Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Dokument provviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2019/997 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-dokument provviżorju tal-ivvjaġġar tal-UE (ETD tal-UE) huwa dokument tal-ivvjaġġar maħruġ fuq talba mingħand Stat Membru tal-UE għal xi ħadd mhux rappreżentat1 ċittadin tal-Unjoni Ewropea (UE) jekk, pereżempju, il-passaport tagħhom insteraq, intilef jew inqered, jew li ma jkunx jista’ jinkiseb fi żmien raġonevoli.
  • Id-direttiva tistipula r-regoli u l-proċeduri biex jinkiseb id-dokument u tistabbilixxi format uniformi. L-ETD tal-UE jippermetti l-istess tip ta’ protezzjoni konsulari u diplomatika fil-pajjiż taż-żjara bħal dik li jgawdu ċ-ċittadini tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument.

PUNTI EWLENIN

Proċedura

  • Ċittadini mhux rappreżentati jistgħu japplikaw għall-ETD tal-UE fl-ambaxxata jew fil-konsulat ta’ kwalunkwe Stat Membru. Meta Stat Membru jirċievi applikazzjoni, dan jeħtieġ li fl-inqas żmien possibbli u mhux iktar tard minn jumejn tax-xogħol wara li jkun irċeviha, jikkonsulta mal-Istat Membru tan-nazzjonalità biex jivverifika n-nazzjonalità u l-identità tal-applikant. Jeħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha, partikolarment:
    • l-isem tal-applikant, in-nazzjonalità, id-data tat-twelid u l-ġeneru;
    • ritratt tal-wiċċ komplet;
    • kopji jew kopji skennjati ta’ kwalunkwe mezz ta’ identifikazzjoni disponibbli, bħal karta tal-identità, liċenzja tas-sewqan jew numru tas-sigurtà soċjali.
  • Normalment fi żmien tlett ijiem minn meta jirċievi l-informazzjoni, l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandu jikkonferma jekk l-applikant huwiex wieħed miċ-ċittadini tiegħu. L-Istat Membru li qed jittratta l-applikazzjoni imbagħad joħroġ l-ETD tal-UE fi żmien jumejn xogħol.
  • Jekk l-Istat Membru tan-nazzjonalità joġġezzjona li jinħareġ ETD tal-UE lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu, id-dokument ma jinħariġx u l-Istat Membru tan-nazzjonalità ser ikun imbagħad responsabbli għall-protezzjoni konsulari.
  • F’każijiet estremament urġenti, l-Istat Membru li qed jittratta l-applikazzjoni jista’ joħroġ ETD tal-UE mingħajr konsultazzjoni, imma l-ewwel irid ikun uża’ kull mezz possibbli ta’ komunikazzjoni u għandu jinforma l-Istat Membru tan-nazzjonalità mill-iktar fis possibbli.
  • Għal raġunijiet ta’ sigurtà, id-detentur għandu jirritorna l-ETD tal-UE lill-awtoritajiet kompetenti, irrispettivament minn jekk dan ikunx skada, mal-wasla fid-destinazzjoni finali.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi formola ta’ applikazzjoni standard.

Formati uniformi

  • Id-direttiva tiddefinixxi l-format standard li ser jintuża’ għall-ETDs tal-UE u dan jikkonsisti f’formola standard flimkien ma’ stiker. Dawn irid ikun fihom l-informazzjoni meħtieġa kollha u jissodisfaw standards tekniċi għoljin, b’mod partikolari salvagwardji kontra l-iffalsifikar u l-falsifikazzjoni.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2452, adottata f’Diċembru 2022, tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali dwar:
    • id-disinn, il-format u l-kuluri tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE;
    • ir-rekwiżiti għat-tekniki tal-materjal u tal-istampa tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE; u
    • il-karatteristiċi u r-rekwiżiti ta’ sigurtà, inklużi standards imtejba kontra l-frodi, il-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni.

Spejjeż

L-Istat Membru li qed jittratta applikazzjoni jeħtieġ li jiċċarġja l-applikant l-istess miżata li jiċċarġja ċittadini tiegħu stess għal dokumenti provviżorji, u jista’ jagħżel li jneħħi t-tariffa b’mod ġenerali jew fi kwalunkwe sitwazzjoni li jiddeċiedi.

Validità

L-ETD tal-UE huwa validu għall-perjodu meħtieġ biex iseħħ il-vjaġġ għalfejn inħareġ filwaqt li jippermetti l-waqfiet u l-konnessjonijiet ta’ matul il-lejl li jkun hemm bżonn. Il-perjodu ta’ validità jinkludi perjodu ta’ grazzja ta’ jumejn. Il-validità normalment ma taqbiżx 15-il ġurnata.

Transpożizzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni

  • L-Istati Membri jassiguraw monitoraġġ regolari ta’ kif din id-direttiva qed tiġi applikata.
  • L-Istati Membri għandhom sentejn mill-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali biex jgħaddu l-liġijiet, ir-regolamenti u r-regoli amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-direttiva (jiġifieri sa Diċembru 2024). L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn ir-regoli nazzjonali sa Diċembru 2025.
  • Mhux iktar kmieni minn ħames snin wara d-data tat-transpożizzjoni, il-Kummissjoni ser tevalwa d-direttiva u ser tirrapporta s-sejbiet ewlenin tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport se jinkludi evalwazzjoni dwar kemm hu xieraq il-livell tas-sigurtà tad-data personali, l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u l-introduzzjoni possibbli ta’ miżata uniformi għal ETDs tal-UE.
  • Id-direttiva tirrevoka d-Deċiżjoni 96/409/PESK.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

L-Istati Membri għandhom sa Diċembru 2024 biex jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva għandha tapplika minn Diċembru 2025, li jfisser li ċ-ċittadini tal-UE se jinħarġilhom l-ETD tal-UE l-ġdid minn dik id-data.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

  1. Ċittadin tal-UE mhux rappreżentat. Ċittadin li jżomm in-nazzjonalità ta’ Stat Membru li mhuwiex rappreżentat f’pajjiż mhux tal-UE, jiġifieri pajjiż li ma jkollux ambaxxata jew konsulat permanenti, jew li ma għandu l-ebda ambaxxata, konsulat jew konslu onorarju hemmhekk li jkun effettivament f’pożizzjoni li jipprovdi protezzjoni konsolari f’każ partikolari.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat- li tistabbilixxi dokument provviżorju tal-ivvjaġġar u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK (ĠU L 163, , pp. 1–12).

l-aħħar aġġornament

Top