Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-direttiva:

  • tistabbilixxi sett ta’ regoli aġġornati li jirregolaw in-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (telekomunikazzjoni), servizzi ta’ telekomunikazzjoni, u faċilitajiet u servizzi assoċjati;
  • tistabbilixxi kompiti għal awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet rilevanti oħra, u tistabbilixxi sett ta’ proċeduri biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jkun armonizzat madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha;
  • għandha l-għan li tistimula l-kompetizzjoni u żżid l-investiment fil-5G1 u f’netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna, sabiex kull ċittadin u negozju fl-UE jkun jista’ jgawdi konnettività ta’ kwalità għolja, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u żieda fl-għażla ta’ servizzi diġitali innovattivi.

PUNTI EWLENIN

L-għanijiet ġenerali huma li:

  • tippromwovi l-konnettività u l-adozzjoni ta’ netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna, inklużi netwerks fissi, mobbli u bla fili, għaċ-ċittadini u n-negozji kollha tal-UE;
  • tippromwovi l-interessi taċ-ċittadini tal-UE billi:
    • tippermetti benefiċċji massimi f’termini ta’ għażla, prezz u kwalità permezz ta’ kompetizzjoni effettiva,
    • iżżomm is-sigurtà tan-networks u s-servizzi,
    • Tiżgura protezzjoni għall-konsumaturi permezz ta’ regoli speċifiċi, u
    • tindirizza l-bżonnijiet ta’ gruppi soċjali speċifiċi, b’mod partikolari nies b’diżabbiltà, nies akbar fl-età u nies bi bżonnijiet soċjali speċjali;
  • tiffaċilita d-dħul fis-suq u tippromwovi l-kompetizzjoni fit-twassil ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjoni u faċilitajiet assoċjati;
  • tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern fin-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni fl-UE, billi tiżviluppa regoli komuni u regolamentazzjoni prevedibbli li tinkludi:
    • l-użu effettiv, effiċjenti u kkoordinat tal-ispettru tar-radju,
    • innovazzjoni miftuħa,
    • l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej,
    • id-disponibbiltà u l-interoperabbiltà ta’ servizzi mal-Ewropa kollha, u
    • konnettività minn tarf sa tarf.

Ir-responsabbiltà tal-Istati Membrital-UE hija li:

  • jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni Ewropea fl-ippjanar strateġiku u l-koordinazzjoni tal-politika tal-ispettru tar-radju, filwaqt li tiġi evitata interferenza li tagħmel ħsara, permezz tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju;
  • jiżguraw li l-kompiti stabbiliti fid-direttiva jitwettqu minn awtorità rilevanti;
  • jiggarantixxu li awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra huma indipendenti minn manifatturi ta’ tagħmir ta’ telekomunikazzjoni u fornituri tas-servizz;
  • jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali:
    • huma protetti kontra intervent estern jew pressjoni politika li tista’ tfixkel il-valutazzjoni indipendenti tagħhom, u
    • ikollhom awtonomija baġitarja u biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom.

Objettivi u kompiti ġodda

Minbarra li tissostitwixxi u tħassar il-leġiżlazzjoni eżistenti, id-direttiva tintroduċi serje ta’ objettivi u kompiti ġodda.

  • Regoli tal-konsumaturi aktar b’saħħithom għandhom l-għan li jagħmluha eħfef biex taqleb bejn fornituri tas-servizz u joffru protezzjoni aħjar, pereżempju, għal nies li jabbonaw għal servizzi miġbura flimkien. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni simili u ogħla madwar l-UE kollha.
  • Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni issa jinkludu servizzi pprovduti permezz tal-internet li ma jużawx numri għal telefonati, bħal applikazzjonijiet tal-messaġġi u email. Mekkaniżmu ta’ reviżjoni għandu l-għan li jiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi jibqgħu robusti u aġġornati hekk kif ikun hemm tibdil fil-mudelli tan-negozju u l-imġiba tal-konsumaturi.
  • Aċċess għall-internet broadband adegwat u affordabbli jrid ikun disponibbli għall-konsumaturi kollha, irrispettivament minn fejn joqogħdu jew mill-introjtu tagħhom.
  • Il-persuni b’diżabbiltà għandu jkollhom aċċess ekwivalenti għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni.
  • L-Istati Membri se jistabbilixxu sistema ta’ twissija pubblika biex jibagħtu twissijiet liċ-ċittadini fuq il-mowbajls tagħhom f’każ ta’ diżastru naturali jew emerġenza kbira oħra fiż-żona tagħhom.
  • L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-operaturi b’regolamentazzjoni prevedibbli għal-liċenzjar tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla fili għal mill-inqas 20 sena sabiex jippromwovu l-investiment, b’mod partikolari fil-konnettività 5G u aktar konverġenza fil-proċeduri ta’ għażla nazzjonali permezz ta’ forum ta’ evalwazzjoni bejn il-pari.
  • Baned ta’ frekwenza ġodda għall-konnettività 5G għal konnessjonijiet tal-internet aktar rapidi u għal konnettività aħjar, kif ukoll koordinazzjoni ta’ meta jsir liċenzjar tal-ispettru u reġim regolatorju eħfef għall-iskjerament ta’ tagħmir żgħir ta’ netwerks mobbli.
  • Regoli dwar l-aċċess tal-operaturi għal netwerks sabiex tiġi nkoraġġita l-kompetizzjoni u jagħmluha eħfef għal kumpaniji li jinvestu f’infrastruttura ġdida ta’ kapaċità għolja ħafna (veloċitajiet ta’ tniżżil ta’ 100 Mbps jew aktar), inkluż f’żoni remoti, filwaqt li tiġi żgurata regolamentazzjoni effettiva tas-suq.
  • Għodod ġodda se jindirizzaw kwistjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’ċerti ċirkostanzi tas-suq. Regolamentazzjoni simetrika2 se tapplika għal fornituri ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika f’xi sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Il-Kummissjoni adottat l-atti ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

  • Ir-Regolament (UE) 2019/2243 li jistabbilixxi mudell għas-sommarju tal-kuntratt li għandu jintuża mill-fornituri ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika; u
  • Ir-Regolament (UE) 2020/1070 li jispeċifika l-karatteristiċi tal-punti ta’ aċċess bla fili ta’ żona żgħira.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-atti delegati li ġejjin li jissupplimentaw id-Direttiva (UE) Nru 2018/1972:

  • Ir-Regolament (UE) 2021/654 li jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mowbajl (imposta għas-sejħiet) u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-UE;
  • Ir-Regolament (UE) 2023/444 dwar miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiv kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-. Dawn ir-regoli ilhom japplikaw mill-istess data.

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tirriformula u tissostitwixxi d-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE u 2002/21/KE (u l-emendi sussegwenti tagħhom) li kellhom isiru liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

  1. 5G. L-aktar ġenerazzjoni riċenti ta’ komunikazzjoni mobbli ċellulari, ikkaratterizzata minn rata għolja ta’ data, latenza mnaqqsa, iffrankar ta’ enerġija, tnaqqis fl-ispejjeż, kapaċità ogħla tas-sistema u konnettività akbar tal-apparati.
  2. Regolamentazzjoni simetrika. L-istess regolament tal-fornituri kollha tan-netwerk (għal kuntrarju ta’ regolamentazzjoni asimetrika, li tiddistingwi bejn fornituri, ġeneralment biex tipprovdi kundizzjonijiet ekwi bejn fornituri ta’ inqas u aktar importanza).

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni) (ĠU L 321, , pp. 36–214).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2018/1972 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament

Top