il-kafè, il-palm għaż-żejt, il-gomma, is-sojja u l-injam, flimkien ma’ ċerti prodotti derivati, fis-suq tal-UE jew jesportawhom mill-UE, bil-għan li:
jimminimizza l-kontribut tal-UE għad-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti;
inaqqas il-kontribut tal-UE għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-telf tal-bijodiversità globali.
Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma r-riżultat tal-espansjoni tal-art agrikola, li hija marbuta mal-produzzjoni tal-komoditajiet koperti minn dan ir-regolament (frat, kawkaw, kafè, palm għaż-żejt, gomma, sojja u injam). Bħala konsumatur maġġur ta’ dawn il-komoditajiet, l-UE tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha għad-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresta billi tassikura li dawn il-prodotti u l-ktajjen tal-provvista tagħhom jkunu ħielsa minn deforestazzjoni.
Diliġenza dovuta
Il-valutazzjoni tal-impatt tar-regolament tistma li, mingħajr dan l-intervent, il-konsum u l-produzzjoni tal-UE tas-seba’ prodotti waħedhom jistgħu jikkawżaw kważi 250 000 ettaru ta’ deforestazzjoni kull sena sal-2030.
Ir-regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) 2025/2650, jiddistingwi bejn l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti, b’obbligi differenzjati tul il-katina tal-provvista.
Ir-regolament jistabbilixxi regoli obbligatorji ta’ diliġenza dovuta għall-operaturi li jintroduċu dawn il-prodotti fis-suq tal-UE jew jesportawhom mill-UE.
Ir-regoli japplikaw ukoll għal għadd ta’ prodotti derivati, bħaċ-ċikkulata, l-għamara, il-karta stampata u firxa ta’ prodotti derivati miż-żejt tal-palm (eż. prodotti tal-kura personali).
L-operaturi huma meħtieġa jittraċċaw il-prodotti li jbigħu lura għal roqgħa art fejn ġew prodotti u jiddikjaraw li eżerċitaw diliġenza dovuta. L-operaturi primarji mikro jew żgħar jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit permezz ta’ dikjarazzjoni simplifikata.
Ir-regolament jippermetti lill-operaturi jagħtu mandat biex rappreżentant awtorizzat jissottometti dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata f’isimhom.
Ir-regolament jistabbilixxi data ta’ skadenza tal-31 ta’ Diċembru 2020, li jfisser li huma biss il-prodotti li ġew prodotti fuq art li ma kinitx soġġetta għad-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti wara l-31 ta’ Diċembru 2020 li jistgħu jiġu introdotti jew isiru disponibbli fis-suq tal-UE jew jiġu esportati mill-UE.
Sistema ta’ informazzjoni se tkun aċċessibbli għall-operaturi u, jekk ikun applikabbli, għar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, għall-operaturi downstream u għan-negozjanti, kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali, biex dawn ikunu jistgħu jimplimentaw l-obbligi rispettivi tagħhom kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2023/1115. Is-sistema, li hija applikazzjoni tas-software bbażata fuq il-pjattaforma Traces, stabbilita taħt ir-Regolament (UE) 2017/625 dwar l-infurzar tar-regoli tal-UE għall-katina agroalimentari, hija ddisinjata biex tiffaċilita t-trasferiment ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE. Se tappoġġa s-sottomissjoni kemm ta’ dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta kif ukoll ta’ dikjarazzjonijiet simplifikati. Att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament (UE) 2024/3084, jistabbilixxi r-regoli għall-funzjonament ta’ din is-sistema ta’ informazzjoni, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u dwar l-iskambju ta’ data ma’ sistemi oħra tal-IT.
Klassifikazzjoni tar-riskju u kontrolli tal-prodotti
Ir-regolament jinkludi l-ħolqien ta’ sistema ta’ valutazzjoni komparattiva, li tassenja livell ta’ riskju relatat mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti (baxx, standard jew għoli) lill-Istati Membri u lill-pajjiżi mhux tal-UE.
Il-kategorija ta’ riskju tiddetermina l-livell ta’ obbligi għad-diliġenza dovuta tal-operaturi u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex iwettqu spezzjonijiet u kontrolli.
Biex jivverifikaw li jkunu wettqu l-obbligi tagħhom effettivament, kull Stat Membru ser ikollu jagħmel verifiki fuq:
9 % tal-operaturi li jittrattaw prodotti minn pajjiżi b’riskju għoli, flimkien ma’ 9 % tal-komoditajiet u tal-prodotti rilevanti introdotti fis-suq tagħhom minn pajjiżi b’riskju għoli, magħmula disponibbli fis-suq tagħhom jew esportati minnhom;
3% tal-operaturi li jittrattaw bi prodotti minn pajjiżi b’riskju standard;
1% tal-operaturi li jittrattaw bi prodotti minn pajjiżi b’riskju baxx.
L-UE ser ittejjeb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sieħba, b’mod partikolari dawk ikklassifikati bħala ta’ riskju għoli.
Ir-regolament jinkludi regoli dwar il-penali, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn il-penali għandhom jinkludu, fost affarijiet oħra, multi proporzjonati għall-ħsara ambjentali u l-valur tal-komoditajiet jew tal-prodotti, li jridu jiġu stabbiliti f’’livell ta’ mill-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-operaturi fl-UE, u esklużjoni temporanja mill-proċessi tal-akkwist pubbliku u/jew mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku. Dawn japplikaw f’konformità mal-obbligi stabbiliti skont ir-regolament.
MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ir-Regolament (UE) 2023/1115 ilu fis-seħħ mid-.
Ir-Regolament emendatorju (UE) 2024/3234 ippospona b’sena d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115, u r-Regolament emendatorju (UE) 2025/2650 kompla jipposponi l-applikazzjoni tiegħu b’sena oħra.
L-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti li mhumiex intrapriżi mikro jew żgħar se jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2023/1115 mit-, u l-intrapriżi mikro u żgħar mit-.
Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU L 150, , pp. 206–247).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2023/1115 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1093 tal-22 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ lista tal-pajjiżi li jippreżentaw riskju baxx jew għoli.
Avviż tal-Kummissjoni — Dokument ta’ gwida għar-Regolament (UE) 2023/1115 dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3084 tal-4 ta’ Diċembru 2024 dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/1115.