This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Żgurar li l-Istati Membri tal-UE jikkonformaw ma' u jinfurzaw il-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu
Din id-direttiva tal-Unjoni Ewropea (UE) tiddefinixxi r-responsabilitajiet li għandhom l-Istati tal-bandiera (il-bandiera turi l-pajjiżi fejn il-bastimenti huma rreġistrati) fir-rigward tal-infurzar tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu (MLC - Maritime Labour Convention) li sar qbil fuqha fl-2006 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).
ATT
Direttiva 2013/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 u l-infurzar tagħha, 2006.
SOMMARJU
Id-direttiva tfittex li tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jissodisfaw l-obbligi tagħhom, bħala Stati tal-bandiera fir-rigward tal-implimentazzjoni minn bastimenti li jtajjru l-bandiera tagħhom, ta' partijiet relevanti tad-Direttiva 2009/13/KE li inkorporat fil-liġi tal-UE parti importanti tal-MLC 2006.
MLC 2006 tistabbilixxi standards minimi globali sabiex tiżgura d-dritt għall-baħħara kollha għal kundizzjonijiet tal-għajxien u xogħol deċenti, irrispettivament min-nazzjonalità u irrispettivament mill-bandiera tal-bastimenti fuq liema huma jservu. Tfittex ukoll li tillimita d-“dumping” soċjali sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta għas-sidien tal-bastimenti li jirrispettaw id-drittijiet tal-baħħara.
Il-punti ewlenin tad-direttiva l-ġdida huma:
1. | Il-monitoraġġ tal-konformità |
Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġu jintroduċu mekkaniżmi ta' infurzar u monitoraġġ effettivi u xierqa, inkluż ispezzjonijiet f'intervalli speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti li jtajjru l-bandiera tagħhom, jissodisfaw, u jibqgħu jissodisfaw, ir-rekwiżiti tal-MLC 2006.
Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiġu adattati sabiex iqisu l-kundizzjonijiet speċifiċi relatati ma' bastimenti ta' inqas minn 200 tunnellaġġ gross mhux involuti fi vjaġġi internazzjonali. Filwaqt li jibqgħu responsabbli għal kollox għall-ispezzjoni, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jawtorizzaw lil organizzazzjonijiet b'ħila esperta fil-qasam (organizzazzjonijiet rikonoxxuti) sabiex iwettqu spezzjonijiet bħal dawn.
2. | Spetturi |
Persunal awtorizzat sabiex iwettaq spezzjonijiet u li jkun responsabbli mill-verifika ta' implimentazzjoni xierqa, jeħtieġ li jkollu l-kompetenza professjonali u l-indipendenza meħtieġa.
Fejn l-istandards tal-MLC 2006 ma jiġux issodisfati, l-ispetturi jistgħu jipprojbixxu bastiment milli jitlaq minn port sakemm jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.
3. | Proċeduri ta' ilmenti |
Kull pajjiż tal-UE għandu jiżgura li jkun hemm fis-seħħ proċeduri xierqa ta' indirizzar ta' ilmenti abbord. Persunal li jindirizza jew li jsir konxju minn ilmenti għandu jindirizza s-sors ta' kwalunkwe motiv ta' lment jew ilment bħala kunfidenzjali.
Ir-responsabiltajiet tal-istati tal-port għall-infurzar ta' MLC 2006 huma koperti mid- Direttiva 2013/38/UE adottata fl-2013.
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
30.12.2013 |
31.3.2015 |
ĠU L 329 tal-10.12.2013, p 1-4 |
ATTI RELATATI
Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta' Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124 tal-20.5.2009).
Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port (ĠU L 218 tal-14.8.2013).
l-aħħar aġġornament 10.08.2014