EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet tan-negozju

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2011/7/UE — il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tipproteġi lin-negozji, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji (SMEs) minn ħlas tard* fi tranżazzjonijiet kummerċjali* billi tiżgura li l-fatturi jitħallsu fil-ħin.
  • Hija tistabbilixxi skedi ta' żmien li fi ħdanhom iridu jitħallsu l-kontijiet u tipprovdi għal penalitajiet finanzjarji jekk dawn ma jiġux osservati.

PUNTI EWLENIN

  • In-negozji jridu jħallsu l-fatturi fi żmien massimu ta' 60 jum sakemm ma jkunx ġie maqbul espressament mod ieħor fil-kuntratt u pprovdut li t-termini ma humiex inġusti għall-aħħar għall-kreditur.
  • L-awtoritajiet pubbliċi jridu jħallsu għall-prodotti u s-servizzi li jixtru fi żmien 30 ġurnata. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, l-iskadenza tista' tiġi estiża għal 60 jum, pereżempju fis-settur tas-saħħa jew għal attivitajiet industrijali jew kummerċjali speċifiċi.
  • Il-kredituri li jkunu ssodisfaw l-obbligi legali u kuntrattwali tagħhom u li ma jkunux tħallsu fi ħdan il-limiti ta' żmien speċifikati huma intitolati għal imgħax u kumpens fuq il-ħlas tard.
  • L-imgħax li għandu jitħallas għandu jkun mill-inqas tmien punti perċentwali 'l fuq mir-rata ta' referenza applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel ir-rati applikabbli disponibbli online. Fil-prattika, dawn jammontaw għal 8-10 % fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE.
  • Il-kredituri huma intitolati għal somma stabbilita minima ta' EUR 40 mingħand id-debituri. Barra minn hekk, huma intitolati għal kumpens għal kwalunkwe spiża raġonevoli li jġarrbu sabiex ikopru d-dejn, bħal spejjeż legali jew għall-impjegar ta' aġenzija għall-ġbir tad-dejn.
  • Il-kredituri huma intitolati għall-imgħax mill-ġurnata ta' wara d-data miftiehma tal-pagament.
  • Meta kuntratt ma jispeċifikax id-data għall-pagament, kreditur huwa intitolat għal imgħax 30 jum wara l-irċevuta tal-fattura, jew, jekk id-data meta waslet il-fattura ma tkunx ċara, japplika l-istess perjodu wara li jkunu ġew provduti l-prodotti jew is-servizzi.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jridu jieħdu miżuri sabiex il-pubbliku jsir konxju tar-rimedji li jeżistu għall-ħlas tard.
  • Sas-16 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Bejn Ottubru 2012 u Novembru 2014, il-Kummissjoni organizzat kampanja ta' informazzjoni dwar il-ħlas tard fl-UE sabiex il-partijiet ikkonċernati jsiru konxji tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Marzu 2011. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali tagħhom sas-16 ta' Marzu 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara Id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Ħlas tard: ħlas li ma sarx fi ħdan il-perjodu statutorju jew kuntrattwali wara li ġew fornuti l-prodotti jew is-servizzi.

* Tranżazzjonijiet kummerċjali: tranżazzjonijiet bejn in-negozji jew bejniethom u l-awtoritajiet pubbliċi li jinvolvu l-ħlas għal prodotti u servizzi.

ATT

Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1–10)

l-aħħar aġġornament 11.02.2016

Top