Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aġenda tal-UE dwar is-sigurtà

Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà - COM(2015) 185 final

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015) 185 final tat-28.4.2015)

SOMMARJU

X’TAGĦMEL L-AĠENDA?

Din tistabbilixxi l-prinċipji biex l-azzjoni tal-UE tirreaġixxi b’mod effettiv għat-theddidiet ta’ sigurtà u l-passi ewlenin ippjanati mill-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tagħhom.

Tidentifika tliet prijoritajiet għal azzjoni immedjata, kemm mill-gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill-istituzzjonijiet tal-UE, li jikkondividu r-responsabbiltà għas-sigurtà fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Ħames prinċipji ewlenin tal-aġenda:

konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali tal-persuni,

formulazzjoni trasparenti u responsabbli tal-politiki dwar is-sigurtà (biex tiġi żgurata l-fiduċja pubblika),

implimentazzjoni aħjar tal-miżuri eżistenti tal-UE - permezz ta' aktar kondiviżjoni tal-informazzjoni, aktar ħidma flimkien fil-livell operazzjonali u permezz ta' programmi ta’ finanzjament u ta’ taħriġ ġodda,

il-koordinazzjoni tal-ħidma tad-diversi aġenziji tal-UE fil-qasam tas-sigurtà b’mod aktar effiċjenti,

enfasi konġunta fuq is-sigurtà interna u interna, peress li t-theddidiet ma jiqfux fil-fruntieri nazzjonali.

Tliet prijoritajiet għal azzjoni immedjata:

1.

Terroriżmu u radikalizzazzjoni: l-aġenda tipproponi Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol, li jiġbor flimkien il-firxa wiesgħa tal-għarfien espert eżistenti, ir-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroristi u l-indirizzar tal-kawżi primarji tal-estremiżmu.

2.

Kriminalità organizzata internazzjonali: il-pajjiżi ġirien tal-UE se jkunu involuti aktar mill-qrib fl-attivitajiet operattivi. Se jsiru aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-finanzjament tal-kriminalità u jiġu kkonfiskati l-assi, biex jiġu miġġielda l-persuni involuti fil-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin.

3.

Ċiberkriminalità :

implimentazzjoni sħiħa mill-gvernijiet tal-UE tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiġu miġġielda attakki fuq sistemi tal-informazzjoni u l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn,

l-immodernizzar tal-liġijiet biex jitqiesu forom ġodda ta’ kriminalità, u b’hekk jitneħħew l-ostakoli għall-investigazzjonijiet kriminali dwar iċ-ċiberkriminalità,

ħidma mill-qrib mas-settur privat u l-għoti ta’ taħriġ speċjalizzat bl-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol,

taħriġ dwar kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà għal pajjiżi sħab barranin.

SFOND

L-aġenda hija waħda mit-testi ewlenin li fuqu hija bbażata l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE għall-2015-2020.

Din għandha titqies flimkien mal-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni.

Aktar fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni (COM(2015) 240 final tat-13.5.2015)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna Mġedda għall-Unjoni Ewropea 2015-2020

l-aħħar aġġornament 26.08.2015

Top